Brussell, 24.2.2021

COM(2021) 82 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima - L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

{SEC(2021) 89 final} - {SWD(2021) 25 final} - {SWD(2021) 26 final}


1.Ir-realtà tal-impatti tat-tibdil fil-klima – il-ħtieġa li naġixxu ISSA

It-tibdil fil-klima qed iseħħ illum, u għalhekk irridu noħolqu ġejjieni aktar reżiljenti. Id-dinja għadha kif ikkonkludiet l-aktar deċennju sħun irreġistrat li matulu r-rekord għas-sena l-aktar sħuna nqabeż tmien darbiet. In-nies, il-pjaneta u l-prosperità huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, u għalhekk jeħtieġ li nevitaw dak li ma nistgħux nadattaw u nadattaw għal dak li ma nistgħux nevitaw 1 . U rridu nagħmlu dan aktar malajr, u b’mod aktar intelliġenti u sistemiku. L-effetti severi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa u l-benesseri soċjoekonomiku tagħna huma twissija qawwija tal-perikli ta’ tħejjija insuffiċjenti. L-għażliet li nagħmlu llum iridu joħolqu dinja aħjar.

Il-waqfien tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kollha xorta ma jipprevjenix l-impatti klimatiċi li diġà qed iseħħu. Dawn se jkomplu għal għexieren ta’ snin, anke jekk l-isforzi globali u Ewropej biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jkunu effettivi. Anke t-tnaqqis temporanju drastiku fl-emissjonijiet, bħal dawk ikkawżati mill-kriżi finanzjarja tal-2008 jew mit-tfixkil ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19, ftit għandhom effett fuq it-trajettorja ġenerali tat-tisħin globali. L-impenji internazzjonali ewlenin biex tintlaħaq in-newtralità klimatika qed iżidu l-probabbiltà ta’ xenarju tal-aħjar każ, iżda wkol f’dak il-każ ikunu meħtieġa sforzi sostanzjali ta’ adattament.

Il-frekwenza u s-severità tal-avvenimenti klimatiċi u tat-temp qed jiżdiedu 2 . Dan ikkawża żieda fin-numru ta’ diżastri f’dawn l-aħħar żewġ deċennji u l-ħsara kkawżata minnhom 3 . Dawn l-estremi jvarjaw minn nirien fil-foresti mingħajr preċedent u mewġiet tas-sħana ’l fuq miċ-Ċirku tal-Artiku għal nixfiet devastanti fir-reġjun tal-Mediterran; u minn uragani, li ħarbtu r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE sa foresti li ġew meqruda minn tifqigħat mingħajr preċedent tal-ħanfusa tal-qoxra tas-siġar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Avvenimenti li jevolvu bil-mod, bħad-deżertifikazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-art u tal-ekosistema, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani jew iż-żieda fil-livell tal-baħar huma daqstant destruttivi fuq żmien twil. 

L-impatti tat-tibdil fil-klima qed ikollhom effetti estensivi ġewwa u barra l-Unjoni. In-nuqqasijiet tal-ilma fl-UE affettwaw attivitajiet ekonomiċi differenti bħall-agrikoltura, l-akkwakultura, it-turiżmu, it-tkessiħ tal-impjanti tal-enerġija, u t-trasport tal-merkanzija fix-xmajjar. Dan jaffettwa mhux biss l-ekonomija, iżda wkoll is-saħħa u l-benesseri tal-Ewropej, li qed isofru dejjem aktar minn mewġiet tas-sħana (globalment, l-aktar diżastru li qatel nies fl-2019 kienet il-mewġa ta’ sħana Ewropea li ħalliet 2500 persuna mejta). Dan joħloq riskju wkoll għas-sigurtà tal-ikel, jaggrava l-inugwaljanzi soċjali eżistenti u jhedded il-wirt kulturali. L-UE diġà hija milquta mill-impatti klimatiċi barra mill-Ewropa permezz ta’ effetti kaskata u kollaterali fuq il-kummerċ jew il-migrazzjoni, u se tiġi affettwata dejjem aktar minnhom. Dan jagħmel ir-reżiljenza internazzjonali għall-klima 4 mhux biss kwistjoni ta’ solidarjetà, iżda wkoll ta’ awtonomija u ta’ interess personali strateġiċi u miftuħa għall-UE u għall-Istati Membri tagħha.

Qed jiżdied it-telf ekonomiku minn avvenimenti estremi aktar frekwenti relatati mal-klima. Fl-UE, dan it-telf diġà jammonta għal medja ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena. Stimi konservattivi u ta’ livell inferjuri juru li l-esponiment tal-ekonomija tal-UE tal-lum għat-tisħin globali ta’ 3 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali jirriżulta f’telf annwali ta’ mill-inqas EUR 170 biljun (1,36 % tal-PDG tal-UE 5 ). Iż-żieda bil-mod fil-livell tal-baħar hija wkoll dejjem aktar ta’ tħassib għaż-żoni kostali, li jipproduċu ~40 % tal-PDG tal-UE u fejn tgħix ~40 % tal-popolazzjoni tagħha. It-telf mhux imqassam b’mod uniformi, u qed jagħmel ħsara lir-reġjuni li jista’ jkun diġà qed jiffaċċjaw sfidi bħal livell baxx ta’ tkabbir jew livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.

L-Ewropa qed timpenja ruħha biex tilqa’ għall-isfida marbuta mal-klima. L-UE impenjat ruħha għan-newtralità klimatika sal-2050 u għal mira aktar ambizzjuża ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-1990. Il-Parlament Ewropew, diversi Stati Membri, u aktar minn 300 belt irrikonoxxew emerġenza klimatika. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li t-tibdil fil-klima huwa “theddida eżistenzjali”. L-UE approvat l-Impenn tal-Mexxejja għan-Natura tal-2020  6 , biex jiġu indirizzati b’mod konġunt il-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. L-enfasi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika fil-Faċilità għall-Ikupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tipprovdi opportunità biex l-investimenti u r-riformi li jistgħu jgħinu biex tiżdied ir-reżiljenza għax-xokkijiet klimatiċi kif ukoll biex tiġi aċċellerata d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, jiġu forniti minn qabel. Għas-settur privat, it-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli se tipprovdi l-qafas biex jiġu ffaċilitati investimenti reżiljenti għall-klima. Fil-livell individwali, aktar minn 93 % tal-Ewropej iqisu li t-tibdil fil-klima huwa problema serja, u 70 % jaqblu li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa pożittiv.

L-importanza tal-adattament qed tiġi rikonoxxuta dejjem aktar globalment – iżda diversi rapporti jenfasizzaw in-nuqqas ta’ tħejjija 7 . Avvenimenti estremi tat-temp u l-impatti tagħhom għandhom preżenza kważi kostanti fil-midja, u ż-żieda fl-intensità u fil-frekwenza tagħhom minħabba t-tibdil fil-klima tinstab fil-quċċata tal-aġenda pubblika globali. Il-Kummissjoni Globali dwar l-Adattament enfasizzat li s-soluzzjonijiet ta’ adattament ta’ spiss ikunu “bla dispjaċir”, jiġifieri jistħoqqilhom jiġu segwiti irrispettivament mill-perkors tal-klima aħħari. Dan minħabba l-kobenefiċċji multipli tagħhom, b’mod partikolari għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri, u d-“dividend triplu” tal-adattament: li jiġi evitat telf uman, naturali u materjali fil-ġejjieni; li jiġu ġġenerati benefiċċji ekonomiċi billi jitnaqqsu r-riskji, tiżdied il-produttività, u tiġi stimulata l-innovazzjoni; u l-benefiċċji soċjali, ambjentali u kulturali.

Kaxxa 1: L-eżempju tan-nixfiet

8 9 Minħabba l-klima li qed tinbidel, ħafna reġjuni Ewropej diġà qed jiffaċċjaw nixfiet aktar frekwenti, serji u li jdumu aktar. In-nixfiet jista’ jkollhom effetti kaskata; pereżempju, inaqqsu l-livelli tal-ilma fix-xmajjar u ta’ taħt l-art, ixekklu t-tkabbir tas-siġar u tal-uċuħ tar-raba’, iżidu l-attakki ta’ pesti u jiskattaw in-nirien fil-foresti. Fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tat-telf ikkawżat min-nixfa (~EUR 9 biljun fis-sena) jaffettwa l-agrikoltura, is-settur tal-enerġija u l-provvista tal-ilma pubbliku. In-nixfiet estremi fl-Ewropa tal-Punent u Ċentrali fl-2018, fl-2019 u fl-2020 ikkawżaw ħsara konsiderevoli. Fl-2018 biss, id-danni agrikoli ammontaw għal madwar EUR 2 biljun fi Franza, EUR 1,4 biljun fin-Netherlands, u EUR 770 miljun fil-Ġermanja. B’tisħin globali ta’ 3 °C, il-frekwenza tan-nixfiet tirdoppja u t-telf annwali assolut minħabba n-nixfiet fl-Ewropa jiżdied għal EUR 40 biljun fis-sena, bl-aktar impatti serji fir-Reġjuni tal-Mediterran u tal-Atlantiku.

10 L-UE tista’ twieġeb għan-nixfiet b’miżuri ta’ emerġenza fuq perjodu ta’ żmien qasir fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u s-sistemi ta’ twissija bikrija fl-UE kollha jinsabu fis-seħħ. L-Istati Membri qed jimplimentaw ġestjoni integrata tal-baċiri tax-xmajjar permezz tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u xi wħud adottaw Pjanijiet ta’ Ġestjoni tan-Nixfiet għal baċini tax-xmajjar vulnerabbli. Minħabba li kważi l-baċini tax-xmajjar kollha jistgħu jiġu esposti fuq perjodu ta’ żmien itwal, hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament organizzazzjonali u tekniċi. Dan jinkludi fl-agrikoltura l-użu (mill-ġdid) sostenibbli tal-ilma, il-ġestjoni tal-ħamrija u l-kopertura veġetali, l-uċuħ tar-raba’ reżistenti għan-nixfa, il-biedja vertikali, jew saħansitra l-ippjanar tal-użu tal-art u r-restawr ta’ żoni li ġarrbu l-ħsara. Fl-enerġija u t-trasport, dan jinkludi t-tħejjija għal interruzzjonijiet ta’ passaġġi tal-ilma partikolari bit-trasport tal-merkanzija, l-idroenerġija u t-tkessiħ għall-impjanti tal-enerġija. Għall-ilma tax-xorb, il-promozzjoni tal-iffrankar tal-ilma residenzjali, jew infrastruttura addizzjonali ta’ provvista u ħżin.

2.Insawru Unjoni reżiljenti għall-klima

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE dwar it-tkabbir għal futur sostenibbli, huwa bbażat fuq ir-realizzazzjoni li t-trasformazzjoni ekoloġika hija opportunità u li n-nuqqas ta’ azzjoni għandu kost kbir. Dan juri t-tmexxija tal-UE fil-prevenzjoni tal-agħar sitwazzjoni, billi jimpenja ruħu għan-newtralità klimatika, u bi tħejjija aħjar, billi jindika azzjoni ta’ adattament aktar ambizzjuża li tibni fuq l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament tal-2013 11 .

Il-viżjoni fit-tul hija li fl-2050, l-UE se tkun soċjetà reżiljenti għall-klima, adattata bis-sħiħ għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima. Dan ifisser li sal-2050, meta nimmiraw li nkunu lħaqna n-newtralità klimatika, se nkunu saħħejna l-kapaċità ta’ adattament u mminimizzajna l-vulnerabbiltà għall-impatti klimatiċi, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta 12 .

Il-proposta tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima tipprovdi l-pedament għal ambizzjoni akbar u għal aktar koerenza politika dwar l-adattament. Din tistabbilixxi kemm il-qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika kif ukoll l-ambizzjoni dwar l-adattament sal-2050 billi tintegra l-viżjoni kondiviża fil-livell internazzjonali għall-azzjoni fid-dritt tal-Unjoni (jiġifieri l-għan globali dwar l-adattament fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għan 13 tal-Iżvilupp Sostenibbli). Il-proposta timpenja lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu progress kontinwu biex jagħtu spinta lill-kapaċità ta’ adattament, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima. L-istrateġija l-ġdida dwar l-adattament qed turi t-triq u tipprovdi s-soluzzjonijiet biex tgħin biex dan il-progress isir realtà. Minħabba n-natura sistemika tal-politika tal-adattament, l-azzjoni ta’ adattament se tiġi implimentata b’mod integrat ma’ inizjattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħall-Istrateġija dwar il-Bijodiversità, il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, il-Pjan ta’ Azzjoni, l-Ekonomija Ċirkolari u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni ta’ Tniggis Żero, l-Istrateġija għall-Foresti, l-Istrateġija għall-Ħamrija, l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti, u l-Istrateġija Mġedda dwar il-Finanzjament Sostenibbli.

