Brussell, 28.6.2023

COM(2023) 369 final

2023/0212(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali

{SEC(2023) 257 final} - {SWD(2023) 233 final} - {SWD(2023) 234 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda qegħdin isawru dejjem aktar il-ħajja tan-nies Ewropej u l-ekonomija Ewropea. Hekk kif l-ekonomija Ewropea qiegħda ssir dejjem aktar diġitali, l-Ewropej qegħdin jużaw dejjem aktar il-mezzi diġitali privati ta’ pagament għat-tranżazzjonijiet.

Il-karti tal-flus u l-muniti - li huma l-uniċi forom kurrenti ta’ bażi monetarja b’valuta legali disponibbli għall-pubbliku ġenerali (inklużi n-nies, l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji) – waħedhom ma jistgħux isostnu l-ekonomija tal-UE fl-era diġitali. Għalhekk, l-użu tagħhom fil-pagamenti jonqos hekk kif jiżdied ix-xiri online u d-drawwiet ta’ pagament tal-pubbliku ġenerali jinbidlu u jimxu lejn il-varjetà kbira ta’ mezzi diġitali privati ta’ pagament offruti fl-UE. Dan ipoġġi f’riskju l-bilanċ mixtieq bejn il-bażi monetarja u l-mezzi ta’ pagament diġitali privati. Din ix-xejra tista’ saħansitra tissaħħaħ fil-futur, bil-ħolqien ta’ muniti diġitali tal-banek ċentrali (CBDC) ta’ pajjiżi terzi u ta’ stablecoins 1 maħruġin minn ditti privati, li jistgħu jisfidaw ir-rwol tal-euro fil-pagamenti, fl-UE u barra minnha.

In-nuqqas ta’ forma disponibbli b’mod wiesa’ u li tista’ tintuża ta’ bażi monetarja adattata teknoloġikament għall-era diġitali jista’ jnaqqas ukoll il-fiduċja fil-flus ta’ bank kummerċjali, u fl-aħħar mill-aħħar fl-euro stess. Il-fiduċja fil-flus ta’ bank kummerċjali tiddependi fuq il-possibbiltà li d-depożitanti jaqilbu b’parità d-depożiti tagħhom f’bażi monetarja b’valuta legali, li bħalissa hija disponibbli biss fil-forma ta’ flus kontanti. In-nuqqas ta’ forma ta’ flus ta’ bank ċentrali li jistgħu jintużaw fl-ekonomija diġitali u li huma konvertibbli b’mod ugwali ma’ depożiti f’banek kummerċjali jista’ jimmina r-rwol ta’ ankra monetarja tal-bażi monetarja, idgħajjef l-istabbiltà finanzjarja u s-sovranità monetarja fl-UE.

F’dan il-kuntest, matul dawn l-aħħar snin, il-ħruġ ta’ CBDC bl-imnut kiseb attenzjoni u trazzjoni sinifikanti 2 . Bħall-flus, CBDC bl-imnut tkun forma uffiċjali ta’ bażi monetarja direttament aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, mogħtija l-istatus ta’ valuta legali. Għalhekk, tkun tadatta l-forom uffiċjali tal-munita għall-iżvilupp teknoloġiku, filwaqt li tikkomplementa l-flus kontanti.

Fiż-żona tal-euro, l-istabbiliment ta’ CBDC bl-imnut – l-euro diġitali – huwa neċessarju sabiex din tissupplimenta l-flus kontanti u tadatta l-forom uffiċjali tal-munita għall-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex l-euro jkun jista’ jintuża bħala munita unika, b’mod uniformi u effettiv madwar iż-żona tal-euro. L-euro diġitali jiġi offrut ukoll bħala mezz ta’ pagament diġitali pubbliku, flimkien mal-mezzi ta’ pagament diġitali privati eżistenti, b’appoġġ tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut u settur tal-finanzi diġitali aktar b’saħħithom u aktar kompetittiv, effiċjenti u innovattivi, u tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut ukoll. Bħala tali, l-euro diġitali jiffaċilita l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament bl-imnut pan-Ewropej u interoperabbli, inkluża l-introduzzjoni sħiħa ta’ pagamenti istantanji.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tiżgura li l-bażi monetarja bl-istatus ta’ offerta legali tibqa’ disponibbli għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li toffri mezzi ta’ pagament tal-ogħla livell u kosteffiċjenti, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ privatezza fil-pagamenti diġitali, iżżomm l-istabbiltà finanzjarja u tippromwovi l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni finanzjarja. Għal dan l-għan, il-proposta tistabbilixxi l-euro diġitali li jista’ jinħareġ mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala parti mill-Eurosistema, u tipprovdi l-qafas regolatorju neċessarju li għandu jiżgura l-użu effettiv tal-euro diġitali bħala munita unika fiż-żona tal-euro kollha, jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti fl-era diġitali u jrawwem il-kompetizzjoni, l-effiċjenza, l-innovazzjoni u r-reżiljenza fl-ekonomija diġitalizzata tal-UE. L-euro diġitali ma jkunx flus programmabbli u, għalhekk, ma jkunx jista’ jintuża sabiex jiġi limitat l-infiq tiegħu jew sabiex jiġi mmirat lejn oġġetti jew lejn servizzi speċifiċi: bħala forma diġitali tal-munita unika, għandu jkun kompletament funġibbli.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Minbarra d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati (l-Artikolu 3(1)(c) tat-TFUE u l-Artikoli 127 sa 133 tat-TFUE), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, 3 u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effetti ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u l-aċċess għaliha (adottata flimkien ma’ din il-proposta), 4 ma hemm l-ebda dispożizzjoni ta’ politika fil-qasam ta’ politika rilevanti, jiġifieri l-liġi monetarja bħala parti mill-politika monetarja taż-żona tal-euro.

