This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0293
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS On the protection of the financial interests of the European Unionby criminal law and by administrative investigationsAn integrated policy to safeguard taxpayers' money COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS On the protection of the financial interests of the European Unionby criminal law and by administrative investigationsAn integrated policy to safeguard taxpayers' money
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropeapermezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattiviPolitika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropeapermezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattiviPolitika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropeapermezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattiviPolitika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropeapermezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattiviPolitika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti
/* KUMM/2011/0293 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE huwa element importanti fl-aġenda politika tal-Kummissjoni, sabiex tiġi kkonsolidata u msaħħa l-fiduċja pubblika u tingħata assigurazzjoni li l-flus tal-kontribwenti qed jintużaw tajjeb. It-Trattat ta' Lisbona saħħaħ b'mod konsiderevoli l-għodod disponibbli sabiex tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward (l-Artikoli 85, 86 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - TFUE). L-Artikoli 310(6) u 325 TFUE jobbligaw kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha sabiex jiġġieldu kontra kull forma ta' attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. L-UE għandha sett komprensiv ta' għodod sabiex tipprevjeni u taqbad l-abbuż mill-baġit tal-UE. Bħala parti minn approċċ integrat li se jinkludi strateġiji ġodda tal-Kummissjoni kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni, din il-Komunikazzjoni tirrispondi għall-isfida billi tistabbilixxi l-linja li se tiggwida lill-Kummissjoni fil-protezzjoni tal-flus pubbliċi tal-UE kontra kull forma ta' kondotta kriminali, inkluż il-frodi. Il-protezzjoni tal-fondi tal-UE permezz ta' azzjoni legali effettiva u ekwivalenti madwar l-Unjoni trid issir prijorità għall-awtoritajiet nazzjonali. Minbarra sforzi ġenerali sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi komuni speċifiċi dwar il-liġi kriminali, politika integrata għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali u ta' investigazzjonijiet amministrattivi trid tkun konsistenti, kredibbli u effettiva. Huwa biss b'hekk li din tkun tippermetti li dawk responsabbli mill-atti kriminali mwettqa, inkluża l-kriminalità organizzata, ikunu suġġetti għal prosekuzzjoni u jitressqu l-qorti u jkollha effett ta' deterrent fuq dawk li potenzjalment jistgħu jwettqu reati. Il-politika trid tqis ukoll li l-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti sikwit jinvolvi każijiet transkonfinali li jinvolvu ġuriżdizzjonijiet differenti, u dan jitlob il-koperazzjoni attiva ta' awtoritajiet amministrattivi u tal-infurzar tal-liġi differenti. 1. Għalfejn jinħtieġ li naġixxu? Il-varjetà kbira ta' sistemi u tradizzjonijiet legali fl-UE jagħmilha sfida partikolari li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u kull attività kriminali oħra. Filwaqt li r-regoli tal-finanzjament tal-UE qegħdin, bir-raġun, jiġu ssimplifikati[1], il-kapaċità li jiġi miġġieled l-abbuż mill-flus tal-UE jenħtieġ li tkompli tiġi msaħħa wkoll. Dan japplika wkoll għall-pajjiżi li qed ifittxu li jidħlu fl-UE. Il-baġit tal-UE huwa flus tal-kontribwenti li għandhom jintużaw biss għall-implimentazzjoni ta' politiki approvati mil-leġiżlatur tal-UE. Madankollu, fl-2009, l-Istati Membri rrappurtaw EUR 279,8 miljun f'każijiet ta' frodi ssuspettati li jinvolvu fondi tal-UE amministrati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom[2]. Filwaqt li dan huwa biss indikatur tad-dimensjoni finanzjarja tal-isfida, din iċ-ċifra turi li l-isforzi tal-prevenzjoni għandhom jiġu kkumplimentati minn miżuri effettivi u ekwivalenti tal-liġi kriminali. Minkejja l-progress li sar fl-aħħar 15-il sena, il-livell ta' protezzjoni għall-interessi finanzjarji tal-UE mil-liġi kriminali għadu jvarja b'mod konsiderevoli madwar l-Unjoni. Investigazzjonijiet kriminali dwar il-frodi u atti kriminali oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma kkaratterizzati minn qafas legali u proċedurali mhux konsistenti: il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin fl-Istati Membri