L-UE diġà ħadet azzjoni biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha matul l-aħħar snin fl-ambitu tal-Istrateġija dwar l-Adattament tal-2013 13 . L-Istati Membri kollha issa għandhom strateġija jew pjan nazzjonali dwar l-adattament; l-adattament ġie integrat fil-politiki tal-UE u fil-baġit fit-tul; u l-pjattaforma Climate-ADAPT 14 saret referenza ewlenija għall-għarfien dwar l-adattament. Il-Kummissjoni Globali dwar l-Adattament irrikonoxxiet lill-UE bħala pijuniera fl-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet tar-riskju klimatiku fit-teħid tad-deċiżjonijiet 15 . Din l-istrateġija l-ġdida tibni fuq dik l-esperjenza, iżżid l-ambizzjoni, u tespandi biex tkopri oqsma u prijoritajiet ġodda.

L-Istati Membri se jkomplu jkunu s-sħab ewlenin għall-implimentazzjoni - u azzjoni aktar ambizzjuża u aktar proattiva fil-livell tal-UE se tgħinhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ta’ adattament. Il-ħtieġa għal aktar appoġġ fil-livell tal-UE hija sostanzjata mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha 16 . Anke jekk l-isfidi ta’ adattament huma lokali u speċifiċi, is-soluzzjonijiet spiss ikunu trasferibbli b’mod wiesa’ u applikabbli fuq skala reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali. Ħafna impatti tat-tibdil fil-klima għandhom dimensjoni transfruntiera qawwija (eż. fir-reġjun Artiku, fil-makroreġjuni, jew fil-baċini tax-xmajjar), jew dimensjoni internazzjonali (ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej) u hemm impatti speċifiċi għall-UE fuq is-Suq Uniku. Is-solidarjetà fost l-Istati Membri u fihom hija essenzjali biex tinkiseb reżiljenza b’mod ġust u ekwu. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, u biex tallinja aħjar l-azzjonijiet ta’ adattament internazzjonali u tal-UE. L-adattament fil-livell reġjonali u lokali se jkun ta’ benefiċċju wkoll, filwaqt li l-Patt Klimatiku Ewropew 17 se jagħti s-setgħa liċ-ċittadini individwali, li se jkollhom rwol ewlieni fis-suċċess tal-istrateġija dwar l-adattament 18 .

Il-gravità tal-isfida tal-adattament tagħmilha sforz tal-amministrazzjonijiet kollha u tas-setturi kollha tas-soċjetà. Huwa vitali li s-setturi privati u pubbliċi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib b’mod partikolari fuq l-adattament għall-finanzjament. L-istrateġija, bl-enfasi u bl-għodod li tipprovdi, se tappoġġja lis-settur privat biex jidentifika r-riskji u jidderieġi l-investiment lejn azzjoni dwar l-adattament u r-reżiljenza (u jevita l-adattament ħażin). Billi joffri soluzzjonijiet biex jgħin sabiex tiġi ssodisfata s-sensibilizzazzjoni li qed tiżdied dwar l-impatti klimatiċi (bħall-obbligi ta’ divulgazzjoni mhux finanzjarji, it-tassonomija tal-UE għall-attivitajiet sostenibbli u l-Istrateġija Mġedda dwar il-Finanzjament Sostenibbli), dan se jgħin lil kumpaniji kbar, SMEs, amministrazzjonijiet lokali, sħab soċjali, u lill-pubbliku. Dan se jgħin ukoll biex jikkoreġi l-perċezzjoni ħażina li l-adattament huwa biss kost - huwa investiment.

L-istrateġija għandha l-għan li twettaq il-viżjoni tal-2050 ta’ Unjoni reżiljenti għall-klima billi tagħmel l-adattament aktar intelliġenti, aktar sistemiku, aktar rapidu, u billi ssaħħaħ l-azzjoni internazzjonali. Matul iċ-ċiklu ta’ politika dan jirriżulta f’għarfien u data aħjar; appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u l-ġestjoni tar-riskju klimatiku fil-livelli kollha, u azzjoni ta’ adattament aċċellerata b’mod ġenerali. Bl-istrateġija l-ġdida, il-Kummissjoni qed tagħmel il-parti tagħha biex tħejji lill-Ewropa sabiex issir aktar reżiljenti għall-klima. L-implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet tal-istrateġija tqiegħed lill-Ewropa f’pożizzjoni ħafna aħjar biex sal-2030 diġà tkun tista’ tiffaċċja l-impatti klimatiċi. Dan ikun ifisser li s-sensibilizzazzjoni dwar l-adattament u l-ippjanar jinfirxu għal kull awtorità lokali, kumpanija u unità domestika; l-implimentazzjoni tal-adattament hija avvanzata għal dawk l-aktar milquta; kif ukoll it-tmexxija globali f’oqsma bħas-servizzi klimatiċi, ir-reżistenza klimatika, jew soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

3.Adattament aktar intelliġenti: intejbu l-għarfien u nimmaniġjaw l-inċertezza

Minkejja l-progress, għad hemm lakuni kbar fl-għarfien tagħna dwar l-adattament. It-tibdil fil-klima jimmanifesta ruħu f’għadd kbir ta’ perikli, u dan għandu impatti fuq kważi s-setturi kollha. Għalhekk, il-bażi ta’ għarfien meħtieġa biex tiġi infurmata azzjoni effettiva hija estensiva. Din tinkludi inċertezza dwar kemm il-klima se tinbidel malajr u kemm se taffettwa s-sistemi naturali u umani, u l-effettività tal-politiki u l-miżuri. Hemm domanda dejjem akbar biex il-minjiera ta’ informazzjoni dwar il-klima disponibbli tinqaleb f’għodod personalizzati u faċli għall-utent. Jeħtieġ li nwessgħu l-limiti tal-għarfien dwar l-adattament, u niksbu aktar data u data aħjar relatata mal-klima, l-aktar dwar it-telf ekonomiku. U jeħtieġ li ngħaqqduha lkoll flimkien.

4.Inwessgħu l-limiti tal-għarfien dwar l-adattament

19 It-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-azzjoni fil-konfront tal-inċertezza klimatika jistgħu jiġu ffaċilitati billi d-deċiżjonijiet jiġu ddeterminati skont l-aktar metodi xjentifiċi riċenti. Diġà għandna bażi soda ta’ għarfien għall-azzjoni iżda hemm bżonn ta’ aktar ħidma fuq l-adattament, fuq il-kostijiet u l-benefiċċji tiegħu kif ukoll fuq l-effetti ta’ distribuzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, irridu nibbażaw ruħna fuq ix-xjenza biex intejbu l-fehim tagħna tal-rabta bejn il-perikli klimatiċi u l-vulnerabbiltajiet u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi. Irridu niżviluppaw mekkaniżmi ta’ governanza effettivi u inklużivi li jiżguraw djalogu kostanti bejn dawk li jfasslu l-politika u x-xjenzati, pereżempju permezz tal-Konferenza Ewropea dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima ta’ kull sentejn. L-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tiffaċilita dan, billi tuża l-esperjenza tagħha mill-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Programm Spazjali, u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Se jkunu meħtieġa avvanzi, pereżempju fuq l-immudellar biex issir stima aktar preċiża tal-ħsara futura u biex jiġu ppersonalizzati l-miżuri ta’ adattament, dwar il-fehim tal-implikazzjonijiet fuq is-saħħa, l-effetti kaskata minn impatti klimatiċi simultanji jew sekwenzjali, jew il-punti kritiċi fis-sistemi tad-dinja.

20 21 22 23 It-trasformazzjoni diġitali hija kritika biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku dwar l-adattament. Id-data kollha mill-fanali xjentifiċi tal-UE bħal Copernicus u n-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) huma disponibbli b’mod liberu u miftuħ għall-utenti kollha madwar id-dinja. Is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus se jkompli jżid l-użabbiltà tad-data u jkompli jiżviluppa servizzi bħas- servizzi tal-attribuzzjoni tal-avvenimenti estremi. Irridu nippromwovu l-użu tal-aħħar teknoloġiji diġitali u servizzi tal-klima biex isostnu t-teħid tad-deċiżjonijiet (pereżempju t-telerilevament, l-istazzjonijiet tat-temp intelliġenti, l-intelliġenza artifiċjali u l-computing ta’ prestazzjoni għolja). Strumenti ġodda bħal Destinazzjoni d-Dinja u Tewmin Diġitali jidhru promettenti ħafna biex jagħtu spinta lill-fehim tagħna tal-impatti klimatiċi attwali u futuri fuq skala planetarja kif ukoll lokali. Il-kejl u l-osservazzjoni tal-oċeani se jkomplu jissaħħu wkoll.

Jeħtieġ li nifhmu aħjar l-interdipendenzi bejn it-tibdil fil-klima, l-ekosistema, u s-servizzi li jwasslu. Matul dan is-seklu huma mistennija bidliet kbar fl-ekosistemi terrestri u t-tipi ta’ veġetazzjoni fiż-żona tal-art tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’żoni protetti. It-tibdil fiċ-ċiklu tal-ilma u fit-temperaturi, jew iż-żieda fil-livell tal-baħar se jpoġġu l-ekosistemi taħt stress addizzjonali. Matul dan is-seklu, l-oċeani huma mistennija jilħqu kundizzjonijiet bla preċedent b’temperaturi ogħla, aktar aċidifikazzjoni, u tnaqqis fl-ossiġenu. Neħtieġu restawr u ġestjoni tal-ekosistema robusti u bbażati fuq ix-xjenza li jgħinu biex jiġu mminimizzati r-riskji, itejbu r-reżiljenza, u jiżguraw il-provvista kontinwa ta’ servizzi u karatteristiċi vitali tal-ekosistema: il-provvista tal-ikel, il-purifikazzjoni tal-arja u tal-ilma, il-protezzjoni mill-għargħar, il-bijodiversità, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni se:

ojgħin biex jingħalqu l-lakuni fl-għarfien dwar l-impatti klimatiċi u r-reżiljenza, inkluż fuq l-oċeani, permezz ta’ Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, Copernicus u EMODnet;

ottejjeb l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku dwar l-immudellar tal-adattament, il-valutazzjoni tar-riskju u l-għodod ta’ ġestjoni – lejn “immudellar fil-livell tal-assi”.

5.Aktar data u data aħjar dwar ir-riskju u t-telf relatati mal-klima

Id-data dwar ir-riskju u t-telf relatati mal-klima 24 hija kruċjali biex tittejjeb il-preċiżjoni tal-għodod tal-valutazzjoni tar-riskju relatat mal-klima. Kwalunkwe deċiżjoni ġdida dwar l-investiment u l-politika jenħtieġ li tkun infurmata dwar il-klima u valida għall-futur, minn unitajiet domestiċi li jirrinnovaw djarhom, għal SMEs li jistabbilixxu negozju f’żona vulnerabbli, negozji akbar li jimmaniġġjaw il-ktajjen tal-provvista, banek li japprovaw self ġdid, jew bliet li jippjanaw żviluppi ta’ tqassim f’żoni. Bħalissa, id-data li tikkwantifika t-telf minn diżastri mhijiex sodisfaċenti: ta’ spiss ma tiġix irreġistrata u/jew ma tkunx disponibbli f’formati u bażijiet tad-data aċċessibbli ladarba tinġabar.

Sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li ma jqisux il-klima, id-data kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku jenħtieġ li tiġi rreġistrata, miġbura u kondiviża b’mod komprensiv u armonizzat. Il-Kummissjoni se tippromwovi regoli u speċifikazzjonijiet komuni għar-reġistrazzjoni u l-ġbir tad-data dwar it-telf relatat mal-klima u r-riskji klimatiċi fiżiċi, u tappoġġja r-reġistrazzjoni ċentrali ta’ din id-data mis-settur pubbliku u privat fil-livell tal-UE permezz tar-Risk Data Hub tagħha 25 . Fil-livell nazzjonali, dan se jħeġġeġ approċċ volontarju ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għall-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data dwar it-telf abbażi ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-Istati Membri, mal-ibliet u mal-industrija. Il-Kummissjoni se tiddefinixxi wkoll il-ħtiġijiet tad-data, u tesplora mal-industrija l-aħjar modi biex tiġbor data komprensiva u armonizzata mill-assiguraturi, filwaqt li tagħti s-setgħa, kif rilevanti, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess għad-data dwar ir-riskju u t-telf relatati mal-klima għall-partijiet ikkonċernati. Ir-rieżami tad-Direttiva INSPIRE fl-2021 bħala parti mill-inizjattiva “GreenData4All” joffri opportunità li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni biex tiġi koperta d-data dwar it-telf mid-diżastri relatat mal-ambjent u mal-klima, u dan jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-aċċess pubbliku. Id-data dwar it-telf mid-diżastri relatat mal-klima tista’ titqies ukoll bħala settijiet ta’ data ta’ valur għoli fir-reviżjonijiet futuri tal-att ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Bl-istess mod, id-data miġbura fi sħubijiet pubbliċi-privati se ssir aċċessibbli kemm jista’ jkun.