Din il-proposta hija konsistenti ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn iż-żewġ forom ta’ flus tal-bank ċentrali (l-euro diġitali u l-flus kontanti tal-euro), il-valuta legali tal-flus kontanti se tiġi rregolata wkoll b’mod konsistenti mal-valuta legali tal-euro diġitali, mingħajr preġudizzju għad-differenzi bejn dawn il-forom tal-euro.

Din il-proposta tibni fuq il-libertà tas-suq intern li jiġu pprovduti servizzi ta’ pagament, kull fejn ikun inkorporat il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament. Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament tal-UE jkunu jistgħu jqassmu l-euro diġitali madwar iż-żona tal-euro, din l-inizjattiva hija akkumpanjata minn proposta għal Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro - COM/2023/368 final]. 

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-Istrateġiji tal-Kummissjoni għall-Finanzi Diġitali u dwar il-Pagamenti bl-Imnut 5 adottati f’Settembru 2020 appoġġaw il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament pan-Ewropej kompetittivi u l-esplorazzjoni ta’ euro diġitali bħala komplement possibbli għall-flus kontanti tal-euro, li għandhom jiġu offruti flimkien ma’ mezzi ta’ pagament diġitali privati.

L-introduzzjoni tal-euro diġitali tkun strumentali fil-kuntest tal-isforzi kontinwi sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut, sabiex jiġu promossi l-kompetizzjoni, l-effiċjenza, l-innovazzjoni u r-reżiljenza f’dan is-suq, u sabiex jitħeġġu inizjattivi tal-industrija sabiex jiġu offruti servizzi ta’ pagament pan-Ewropej, b’mod partikolari b’appoġġ tal-introduzzjoni sħiħa ta’ pagamenti istantanji.

L-euro diġitali se jappoġġa politiki ewlenin segwiti mill-Unjoni, b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ data personali, l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni finanzjarja.

Din l-inizjattiva tappoġġa l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ privatezza fil-pagamenti huwa konformi mal-liġijiet tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data: b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2016/679 (GDPR) 6 u r-Regolament (UE) 2018/1715 (EUDPR) 7 se japplikaw għad-distribuzzjoni u l-użu ta’ euro diġitali meta tiġi pproċessata data personali. L-euro diġitali se jitfassal sabiex jiġi mminimizzat l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dak li jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-euro diġitali. L-euro diġitali se jkun disponibbli offline, b’livell ta’ privatezza vis-à-vis il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li huwa komparabbli mal-prelevament ta’ karti tal-flus minn magni awtomatiċi tal-flus u mal-użu ta’ flus kontanti. Is-saldu ta’ tranżazzjonijiet tal-euro diġitali se jkun imfassal b’tali mod li la l-Bank Ċentrali Ewropew u lanqas il-banek ċentrali nazzjonali ma jkunu jistgħu jattribwixxu data għal utent tal-euro diġitali identifikat jew identifikabbli.

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-Direttiva (UE) 2019/882 (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà) 8 , l-euro diġitali se jitfassal b’mod li jimmassimizza l-użu prevedibbli tiegħu minn persuni b’diżabilità, il-limitazzjonijiet funzjonali jew il-ħiliet diġitali limitati, u persuni akbar fl-età.

F’termini ta’ inklużjoni finanzjarja, l-inizjattiva hija ispirata mill-approċċ adottat skont id-Direttiva (UE) 2014/92 (id-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament) 9 , li għandha l-għan li tiżgura aċċess universali għall-kontijiet ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi għall-konsumaturi kollha, inklużi persuni esklużi finanzjarjament. L-euro diġitali se jiġi offrut skont approċċ simili, iżda bl-adattamenti meħtieġa, sabiex jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali. L-ewwel nett, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jipprovdu servizzi ta’ kontijiet ta’ pagament ikunu meħtieġa jipprovdu servizzi ta’ pagament bażiċi bl-euro diġitali fuq talba tal-klijenti tagħhom. It-tieni, għall-konsumaturi li ma humiex klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament b’karatteristika bażika jkun japplika fir-rigward tal-aċċess għal kont bl-euro diġitali b’servizzi bażiċi, b’servizzi bażiċi tal-euro diġitali offruti mingħajr ħlas lil persuni fiżiċi. It-tielet, din l-inizjattiva tiżgura li l-entitajiet pubbliċi (l-awtoritajiet lokali jew reġjonali jew l-uffiċċji postali) għandhom iqassmu wkoll l-euro diġitali lil persuni fiżiċi li ma jkunux jixtiequ jiftħu kont bl-euro diġitali f’istituzzjonijiet ta’ kreditu jew f’fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament. Barra minn hekk, din l-inizjattiva tinkariga lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus sabiex flimkien jiżviluppaw linji gwida li jispeċifikaw ir-relazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti tal-AML/CFT u l-aċċess għal servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali.