jiddeċiedu fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali tagħhom stess jekk jintervjenux sabiex jipproteġu l-baġit tal-UE, u, jekk iva, kif jagħmlu dan. Minkejja t-tentattivi sabiex ikunu stipulati standards minimi f'dan il-qasam, is-sitwazzjoni ma nbidlitx b'mod sinifikanti: Il-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u atti relatati[3] li fiha dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet kriminali, - għalkemm mhux kompluta - ġiet implimentata b'mod sħiħ minn ħames Stati Membri biss[4]. Kull meta ssir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iċ-ċittadini kollha, bħala kontribwenti, isiru vittmi u tiġi pperikolata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-frodi u l-korruzzjoni hija prijorità għall-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew konsistentement sejjaħ sabiex din tkun aktar effettiva u kredibbli[5]. Huwa sejjaħ b'mod partikolari għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji kollha għat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Fi ħdan il-Kunsill, intwera appoġġ qawwi għal tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi[6]. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tkompli ssegwi dan l-interess kondiviż b'mod proattiv. Hija se tagħmel dan filwaqt li tibbaża ruħha fuq it-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jistabbilixxi qafas ċar sabiex l-UE ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fil-qasam tal-liġi kriminali. Il-Kummissjoni diġà ħadet diversi inizjattivi f'dan ir-rigward[7]. Il-Kummissjoni se tpoġġi enfasi partikolari fuq l-aspetti tal-komunikazzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi futuri sabiex titkabbar il-kuxjenza tal-professjonijiet legali u, fejn xieraq, dik tal-pubbliku ġenerali dwar dan is-suġġett. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tagħmel ħilitha sabiex kull żvilupp ieħor tal-politika tal-UE jindirizza mill-bidu tiegħu l-ħtieġa tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. 2. X'inhuma l-isfidi tal-politika kriminali? F'Marzu 2011, il-Kummissjoni pproponiet ir-riforma tal-Uffiċċju ta' kontra l-Frodi (OLAF) bħala mezz ta' kif tissaħħaħ l-effikaċja u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet amministrattivi. Sfidi oħra jinkludu kif jingħelbu d-diffikultajiet biex tinkiseb dejta preċiża dwar id-dimensjoni tal-frodi u l-prosekuzzjoni fl-Istati Membri, kif tittejjeb il-koperazzjoni f'każijiet transkonfinali u kif tissaħħaħ l-azzjoni effettiva tal-qorti fil-liġi kriminali. -In-numru ta' każijiet riferuti lill-Eurojust mill-awtoritajiet nazzjonali għall-koordinazzjoni u pariri fir-rigward tal-kriminalità serja kollha żdied b'mod konsistenti sa mill-ħolqien tal-entità fl-2002 (208 każ) sal-2009 (1 372 każ)[8]. Fid-dawl tal-mandat kurrenti tal-Eurojust, dan jagħti indikazzjoni tal-evoluzzjoni tal-każijiet b'dimensjoni transkonfinali. -60% ta' dawk intervistati fi studju riċenti (prosekuturi nazzjonali speċjalizzati fl-interessi finanzjarji) jqisu dimensjoni Ewropea bħala fattur li jfixkel il-każijiet; għalhekk, 54 fil-mija xi kultant jillimitaw l-investigazzjonijiet tagħhom għall-elementi nazzjonali. 40% jaraw diżinċentivi fil-liġi nazzjonali kontra li jitressqu każijiet Ewropej. 37% diġà ddeċidew li ma jikkuntattjawx istituzzjoni tal-UE f'każijiet relevanti, l-aktar minħabba li dan kien jieħu ż-żmien[9]. 3. Protezzjoni mhux suffiċjenti kontra l-abbuż kriminali mill-baġit tal-UE Sa mill-adozzjoni tal-White Paper dwar ir-Riforma tal-Kummissjoni fl-2000[10], il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lill-ġestjoni finanzjarja tajba[11] u saħħet is-sistemi tal-kontroll intern tagħha sabiex tikkumbatti l-frodi. L-inizjattivi inkludew ir-riforma tar-regolamenti tal-persunal fl-2004 (bl-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt tal-interess, u l-obbligu li jiġu rrappurtati attivitajiet potenzjalment illegali, inklużi l-frodi jew il-korruzzjoni lill-ġerarkija jew lill-OLAF[12]) u r-reviżjoni tal-Istandards tal-Kontroll Intern u l-Qafas ta' Bażi fl-2007[13]. B'riżultat ta' dan, l-istrutturi tal-kontroll li hemm bħalissa ma għandhomx biss l-għan li jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iżda għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu r-riskju tal-frodi u l-irregolaritajiet. Dan jinkludi wkoll sett komprensiv ta' strumenti preventivi, dwar il-kontroll, l-awditjar u r-rappurtar, it-twissija bikrija u l-prevenzjoni tal-frodi[14]. Madankollu, huma meħtieġa wkoll mezzi aktar effettivi sabiex jiġu miġġielda l-attivitajiet kriminali a spejjeż tal-baġit tal-UE. L-Istati Membri huma taħt obbligu legali (Artikolu 325 TFUE u l-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji) sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali kontra l-UE u jagħmlu l-frodi kontra l-baġit tal-UE kondotta kriminali punibbli. Fil-preżent, madankollu, il-penali imposti għall-frodi jvarjaw minn multi żgħar sa sentenzi twal ta' ħabs. