Klassifikazzjoni, imballaġġ u tikkettar ta’ sustanzi kimiċi u ta’ taħlitiet

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 — il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’sustanzi u ta’ taħlitiet

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-klassifikazzjoni, għat-tikkettar u għall-imballaġġ (CLP) ta’ sustanzi kimiċi u ta’ taħlitiet skont is-Sistema globalment armonizzata (GHS) tan-Nazzjonijiet Uniti. Jeħtieġ li l-kumpaniji jikklassifikaw, jittikkettaw u jimballaw sustanzi kimiċi perikolużi kif xieraq qabel ma jqegħduhom fis-suq.

L-oqsma ewlenin mhux koperti minn dan ir-regolament huma: sustanzi u taħlitiet radjuattivi, kożmetiċi, mediċini u ċertu tagħmir mediku, ikel u t-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

PUNTI EWLENIN

Klassifikazzjoni

Is-sustanzi u t-taħlitiet huma kklassifikati fi klassijiet speċifiċi tal-periklu (tip ta’ periklu) u f’kategoriji speċifiċi tal-periklu (livell ta’ periklu):

L-Anness I jistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni u għat-tikkettar ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet perikolużi.

Tikkettar

Is-sustanzi u t-taħlitiet għandhom jiġu ttikkettati bl-informazzjoni sussegwenti:

Imballaġġ

L-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet perikolużi jrid:

F’xi każijiet, hemm bżonn qafliet reżistenti għat-tfal u twissijiet li jintmessu.

Armonizzazzjoni

L-industrija għandha tilħaq kunsens dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kollha (klassifikazzjoni tagħha nnifisha). Madankollu, għal perikli partikolarment serji, (eż. għal sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni), l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jipproponu klassifikazzjonijiet armonizzati li l-Kummissjoni Ewropea mbagħad tagħmilhom obbligatorji bil-liġi.

Notifika

Il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta’ kwalunkwe sustanza reġistrata jew perikoluża ta’ REACH għall-bejgħ iridu jiġu notifikati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għall-inklużjoni fl-inventarju tal-klassifikazzjoni u tat-tikkettar li l-Aġenzija taġġorna b’mod regolari.

Sottomissjonijiet ta’ informazzjoni għal ċentri ta’ avvelenament

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi appuntati (komunement magħrufa bħala ċentri ta’ avvelenament) biex jirċievu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta’ taħlitiet perikolużi (deterġenti, żebgħa, adeżivi, eċċ.). Fornituri ta’ prodotti kimiċi perikolużi għandhom jipprovdu informazzjoni liċ-ċentri nazzjonali ta’ avvelenament għal reazzjonijiet tas-saħħa f’emerġenza.

Annessi

Ir-regolament għandu tmien annessi:

Reviżjonijiet għar-regolament

Mill-adozzjoni tiegħu fl-2008, ir-regolament ġie emendat kważi fuq bażi annwali, fejn il-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi ġew aġġornati permezz ta’ adattament għall-progress tekniku (ATP). Il-Kummissjoni adottat ATP wara l-opinjoni xjentifika tal-Kumitat dwar l-Assessjar tar-Riskju ta’ ECHA. Tibdiliet oħrajn lit-test legali jistgħu wkoll jiġu implimentati permezz ta’ ATP, bħal dawk li jimplimentaw emendi tal-GHS u ż-żieda tal-Anness VIII għar-regolament (ara wkoll il-verżjoni konsolidata tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008). Ħafna mill-emendi li saru huma relatati mal-annessi tar-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu tjapplika mill-20 ta’ Jannar 2009. Beda japplika b’mod obbligatorju għas-sustanzi mill-1 ta’ Diċembru 2010 u għat-taħlitiet mill-1 ta’ Ġunju 2015.

SFOND

Ir-regolament jissupplimenta s-sistema REACH għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi. Jissostitwixxi u jirrevoka d-Direttiva 67/548/KEE dwar is-sustanzi kimiċi u d-Direttiva 1999/45/KE dwar il-preparazzjonjijiet perikolużi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-ttikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, pp. 1–1355).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet (ĠU L 65, 5.3.2014, pp. 1-7).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 440/2010 tal-21 ta’ Mejju 2010 dwar il-ħlasijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’taħlitiet (ĠU L 126, 22.5.2010, pp. 1-5).

l-aħħar aġġornament 31.07.2023