Il-Kummissjoni se:

otippromwovi u tappoġġja l-użu tar-Risk Data Hub tagħha biex tarmonizza r-reġistrazzjoni u l-ġbir ta’ data komprensiva u granulari dwar ir-riskji u t-telf relatati mal-klima, u tippromwovi sħubiji pubbliċi-privati fil-livell nazzjonali biex tali data tinġabar u tiġi kondiviża;

otesplora mal-EIOPA u mal-industrija l-aħjar modi biex ittejjeb il-ġbir ta’ data uniformi u komprensiva dwar it-telf assigurat, u tagħti s-setgħa lill-EIOPA, kif meħtieġ;

otestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali fid-Direttiva INSPIRE biex tiġi inkluża data dwar ir-riskju u t-telf relatati mal-klima.

6.Climate-ADAPT issir il-pjattaforma Ewropea awtorevoli għall-adattament

Il-pjattaformi tal-għarfien dwar il-klima għandhom rwol dejjem akber fit-teħid ta’ deċiżjonijiet għal azzjonijiet ta’ adattament. Climate-ADAPT diġà hija għodda ta’ referenza u riżorsa tal-għarfien stabbilita u qed tiġi estiża progressivament, pereżempju b’aċċess għad-data ta’ Copernicus 26 . Iżda rridu ninvestu aktar fl-espansjoni tal-kapaċitajiet, tal-bażi tal-utenti u tal-kontributuri, tal-komunikazzjoni, u tal-impatt tagħha 27 . Se tagħti spinta lill-iskambju tal-għarfien, tal-prattiki tajbin u tas-soluzzjonijiet, inkluż minn proġetti ffinanzjati mill-UE, billi tilħaq u tinvolvi network dejjem akbar ta’ utenti. Se tiġbor u tipproċessa wkoll data mis-sorsi rilevanti kollha u sussegwentement se tiżviluppa informazzjoni ta’ kwalità għolja. Ir-rabtiet ma’ pjattaformi ta’ adattament tranżnazzjonali, nazzjonali u subnazzjonali se jiġu żviluppati aktar, kif ukoll il-konnessjoni u l-interoperabbiltà ma’ riżorsi rilevanti għall-impatti klimatiċi 28 .

Neħtieġu fehim aktar profond tar-riskji għas-saħħa relatati mal-klima kif ukoll kapaċità akbar biex niġġieldulhom. It-theddid għas-saħħa relatat mat-tibdil fil-klima qed jiżdied; dan huwa serju u jista’ jiġi indirizzat biss fil-livell transfruntier. Dan jinkludi mewt u korrimenti mis-sħana, mill-għargħar jew min-nirien fil-foresti; u t-tfaċċar u t-tixrid ta’ mard infettiv u allerġeni marbuta ma’ bidliet ġeografiċi f’vetturi u patoġeni 29 . It-tibdil fil-klima se jkun ukoll ta’ sfida dejjem akbar għall-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa pubblika li jiffunzjonaw b’mod effettiv, eż. biex jiżviluppaw kapaċitajiet biex jittrattaw mard li qabel ma kienx magħruf fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se tiġbor u tgħaqqad data, għodod u għarfien espert biex tikkomunika, timmonitorja, tanalizza u tipprevjeni l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, abbażi ta’ approċċ Saħħa Waħda”.

Il-Kummissjoni se:

otaġġorna u tespandi Climate-ADAPT bħala sors ta’ għarfien dwar l-impatti tal-klima u l-adattament, inkluż billi jiġu federati diversi sorsi ta’ informazzjoni, kif ukoll bħala mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar;

otistabbilixxi osservatorju Ewropew għall-klima u s-saħħa fl-ambitu ta’ Climate-ADAPT.

7.Adattament aktar sistemiku: Nappoġġjaw l-iżvilupp tal-politika fil-livelli u s-setturi kollha

It-tibdil fil-klima tant qed ikollu impatt mifrux li r-rispons tagħna għalih irid ikun sistemiku. Il-Kummissjoni se tkompli tintegra b’mod attiv il-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza għall-klima fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha applikabbli kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat. L-integrazzjoni se testendi lil hinn mis-setturi mmirati fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament tal-2013, li kienet tinkludi l-agrikoltura, l-infrastruttura u l-assigurazzjoni. Din se tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri u, l-aktar importanti, l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ adattament fil-livelli kollha ta’ governanza. F’dan l-approċċ sistemiku, hemm tliet prijoritajiet trasversali: l-integrazzjoni tal-adattament fil-politika makrofiskali, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament, u azzjoni ta’ adattament lokali.

8.Intejbu l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ adattament

L-istrateġiji ta’ adattament fil-livelli kollha jridu jkunu effettivi u bbażati fuq l-aktar xjenza riċenti. L-istrateġiji ta’ adattament huma strumenti li se jibqgħu importanti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiżviluppawhom aktar. Il-Kummissjoni toffri wkoll appoġġ biex tinbena l-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar l-adattament għall-klima permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tagħha. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti se jistimulaw ukoll il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri permezz tal-oqfsa ta’ kooperazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE 30 u strateġiji tal-baċiri tal-baħar u marittimi oħra 31 , programmi ta’ finanzjament ta’ Interreg, u opportunitajiet ta’ kooperazzjoni u ta’ networking fl-ambitu tal-Politika Agrikola Komuni. Dan se jgħin l-implimentazzjoni tl-adattament permezz ta’ azzjonijiet ikkoordinati u konġunti bejn l-Istati Membri, u bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE. Il-Kummissjoni se trawwem ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet għal sfidi komuni ta’ adattament fost ir-reġjuni ultraperiferiċi u mal-ġirien tagħhom. Bħala parti mill-proċess ta’ rappurtar tal-funzjonament tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni se tivvaluta kif din il-politika tindirizza l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni huma essenzjali biex tiġi stabbilita linja bażi robusta li abbażi tagħha jitkejjel il-progress fir-rigward tal-adattament. Ir-regolament ta’ implimentazzjoni dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika 32 diġà jistipula l-istruttura, il-format, il-proċessi ta’ preżentazzjoni u r-rieżami tal-informazzjoni dwar l-adattament irrapportata mill-Istati Membri. Dan ir-rappurtar robust jappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima, pereżempju fil-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE kontra l-impatti klimatiċi. Għalkemm l-ispeċifiċità lokali tal-adattament spiss tagħmel it-tqabbil diffiċli, jista’ jsir għal żoni li jaqsmu diversi fruntieri b’riskji klimatiċi komuni. Dawn iż-żoni jinkludu baċiri tax-xmajjar, żoni muntanjużi, gżejjer, jew ir-reġjuni ultraperiferiċi (li huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima). Il-Kummissjoni se tiżviluppa ulterjorament indikaturi adegwati u qafas għall-valutazzjoni tar-reżiljenza bbażat fuq l-esperjenza miksuba b’tabelli ta’ valutazzjoni tat-tħejjija għall-adattament għall-Istrateġija dwar l-Adattament tal-2013, u f’konformità mal-ħidma fil-Kumitat għall-Adattament tal-UNFCCC.

Il-koerenza tal-politika trid tqis l-adattament b’mod sistematiku biex jipprevjeni li dan involontarjament jiġi mminat. Fejn rilevanti, it-tfassil tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri jenħtieġ li japplika l-prinċipji ta’ koerenza tal-politika li ġejjin: jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni u l-finanzjament iqisu r-riskju ta’ diżastri biex jipprevjenu li jinħoloq esponiment ġdid; jitnaqqas ir-riskju eżistenti billi jinbnew ir-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija; jiġi mmaniġġjat ir-riskju residwu. Dawn il-prinċipji jenħtieġ li jiġu integrati, pereżempju, f’sejħiet għal offerti u kriterji tal-għażla għal proġetti ffinanzjati mill-UE kif ukoll jitqiesu kif xieraq meta jitfasslu politiki b’mod aktar ġenerali. Meta ttejjeb il-mod kif il-linji gwida u l-għodod ta’ appoġġ tar-Regolamentazzjoni Aħjar jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, kif imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni se tiżgura li l-kwistjonijiet tal-adattament għall-klima jitqiesu kif dovut u b’mod proporzjonat.

Il-Kummissjoni se:

otistimula l-kooperazzjoni reġjonali u transfrujtiera u jsaħħu l-linji gwida dwar l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;

oittejjeb il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni tal-adattament billi tuża qafas armonizzat ta’ standards u indikaturi;

otipprovdi għodod ta’ valutazzjoni tal-proġetti ex ante biex jiġu identifikati aħjar il-kobenefiċċji u l-impatti pożittivi fuq l-ekonomija ta’ proġetti ta’ adattament u ta’ prevenzjoni;

otaġġorna l-linji gwida tar-Regolamentazzjoni Aħjar u s-sett ta’ għodod tagħha biex jirriflettu aħjar il-prinċipji ta’ koerenza tal-politika għall-ġestjoni tar-riskju klimatiku.

9.Inrawmu reżiljenza lokali, individwali u ġusta

Il-livell lokali huwa l-pedament tal-adattament, u għalhekk l-appoġġ tal-UE jrid jgħin sabiex tiżdied ir-reżiljenza lokali. L-appoġġ finanzjarju qed isir dejjem aktar disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 33 , il-Politika Agrikola Komuni, il-Programm LIFE, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-adozzjoni lokali ta’ soluzzjonijiet tad-data, diġitali u intelliġenti relatati mal-adattament għall-klima mfassla apposta għall-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali. Din se tibni fuq inizjattivi u strumenti eżistenti bħas-Suq EIP-SCC 34 , il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, u l-Isfida ta’ Bliet Intelliġenti 35 . Biex tinvolvi u tagħti s-setgħa lil Ewropej individwali biex jieħdu azzjoni ta’ adattament dirett, il-Kummissjoni se tuża l-inizjattiva tal-Patt Klimatiku Ewropew u l-Koalizzjoni Edukazzjoni għall-Klima 36 biex tinforma, tispira u tgħaqqad.

L-UE u l-Patt Globali tas-Sindki se jissaħħu biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Biex jiġu megħjuna jgħaddu mill-ippjanar għall-azzjoni, l-UE se tmexxi faċilità ta’ appoġġ għall-politika biex tgħin lill-awtoritajiet fl-ambitu tal-Patt tas-Sindki tal-UE. Din il-faċilità se tipprovdi assistenza teknika diretta biex tgħinhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ adattament tagħhom. L-UE se tħeġġeġ involviment saħansitra akbar tal-korpi reġjonali fl-istabbiliment ta’ aġenda ta’ adattament permezz tal-Aġenda Urbana għall-UE, il-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tas-Sajd, u se tinvolvi lir-rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni bħala parti mill-Patt tas-Sindki tal-UE.

37 Il-kisba ta’ reżiljenza b’mod ġust u ekwu hija essenzjali sabiex il-benefiċċji tal-adattament għall-klima jiġu kondiviżi b’mod wiesa’ u ugwali. Ir-reġjuni u ċ-ċittadini Ewropej huma milquta direttament mit-tibdil fil-klima, pereżempju bit-telf ta’ impjiegi f’setturi affettwati mill-klima bħall-agrikoltura, is-sajd u t-turiżmu. L-esponiment u l-vulnerabbiltà żbilanċjati għall-impatti klimatiċi ta’ reġjuni u gruppi soċjoekonomiċi differenti jaggravaw l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet diġà eżistenti. L-impatti tat-tibdil fil-klima mhumiex newtrali. L-irġiel u n-nisa, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni spostati, jew soċjalment emarġinati għandhom kapaċitajiet ta’ adattament differenti. Jeħtieġ li l-miżuri ta’ adattament ikunu jqisu is-sitwazzjoni tagħhom. Qed ikun hemm dejjem aktar bżonn ta’ appoġġ għall-inizjattivi ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid li jwasslu għal impjiegi ekoloġiċi. L-UE se tippromwovi strateġiji u politiki ta’ diversifikazzjoni ekonomika fit-tul li jippermettu lill-ħaddiema jikkwalifikaw mill-ġdid u jimxu lejn setturi ta’ tkabbir ekoloġiku, filwaqt li tkun żgurata forza tal-ħaddiema suffiċjenti u b’livell għoli ta’ ħiliet. Dan se jirrikjedi titjib fil-fehim tagħna tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-ħaddiema, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u fuq is-saħħa u s-sigurtà, billi jiġu vvalutati l-effetti distributtivi relatati, u bl-involviment tas-sħab soċjali. L-appoġġ jista’ jinstab permezz tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSIE+), jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-Kummissjoni se:

ożżid l-appoġġ għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ adattament lokali u tniedi faċilità ta’ appoġġ għall-adattament fl-ambitu tal-Patt tas-Sindki tal-UE;

otappoġġja t-taħriġ mill-ġdid u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema għal reżiljenza ġusta u ekwa bl-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-FSE+, l-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

otkompli tiżgura l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-impjiegi u dik soċjali, u, fejn rilevanti, tikkunsidra tipproponi inizjattivi ġodda li jżidu l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-impatti klimatiċi.