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri ma tipprovdix b'mod konstistenti għal sanzjonijiet kontra persuni eletti jew appuntanti f'kariga li huma korrotti u kontra uffiċjali korrotti[15]. Din is-sitwazzjoni tfixkel il-protezzjoni ekwivalenti mil-liġi kriminali madwar l-UE u huwa probabbli ħafna li twassal għal eżiti differenti f'każijiet individwali simili, skont id-dispożizzjonijiet kriminali nazzjonali applikabbli. Hija tista' wkoll tippermetti l-possibilità li kriminali jagħżlu fejn joperaw l-attività kriminali, jew imorru post ieħor wara li jwettqu r-reat, ukoll jekk dawn jirrigwardaw biss kondotta fi Stat Membru wieħed. 4. Azzjoni legali mhux suffiċjenti fil-ġlieda kontra l-attività kriminali Fid-dawl tad-dimensjoni tal-kwistjoni finanzjarja kkonċernata, il-protezzjoni tal-baġit tal-UE jixirqilha investigazzjoni u prosekuzzjoni aktar frekwenti u aktar bir-reqqa mill-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. Dan mhux kompitu faċli, billi l-kriminalità a spejjeż tal-flus pubbliċi tal-UE ta' sikwit tinvolvi investigazzjoni u proċedimenti transkonfinali f'diversi Stati Membri. Taħt il-qafas kurrenti, dawn l-investigazzjonijiet kriminali huma f'idejn is-servizzi tal-prosekuzzjoni tal-Istati Membri individwali li jaġixxu skont il-liġi kriminali rispettiva tagħhom. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux dejjem jidhru li għandhom mezzi legali suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħhom, flimkien ma' strutturi xierqa, sabiex iwettqu prosekuzzjoni adegwata ta' każijiet li jaffettwaw l-UE. Dan japplika wkoll għall-pajjiżi tal-adeżjoni. Id-differenzi fil-qafas legali tal-Istati Membri u l-barrieri operattivi u organizzattivi li jirriżultaw għall-investigazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-UE jfissru li l-interessi finanzjarji tal-UE mhumiex protetti b'mod ekwivalenti madwar l-UE fir-rigward tal-liġi kriminali. Ir-rata ta' kundanni f'każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-UE hija influwenzata b'mod pożittiv mis-serjetà u s-solidità tal-każijiet mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-kwalità u l-adegwatezza tal-evidenza pprovduta, iżda madankollu huwa ta' min isemmi li din tista' tvarja minn 14% sa 80% fl-Istati Membri (il-medja hija ta' 41%)[16]. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ma jiftħux investigazzjonijiet kriminali b'mod sistematiku fuq rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. F'xi każijiet, huwa diffiċli li wieħed isib il-mottiv speċifiku għal dan in-nuqqas ta' azzjoni. Minbarra dan, bosta drabi, każijiet li jinvolvu frodi kontra l-baġit tal-UE huma suġġetti għal eżami sommarju u ma tittieħed l-ebda azzjoni oħra dwarhom[17]. Dan iwassal għal nuqqas ta' ekwivalenza fil-protezzjoni permezz tal-liġi kriminali madwar l-Unjoni. F'ċertu numru ta' każijiet li jinvolvu l-frodi kontra l-baġit tal-UE, l-awtoritajiet investigattivi kriminali nazzjonali jżommu lura milli jiftħu investigazzjonijiet (u jirreferu għal raġunijiet ta' diskrezzjoni bħan-nuqqas ta' interess pubbliku jew prijorità baxxa). Investigazzjonijiet kriminali li jinvolvu bosta Stati Membri għandhom it-tendenza li jkunu twal[18] u suġġetti għal standards differenti dwar il-provi u b'hekk tonqos il-probabbiltà ta' kundanna. Mill-2000, 93 minn total ta' 647 każ tal-OLAF twarrbu mis-servizzi nazzjonali tal-prosekuzzjoni għall-ebda raġuni speċifika. 178 każ ġew miċħuda għal raġunijiet ta' diskrezzjoni. Filwaqt li seta' kien hemm raġunijiet tajbin sabiex isir dan f'każijiet individwali, dawn iċ-ċifri jindikaw rata ta' għeluq pjuttost għolja. Proċedimenti kriminali twal, partikolarment meta dawn wara jitwaqqgħu, ukoll jistgħu jdewmu b'mod sostanzjali s-sanzjonijiet dixxiplinari, billi f'każijiet li jinvolvu l-persunal tal-UE, wieħed irid jistenna l-eżitu tal-prosekuzzjonijiet kriminali għall-istess fatti[19]. Ġeneralment, ikun meħtieġ perjodu ta' ħames snin sabiex tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja wara li l-OLAF ikun fetaħ fajl. Minbarra dan, ir-regoli dwar il-limitazzjoni taż-żmien ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. 