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 (PSD2) 10 tirregola l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi u istituzzjonijiet ta’ pagament) u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fi tranżazzjoni ta’ pagament. Il-Kummissjoni pproponiet pakkett leġiżlattiv ġdid li jikkonsisti kemm f’Direttiva ġdida dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern kif ukoll f’Regolament adottat fit-28 ta’ Ġunju 2023 11 . Dan il-pakkett jestendi d-definizzjoni ta’ fondi biex jinkludi l-forom kollha ta’ flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu ta’ bejgħ bl-imnut (karti tal-flus, muniti u munita diġitali tal-bank ċentrali). Fit-22 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva sabiex tagħmel pagamenti istantanji bl-euro, disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji kollha li għandhom kont bankarju fl-UE u fil-pajjiżi taż-ŻEE.

Billi jiġi rrispettat approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jsostni l-qafas tal-Unjoni dwar l-AML u billi tiġi eskluża anonimità sħiħa, l-inizjattiva hija konsistenti mal-objettivi tal-pakkett dwar l-AML 12 adottat mill-Kummissjoni f’Lulju 2021. Fl-istess ħin, l-inizjattiva tipprevedi livell għoli ta’ privatezza għall-pagamenti offline bl-euro diġitali, li huma pagamenti ta’ prossimità simili għall-flus kontanti. It-tranżazzjonijiet online ta’ pagament bl-euro diġitali jsegwu l-istess regoli dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-AML/CFT bħal dawk għall-mezzi ta’ pagament diġitali privati, f’konformità mal-qafas tal-UE dwar l-AML/CFT u l-PSD2, b’mod konsistenti mal-GDPR u mal-istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-data miftuħa.

Il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali 13 interoperabbli madwar l-UE tippermetti lill-utenti, fuq bażi volontarja, li jinkorporaw u jwettqu awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur meta jagħmlu pagamenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 97 tal-PSD2. L-istess funzjonalitajiet għandhom jiġu offruti lill-utenti tal-euro diġitali.

L-euro diġitali ġie identifikat ukoll bħala element tal-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex jappoġġa l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. B’mod partikolari, il-proposta hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Towards a stronger international role of the euro” 14 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza” 15 .

Ir-Regolament tal-Att dwar is-Swieq Diġitali 16 (“DMA”) adottat f’Settembru 2022 għandu l-għan li jtejjeb il-kontestabbiltà tas-swieq fis-settur diġitali. Għal dan l-għan, jimponi numru ta’ obbligi fuq l-impriżi li huma gwardjani deżinjati għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma enumerati mill-Kummissjoni Ewropea, bl-objettivi li tiġi promossa l-għażla tal-utent u li jiġu pprovduti opportunitajiet għall-utenti kummerċjali. Filwaqt li l-gwardjani jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-DMA, bl-introduzzjoni tal-euro diġitali, li se tkun disponibbli għal pagamenti offline, se jkunu meħtieġa interoperabbiltà effettiva u aċċess ġust, raġonevoli u nondiskriminatorju għall-komponenti tal-hardware u tas-software tal-apparati mobbli biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-servizz għall-utenti tal-euro diġitali fis-suq intern.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Bħala forma ġdida ta’ flus tal-bank ċentrali disponibbli għall-pubbliku ġenerali, flimkien mal-karti tal-flus u mal-muniti tal-euro, l-euro diġitali għandu jiġi stabbilit u rregolat b’Regolament tal-UE bbażat fuq l-Artikolu 133 tat-TFUE. Skont l-Artikolu 133 tat-TFUE, “[m]ingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew”.

Kif ġie spjegat hawn fuq u se jiġi żviluppat fit-taqsima 3, l-istabbiliment u r-regolamentazzjoni tal-euro diġitali huma miżura li hija neċessarja sabiex jiġi żgurat l-użu tal-euro bħala munita unika fl-era diġitali. Dan ir-Regolament jeħtieġ li jiżgura li l-euro diġitali jkun jista’ jintuża bl-istess mod, f’konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet, u mingħajr frammentazzjoni, fiż-żona tal-euro kollha.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

F’konformità mal-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(1) tat-TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. F’dan il-qasam, l-azzjoni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro ma hijiex possibbli u, għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Ir-rispett għall-prinċipju tal-proporzjonalità ġie eżaminat fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta u l-għażliet proposti kollha ġew ivvalutati skont dan l-objettiv.