10.Nintegraw ir-reżiljenza għall-klima fl-oqfsa fiskali nazzjonali

L-oqfsa fiskali nazzjonali fl-UE jinkludu t-tibdil fil-klima u r-riskji fiskali ta’ diżastri naturali biss sa ċertu punt. L-għajnuna u r-rikostruzzjoni wara temp estrem u avvenimenti li jitfaċċaw bil-mod se jżidu n-nefqa tal-gvern, inkluż permezz ta’ kumpens għal telf mhux assigurat. L-effetti fuq il-kapaċità tal-produzzjoni jista’ jkollhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku. Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri tinkludi proċessi u għodod biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mal-klima ex ante u jitnaqqsu l-konsegwenzi ta’ diżastri ex post. Dan jeħtieġ li jiġi rifless fl-ippjanar baġitarju, u fl-arranġamenti ta’ governanza u dawk istituzzjonali. Il-finanzjament tar-riskju ta’ diżastri jista’ jiġi kkomplementat b’taħlita ta’ strumenti għall-ġestjoni tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju pprovduti mis-settur privat adattati għas-severità u l-frekwenza tad-diżastri. Minħabba l-effett possibbli fuq l-istabbiltà fiskali, hemm bżonn ukoll li jiġu mmaniġġjati r-riskji għas-sostenibbiltà fit-tul tad-dejn pubbliku.

38 39 40 41 Ir-reżiljenza makroekonomika teħtieġ li jitqiesu l-firxa ta’ xenarji klimatiċi plawżibbli fil-politiki ekonomiċi u fehim tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Valutazzjonijiet tar-riskju sodi għandhom jivvalutaw l-impatt u l-probabbiltà ta’ xenarji plawżibbli tat-tibdil fil-klima. L-iżvilupp ta’ analiżijiet tax-xenarju, min-naħa tiegħu, imbagħad, jista’ jikkontribwixxi għal eżerċizzji ta’ testijiet tal-istress fuq varjabbli makroekonomiċi. Jenħtieġ li jsiru disponibbli valutazzjonijiet robusti tal-impatti ekonomiċi ewlenin li jirriżultaw minn riskji naturali kif ukoll stimi tal-impatti fiskali tagħhom riflessi fil-proċess tal-ippjanar baġitarju. Il-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet kwantitattivi tar-riskju ta’ diżastri fil-pjanijiet baġitarji tgħin biex il-fondi jsiru disponibbli malajr u jkunu proporzjonati mal-ħtieġa. Fondi u strumenti apposta, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, bħal mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, jistgħu jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara d-diżastri. Dan irid jinkludi mill-inqas kunsiderazzjonijiet ta’ “rikostruzzjoni aħjar”. It-trasparenza dwar dawn il-kontribuzzjonijiet tista’ tipprovdi inċentivi għall-adattament u tnaqqas il-periklu morali.

42 L-objettivi ta’ adattament għall-klima u r-reżiljenza għalih huma inkorporati fl-isforz ta’ rkupru tal-pandemija tal-COVID-19 fil-livell tal-UE. L-appoġġ għall-irkupru se jibqa’ għan ċentrali tal-politika makrofiskali fiż-żmien qasir u medju. L-iskala u n-natura tal-infiq, anke mill-baġits nazzjonali, iżidu l-importanza li l-bini jerġa’ jinbena aħjar. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġja lill-Istati Membri fl-irkupru ekonomiku u r-reżiljenza fit-tul tagħhom. Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma mistennija jappoġġjaw investimenti u riformi biex tittejjeb ir-reżiljenza għall-klima madwar l-UE kollha. Mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni tal-pjanijiet jenħtieġ li jmorru għal azzjoni klimatika li tkopri kemm l-isforzi ta’ mitigazzjoni kif ukoll dawk ta’ adattament. Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mhijiex se tappoġġja miżuri li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-ambjent, inkluż lill-objettiv tal-adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni se:

otiżviluppa modi kif jitkejjel l-impatt potenzjali tar-riskji relatati mal-klima fuq il-finanzi pubbliċi, tiżviluppa għodod u mudelli għall-ittestjar tal-istress klimatiku, u tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kif jitqies l-aħjar it-tibdil fil-klima fir-rappurtar nazzjonali u fl-oqfsa fiskali;

otesplora u tiddiskuti mal-Istati Membri azzjonijiet biex jitnaqqas l-impatt fiskali ta’ avvenimenti relatati mal-klima u jitnaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali;

otesplora mal-Istati Membri jekk u sa liema punt il-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza jistgħu jqisu d-dimensjoni tal-adattament għall-klima;

otippromwovi koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar bejn l-operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru ta’ wara d-diżastru appoġġjati mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u fondi oħra tal-UE biex jitħeġġeġ il-prinċipju ta’ “rikostruzzjoni aħjar”.

11.Nippromwovu soluzzjonijiet għall-adattament ibbażati fuq in-natura

43 44 45 L-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fuq skala akbar iżżid ir-reżiljenza għall-klima u tikkontribwixxi għal objettivi multipli tal-Patt Ekoloġiku. L-infrastrutturi blu-ħodor (għall-kuntrarju tal-griżi) huma multifunzjonali, soluzzjonijiet “mingħajr dispjaċir” u simultanjament jipprovdu benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi u jgħinu biex tinbena r-reżiljenza għall-klima. Pereżempju, il-protezzjoni u r-restawr tal-artijiet mistagħdra, tat-torbiera, tal-ekosistemi kostali u tal-baħar; l-iżvilupp ta’ spazji ekoloġiċi urbani u l-installazzjoni ta’ bjut u ħitan ekoloġiċi; il-promozzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-art agrikola se jgħinu fl-adattament għat-tibdil fil-klima b’mod kosteffettiv. Huwa essenzjali li jiġu kkwantifikati aħjar il-benefiċċji tagħhom u li dawn jiġu kkomunikati aħjar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-prattikanti fil-livelli kollha biex titjieb l-adozzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni għat-tneħħija tal-karbonju, li se jippermetti monitoraġġ u kwantifikazzjoni robusti tal-benefiċċji klimatiċi ta’ ħafna soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma essenzjali biex jiġu sostnuti ilma, oċeani u ħamrija b’saħħithom. Dawn iridu jaqdu rwol akbar fl-użu tal-art u fl-ippjanar tal-infrastruttura sabiex jitnaqqsu l-kostijiet, jiġu pprovduti servizzi reżiljenti għall-klima, u tittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għal status ekoloġiku tajjeb. L-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fuq l-art, inkluż ir-restawr tal-funzjoni qisha sponża tal-ħamrija, se jagħti spinta lill-provvista ta’ ilma nadif u frisk u jnaqqas ir-riskju ta’ għargħar. Fiż-żoni kostali u tal-baħar, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura se jtejbu d-difiża kostali u jnaqqsu r-riskju ta’ proliferazzjoni tal-algi. Fl-istess ħin, dawn se jipprovdu benefiċċji bħas-sekwestru tal-karbonju, opportunitajiet ta’ turiżmu, u l-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità.

L-Ewropa jeħtieġ li tingrana aktar investimenti f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura biex tiġġenera kisbiet għall-adattament, il-mitigazzjoni, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u l-bijodiversità. L-investimenti f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jridu jkunu vijabbli fuq żmien twil, minħabba li t-tibdil fil-klima qed jamplifika l-istress fuq l-ekosistemi. Dan jista’ jsir permezz ta’ approċċi u prodotti ta’ finanzjament ġodda u innovattivi fl-ambitu tal-InvestEU 46 , appoġġ immirat fl-ambitu tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u appoġġ għall-investimenti, għall-ekoskemi u għas-servizzi ta’ konsulenza fil-Politika Agrikola Komuni. Permezz tal-biedja tal-karbonju, il-Kummissjoni se tippromwovi mudell kummerċjali ġdid għat-tneħħija tal-karbonju fuq l-art, inkluż inċentivi finanzjarji biex jiġu introdotti soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

Il-Kummissjoni se:

otipproponi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għat-tneħħija tal-karbonju, inklużi l-kontabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni f’inizjattivi tal-biedja tal-karbonju li ġejjin;

otiżviluppa l-aspetti finanzjarji ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u trawwem l-iżvilupp ta’ approċċi u prodotti finanzjarji li jkopru wkoll l-adattament ibbażat fuq in-natura;

otkompli tinċentiva u tassistu lill-Istati Membri biex jintroduċu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura permezz ta’ valutazzjonijiet, gwida, bini ta’ kapaċità, u finanzjament mill-UE.

12.Adattament aktar rapidu: It-tħaffif tal-adattament b’mod ġenerali

47 48 Sabiex titħaffef l-azzjoni ta’ adattament, l-implimentazzjoni tirrikjedi riżorsi li huma proporzjonati mal-isfida. L-UE żiedet il-mira tal-infiq għall-azzjoni klimatika għal 30 % fil-baġit fit-tul tagħha għall-2021 sal-2027, bl-adattament bħala komponent ewlieni. Tisħiħ ulterjuri tad-dimensjoni soċjali fil-baġit tal-UE fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew se jiftaħ aktar appoġġ biex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli. Madankollu, abbażi tal-istimi tal-investiment meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ adattament, hemm diskrepanza ta’ finanzjament imdaqqsa għall-investimenti reżiljenti għall-klima fl-Ewropa u għalhekk hemm bżonn ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Fil-pjan direzzjonali l-ġdid tiegħu dwar il-klima, il-Bank Ewropew tal-Investiment ħabbar appoġġ sħiħ għall-Istrateġija il-ġdida tal-UE dwar l-Adattament, li se tkun dettaljata aktar sa tmiem l-2021. Il-BEI se jiżgura li l-operazzjonijiet kollha li jappoġġa jkunu reżistenti għall-klima u se jsegwi b’mod attiv opportunitajiet ta’ investiment fl-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi reżiljenti għall-klima. 

49 Id-distakk fl-adattament għall-klima huwa wiesa’ u qed jiżdied, u għalhekk irridu nnaqqsuh aktar malajr. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent enfasizzat din il-kwistjoni b’mod regolari fir-rapporti ta’ valutazzjoni tagħha dwar l-adattament. Il-progress fl-ippjanar tal-adattament għadu qed isir bil-mod, u l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ saħansitra qed isiru saħansitra aktar bil-mod. Il-miżuri attwali jiffokaw l-aktar fuq is-sensibilizzazzjoni, l-organizzazzjoni istituzzjonali jew l-iżvilupp tal-politika, iżda l-implementazzjoni proprja ta’ soluzzjonijiet fiżiċi, bħall-ħolqien ta’ aktar spazji ekoloġiċi biex jitnaqqsu l-impatti tal-mewġ tas-sħana jew l-aġġustament tas-sistemi tad-drenaġġ biex jiġu indirizzati aħjar il-fajd mill-maltemp u l-ilma urban li jiskula, għadha lura. Għalhekk, l-għan ta’ din l-istrateġija huwa li l-enfasi titpoġġa fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet, li jitnaqqas ir-riskju klimatiku, li tiżdied il-protezzjoni tal-klima, u li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess għall-ilma ħelu.