5. Ir-raġunijiet għan-nuqqasijiet f'dan il-qasam tal-kriminalità Dawn in-nuqqasijiet jirriżultaw parzjalment mill-varjetà ta' tradizzjonijiet u sistemi legali li jwasslu għal prattiki ġudizzjarji diverġenti bejn l-Istati Membri. Madankollu, nuqqasijiet konkreti ħafna fil-kwalità tal-ġustizzja – li l-Unjoni tista' ssewwi, huma involuti wkoll: 6. Ma jeżistux kundizzjonijiet komuni ugwali għal kulħadd fil-liġi kriminali Dawn l-isfidi jikxfu nuqqasijiet fl-oqfsa legali nazzjonali għall-protezzjoni tal-flus pubbliċi. Ir-regoli tal-UE, imxekkla kif inhuma mit-traspożizzjoni mhux sħiħa u mhux adegwata tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, ftit għandhom impatt. Għaldaqstant, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati membri jużaw l-għodod tradizzjonali tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità kontra l-baġit tal-UE: hemm modi differenti kif tiġi ffaċċjata l-istess realtà. Dan ftit li xejn huwa xieraq għall-każijiet kumplessi li min-natura tagħhom imorru lil hinn mill-kuntest nazzjonali u jitolbu aktar minn rispons nazzjonali. L-analiżi tal-attività ġudizzjarja ta' Stat Membru wieħed f'każijiet imressqa mill-OLAF turi li hemm nuqqas ta' ekwivalenza fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali. F'dan l-Istat Membru speċifiku, f'73% tal-każijiet ta' investigazzjoni esterna, l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda azzjoni ulterjuri u qatt ma nfetħet l-ebda investigazzjoni kriminali fir-rigward ta' 62% tal-każijiet tal-OLAF. Minkejja tentattivi preċedenti sabiex jiġu approssimati r-regoli tal-UE[20], għad hemm differenzi konsiderevoli fil-liġijiet tal-Istati Membri. - Hemm varjazzjoni kbira madwar l-Unjoni fid-definizzjonijiet tar-reati kriminali relevanti, bħas-serq ta' flus pubbliċi jew l-abbuż tal-poter, fis-sanzjonijiet li huma marbuta ma' dawn ir-reati, u fil-limitazzjonijiet taż-żmien għar-reati kriminali. Billi dan jirriżulta f'li xi każijiet ta' kondotta mhux xierqa jkunu kompletament mhux koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali f'xi Stati Membri, jew li jkunu koperti biss b'dispożizzjonijiet aktar dgħajfa, il-livell ta' deterrent ivajra madwar l-Unjoni. - Il-kunċett ta' uffiċjal pubbliku fir-rigward tar-regoli ta' kontra l-korruzzjoni jvarja. Dan iwassal għal każijiet ta' impunità f'xi Stati Membri, filwaqt li f'oħrajn il-kundanna ta' individwu għall-istess aġir tkun twassal għal sanzjoni penali u t-tneħħija mill-kariga pubblika. - Filwaqt li f'xi Stati Membri l-kapijiet tal-impriżi u l-persuni legali jistgħu jinżammu kriminalment responsabbli għal kondotta kriminali f'isem il-kumpanija, f'oħrajn dan ma jistax isir. Din is-sitwazzjoni twassal għal dak li jissejjaħ "forum shopping". L-OLAF ta' sikwit huwa kkonfrontat bi problema rikorrenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunflitt ta' interessi[21]. L-investigazzjonijiet juru li f'xi Stati Membri l-benefiċjarju ta' akkwist pubbliku jista' jipparteċipa fit-tfassil ta' sejħa pubblika għall-offerti mingħajr ma jwettaq reat kriminali. Is-sanzjonijiet għal dan l-aġir ikollhom jiddependu fuq reat kriminali bħall-korruzzjoni. Filwaqt li diġà saru sforzi sabiex tiġi rrimedjata din il-frammentazzjoni, il-limitazzjonijiet ta' dak li kien il-qafas legali tal-Unjoni, li kien ikopri biss parti mil-liġi kriminali, għamilha diffiċli għall-Unjoni sabiex tiżviluppa għażliet legali kredibbli biżżejjed. Ħmistax-il sena wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u b'riżultat ta' implimentazzjoni mhux sħiħa fl-Istati Membri, inkonsistenzi u loopholes fil-liġijiet kriminali u proċedurali applikabbli jfixklu l-azzjoni effettiva fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u dan jippermetti li xi reati kriminali ma jiġux ikkastigati f'xi Stati Membri. 7. Koperazzjoni mhux suffiċjenti bejn l-awtoritajiet Billi l-ħarsien tal-baġit tal-UE ta' sikwit iġib miegħu l-investigazzjoni ta' każijiet transkonfinali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet barra l-pajjiż, in-nuqqasijiet fil-mekkaniżmi tal-koperazzjoni jidhru ċari: 8. Limiti għall-assistenza legali Il-kumplessità tal-proċeduri tnaqqas in-numru ta' każijiet fejn imqar tintalab l-assistenza legali. Dan huwa l-każ, pereżempju, fl-irkupru tal-assi, inklużi regoli dwar l-iffriżar u l-konfiska li jiffurmaw element essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi. L-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri jistgħu jeżitaw milli jagħtu bidu għal dawn il-miżuri, minħabba l-kumplessità tagħhom, it-tul tal-proċeduri assoċjati mar-regoli tal-assistenza legali reċiproka u l-inċertezza dwar jekk l-isforzi jkunux iġġustifikati mir-riżultati, partikolarment fejn jidħlu każijiet transkonfinali. Ukoll meta tintalab l-assistenza