B’mod partikolari, il-mikrointrapriżi li ma jaċċettawx mezzi elettroniċi ta’ pagamenti, l-entità legali mingħajr skop ta’ qligħ u l-individwi li ma jaġixxux matul attività kummerċjali, se jkunu eżentati mill-obbligu li jaċċettaw pagamenti bl-euro diġitali.

F’termini ta’ distribuzzjoni tal-euro diġitali, filwaqt li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jqassmu l-euro diġitali, huma biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw kontijiet ta’ pagament li jkunu meħtieġa jqassmu l-kont bl-euro diġitali fuq talba tal-klijenti tagħhom. Il-ħtieġa li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament iqassmu l-euro diġitali ma kinitx tkun proporzjonata għall-objettiv li jiġi żgurat użu effettiv tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament ta’ valuta legali.

Għażla tal-istrument

Regolament huwa l-istrument xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ġabra unika tar-regoli, li jkollu applikazzjoni ġenerali u li jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk titneħħa l-possibbiltà ta’ differenzi fl-applikazzjoni fl-Istati Membri differenti, u jiġi żgurat l-objettiv tal-użu tal-euro bħala munita unika, kif previst fl-Artikolu 133 tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fit-2 ta’ Ottubru 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew ippubblika “Report on a digital euro”, li esplora l-benefiċċji u l-isfidi tal-ħruġ ta’ euro diġitali, u għażliet possibbli ta’ disinn, bl-objettiv li jfittex fehmiet usa’ dwar dawn l-aspetti mingħand il-pubbliku ġenerali. Wara l-ħruġ tar-rapport, il-Bank Ċentrali Ewropew nieda “Konsultazzjoni pubblika dwar euro diġitali” fit-12 ta’ Ottubru 2020, li damet sat-12 ta’ Jannar 2021. Il-konsultazzjoni kienet tinkludi 18-il mistoqsija mmirati lejn il-ġbir tal-fehmiet ta’ individwi u ta’ professjonisti. L-ewwel parti kienet immirata l-aktar lejn individwi fir-rwol tagħhom bħala utenti tal-pagamenti bl-imnut, filwaqt li t-tieni parti kellha fil-mira primarjament professjonisti finanzjarji, tal-pagamenti u tat-teknoloġija b’għarfien speċifiku fl-ekonomija, fir-regolamentazzjoni u fit-teknoloġija tal-pagamenti (bl-imnut). Madankollu, ir-rispondenti ġew mistidnin jipprovdu feedback dwar is-sett sħiħ ta’ mistoqsijiet. Il-privatezza tqieset bħala l-aktar karatteristika importanti ta’ euro diġitali kemm miċ-ċittadini kif ukoll mill-professjonisti li pparteċipaw fil-konsultazzjoni. Aktar tard, il-Bank Ċentrali Ewropew ikkummissjona stħarriġ addizzjonali dwar il-mezzi ta’ ħlas u l-kartieri diġitali użati mill-konsumaturi.

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa din il-proposta tibni fuq diversi inizjattivi:

Il-Kummissjoni nediet sejħa għal evidenza u konsultazzjoni mmirata dwar euro diġitali fil-5 ta’ April 2022, sas-16 ta’ Ġunju 2022. Il-konsultazzjoni mmirata kkomplementat il-konsultazzjoni pubblika tal-BĊE ma’ aktar informazzjoni miġbura mingħand speċjalisti tal-industrija, mingħand fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-flus elettroniċi), mingħand fornituri tal-infrastruttura ta’ pagament, mingħand żviluppaturi ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament, mingħand negozjanti, mingħand assoċjazzjonijiet tan-negozjanti, mingħand regolaturi tal-pagamenti bl-imnut, u mingħand superviżuri, mingħand superviżuri kontra l-ħasil tal-flus (AML), mingħand unitajiet tal-intelligence finanzjarja, mingħand il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mingħand awtoritajiet u esperti rilevanti oħrajn kif ukoll mingħand organizzazzjonijiet tal-konsumatur, sabiex jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-impatt imħejjija mill-Kummissjoni fid-dawl tal-proposta tagħha għal regolament dwar l-euro diġitali. Is-sejbiet ewlenin tal-konsultazzjonijiet immirati huma dawn li ġejjin: Iċ-ċittadini tal-UE qablu mal-objettiv li jipprovdu aċċess għall-flus pubbliċi f’forma diġitali għal kulħadd inkluż għall-persuni mingħajr bank. Ir-rispondenti professjonisti kienu tal-fehma li l-euro diġitali jista’ jġib benefiċċju għan-negozji/għan-negozjanti fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ pagament. In-nies iffavorixxew euro diġitali veloċi, privat, mingħajr kostijiet u disponibbli b’mod mifrux. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti professjonisti qiesu d-disponibbiltà wiesgħa u l-inkorporazzjoni faċli, il-faċilità għall-użu, il-kapaċità ta’ ħlas fi kwalunkwe ħin, fi kwalunkwe post lil kwalunkwe persuna u s-saldu istantanju bħala l-aktar aspetti importanti li għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali. Euro diġitali disponibbli b’mod mifrux kien maħsub li jappoġġa l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti professjonisti appoġġaw l-għoti ta’ status ta’ valuta legali lill-euro diġitali. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti appoġġaw euro diġitali disponibbli l-aktar għaċ-ċittadini li jirrisjedu u għan-negozji stabbiliti fiż-żona tal-euro u għat-tranżazzjonijiet fi ħdan iż-żona tal-euro.