13.Naċċelleraw it-tnedija tas-soluzzjonijiet ta’ adattament

In-nuqqas ta’ aċċess għal soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-azzjoni huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-adattament. Il-Programm Qafas tal-UE u l-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni dwar il-Klima 50 diġà jappoġġjaw l-innovazzjoni għall-adattament, iżda analiżi riċenti turi l-ħtieġa li nsaħħuha. 51 Waħda mill-Missjonijiet proposti ta’ Orizzont Ewropa se tkun dwar L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, inkluża t-Trasformazzjoni Soċjetali” 52 . Il-Missjoni tittestja soluzzjonijiet integrati li jistgħu jiksbu l-viżjoni ta’ reżiljenza għall-klima sal-2050 b’enfasi fuq l-involviment taċ-ċittadini. Dawn is-soluzzjonijiet imbagħad ikunu jistgħu jiġu estiżi u implimentati fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-proposta tal-Missjoni għandha l-għan li tappoġġa 200 komunità biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għall-adattament trasformattiv, u biex jitkabbru 100 proġett ta’ wirjiet profondi (deep demonstrations) ta’ reżiljenza għall-klima. Il-programm Orizzont Ewropa ppjana wkoll missjonijiet dwar is-saħħa tal-ħamrija, il-bliet newtrali għall-klima, u l-oċeani, li huma direttament rilevanti għall-azzjoni fir-rigward tal-adattament 53 .

B’mod partikolari, hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet li jgħinu lill-bdiewa u lill-maniġers tal-art jindirizzaw ir-riskji klimatiċi. Il-konfini tar-reġjuni bijoġeografiċi tal-lum se jiċċaqilqu lejn it-Tramuntana u jitilgħu ’l fuq, ibiddlu x-xejriet u l-ekosistemi tal-veġetazzjoni, u se jwasslu għal bidliet kbar fil-foresti u fl-art agrikola. Is-siġar u l-uċuħ tar-raba’ jistgħu ma jkunux kapaċi jlaħħqu ma’ dawn il-bidliet, speċjalment meta ħabitats adegwati jkunu frammentati. Waħda mis-soluzzjonijiet hija li jsir użu aħjar mid-diversità ġenetika u mir-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti li ma jagħmlux ħsara lill-adattament, abbażi tal-aktar xjenza riċenti. Dan jista’ jinkiseb pereżempju billi jiġu integrati aħjar il-kunsiderazzjonijiet ta’ adattament fil-mod kif jiġu ġestiti l-foresti. Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-twessigħ tal-provvista ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ kwalità għolja xieraq biex jiġi appoġġjat l-adattament fl-agrikoltura, fil-forestrija u fil-ġestjoni tal-ekosistema tal-art. Hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex jiġu mħeġġa l-produzzjoni kollaborattiva u transnazzjonali kif ukoll it-trasferiment ta’ żrieragħ u materjal tat-tħawwil permezz ta’ politiki u azzjonijiet attivi billi tiġi emendata d-Direttiva dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti u d-Direttivi dwar il-Kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ u materjal ieħor ta’ propagazzjoni 54 .

Is-sistemi tal-appoġġ għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-appoġġ tekniku b’rabta mar-reżiljenza għall-klima jridu jsiru aktar aċċessibbli u rapidi sabiex titħeġġeġ l-adozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ rispons rapidu għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u għall-prattikanti tal-adattament. Dawn is-soluzzjonijiet ikollhom jaħdmu fuq perjodu ta’ żmien u bir-riżorsi disponibbli għas-settur finanzjarju, għall-SMEs jew għall-bdiewa żgħar, u għandhom jibbażaw fuq data essenzjali minn Copernicus u minn sorsi oħra. L-awtoritajiet pubbliċi u l-maniġers taż-żoni responsabbli għas-siti ta’ Natura 2000 jirrikjedu gwida dwar approċċi ta’ konservazzjoni u strateġiji ta’ adattament xierqa. Investiment kbir mis-settur privat f’soluzzjonijiet ta’ adattament se jżid ukoll il-firxa ta’ għażliet disponibbli u jagħmilhom aktar affordabbli għal kulħadd. It-tassonomija tal-UE għall-attivitajiet sostenibbli tkopri l-adattament 55 u se taġixxi bħala faċilitatur u inċentiv biex tidderieġi l-finanzjament privat lejn iż-żieda tar-reżiljenza għall-klima.

Il-Kummissjoni se:

otimplimenta l-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa ppjanata dwar “l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u missjonijiet oħra rilevanti għall-adattament, inkluż dwar is-saħħa tal-ħamrija, il-bliet newtrali għall-klima u l-oċeani ladarba dawn jiġu approvati;

otappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament ulterjuri, inkluż għodod ta’ appoġġ għal deċiżjonijiet ta’ rispons rapidu biex jiġi arrikkit is-sett ta’ għodod għall-prattikanti tal-adattament;

otintegra l-adattament fl-aġġornament ta’ Natura 2000 u l-gwida dwar it-tibdil fil-klima, u fil-linji gwida dwar l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni favur il-bijodiversità, kif ukoll fl-Istrateġija għall-Foresti li jmiss;

ossaħħaħ l-appoġġ tagħha biex jiġi protett il-potenzjal tar-riżorsi ġenetiċi għall-adattament, inkluż billi tipproponi leġiżlazzjoni dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ;

otkompli tiżviluppa t-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli għall-adattament għall-klima permezz ta’ Atti Delegati.

14.It-tnaqqis tar-riskju relatat mal-klima

L-investiment f’infrastruttura reżiljenti u reżistenti għall-klima jħalli l-frott. L-infrastruttura spiss iddum għal ħafna deċennji iżda ħafna mill-istokk eżistenti mhuwiex qed ilaħħaq sew mal-klima li qed tinbidel. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ diżastri u jkun kosteffettiv tul il-ħajja tiegħu, l-investimenti infrastrutturali jenħtieġ li jkunu reżiljenti għall-klima. Dan jista’ jirrikjedi kost addizzjonali bil-quddiem ta’ ~3 % ta’ proġett iżda l-investimenti ta’ reżiljenza għandhom proporzjon kostijiet-benefiċċji ta’ madwar 1:4 56 . Il-Kummissjoni żviluppat gwida estensiva għar-reżistenza klimatika għal proġetti kbar ġodda ta’ infrastruttura. Dawn il-linji gwida ġew aġġornati u se jiġu estiżi għal fondi oħra tal-UE 57 b’attenzjoni speċjali għall-infrastruttura kritika. Il-Kummissjoni se tkompli taġġorna din il-gwida u testendiha għall-infrastruttura eżistenti u se tippromwovi l-użu tagħha lil hinn mill-finanzjament tal-UE. Se tuża wkoll strumenti tal-politika esterna biex tippromwovi l-użu internazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni ħadmet mal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex jiġu aġġornati l-istandards li jirregolaw is-sikurezza u l-prestazzjoni tal-infrastruttura fi klima li qed tinbidel. Dawn ipproduċew gwida għal kittieba standard u bdew aġġornament ta’ 12-il standard tal-infrastruttura bħala proġett pilota. Din l-azzjoni se tkopri firxa usa’ ta’ standards u se tgħin biex tħaffef l-istandardizzazzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ adattament 58 . Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu standardizzazzjoni nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali ta’ Adattament tagħhom, b’komplementarjetà mal-ħidma ta’ standardizzazzjoni fil-livell tal-UE.

L-azzjoni ta’ adattament għall-klima trid tingrana aħjar is-sinerġiji b’ħidma usa’ dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. It-tnejn li huma jipprovdu firxa ta’ approċċi komplementari għall-immaniġġjar tar-riskji klimatiċi sabiex jinbnew soċjetajiet reżiljenti. Koerenza aħjar f’termini ta’ prattiki, standards, gwida, miri, riżorsi u għarfien tista’ tinkiseb permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE (fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili), u internazzjonalment (fl-ambitu tal-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri). Filwaqt li tibni fuq Il-Ħarsa Ġenerali lejn ir-riskji ta’ diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem li tista’ tiffaċċja l-Unjoni Ewropea tagħha 59 , proġetti ta’ riċerka rilevanti 60 , is-sensiela ta’ rapporti tagħha tal-PESETA 61 , u tqis ir-regolamenti settorjali eżistenti, il-Kummissjoni se tfassal valutazzjoni tar-riskju klimatiku madwar l-UE kollha. Din il-valutazzjoni se tagħti attenzjoni speċjali lit-theddid għas-saħħa, lill-vulnerabbiltajiet tal-ekosistema, lill-infrastrutturi kritiċi, lill-proġetti ta’ interess komuni tat-TEN-E 62 u lill-kurituri u l-hotspots tan-networks tat-TEN-T. Il-Kummissjoni se tgħin biex jiġu indirizzati l-fajd tal-ilma tal-maltemp u l-ilma urban li jiskula bħala parti mill-proċess biex tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, u se tikkondividi l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma minħabba inċidenti industrijali kkawżati mill-għargħar u n-nixfiet.

Jeħtieġ li nagħmlu aktar biex inħejju l-istokk tal-bini tal-Ewropa jiflaħ għall-impatti tat-tibdil fil-klima. It-temp estrem u l-bidliet fil-klima li jdumu jistgħu jagħmlu ħsara lill-bini u lill-potenzjal ta’ mitigazzjoni tiegħu, eż. pannelli solari jew iżolament termali wara maltempati tas-silġ. Madankollu, il-bini jista’ jikkontribwixxi wkoll għal adattament fuq skala kbira, pereżempju permezz taż-żamma tal-ilma lokali li tnaqqas l-effett ta’ gżejjer ta’ sħana urbani bi bjut u ħitan ekoloġiċi. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari jidentifikaw ir-reżiljenza għall-klima bħala prinċipju ewlieni. Il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet biex tipprevedi aħjar l-istress ikkawżat mill-klima fuq il-bini u biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza għall-klima fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini permezz ta’ kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għall-bini pubbliku, ir-Reġistru Diġitali dwar il-Bini, u bħala parti mill-proċess għar-rieżami tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini.

Il-Kummissjoni se:

ossaħħaħ il-gwida dwar ir-reżistenza klimatika, u tippromwovi l-użu tagħha fl-Ewropa u lil hinn minnha;

otiżviluppa valutazzjoni tar-riskju klimatiku fl-UE kollha u ssaħħaħ il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri tal-UE;

otindirizza t-tħejjija u r-rispons fil-livell tal-UE għal theddid għas-saħħa relatat mal-klima, inkluż permezz tal-Qafas tal-UE dwar it-Theddid għas-Saħħa u, skont kif ikun rilevanti, permezz tal-Awtorità Ewropea ppjanata għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa;

ożżid il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni biex l-istandards ikunu reżistenti għall-klima u biex jiġu żviluppati standards ġodda għal soluzzjonijiet ta’ adattament għall-klima;

otappoġġja l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ reżiljenza għall-klima fil-kriterji applikabbli għall-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini u għall-infrastruttura kritika.

15.Innaqqsu d-distakk fil-protezzjoni tal-klima

Id-distakk fil-protezzjoni tal-klima huwa s-sehem ta’ telf ekonomiku mhux assigurat ikkawżat minn diżastri relatati mal-klima. Dan id-distakk jidher li qed jikber minħabba azzjoni ta’ adattament bil-mod, u avvenimenti tat-temp estremi aktar frekwenti fin-nuqqas ta’ rati ogħla ta’ penetrazzjoni tal-assigurazzjoni tal-klima 63 . Barra minn hekk, it-telf magħruf huwa stimi ta’ livell aktar baxx li jirrappreżentaw xejriet inqas milli suppost. L-impatti klimatiċi joħolqu riskji ta’ destabbilizzazzjoni għall-assi u għan-negozji. Sa ċertu punt, in-negozju jista’ jtaffi r-riskji meta t-telf li jirriżulta jkun kopert, inkluż permezz ta’ strumenti għall-pula tar-riskju kemm nazzjonalment kif ukoll bejn il-fruntieri. Illum, medja ta’ 35 % biss tat-telf ekonomiku relatat mal-klima huwa assigurat, u dan jilħaq livell baxx sa 5 % jew inqas f’xi partijiet tal-Ewropa.

L-użu tal-assigurazzjoni bħala mekkaniżmu ta’ trasferiment tar-riskju biex jiġi assorbit it-telf finanzjarju relatat mar-riskji klimatiċi jista’ jkun l-ewwel pass mir-reazzjoni għall-kriżijiet lejn il-ġestjoni u l-antiċipazzjoni tar-riskju. Skont rapport mill-industrija tal-assigurazzjoni, żieda ta’ 1 % fil-kopertura tal-assigurazzjoni tista’ tnaqqas il-kost globali tad-diżastri relatati mal-klima lill-kontribwenti jew lill-gvernijiet bi 22 % 64 . Kemm l-industrija tal-assigurazzjoni tal-UE kif ukoll l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, wissew dwar it-tħassib imminenti dwar l-assigurabbiltà u l-affordabbiltà f’dinja li sofriet ħsara fil-klima. Għalhekk huwa importanti li tiġi eżaminata l-penetrazzjoni tal-assigurazzjoni għad-diżastri naturali fl-Istati Membri u li jiġu promossi l-iskemi nazzjonali tal-assigurazzjoni għad-diżastri li jħeġġu lill-utenti jinvestu fl-adattament. Din se tiġi megħjuna bl-iżvilupp tad-dashboard tal-katastrofi naturali tal-EIOPA, u bil-pubblikazzjoni ta’ linji gwida għal azzjoni governattiva 65 . Fl-aħħar mill-aħħar, il-mekkaniżmu li din l-istrateġija tistabbilixxi se jwassal għal valutazzjonijiet fil-livell nazzjonali tar-rati ta’ penetrazzjoni tal-assigurazzjoni u rakkomandazzjonijiet biex dawn jittejbu.