legali reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri, din ta' sikwit ma tiġix segwita b'ħeffa suffiċjenti. F'xi każijiet ta' korruzzjoni u frodi, l-azzjonijiet kriminali ilhom pendenti għal bosta snin minn mindu ġew irrappurtati għall-ewwel darba mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Dan id-dewmien twil huwa dovut l-aktar għat-tul tal-proċeduri tal-assistenza legali reċiproka u n-nuqqas ta' tmexxija tal-prosekuzzjonijiet fil-livell tal-UE. 9. Provi mhux użati Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi tal-UE ta' sikwit jibqgħu ma jintużawx mill-qrati kriminali nazzjonali minħabba regoli proċedurali restrittivi li jinkludu limiti fuq l-użu tal-provi miġbura f'ġuriżdizzjoni barranija. F'xi okkażjonijiet, l-użu ta' dawn il-provi ma jitqiesx bħala suffiċjenti sabiex jinfetħu investigazzjonijiet kriminali. 10. Ir-restrizzjoni tal-prosekuzzjoni għal każijiet domestiċi Il-prosekuzzjoni suffiċjenti tal-każijiet ma sseħħx meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhomx l-awtorità sabiex jinvestigaw sitwazzjonijiet ta' frodi li jinvolvu ġrajjiet, persuni suspettati u vittmi li huma barra mill-pajjiż, inkluż meta l-preġudizzju ma jkunx għall-baġit nazzjonali iżda għal dak tal-UE. Xi awtoritajiet nazzjonali jipprosegwixxu biss każijiet fejn l-interessi relevanti tal-UE huma kompromessi esklussivament fuq it-territorju tagħhom. F'każ wieħed tal-Eurojust li kien jinvolvi bosta Stati Membri u pajjiżi mhux tal-UE, suspett ta' evażjoni mifruxa tad-dwana (li tiswa aktar minn EUR 1 miljun) ma ġie prosegwit mill-ebda waħda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri involuti. F'każ ieħor tad-dwana, l-ebda soluzzjoni prattika ma setgħet tinstab fir-rigward tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru u r-rifjut min-naħa tad-dwana li jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' koordinazzjoni tal-OLAF. Ir-rifjut ta' koperazzjoni kien dovut għal interpretazzjoni riġida tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetenza ġudizzjarja. 11. Poteri investigattivi mhux suffiċjenti L-OLAF iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, u l-korp ta' koperazzjoni ġudizzjarja Eurojust jappoġġja lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri billi jipprovdi koordinament u pariri, dwar kriminalità serja inkluża l-ġlieda kontra l-frodi. Iż-żewġ korpi tal-UE jistgħu jkollhom rwol aktar attiv fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni: - ir-riforma tal-OLAF sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tiegħu tinsab għaddejja. Hija għandha wkoll tirrinforza l-kapaċità tal-OLAF billi tikkonċentra l-attivitajiet tiegħu fuq il-każijiet ta' prijorità u tagħtih il-mezzi legali adegwati sabiex iwettaq l-investigazzjonijiet amministrattivi. Madankollu, il-liġijiet u l-prattiki differenti tal-proċedura kriminali fl-Istati Membri jirriżultaw f'rispons mhux konsistenti madwar l-Unjoni. - Il-Eurojust bħalissa qed tiffaċċja limitazzjonijiet fir-rigward tat-tmexxija tal-prosekuzzjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Ir-riforma tal-2008 tagħha ma aġġornatx il-kompiti u l-istruttura tagħha b'mod konsistenti mal-ambizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat ta' Lisbona. Fil-preżent, il-Eurojust la hi kapaċi tinizja investigazzjonijiet kriminali u lanqas tipprosegwixxi atti kriminali waħedha. 12. Għodod ġodda għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE introdotti mit-Trattat ta' Lisbona It-Trattat ta' Lisbona jagħti lill-Unjoni kompetenzi msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. L-Unjoni ħadet l-ewwel passi bl-adozzjoni tal-Programm ta' Stokkolma[22] u wkoll fi ħdan il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2011[23]. Erba' mezzi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE : (i) Miżuri dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (Artikolu 82). (ii) Direttivi li fihom regoli minimi tal-liġi kriminali (Artikolu 83). (iii) Leġiżlazzjoni dwar il-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Artikoli 310(6), 325(4)). (iv) L-Artikolu 85 jippermetti l-għoti ta' kompetenzi investigattivi lill-Eurojust u l-Artikolu 86 jippermetti t-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) mill-Eurojust sabiex jiġġieled kontra l-atti kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jekk il-liġi kriminali, inklużi definizzjonijiet żviluppati aktar ta' reati u regoli minimi dwar is-sanzjonijiet, titqies bħala neċessarja sabiex jinkiseb l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-baġit tal-UE, ikollhom jiġu osservati ċerti prinċipji ta' gwida: L-ewwel nett, hija għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fiha bosta dispożizzjonijiet relevanti fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali bħad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipju tal-legalità, il-protezzjoni tad-dejta personali u l-projbizzjoni ta' proċessi doppji għall-istess reat. Dawn huma speċifikati aktar permezz tal-leġiżlazzjoni (pereżempju dwar il-protezzjoni tad-dejta[24]). Proposti futuri tal-Kummissjoni se jkunu suġġetti għal valutazzjoni fil-fond tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali[25]. It-tieni nett, fid-dawl tal-approċċi differenti għal-liġi kriminali fl-Istati Membri, trid tingħata attenzjoni partikolari għall-valur miżjud li l-approssimazzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali se ġġib għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. It-tielet, se ssir riflessjoni dwar it-tisħiħ tar-rwol li l-korpi fuq il-livell tal-Unjoni, inklużi l-OLAF, il-Eurojust u – alternattivament jew kumulattivament – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew possibbli, jista' jkollhom fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-assistenza aħjar f'każijiet ta' atti kriminali a spejjeż tal-flus pubbliċi UE. L-Unjoni Ewropea tinsab f'salib it-toroq. Trid issir ħidma fuq tliet livelli: proċeduri (4.1), liġi kriminali sostantiva (4.2) u aspetti istituzzjonali (4.3). 13. It-tisħiħ tal-proċeduri kriminali u amministrattivi L-ewwel pass se jkun li ssir eħfef għall-prosekuturi u l-imħallfin madwar l-Unjoni sabiex jiġġieldu kontra l-frodi, ukoll jekk min iwettaqha jkun jinsab f'pajjiż ieħor, u dan se jkompli jibni fuq strumenti eżistenti, bħan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'Affarijiet Kriminali u n-Netwerk tat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew. L-irkupru tal-assi għandu rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Ta' sikwit, il-biża' li jintilfu l-assi miksuba illegalment hija akbar mill-biża' mis-sanzjoni kriminali nnifisha. Minbarra dan, huwa ġust li l-flus pubbliċi mitlufa minħabba attivitajiet kriminali jerġgħu jkunu għal darba oħra disponibbli għall-azzjoni pubblika meta jinstabu. Kif talab il-programm ta' Stokkolma[26], il-Kummissjoni qed tħejji proposta leġiżlattiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Il-Kummissjoni diġà pproponiet, fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, li l-ammonti riċevibbli mill-Unjoni ma għandhomx jiġu trattati b'mod anqas favorevoli minn intitolamenti ta' korpi pubbliċi fl-Istati Membri fejn ikun sar il-proċediment ta' rkupru[27]. Filwaqt li jeżistu l-bażijiet għall-iskambju bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji, dan għadu mhux il-każ għall-iskambji trażversali tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, id-dwana u t-taxxa, il-ġudikatura u awtoritajiet oħrajn kompetenti. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrimedja din is-sitwazzjoni billi tissostitwixxi l-proposta tagħha tal-2004[28] dwar l-assistenza amministrattiva għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji. Il-fiduċja reċiproka tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi tiġi mrawma jekk ikunu japplikaw standards proċedurali ekwivalenti. Dan jipprovdi bażi msaħħa sabiex jiġi żgurat li l-provi meħuda fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE huma reċiprokament rikonoxxuti mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjoni leġiżlattiva sabiex tiżgura l-valur bħala prova tar-rapporti investigattivi tal-OLAF, u wkoll dwar miżuri oħra li jistgħu jiffaċilitaw il-ġbir tranżnazzjonali tal-provi. 14. It-tisħiħ tal-liġi kriminali sostantiva Il-liġi kriminali hija pedament tal-azzjoni tal-UE fil-prevenzjoni tal-ħsara għall-baġit tal-UE u l-ġlieda kontriha. Minħabba l-loopholes li fadal fil-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, u l-implimentazzjoni ħażina tagħha, se titħejja inizjattiva dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u din se tieħu post il-proposta pendenti tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji mil-liġi kriminali[29]. Kwalunkwe miżura ġdida għandha tiggarantixxi konsistenza u ġustizzja fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali li jirrigwardaw il-frodi, u dan għandu jiddependi b'mod partikolari fuq il-mod kif isir ir-reat. Bħala parti mill-miżura, għandhom jiġu kkunsidrati definizzjonijiet ta' reati ewlenin addizzjonali, inkluż is-serq ta' flus pubbliċi u l-abbuż tal-poter, sal-punt relevanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-limitazzjoni taż-żmien se tkun ukoll analizzata aktar