Esperti mill-Istati Membri u mill-Banek Ċentrali Nazzjonali, kif ukoll rappreżentanti mill-Bank Ċentrali Ewropew kellhom l-opportunità li jaqsmu l-fehmiet tagħhom fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni (EGBPI) stabbilit mill-Kummissjoni bejn Settembru 2022 u Frar 2023. Id-diskussjonijiet kienu appoġġati minn konsultazzjonijiet immirati indirizzati lill-pajjiżi. L-Istati Membri esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom bħala parti mil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro mill-2021. Filwaqt li l-esperti tal-Istati Membri kellhom biss fehmiet preliminari fil-laqgħat tal-EGBPI, il-biċċa l-kbira tagħhom kienu jappoġġaw il-ħruġ potenzjali ta’ euro diġitali li jingħata status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro.

Fis-7 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli, li laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, Membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili u akkademiċi.

Il-Kummissjoni organizzat roundtables ma’ rappreżentanti tan-negozjanti/tan-negozji, tal-konsumaturi u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fi Frar u f’Marzu 2023.

Il-Kummissjoni ħadet sehem f’dibattitu plenarju tal-Parlament Ewropew f’April 2023 u f’dibattiti ta’ politika organizzati mill-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew f’Jannar 2023 u f’Marzu 2023.

Minn Jannar 2021, il-Bank Ċentrali Ewropew u s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea ilhom jirrieżaminaw b’mod konġunt fil-livell tekniku firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ politika, legali u tekniċi li jirriżultaw mill-introduzzjoni possibbli tal-euro diġitali, filwaqt li jqisu l-mandati rispettivi u l-indipendenza tagħhom kif previsti fit-Trattati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Intużaw numru ta’ inputs u ta’ sorsi ta’ għarfien espert fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva, inklużi dawn li ġejjin:

Evidenza pprovduta permezz tad-diversi konsultazzjonijiet elenkati hawn fuq;

L-analiżi tal-grupp fokali imwettqa mill-BĊE fl-2021, fl-2022 u fl-2023;

Study on New Digital Payment Methods, Kantar Report Marzu 2022;

Il-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, bħala osservatur, fil-Grupp Konsultattiv tal-BĊE dwar is-Swieq fuq l-euro diġitali u fil-Bord Ewropew għall-Pagamenti bl-Imnut;

Dokumenti ta’ ħidma tal-BĊE, dokumenti ta’ ħidma tal-persunal, stħarriġiet u statistika;

Simulazzjonijiet u riċerka tal-Kummissjoni u taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tressaq għall-ewwel darba lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fl-14 ta’ Ottubru 2022. L-RSB eżamina l-valutazzjoni tal-impatt fis-16 ta’ Novembru 2022 u ta opinjoni negattiva fit-18 ta’ Novembru 2022. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie sottomess mill-ġdid lill-RSB fit-23 ta’ Marzu 2023 u l-RSB ta opinjoni pożittiva fil-25 ta’ April 2023. L-RSB ħareġ żewġ opinjonijiet dwar ir-rapport. L-ewwel opinjoni talbet titjib f’termini tad-definizzjoni tal-problema u tal-objettivi speċifiċi u talbet għal loġika ta’ intervent aktar konsistenti. L-RSB talab ukoll aktar spjegazzjonijiet dwar il-funzjonament u l-impatti ta’ xi rekwiżiti essenzjali u l-karatteristiċi tad-disinn tal-euro diġitali, inkluż dwar il-limiti tal-ħżin tal-valur tiegħu, ir-regolamentazzjoni tat-tariffi tan-negozjanti, ir-riskji taċ-ċibersigurtà kif ukoll kunsiderazzjonijiet usa’ dwar is-sigurtà. It-tieni opinjoni talbet aktar valutazzjoni dwar il-benefiċċji u l-kostijiet potenzjali fir-rigward tat-tariffi tan-negozjanti u għal aktar analiżijiet dwar l-impatt mistenni tal-għażliet preferuti fuq is-suq eżistenti u fuq l-atturi tas-suq. Ir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidra l-kummenti tal-RSB u tejjeb l-analiżijiet u d-deskrizzjonijiet kif xieraq.

Il-valutazzjoni tal-impatt tqis li l-problema prinċipali u r-raġuni ewlenija għall-ħtieġa tal-ħolqien tal-euro diġitali huma li l-bażi monetarja f’forma fiżika, jiġifieri l-flus kontanti waħedhom, ma hijiex biżżejjed fl-era diġitali sabiex issostni l-ekonomija Ewropea.