Id-djalogu u l-innovazzjoni jistgħu jżidu bil-kbir il-potenzjal tar-reżiljenza għall-klima tar-reġimi tal-assigurazzjoni. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni u d-diskussjoni dwar l-aħjar prattiki bejn il-partijiet ikkonċernati tas-settur tal-assigurazzjoni u ssaħħaħ id-djalogu bejn l-assiguraturi, ir-riassiguraturi, l-awtoritajiet pubbliċi, u partijiet ikkonċernati oħra, bħal żviluppaturi tal-proprjetà immobbli u operaturi tal-infrastruttura fil-każ tal-ambjent mibni. Bħala parti mill-Istrateġija Mġedda ta’ Finanzjament Sostenibbli li jmiss, il-Kummissjoni se tesplora azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tal-forniment ta’ prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti għall-klima. Dan se jinkludi l-aħjar prattiki fl-istrumenti finanzjarji għall-ġestjoni tar-riskji temporanji, kemm jekk ikkawżati mis-suq kif ukoll jekk ikkawżati mill-klima, u l-potenzjal ta’ soluzzjonijiet ġodda u innovattivi għat-trasferiment tar-riskju 66 .

Fil-kuntest tal-Istrateġija Mġedda ta’ Finanzjament Sostenibbli, il-Kummissjoni se:

otgħin biex tiġi eżaminata l-penetrazzjoni tal-assigurazzjoni kontra d-diżastri naturali fl-Istati Membri, u tippromwoviha, pereżempju permezz ta’ linji gwida u tistieden lill-EIOPA tiżviluppa d-dashboard tal-katastrofi naturali tagħha li jippermetti valutazzjonijiet fil-livell tal-pajjiż;

ossaħħaħ id-djalogu bejn l-assiguraturi, dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħrajn;

otidentifika u tippromwovi l-aħjar prattiki fl-istrumenti finanzjarji għall-ġestjoni tar-riskju, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EIOPA;

otesplora l-użu aktar mifrux ta’ strumenti finanzjarji u soluzzjonijiet innovattivi biex tindirizza r-riskji kkawżati mill-klima.

16.Niżguraw id-disponibbiltà u s-sostenibbiltà tal-ilma ħelu

L-iżgurar li l-ilma ħelu jkun disponibbli b’mod sostenibbli huwa fundamentali għar-reżiljenza għall-klima. L-ilma jsostni ħafna mis-setturi tal-ekonomija u l-aċċess għall-ilma tax-xorb huwa ħtieġa bażika tal-bniedem 67 iżda x-xita bil-qliel u l-għargħar jista’ jkollhom effetti devastanti fuq il-komunitajiet u l-infrastruttura. L-Ewropa qed tiffaċċja dejjem aktar sitwazzjonijiet ta’ ilma żejjed jew ta’ ilma insuffiċjenti. L-użu intelliġenti u sostenibbli tal-ilma jirrikjedi bidliet trasformattivi fis-setturi kollha. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lil dan permezz tat-tisħiħ tal-involviment tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma partikolarment adattati għar-reżiljenza għall-klima f’dak li jirrigwarda l-impatti tal-ilma. It-tibdil fil-klima jaggrava l-isfida tal-kondiviżjoni tar-riżorsi tal-ilma u jirrikjedi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-azzjoni ta’ adattament u l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-ilma, inkluż bejn il-fruntieri 68 .

Jeħtieġ ukoll li nnaqqsu b’mod drastiku l-użu tal-ilma. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tippromwovi użu aktar mifrux tal-pjanijiet tal-ġestjoni tan-nixfa, miżuri biex tiżdied il-kapaċità taż-żamma tal-ilma tal-ħamrija u l-użu mill-ġdid u sikur tal-ilma. Il-Kummissjoni se tindirizza t-titjib fl-effiċjenza u l-użu mill-ġdid tal-ilma billi tgħolli r-rekwiżiti tal-prodotti soġġetti għall-ekodisinn u għat-tikkettar tal-enerġija, tal-produzzjoni tal-enerġija, tal-akkomodazzjoni u l-bini, u tal-agrikoltura u se teżamina kif jista’ jitjieb l-iffrankar tal-ilma fl-impjanti industrijali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jippromwovu wkoll it-tranżizzjoni lejn teknoloġiji u prattiki li jiffrankaw l-ilma billi jistabbilixxu prezz li jirrifletti b’mod korrett il-valur tal-ilma. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu promossi strumenti bħall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, sistemi li jippermettu l-ilma u billi jiġu inkorporati esternalitajiet ambjentali. Fl-agrikoltura, approċċ ibbażat fuq l-għarfien, kif ukoll soluzzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata u bbażati fuq in-natura huma meħtieġa biex jiġi żgurat użu sostenibbli tal-ilma. L-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-biedja ta’ preċiżjoni permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni. L-Istati Membri jridu jiżguraw ukoll li l-ilma jiġi pprezzat b’mod korrett, f’konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex il-konsumaturi ma jiġux imqarrqa dwar il-kost reali tal-ikel.

It-tibdil fil-klima jhedded ukoll il-kwalità tal-ilma. Provvista stabbli u sikura ta’ ilma tax-xorb hija tal-ogħla importanza u trid tiġi ggarantita. It-tibdil fil-klima se jżid ir-riskju ta’ kontaminazzjoni u tniġġis akut tal-ilma ħelu minħabba impatti bħal flussi baxxi tax-xmajjar, temperaturi ogħla tal-ilma, għargħar, u telf tal-foresti. Huwa importanti li jiġu inklużi l-impatti klimatiċi fl-analiżijiet tar-riskju tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-ilma (tax-xorb), li jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ monitoraġġ tal-ilma, u li jiġi żgurat fluss minimu tax-xmajjar. Dawn se jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tal-kwalità tal-ilma u fil-preservazzjoni ta’ kwantitajiet suffiċjenti ta’ ilma għall-ambjent u għan-nies kollha. Bl-istess mod, huwa importanti li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-ħamrija li tippurifika l-ilma u tnaqqas it-tniġġis.

Il-Kummissjoni se:

otgħin biex jiġi żgurat l-użu u l-ġestjoni tal-ilma li jkunu sostenibbli u reżiljenti għall-klima kemm transettorjali kif ukoll transfruntiera billi ttejjeb il-koordinazzjoni tal-pjanijiet tematiċi u mekkaniżmi oħra bħall-allokazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-permessi tal-ilma;

otgħin biex jitnaqqas l-użu tal-ilma billi żżid ir-rekwiżiti tal-iffrankar tal-ilma għall-prodotti, tħeġġeġ l-effiċjenza u l-iffrankar tal-ilma, u billi tippromwovi l-użu aktar mifrux tal-pjanijiet tal-ġestjoni tan-nixfa kif ukoll il-ġestjoni tal-ħamrija u l-użu tal-art sostenibbli;

otgħin biex tiġi ggarantita provvista stabbli u sikura tal-ilma tax-xorb, billi tħeġġeġ l-inkorporazzjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima fl-analiżijiet tar-riskju tal-ġestjoni tal-ilma.

17.Insaħħu l-azzjoni internazzjonali għar-reżiljenza għall-klima

L-ambizzjoni tagħna għall-adattament għat-tibdil fil-klima trid taqbel mat-tmexxija globali tagħna fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta’ Pariġi stabbilixxa l-għan globali dwar l-adattament u enfasizza l-adattament bħala kontributur ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli. L-adattament huwa element trasversali fl-azzjoni esterna tal-UE u tal-Istati Membri, li jkopri l-kooperazzjoni internazzjonali, il-migrazzjoni, il-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà 69 . Sabiex jiġu mmassimizzati r-riżultati, l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jaħdmu b’mod koerenti u kkoordinat. It-tibdil fil-klima u s-sigurtà huma interrelatati; Fl-2008, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli diġà enfasizzaw li t-tibdil fil-klima huwa multiplikatur tat-theddid, li jkompli jżid it-tensjonijiet u l-instabbiltà eżistenti 70 .

L-UE se tippromwovi approċċi subnazzjonali, nazzjonali u reġjonali għall-adattament, b’enfasi speċifika fuq l-adattament fl-Afrika, fl-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS), u fil-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs). L-azzjoni esterna trid timmira l-adattament b’mod aktar effettiv, permezz ta’ approċċ ta’ rabtiet umanitarji, ta’ żvilupp u ta’ paċi biex jintlaħqu l-aktar komunitajiet esposti, vulnerabbli, suxxettibbli għall-kunflitti jew emarġinati, fejn ħadd u mkien ma jitħallew jibqgħu lura. Huma meħtieġa miżuri speċifiċi u mfassla apposta biex jindirizzaw l-impatt sproporzjonat li t-tibdil fil-klima għandu fuq gruppi vulnerabbli u fuq id-drittijiet tal-bniedem 71 . Id-djalogu mal-pajjiżi sħab jenħtieġ li jkollu l-għan li jżid l-kooperazzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, jikseb fehim aħjar tal-isfidi ta’ adattament f’pajjiżi terzi u jippromwovi azzjoni ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u prattiki tajbin. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi vulnerabbli għall-klima u lil dawk li huma sħab proattivi b’mod partikolari fl-azzjoni klimatika. L-UE se timplimenta l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent u sħubijiet b’saħħithom mal-viċinat tagħha, b’mod partikolari r-reġjun tal-Mediterran 72 .

L-UE għandha storja ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra biex taħdem fuq l-adattament għall-klima fil-livelli kollha. Il-qofol tal-azzjoni esterna tal-UE b’rabta mal-adattament jrid ikun il-mudell ta’ żvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjetali tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan il-mudell ta’ żvilupp huwa bbażat fuq ir-reżiljenza, l-ippjanar, l-appoġġ għall-gruppi lokali, il-prevenzjoni, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat sew. Kontribuzzjonijiet Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali, Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali u pjanijiet oħra rilevanti għall-klima (eż. il-bijodiversità, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri) joffru pjattaforma solida għall-kollaborazzjoni. L-UE tista’ wkoll titgħallem minn ħaddieħor: ħafna mis-sħab internazzjonali tagħna ilhom fuq quddiem fir-rigward tat-tibdil fil-klima u għandhom esperjenza siewja li tista’ tgħin lill-Ewropa ssir aktar reżiljenti għall-klima.

Hemm ħtieġa urġenti ta’ finanzi internazzjonali addizzjonali għall-adattament għat-tibdil fil-klima, kemm minn sorsi pubbliċi kif ukoll minn sorsi privati. Se jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi biex jiġi ingranat il-finanzjament privat fl-adattament fil-pajjiżi sħab. Minbarra ż-żieda fl-appoġġ għall-adattament, il-finanzjament għall-klima jeħtieġ li jkun aktar immirat lejn l-aktar azzjoni effettiva u lejn pajjiżi u komunitajiet li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima u li għandhom inqas kapaċità li jaġixxu. Huma meħtieġa tmexxija politika, azzjoni internazzjonali kollettiva u impenn biex jiġu ddedikati riżorsi għar-reżiljenza għall-klima.

73 Kaxxa 2: L-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Afrika

Kemm l-UE kif ukoll l-Afrika qed jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima 74 . Il-Bank Dinji jistma li, fl-Afrika sub-Saħarjana biss, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal għal migrazzjoni ta’ sa 70 miljun persuna sal-2050. L-UE diġà hija impenjata li tgħin lill-Afrika tadatta għal klima aktar ostili, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħall-Inizjattiva Great Green Wall. Matul il-perjodu 2014-2019, l-UE mmobilizzat madwar EUR 3,4 biljun biex tappoġġja l-adattament għall-klima fir-reġjun. L-UE tappoġġja, fost l-oħrajn, l-Inizjattiva ta’ Adattament tal-Afrika, il-Kapaċità ta’ Riskju tal-Afrika, u nediet is-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Afrika.