sabiex jittejbu r-riżultati tal-investigazzjonijiet kriminali. Din il-proposta tista' tinkludi, safejn relevanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, regoli aktar sistematiċi dwar min jgħin, jistiga, jagħmel tentattiv kif ukoll dwar l-intenzjoni u n-negliġenza. Hija tista' wkoll tistabbilixxi regoli aktar ċari dwar ir-responsabbiltà kriminali ta' dawk li għandhom karigi appuntati jew eletti, u ta' persuni legali fir-rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji. 15. Qafas istituzzjonali msaħħaħ Kull miżura tal-UE fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u tal-ġlieda kontriha, li jkollha l-għan li tagħti protezzjoni effettiva u ekwivalenti madwar l-Unjoni titlob valutazzjoni jekk l-UE hix mgħammra b'mod adegwat bi strutturi li jaffaċċjaw it-theddid kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Għal dan l-għan, u f'konsistenza mat-Trattat ta' Lisbona, se ssir analiżi bir-reqqa dwar il-modi li bihom l-istrutturi Ewropej jenħtieġ li jiġu msaħħa sabiex jittrattaw il-miżuri tal-investigazzjonijiet kriminali: - Il-kapaċitajiet tal-Eurojust jenħtieġ li jiġu mmodernizzati, u din possibilment għandha tingħata l-poteri li tagħti bidu, fuq l-inizjattiva tagħha stess, għal investigazzjonijiet kriminali fl-attivitajiet kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni[30]. - Madankollu, awtorità speċjalizzata tal-prosekuzzjoni Ewropea bħal Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tista' tikkontribwixxi sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd bl-applikazzjoni ta' regoli komuni dwar il-frodi u reati oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod konsistenti u omoġenju, u bl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qorti tal-persuni li jwettqu reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew li huma kompliċi fihom[31]. - L-OLAF bħalissa jinsab għaddej minn riforma għat-tisħiħ tal-effikaċja u l-effiċjenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tiegħu. L-OLAF bħalissa huwa l-uniku korp investigattiv tal-UE fdat bil-kompitu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE. Għandu jiġi kkunsidrat kif ir-rwol tal-OLAF jista' jiġi adattat fi struttura istituzzjonali ġdida, u tiġi ċċarata l-interazzjoni bejn il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi. Il-viżjoni tagħna għall-2020: nieħdu l-miżuri neċessarji, fil-liġi kriminali u amministrattiva, sabiex nimminimizzaw l-attivitajiet kriminali a spejjeż tal-baġit tal-UE Politika ta' tolleranza żero għall-frodi kontra l-UE titlob li nistabbilixxu miżuri adegwati sabiex ikun hemm prosekuzzjoni konsistenti madwar l-Unjoni ta' atti ta' frodi. L-Unjoni għandu jkollha l-mira li tilħaq livell ta' protezzjoni effettiv, proporzjonat u dissważiv tal-interessi finanzjarji tagħha permezz ta' proċeduri u sanzjonijiet kriminali rapidi madwar l-Unjoni, b'mod li jiżdied l-effett ta' deterrent tagħhom. Għal dan il-għan, il-flus tal-kontribwenti jridu jiġu protetti b'mod ekwivalenti madwar l-Unjoni permezz ta' prosekuzzjoni kriminali msaħħa, li ma tiqafx fuq il-fruntieri nazzjonali, u permezz ta' regoli minimi komuni tal-liġi kriminali, bl-użu sħiħ tal-opportunitajiet li hemm imnaqqxa fit-Trattat ta' Lisbona. [1] Is-simplifikazzjoni ġiet identifikata bħala prijorità ewlenija għar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-UE - COM(2010) 815, 22.12.2010. [2] COM(2010) 382, p. 6. Din iċ-ċifra tirreferi għal stadju bikri wara l-ftuħ tal-investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet fejn ikun hemm l-ewwel suspett ta' reat kriminali. Din iċ-ċifra ma tistax titqies li tirreferi għal każijiet ta' frodi fejn kien hemm kundanna, u lanqas ma tfisser li l-ammont involut mhuwiex rikuperabbli. [3] Il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995, (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49) (frodi); L-Ewwel Protokoll (ĠU C 313, 23.10.1996, p. 2) u l-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1997 (ĠU C 195, 25.6.1997) (korruzzjoni); Il-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 (ĠU C 151, 20.5.1997, p. 2) (l-interpretazzjoni tal-qorti); It-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 (ĠU C 221, 19.7.1997, p. 12) (ħasil tal-flus). [4] L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji - COM(2004)709; It-Tieni Rapport – COM(2008) 77, li jistabbilixxi fl-anness il-kwistjonijiet konkreti tal-implimentazzjoni li nstabu fl-Istati Membri, bħad-differenzi sinifikattivi fir-rigward tal-ambitu tar-reati tal-frodi u l-korruzzjoni, flimkien ma' nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet tal-qafas