Ġew identifikati żewġ xprunaturi problematiċi:

F’ekonomija li qiegħda tiddiġitalizza malajr, il-bażi monetarja f’forma fiżika, jiġifieri l-flus kontanti, ma hijiex disponibbli għal pagamenti f’parti dejjem akbar tal-ekonomija, b’mod partikolari fil-kummerċ elettroniku, u ma tistax tissodisfa l-ħtiġijiet futuri ta’ industry 4.0 (eż. pagamenti bejn magna u oħra, pagamenti kundizzjonali);

Is-CBDCs ta’ pajjiżi terzi u mezzi innovattivi oħrajn ta’ pagament (jiġifieri stablecoins) mhux denominati f’euro jistgħu gradwalment jiksbu sehem mis-suq fis-swieq tal-pagamenti taż-żona tal-euro u jnaqqsu r-rwol tal-euro.

Ġew ikkunsidrati diversi għażliet għar-regolamentazzjoni tal-elementi essenzjali ta’ euro diġitali. L-għażliet eżaminaw kif l-euro diġitali jista’ tiġi rregolat sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika filwaqt li jiġu bbilanċjati l-kompromessi ewlenin: (i) l-iffaċilitar ta’ użu wiesa’ filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta b’soluzzjonijiet ta’ pagament privati, (ii) il-protezzjoni tal-privatezza filwaqt li tiġi żgurata t-traċċabbiltà, (iii) l-iżgurar ta’ użu wiesa’ filwaqt li jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja u l-provvista ta’ kreditu u (iv) l-appoġġ għall-użu internazzjonali filwaqt li jiġu mmitigati r-riskji għal pajjiżi mhux tal-euro u għall-Eurosistema.

Il-valutazzjoni tal-impatt tippreżenta pakkett ta’ għażliet preferuti:

L-għoti ta’ status ta’ valuta legali lill-euro diġitali b’obbligu għall-prendituri kollha li jaċċettawh, għalkemm b’eċċezzjonijiet ġustifikati u proporzjonali, u arranġamenti ta’ distribuzzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-forom kollha ta’ bażi monetarja, huwa ssuġġerit ukoll li jiġi rregolat l-istatus tal-valuta legali tal-flus fi proposta leġiżlattiva parallela;

Il-BĊE għandu jippubblika l-livell tat-tariffi massimi u t-tariffi bejn il-PSPs;

L-għoti ta’ livell għoli ta’ privatezza u ta’ protezzjoni tad-data għal pagamenti ta’ prossimità offline ta’ valur baxx billi tiġi pproċessata data personali relatata mal-identità tal-utenti fil-mument tal-ftuħ ta’ kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iżda ma tiġix iddivulgata data dwar it-tranżazzjonijiet lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, filwaqt li l-pagamenti online jiġu ttrattati bħal mezzi diġitali privati ta’ pagament, konsistenti mar-rekwiżiti kurrenti dwar l-AML/CFT;

It-tnaqqis tar-riskji maħluqin mid-diżintermedjazzjoni finanzjarja u r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja billi l-Bank Ċentrali Ewropew ikun jista’ jiddefinixxi u jimplimenta għodod sabiex il-funzjoni tal-ħżin tal-valur tal-euro diġitali tinżamm f’limiti raġonevoli;

Li l-euro diġitali jsir disponibbli għall-ewwel darba għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fiż-żona tal-euro u għal viżitaturi, iżda possibbilment jiġu espandut l-użu tiegħu fi stadju aktar tard għal Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro u għal pajjiżi terzi, soġġetti għal ftehimiet u/jew għal arranġamenti, sabiex jittaffew ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għas-sovranità monetarja.

Din il-kombinazzjoni ta’ għażliet iġġib diversi benefiċċji li jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġi introdott l-euro diġitali sabiex jiġi żgurat l-użu kontinwu tal-euro bħala munita unika fl-era diġitali 17 . Il-pubbliku ġenerali jista’ jibbenefika minn għażla usa’ peress li jista’ juża bażi monetarja b’valuta legali fiż-żona tal-euro kollha, minbarra l-mezzi diġitali ta’ pagamenti bbażati fuq flus ta’ bank kummerċjali. Il-pubbliku ġenerali jibbenefika wkoll mill-fiduċja msaħħa fis-sistema monetarja li hija pprovduta minn ankra monetarja diġitali. Euro diġitali faċli sabiex jintuża u disponibbli b’mod wiesa’ jsostni wkoll aktar inklużjoni finanzjarja f’soċjetà diġitalizzata. Bl-istess mod, in-negozjanti jgawdu minn għażla akbar sabiex jirċievu pagamenti u jibbenefikaw minn aktar kompetizzjoni fis-suq tal-pagamenti pan-Ewropew li twassal għal aktar effiċjenza.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iqassmu l-euro diġitali lill-klijenti tagħhom u barra minn hekk jistgħu jiġġeneraw tariffi fuq servizzi innovattivi addizzjonali marbuta mal-euro diġitali u ma’ servizzi oħrajn.