L-UE se tappoġġja u tippromwovi l-pajjiżi sħab fl-iżvilupp ta’ adattament lokali, nazzjonali u reġjonali u strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. Din se tkompli taħdem ma’ inizjattivi u istituzzjonijiet Afrikani li jappoġġjaw l-adattament reġjonali u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. Dawn l-isforzi se jikkapitalizzaw fuq l-approċċ “Tim Ewropa” u se jsegwu integrazzjoni bejn l-adattament, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

18.Inżidu l-appoġġ għar-reżiljenza u t-tħejjija internazzjonali għall-klima

L-appoġġ lill-pajjiżi sħab biex jadattaw għat-tibdil fil-klima jinkludi l-provvista ta’ riżorsi, il-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni, u ż-żieda fl-effettività. Dan jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ approċċi komprensivi tal-ġestjoni tar-riskju, permezz ta’ politiki nazzjonali jew subnazzjonali ta’ adattament u ta’ politiki reżiljenti għall-klima, f’sinerġija mal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u mal-politiki ambjentali u soċjali. L-appoġġ se jiffoka fuq il-bini ta’ kapaċità amministrattiva, il-valutazzjoni tal-esponiment u l-vulnerabbiltajiet, it-titjib tal-ġbir u l-analiżijiet tad-data, l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ adattament f’konformità mal-prijoritajiet u l-vulnerabbiltajiet nazzjonali, u l-promozzjoni ta’ riformi strutturali reżistenti għall-klima u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fid-dawl tal-kobenefiċċji tagħhom.

It-tibdil fil-klima jimmultiplika t-theddid għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, li jaffettwa b’mod partikolari lil persuni f’sitwazzjonijiet diġà fraġli u vulnerabbli. It-tibdil fil-klima qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar bħala kontributur għal kundizzjonijiet sottostanti li jwasslu għal kunflitt vjolenti 75 . L-azzjoni ta’ adattament tista’ tkun għodda siewja fil-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti. Meta tinbena reżiljenza f’pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti jenħtieġ li jitqiesu l-objettivi tal-iżvilupp tal-bniedem u dawk klimatiċi. L-istrateġiji, il-programmi u l-proġetti ta’ adattament jenħtieġ li jitfasslu b’mod sensittiv għall-kunflitti sabiex jiġi evitat li t-tensjonijiet jaggravaw. Dan huwa importanti biex jitnaqqsu r-riskji ta’ spostament relatat mal-klima u biex jinftiehmu u jiġu mmaniġġjati aħjar l-interkonnessjonijiet bejn it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-mobilità 76 .

Il-Kummissjoni se tieħu approċċ imfassal apposta biex tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza għall-klima globalment. F’konformità mal-Aġenda Urbana l-Ġdida tan-NU, l-UE se żżid l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet lokali. Dan se jinkludi l-progress fir-rigward tal-adattament fl-ambitu tal-Patt Globali tas-Sindki, il-promozzjoni tal-iżvilupp urban u rurali sostenibbli u reżiljenti, l-appoġġ għall-involviment tal-komunità fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ adattament immexxi lokalment, l-iffokar fuq insedjamenti informali, u l-indirizzar ta’ riżorsi finanzjarji fil-livell lokali. L-UE se tintegra wkoll kunsiderazzjonijiet klimatiċi għar-riżorsi internazzjonali ġestiti mill-UE b’mod konġunt ma’ sħab oħra, bħas-sajd internazzjonali jew il-protezzjoni tal-bijodiversità lil hinn minn żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar. Se tinvolvi ruħha wkoll ma’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, inkluż il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku, biex tippromwovi l-adattament u żoni protetti tal-baħar ġodda.

L-Unjoni Ewropea se:

ossaħħaħ l-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Kontribuzzjonijiet Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali fil-pajjiżi sħab tal-UE u se tintegra r-reżiljenza u t-tħejjija għall-klima li jkunu sensittivi għall-kunflitti, antiċipatorji u preventivi fil-politiki u fl-istrumenti rilevanti tal-UE għall-azzjoni esterna;

otintensifika u testendi l-appoġġ għall-adattament lill-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab tal-UE u tiżviluppa programmi reġjonali, inkluż għall-pajjiżi fil-viċinati tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, u fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

otinkludi kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-ftehim futur dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali.

19.Inżidu l-finanzjament internazzjonali biex tinbena r-reżiljenza għall-klima

Huwa kruċjali li jiġu identifikati riżorsi finanzjarji ġodda u innovattivi għall-adattament u r-reżiljenza, b’mod partikolari għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u għall-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw. Fil-livell globali, madwar 93 % tal-finanzjament mis-settur pubbliku u privat għall-azzjoni klimatika jmur għall-mitigazzjoni 77 . Il-finanzjament għall-adattament għall-klima laħaq medja ta’ madwr EUR 25 biljun fis-sena fl-2017 iżda huwa stmat li l-ħtiġijiet huma għaxar darbiet aktar 78 . L-UE u l-Istati Membri tagħha żiedu l-appoġġ finanzjarju totali tagħhom għall-klima lil pajjiżi terzi b’7,4 % fl-2019, li jammonta għal EUR 21,9 biljun, li 52 % minnu ntefaq biex is-sħab tal-UE jiġu megħjuna jadattaw għat-tibdil fil-klima 79 . L-għoti ta’ sehem għoli ta’ finanzjament għall-klima fi ħdan il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE, u speċifikament għall-adattament, wassal għat-tifħir internazzjonali tal-UE u huwa importanti li fil-futur dan jiġi sostnut. Il-Kummissjoni se timmira li żżid ir-riżorsi u tkompli timmobilizza finanzjament għall-adattament fuq skala akbar, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi innovattivi bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+), billi tingrana r-riżorsi f’mezzi bilaterali u permezz tal-Istati Membri tal-UE.

L-UE se tipprovdi appoġġ immirat lill-pajjiżi sħab biex tgħin biex ir-riżorsi finanzjarji eżistenti u ġodda jiġu sfruttati għall-adattament għall-klima. Dan jinkludi l-appoġġ lill-pajjiżi sħab fl-aċċess għall-finanzjament għall-klima minn sorsi internazzjonali, bħall-Fond Ekoloġiku għall-Klima u l-Fond ta’ Adattament, u l-kollaborazzjoni ma’ banek multilaterali tal-iżvilupp, istituzzjonijiet finanzjarji u s-settur privat. Jeħtieġ attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji jilħqu l-aktar komunitajiet vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal dawk b’kapaċità istituzzjonali tradizzjonalment limitata biex jassorbu r-riżorsi finanzjarji internazzjonali, b’mod partikolari f’pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti. Biex tingħata spinta lill-finanzjament għall-ġestjoni tar-riskju fil-livell internazzjonali tad-diżastri relatati mal-klima, l-UE se tippromwovi l-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament. Dawn jinkludu l-assigurazzjoni ta’ assi pubbliċi, fondi ta’ kontinġenza u linji ta’ kreditu, u l-assigurazzjoni sovrana jew privata. L-UE se tfittex ukoll li tippromwovi r-reżistenza għall-klima ta’ investimenti eżistenti u ġodda, billi tibda b’dawk li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-UE.

L-Unjoni Ewropea se:

otimmira li żżid il-finanzjament internazzjonali għall-klima għall-adattament permezz tal-istrumenti tal-UE għall-azzjoni esterna u bl-ingranaġġ ta’ investimenti mis-settur privat;

otippromwovi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ finanzjament ta’ riskju ta’ diżastri biex tiżdied ir-reżiljenza makroekonomika għall-klima fil-pajjiżi sħab;

otappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-tfassil ta’ politiki u inċentivi għall-promozzjoni ta’ investiment reżiljenti għall-klima, inkluż soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura;

ossaħħaħ ir-reżistenza għall-klima tal-investimenti u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE.

20.Insaħħu l-involviment u l-iskambji globali dwar l-adattament

Il-momentum dejjem akbar dwar l-adattament se jissaħħaħ fil-livell internazzjonali. Bħala l-proponent l-aktar b’saħħtu ta’ azzjoni internazzjonali ambizzjuża skont il-Ftehim ta’ Pariġi, aħna se nkomplu nwieġbu għal sejħiet imġedda għal aktar multilateraliżmu. Dan se jinvolvi ħidma mal-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi biex jiġi żgurat li l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-kwistjonijiet ta’ telf u ħsara, jiġu indirizzati b’mod adegwat fin-negozjati internazzjonali. Bħala parti minn dan l-impenn, l-UE se tikkomunika pjanijiet u azzjoni ta’ adattament skont il-Ftehim ta’ Pariġi f’konformità mal-parità tal-importanza bejn l-adattament u l-mitigazzjoni.

L-UE hija mgħammra tajjeb biex twettaq djalogi strutturati biex tikkondividi soluzzjonijiet, u hija ħerqana biex titgħallem minn ħaddieħor. L-UE għandha esperjenza estensiva fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ adattament. Permezz ta’ servizzi ta’ informazzjoni bħal dawk ipprovduti minn Copernicus, dan jista’ jappoġġja lill-pajjiżi sħab fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali, fil-valutazzjoni tar-riskji klimatiċi u fit-tħejjija ta’ tweġibiet adegwati. L-UE hija impenjata bis-sħiħ fil-governanza internazzjonali tal-oċeani, l-osservazzjoni u r-riċerka, u hija attiva f’networks globali bħall-Inizjattiva Internazzjonali dwar is-Skollijiet tal-Qroll. Hemm lakuni sinifikanti fl-għarfien u approċċi innovattivi fejn l-UE tista’ tibbenefika mill-esperjenza eżistenti, pereżempju dwar l-adattament immexxi mill-komunità u bbażat fuq in-natura. Dan huwa ta’ rilevanza urġenti għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej, li diġà jiffaċċjaw sfidi iebsin ta’ adattament. Se ningħaqdu wkoll ma’ inizjattivi globali u reġjonali rilevanti għall-adattament, bħall-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Transatlantiku, u nappoġġjawhom u nestenduhom.

L-impatti tat-tibdil fil-klima għandhom effetti sekondarji bejn il-fruntieri u l-kontinenti. Anke l-impatti klimatiċi lokali għandhom riperkussjonijiet reġjonali jew globali, u tali riskju klimatiku transfruntier jista’ jilħaq l-Ewropa. Pereżempju, it-tfixkil tal-infrastruttura tal-portijiet tista’ xxekkel jew saħansitra tagħlaq ir-rotot kummerċjali, kemm għall-komoditajiet kif ukoll għall-oġġetti, b’effetti kaskata potenzjali fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali. Sabiex nindirizzaw l-isfidi komuni ta’ soċjetajiet (eż. il-migrazzjoni, il-kunflitt, l-ispostament), ekosistemi (eż. il-baċini tax-xmajjar kondiviżi, l-oċean u r-Reġjuni Polari), u ekonomiji (eż. il-ktajjen ta’ valur mondjali) interkonnessi, se nsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-adattament fil-ftehimiet kummerċjali tagħna.

L-Unjoni Ewropea se:

otissottometti l-pjanijiet u l-azzjonijiet ta’ adattament tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi;

ossaħħaħ l-involviment politiku dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ma’ sħab internazzjonali u reġjonali, u ma’ pajjiżi sħab;

ożżid il-ġabra ta’ għarfien u l-għodod dwar l-adattament disponibbli għal pajjiżi mhux tal-UE u tippromwovi l-adattament fi sħubijiet u Alleanzi Ekoloġiċi.

21.Konklużjonijiet

L-adattament huwa komponent kruċjali tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima. L-UE u l-komunità globali bħalissa mhumiex ippreparati biżżejjed għall-intensità, il-frekwenza u t-tifrix dejjem akbar tat-tibdil fil-klima, speċjalment minħabba li l-emissjonijiet qed ikomplu jiżdiedu. Irridu nibnu malajr ir-reżiljenza tagħna għat-tibdil fil-klima – billi ngħaddu minn sensibilizzazzjoni u tħassib pubbliku akbar għal azzjoni tal-massa dwar l-adattament. It-twissijiet qawwija mill-komunità xjentifika, iż-żieda fil-viżibbiltà tal-impatti tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa u l-irkupru mill-pandemija kollha jagħmlu dan mument kruċjali biex tittieħed azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u biex jiġi kkonsolidat l-legat tal-ġenerazzjonijiet attwali biex jiġu protetti dawk futuri.

