Sistema ta’ tassazzjoni komuni applikabbli fil-każ ta’ kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika fil-każ ta’ kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- L-għan ta’ din id-direttiva, li normalment tissejjaħ id-direttiva dwar kumpaniji prinċipali-sussidjarji, huwa li jiġu eżentati d-dividendi u tqassim ta’ profitti oħra mħallsin minn kumpaniji sussidjarji lill-kumpanija prinċipali tagħhom mit-taxxi minn ras il-għajn, u li tiġi eliminata t-taxxa doppja ta’ tali introjtu fil-livell tal-kumpanija prinċipali.
- Din hija sistema komuni maħsuba biex tiffaċilita r-raggruppament ta’ kumpaniji minn madwar l-Unjoni Ewropea (UE), bil-għan li jkun żgurat li s-suq intern tagħha jiffunzjona b’mod effettiv.
PUNTI EWLENIN
Tipi ta’ kumpaniji affettwati
- It-tipi ta’ kumpaniji affettwati huma kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, ċerti kooperattivi, kumpaniji reċiproċi, banek tat-tfaddil, fondi, kumpaniji Ewropej u soċjetajiet kooperattivi Ewropej.
- Dawn il-kumpaniji ma jridx ikollhom id-domiċilju fiskali tagħhom barra l-UE u jridu jkunu soġġetti għat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet mingħajr il-possibbiltà ta’ għażla u mingħajr ma jkunu eżentati.
- L-istatus ta’ kumpanija prinċipali huwa attribwit lil kumpanija minn Stat Membru tal-UE li jkollha investiment minimu ta’ 10 % fil-kapital ta’ kumpanija minn Stat Membru ieħor.
Ir-riċeviment tal-qligħ
- Kumpanija prinċipali jew stabbiliment permanenti għandu l-possibbiltà li jirċievi l-qligħ, anki lil hinn mill-perjodu ta’ likwidazzjoni. F’dan il-każ, l-Istat Membru tal-kumpanija prinċipali jew tal-istabbiliment permanenti ma għandux jintaxxa dawn il-profitti jew għandu jintaxxahom filwaqt li jawtorizza lill-kumpanija prinċipali u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont tat-taxxa dovuta dik il-parti tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet relatata ma’ dan il-qligħ u mħallsa mis-sussidjarja u kwalunkwe sussidjarja fi skala iktar baxxa.
- Bħala sforz biex il-kumpaniji transkonfinali ma jitħallewx jiskedaw il-pagamenti tagħhom fi ħdan il-grupp sabiex jibbenefikaw min-nontassazzjoni doppja, l-Istat Membru tal-kumpanija prinċipali jew tal-istabbiliment permanenti għandu jintaxxa l-qligħ riċevut, diment li dan il-qligħ ikun jista’ jitnaqqas mis-sussidjarja.
- L-Istati Membri għad għandhom l-għażla li jipprovdu li kull spiża li jkollha x’taqsam mal-investiment u kull telf tal-kapital li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpanija sussidjarja ma jkunux jistgħu jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli tal-kumpanija prinċipali.
- Il-qligħ imqassam minn sussidjarja lill-kumpanija prinċipali tagħha huwa eżentat mit-taxxa minn ras il-għajn. Bl-istess mod, l-Istat Membru tal-kumpanija prinċipali ma jistax jimponi t-taxxa minn ras il-għajn fuq il-qligħ li din il-kumpanija tirċievi mingħand is-sussidjarja tagħha. Madankollu, din ir-regola ma tikkonċernax il-ħlas minn qabel jew il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet lill-Istati Membri fejn tinsab is-sussidjarja, li jsir b’rabta ma’ tqassim tal-qligħ lill-kumpanija prinċipali tagħha.
Regola kontra l-evitar
Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2015/121 tinkorpora r-regoli kontra l-evitar fi ħdan id-Direttiva 2011/96/UE biex ma tħallix li dawn jintużaw b’mod ħażin rigward evażjoni tat-taxxa, frodi tat-taxxa jew prattiċi ta’ abbuż. Dawn huma maħsuba biex iservu l-għan li jindirizzaw arranġament jew serje ta’ arranġamenti li mhumiex ġenwini, jiġifieri li ma jirreflettux ir-realità ekonomika.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
- Id-Direttiva 2011/96/KE ilha tapplika mit-18 ta’ Jannar 2012 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sa din id-data.
- Id-Direttiva emendatorja (UE) 2015/121 ilha tapplika mis-17 ta’ Frar 2015 u kellha ssir liġi fil-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2015.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2011/96/UE tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (riformulazzjoni) (ĠU L 345, 29.12.2011, pp. 8–16).
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/96/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
l-aħħar aġġornament 23.02.2022