Barra minn hekk, euro diġitali jkun jappoġġa awtonomija strateġika miftuħa billi toħloq skema ġdida ta’ pagament li tkun reżiljenti kontra tfixkil estern potenzjali. Euro diġitali jista’ jappoġġa wkoll lin-negozji Ewropej għal każijiet futuri ta’ użu f’industry 4.0 u fil-web 3 (jiġifieri internet deċentralizzat) billi tagħtihom alternattiva pubblika għal pagamenti programmabbli potenzjalment offruti mis-CBDCs ta’ pajjiżi barranin u mill-istablecoins minn kumpaniji tat-teknoloġija. Il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva jaqgħu prinċipalment fuq il-Bank Ċentrali Ewropew, fuq in-negozjanti u fuq il-PSPs. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, l-għażla ppreferuta tipprevedi eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja għal xi kategoriji ta’ negozjanti bil-fehim li n-negozjanti li jaċċettaw mezzi elettroniċi privati ta’ pagament ikollhom jaċċettaw ukoll pagamenti bl-euro diġitali. Jista’ jkun hemm ukoll xi kostijiet ta’ apprendiment għall-konsumaturi, b’mod simili għall-kostijiet ta’ apprendiment assoċjati mal-ibbankjar online jew ma’ applikazzjonijiet ġodda. L-inizjattiva twassal ukoll għal xi kostijiet operatorji (rikorrenti). In-nies jistgħu jużaw servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali mingħajr ħlas u jħallsu tariffi għal servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali, li huma mistennijin ukoll li jiġu stabbiliti b’mod kompetittiv meta mqabblin mal-mezzi ta’ pagament eżistenti. L-introduzzjoni tal-euro diġitali hija mistennija jkollha impatt kemm fuq is-suq tal-pagamenti kif ukoll fuq id-depożiti bl-imnut fl-UE. Minn naħa, l-euro diġitali jista’ jnaqqas is-sehem mis-suq tal-mezzi elettroniċi privati eżistenti tal-pagamenti, li jirriżulta f’anqas dħul għal ċerti PSPs. Min-naħa l-oħra, id-distribuzzjoni tal-euro diġitali tkun tfisser ukoll dħul kemm għall-PSPs ta’ distribuzzjoni kif ukoll għall-PSPs ta’ akkwist. Barra minn hekk, il-konverżjoni potenzjali ta’ fondi mqegħdin f’PSPs (speċjalment l-istituzzjonijiet ta’ kreditu) għal euro diġitali tista’ tnaqqas is-sitwazzjoni tal-likwidità, l-introjtu mill-imgħax u tista’ taffettwa l-forniment ta’ kreditu tal-PSPs.

Peress li l-euro diġitali online x’aktarx juża infrastruttura simili bħall-mezzi ta’ pagament disponibbli bħalissa, il-konsum tal-enerġija u, b’hekk, l-impatt ambjentali huwa mistenni li jkun simili għall-pagamenti eżistenti. F’termini ta’ impatt soċjali, l-euro diġitali jtejjeb l-inklużjoni finanzjarja billi jiżgura aċċess għas-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali għal persuni mingħajr bank f’kuntest li fih il-flus kontanti qegħdin isiru dejjem anqas utilizzabbli f’ekonomija diġitalizzata.

B’mod ġenerali, il-valutazzjoni tikkonkludi li l-benefiċċji fit-tul ta’ euro diġitali mfassal tajjeb b’salvagwardji xierqa jisbqu l-kostijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-kostijiet ta’ ebda azzjoni jistgħu potenzjalment ikunu kbar ħafna.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva ma hijiex inizjattiva REFIT. Tikkonċerna forma ġdida ta’ flus tal-bank ċentrali b’valuta legali disponibbli għall-pubbliku ġenerali, flimkien mal-karti tal-flus u mal-muniti tal-euro li għandha tinħoloq u tiġi rregolata fl-aspetti essenzjali tagħha permezz ta’ Regolament ġdid tal-UE bbażat fuq l-Artikolu 133 tat-TFUE. Għalhekk, ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ xi Regolament eżistenti.

L-inizjattiva tal-euro diġitali se tkun fil-biċċa l-kbira newtrali minn perspettiva ta’ “one-in, one-out”. Bħalissa ma hemm l-ebda qafas għal euro diġitali fis-seħħ, u għalhekk ma hemm l-ebda kost amministrattiv eżistenti li jista’ jiġi ffrankat f’dan il-qasam.

Filwaqt li l-inizjattiva se tinvolvi kostijiet ta’ aġġustament, li jinżammu għal minimu u jiġu kkumpensati mill-benefiċċji, ma timponi l-ebda kost amministrattiv ġdid u sinifikanti, jiġifieri rekwiżiti speċifiċi ta’ tikkettar, ta’ rapportar jew ta’ reġistrazzjoni, li jkollhom jiġu kkumpensati mill-iffrankar tal-kostijiet xi mkien ieħor.

Drittijiet fundamentali

L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Tirrispetta wkoll id-dritt għal-libertà (l-Artikolu 6 tal-Karta), il-libertà ta’ twettiq ta’ negozju (l-Artikolu 16 tal-Karta), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tal-Karta), id-drittijiet tal-anzjani (l-Artikolu 25 tal-Karta), l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità (L-Artikolu 26 tal-Karta), u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta).