L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament twitti t-triq għal ambizzjoni akbar dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima: fl-2050, l-UE se tkun soċjetà reżiljenti għall-klima, adattata bis-sħiħ għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima. Għal din ir-raġuni, l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa parti integrali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-dimensjoni esterna tiegħu, u ankrat b’mod sod fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima proposta. L-Istrateġija l-ġdida tfittex li żżid l-azzjoni fl-ekonomija u fis-soċjetà biex twassalna lejn il-viżjoni għall-2050 għar-reżiljenza għall-klima, filwaqt li żżid is-sinerġiji ma’ oqsma ta’ politika oħra bħall-bijodiversità. Se naħdmu lejn din il-viżjoni billi ntejbu l-għarfien dwar l-impatti klimatiċi u s-soluzzjonijiet ta’ adattament biex nimmaniġġjaw l-inċertezza; billi nżidu l-ippjanar tal-adattament u l-valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku; billi nħaffu l-azzjonijiet ta’ adattament; u billi ngħinu sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima globalment. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-istrateġija tiġi implimentata b’kooperazzjoni mill-qrib mal-elementi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw din l-istrateġija, u flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew isawru b’mod konġunt Unjoni reżiljenti għall-klima. Il-Kummissjoni se tilħaq lill-pubbliku, lill-ibliet, lin-negozji, lis-sħab soċjali u lir-reġjuni biex tħeġġiġhom jipparteċipaw b’mod attiv fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u jingħaqdu flimkien biex jissodisfaw l-isfida tal-adattament.

(1) L-adattament huwa l-proċess ta’ aġġustament għall-klima attwali jew dik mistennija u l-effetti tagħha ( IPCC AR5 ). Mhuwiex rispons ta’ emerġenza ta’ darba, iżda sensiela ta’ miżuri proattivi biex jiġu indirizzati r-rabtiet tal-periklu (eż. in-nixfa, iż-żieda fil-livell tal-baħar), tal-esponiment (eż. inqas ilma fin-Nofsinhar), u tal-vulnerabbiltà (eż. il-faqar jew in-nuqqas ta’ edukazzjoni). Il-kumplikazzjonijiet (u l-periklu) jirriżultaw minn punti kritiċi (jiġifieri l-limiti fir-rata tat-tibdil fil-klima) bħat-taħlil tal-permafrost, it-telf tas-silġ fil-baħar, jew il-qerda massiva tal-foresti.
(2)   https://www.eea.europa.eu/mt/highlights/l-istat-tal-ambjent-tal  
(3)   https://www.undrr.org/news/drrday-un-report-charts-huge-rise-climate-disasters  
(4) Għal diskussjoni dwar l-artikolazzjoni bejn l-adattament u r-reżiljenza, ara IPCC .  
(5)   https://ec.europa.eu/jrc/en/peseta-iv/economic-impacts  
(6)   https://www.leaderspledgefornature.org/  
(7)   Adaptation Gap Report 2020 , Global Commission on Adaptation reports  Adapt Now u State and trends in adaptation 2020 .
(8) Nixfa hija nuqqas mhux tas-soltu u temporanju fid-disponibbiltà tal-ilma, kemm jekk ilma atmosferiku, tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art.
(9) Rapport tal-PESETA IV https://ec.europa.eu/jrc/en/peseta-iv/droughts  
(10)   https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/water-energy-nexus-europe  
(11) Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima COM(2013)216 final .
(12) Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima COM/2020/80 final  
(13) Evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, SWD/2018/461 final
(14)   https://climate-adapt.eea.europa.eu/
(15)   https://gca.org/reports/adapt-now-a-global-call-for-leadership-on-climate-resilience/  
(16) SWD(2021)25 and SWD(2021)26.
(17)   https://europa.eu/climate-pact
(18) Il-Konferenza li jmiss dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tista’ tiġi ingranata biex tippromwovi l-għarfien dwar l-adattament fil-livelli kollha.
(19)   https://media.nature.com/original/magazine-assets/d41586-019-03595-0/d41586-019-03595-0.pdf  
(20) Il- programm Copernicus huwa programm ewlieni tal-UE. Bil-monitoraġġ tal-art, tal-baħar, tat-tibdil fil-klima u dak atmosferiku, dan jipprovdi aċċess sħiħ, liberu u miftuħ għal portafoll vast ta’ data dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja u tal-art, kif ukoll prodotti u servizzi.
(21)   https://emodnet.eu/en  
(22)  Biex nifhmu sa liema punt l-avvenimenti estremi tat-temp u tal-klima jistgħu jkunu marbuta mat-tibdil fil-klima. Ara C3S . 
(23)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/destination-earth-destine#Digital-twins  
(24) Dan jinkludi t-telf pubbliku u privat minn impatti relatati mal-klima, pereżempju t-telf ta’ ħajja, il-ħsara lill-infrastruttura, jew l-operazzjonijiet kummerċjali. Jinkludi wkoll il-kostijiet tar-rispons u l-irkupru ta’ emerġenza f’assi differenti u f’livelli ta’ amministrattivi differenti. Ir-reġistrazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data dwar ir-riskju u t-telf relatati mal-klima jappoġġjaw il-ħidma fuq il- Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri .
(25)   https://drmkc.jrc.ec.europa.eu/risk-data-hub#/  
(26) Copernicus jiġbor flimkien is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti, l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, u s- Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar , fl-ambitu tal-kappa tas- Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi tiegħu.
(27) Iggwidata mill-evalwazzjoni fil-fond tagħha   https://www.eea.europa.eu/publications/sharing-adaptation-information-across-europe .
(28) Pereżempju: Is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa , l-Osservatorju tal-UE dwar il-Ħamrija , is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa , l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa , iċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-Kummissjoni għall-Bijodiversità , iċ-Ċentru tax-Xjenza tal-UE dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja .
(29)   https://www.eea.europa.eu/publications/healthy-environment-healthy-lives  
(30)   https://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/macro-regional-strategies/
(31)   https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/sea_basins_mt
(32)   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1208  tal-Kummissjoni Ewropea
(33)   Prinċipalment mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; sa ċertu punt mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u mill-Fond Soċjali Ewropew.
(34)   https://eu-smartcities.eu/  
(35)   https://www.intelligentcitieschallenge.eu/
(36)   https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/european-education-area/education-climate-coalition_mt  
(37) Ara r- rapport EEA : Unequal exposure and unequal impacts
(38) Is-sensittività klimatika hija firxa stmata – il-politika ekonomika trid tħejji għall-possibbiltà li għal ammont partikolari ta’ emissjonijiet it-temperaturi globali jogħlew ħafna aktar milli mistenni fix-xenarji l-aktar probabbli. Ara pereżempju CRESCENDO .
(39) Ix-xenarji ta’ referenza tal-pożizzjoni globali tal-UE sal-2040 se jiġu żviluppati fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni tal-2021.
(40)   https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/solidarity-fund/  
(41) L-użu tal-fażijiet ta’ rkupru, ta’ riabilitazzjoni u ta’ rikostruzzjoni wara diżastru biex tiżdied ir-reżiljenza tal-komunitajiet permezz tal-integrazzjoni ta’ miżuri għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fir-restawr tal-infrastruttura fiżika u fir-rivitalizzazzjoni tal-għajxien, tal-ekonomiji u tal-ambjent ( L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, 2016 ).
(42) Skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar- Regolament dwar it-Tassonomija (UE) 2020/852)
(43)   https://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/benefits/index_en.htm  
(44) Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma ispirati u appoġġjati min-natura. Ara hawn , hawn , kif ukoll i l- Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2020 .
(45) Din il-ħidma tista’ tinbena fuq il-linji gwida tan-NU , fuq id-dokumenti ta’ riċerka u ta’ gwida appoġġjati mill-UE , u fuq l-istandard globali għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura.
(46) Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-approċċ tagħha mmexxi mid-domanda.
(47) Evalwazzjoni ekonomika fl-UE kollha tal-adattament għat-tibdil fil-klima BASE (2016).
(48) EIB Climate Roadmap 2021-2025 (Adottat f’Novembru 2020).
(49) L-aktar pubblikazzjonijiet reċenti dwar l-adattament urban .
(50)   https://www.climate-kic.org/  
(51) Is-sehem tal-invenzjonijiet tal-adattament għall-klima fl-2015 kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħal fl-1995, filwaqt li l-innovazzjoni dwar il-mitigazzjoni tal-klima kważi rduppjat. Barra minn hekk, huma biss ftit l-invenzjonijiet ta’ adattament li jiġu ttrasferiti minn pajjiż għal ieħor, u prattikament ma hemm l-ebda trasferiment ta’ għarfien bi privattiva lejn pajjiżi b’introjtu baxx ( Il-Bank Dinji ).
(52)   https://ec.europa.eu/info/publications/climate-resilient-europe_mt  
(53)   https://ec.europa.eu/info/horizon-europe/missions-horizon-europe_mt  
(54)   https://ec.europa.eu/food/plant/plant_propagation_material/legislation/eu_marketing_requirements_en  
(55) Tassonomija tal-UE dwar attivitajiet sostenibbli. Għal aktar dettalji, ara hawn .
(56)   https://gca.org/reports/adapt-now-a-global-call-for-leadership-on-climate-resilience/  
(57) Fil-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027: InvestEU, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund/JTF).
(58) Biex jiġu aġġornati l-istandards eżistenti dwar is-sikurezza u l-prestazzjoni tal-infrastruttura u t-tagħmir għall-kundizzjonijiet klimatiċi futuri. L-istandards jippromwovu wkoll soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi li jgħinu lill-assi jadattaw għall-klima li qed tinbidel eż. bjut u ħitan ekoloġiċi.
(59) SWD(2020) 330 final https://ec.europa.eu/echo/news/european-commission-publishes-new-report-disaster-risks-eu_en  
(60)   Pereżempju , fir-rigward tat-tnaqqis fid-distakk bejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri jew riskji kaskata mill-impatti klimatiċi.
(61)   https://ec.europa.eu/jrc/en/peseta-iv  
(62) Ir- Regolament rivedut dwar it-TEN-E jinkludi rekwiżit għal proġetti ta’ interess komuni biex jintegraw miżuri ta’ adattament għall-klima kemm fil-fażi tat-tfassil kif ukoll bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-permessi ambjentali rilevanti.
(63) EEA (2019) Economic losses from climate-related extremes .
(64)  Lloyd’s Global Underinsurance Report 2012
(65) EIOPA dashboard on insurance protection gap and discussion paper .
(66) L-istat ta’ Quintana Roo fil-Messiku ħareġ polza tal-assigurazzjoni fuq skoll biex jipproteġi l-industrija tal-kosta u tat-turiżmu tiegħu mill-uragani. F’Ottubru 2020, l-uragan Delta wassal għall-ewwel żborż ta’ ~ EUR 700,000 li għandu jintuża għat-tiswijiet tal-iskoll.
(67) Kif rikonoxxut mill- Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , li jqiegħed l-ilma u s-sanità fost is-servizzi essenzjali li jenħtieġ li kulħadd ikollu aċċess għalihom.
(68) Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn il-fruntieri jinkludu r- Rhine Catchment u l- ICPDR .  
(69) Pereżempju, ħafna komoditajiet agrikoli esportati lejn l-UE jinsabu f’riskju minn temp estrem u tibdil fil-klima li jibda bil-mod – l-adattament u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ huma meħtieġa biex jiġu appoġġjati popolazzjonijiet dipendenti minn tali esportazzjonijiet.
(70)   S113/08 Climate Change and International Security
(71) Ġiet żviluppata ħidma importanti fit- Task Force tal-UNFCCC dwar l-Ispostament . Ara wkoll l- Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l- Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà .
(72) Il-Mediterran huwa hotspot għat-tibdil fil-klima, li qed jisħon b’rata ta’ 20 % aktar mgħaġġla mill-medja globali – dan juri l-importanza li jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ adattament fil-Viċinat tan-Nofsinhar.
(73) L-Afrika hija waħda mill-aktar kontinenti vulnerabbli minħabba l-esponiment għoli u l-kapaċità baxxa ta’ adattament tagħha ( IPCC AR4, WG 2 ).
(74) Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika JOIN(2020) 4 final  
(75)  Pereżempju, ir-riċerka tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ riżorsi kkawżati mit-tibdil fil-klima u t-tibdil fix-xejriet tal-migrazzjoni jikkontribwixxu indirettament għall-kunflitt, inkluż il-ġlied bejn il-bdiewa u r-ragħajja.
(76) Bis-saħħa taċ- Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija , taċ- Ċentru ta’ Għarfien għall-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri u ta’ Orizzont 2020 .
(77)   Inizjattiva tal-Politika dwar il-Klima (2019).
(78)   https://www.cas2021.com/documents/reports/2021/01/22/state-and-trends-in-adaptation-report-2020  
(79) Din tinkludi finanzjament li jkun ta’ benefiċċju għall-adattament waħdu, u l-mitigazzjoni u l-adattament simultanjament.