tal-UE. [5] Pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Mejju 2010, 2009/2167(INI), u tas-6 ta' April 2011, 2010/2247(INI), dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi. [6] Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni - l-14 ta' April 2005; konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew organizzat mill-Presidenza Spanjola (L-ewwel semestru 2010), u d-dikjarazzjoni tal-Presidenza Belġjana (it-tieni semestru 2010) dwar il-Programm ta' Stokkolma. [7] Ara b'mod partikolari l-Green Paper dwar il-ksib tal-provi f'materji kriminali, COM(2009)624, u l-miżuri dwar id-drittijiet proċedurali, bħad-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1, jew il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-dritt tal-informazzjoni fil-proċedimenti kriminali, COM(2010)392/3. [8] Ara r-Rapport Annwali tal-Eurojust 2009, Anness, Figura 1, p. 50. [9] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEG(2011) 621. [10] Ara l-White Paper dwar ir-Riforma tal-Kummissjoni COM(2000)200 [11] Ara l-Art. 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p.1). [12] Ir-Regolamenti tal-Persunal – ir-Regolament (KEE) 31/62 kif emendat. [13] Ara l-Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Istandards tal-Kontroll Intern u l-Qafas ta' Bażi - It-Tisħiħ tal-Effikaċja tal-Kontroll SEC(2007)1341 [14] Għodod istituzzjonali dwar il-kontroll, il-verifika, ir-rappurtar (Regolament (KE) Nru 2035/2005 – ĠU L 345, 28.12.2005; ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 – ĠU L 371, 27.12.2006; ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 – ĠU L 223, 15.8.2006; ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1553/89 – ĠU L 155, 7.6.1989; Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 – ĠU L 130, 31.5.2000), twissija bikrija (Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2004) 193 u C(2008) 3872, prevenzjoni tal-frodi (Prevenzjoni tal-frodi permezz ta' bini fuq ir-riżultati operattivi: approċċ dinamiku għall-prevenzjoni tal-frodi - COM(2007) 806). [15] Il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri mhux dejjem jistipulaw sanzjonijiet għall-korruzzjoni ta' persuni eletti u l-membri parlamentari. Ara wkoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEG(2011)621, tabelli komparattivi tal-liġijiet fit-taqsima 3.1. [16] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEG(2011) 621, it-Tabella 2.2.a u t-Tabella 2.2.c li juru li ċerti Stati Membri għandhom rati għolja ta' kundanni, filwaqt li, fi Stati Membri oħra, ir-rati tal-kundanni huma baxxi ħafna. [17] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEG(2011) 621, it-Tabella 2.2.a u t-Tabella 2.2.c li juru l-perċentwali tal-azzjonijiet mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u miċħuda qabel il-proċess quddiem il-qorti. [18] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SEG(2011) 621, it-Tabella 2.2.a: statistika tal-aħħar 12-il sena dwar azzjonijiet li dwarhom għadhom pendenti deċiżjonijiet ġudizzjarji meta mqabbla ma' azzjonijiet b'deċiżjoni ġudizzjarja turi diskrepanzi importanti bejn l-Istati Membri. [19] L-Anness IX, l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Persunal tal-UE. [20] Ara pereżempju, il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni mil-liġi kriminali tal-interessi finanzjarji - COM(2001) 272, kif emendata b'COM(2002) 577. Dan huwa veru minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi, bħad-Direttiva 2004/17/KE dwar is-swieq tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tal-posta (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1). [21] Ara l-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-akkwisti pubbliċi tal-UE - COM(2011) 15, taqsima 5. [22] ĠU C 115, 4.5.2010 p. 1 (pereżempju fir-rigward ta' orjentazzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-irkupru tal-assi, punt 4.4.5). [23] COM(2010) 623 (pereżempju l-istrateġija ta' kontra l-frodi jew il-leġiżlazzjoni tal-OLAF, ara n-nru 32 tal-Anness I u n-nru 81 tal-Anness II). [24] Id-Direttiva 95/46/KE (għall-Istati Membri) (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31), u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 (għall-istituzzjonijiet tal-UE) (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1). [25] Ara l-istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali - COM(2010) 573. [26] ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1, taqsima 4.4.5. [27] COM(2010) 815, Artikolu 79. [28] COM(2004)509 kif emendata minn COM(2006)473. [29] COM(2001)272 kif emendata minn COM(2002)577. [30] L-Artikolu 85 TFUE. [31] L-Artikolu 86 TFUE.