L-ipproċessar ta’ data personali jista’ jkun meħtieġ sabiex jitwettqu kompiti li huma essenzjali għall-użu u għad-distribuzzjoni ta’ euro diġitali. Dan se jkollu impatt fuq id-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għall-protezzjoni ta’ data personali previsti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Kwalunkwe limitazzjoni fuq il-protezzjoni ta’ data personali u tal-privatezza tapplika biss sa fejn tkun strettament neċessarja, f’konformità mal-Artikolu 52 tal-Karta. B’mod aktar speċifiku, l-ipproċessar ta’ data personali huwa meħtieġ biss għall-kompiti relatati mad-distribuzzjoni u mal-użu tal-euro diġitali stabbiliti f’dan ir-regolament kif ukoll għall-kompiti eżistenti mwettqin fl-interess pubbliku jew għall-konformità ma’ obbligu legali stabbilit fid-dritt tal-Unjoni li japplikaw għall-fondi kif definiti fid-Direttiva (UE) 2015/2366. Kompiti bħal dawn jinkludu l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ frodi, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, it-twettiq ta’ obbligi relatati mat-tassazzjoni u mal-evitar tat-taxxa, u l-ġestjoni ta’ riskji operazzjonali u ta’ sigurtà. Din il-proposta tiżgura li l-attivitajiet ta’ pproċessar jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data billi tistabbilixxi r-responsabbiltajiet rispettivi ta’ kontrollur minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali u tal-PSPs. Meta l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jiddeterminaw il-mezzi ta’ pproċessar bħala kontrollur, il-miżuri l-aktar avvanzati ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza jiżguraw li d-data personali tkun psewdonimizzata jew kriptata b’mod li fih id-data personali pproċessata ma tkunx tista’ tiġi attribwita direttament lil utent tal-euro diġitali identifikat jew identifikabbli. Il-proposta tistabbilixxi wkoll proċedura sabiex jiġi vverifikat jekk xi klijent tal-PSPs ikunx persuna jew entità maħtura soġġetta għal sanzjonijiet tal-UE. Tistabbilixxi regoli ċari dwar il-frekwenza u r-responsabbiltà għal tali verifiki. L-inizjattiva tiżgura li kwalunkwe data personali sabiex jitwettqu tali verifiki tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Dan ir-Regolament ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-objettiv li jiġi żgurat li l-bank ċentrali jkun ħareġ il-flus, l-euro diġitali, ikun jista’ jappoġġa lill-UE billi jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ pagament fl-era diġitali jista’ jiġi mmonitorjat fuq bażi kontinwa fuq il-bażi ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, min-negozjanti u mill-BĊE. L-ammont ta’ euro diġitali fiċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll in-numru u l-valur totali ta’ pagamenti bl-imnut f’euro diġitali, u s-sehem relattiv tagħhom meta mqabbel ma’ mezzi oħrajn ta’ pagament jistgħu jkunu l-indikaturi ewlenin fil-monitoraġġ tal-użu tal-euro diġitali fl-ekonomija diġitali tal-UE.

Se jkun hemm biss obbligi ta’ rapportar ġodda limitati għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.

Il-proposta tinkludi pjan ġenerali għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-objettivi speċifiċi, li jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq l-ewwel rieżami 3 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (u kull 3 snin wara din), u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. Ir-rieżami għandu jitwettaq f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Suġġett, stabbiliment u ħruġ tal-euro diġitali (l-Artikoli 1 sa 4)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-euro diġitali u li jirregola l-aspetti essenzjali tiegħu sabiex jiżgura l-użu tal-euro bħala munita unika fiż-żona tal-euro kollha. L-euro diġitali huwa disponibbli għal persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-finijiet ta’ pagamenti bl-imnut. Ir-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni tal-ħruġ tal-euro diġitali mill-bank ċentrali Ewropew jew mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro hija tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Dritt applikabbli u awtoritajiet kompetenti (l-Artikoli 5 u 6)

L-Artikolu 5 jiċċara li d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif emendata bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal referenza - proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE - COM(2023) 366 final] tapplika għall-euro diġitali. Dik id-Direttiva testendi d-definizzjoni ta’ fondi għall-flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu f’bejgħ bl-imnut, li tinkludi muniti diġitali tal-bank ċentrali.

Bl-istess mod, ir-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-pagamenti transfruntiera fl-Unjoni, kif emendat bir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro - COM/2023/368 final], id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (bl-eċċezzjoni ta’ pagamenti offline), kif issostitwita b’[jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus – COM/2021/421 final) u l-proposta għal Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423] u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi japplikaw għall-euro diġitali.

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2015/2366 u d-Direttiva 2015/849 ikunu responsabbli għas-superviżjoni u għall-infurzar ta’ kwalunkwe obbligu stabbilit f’dawn l-atti tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, l-istess awtoritajiet kompetenti jkunu responsabbli wkoll sabiex jiżguraw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

L-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti stabbiliti skont id-Direttiva 2015/2366 u d-Direttiva 2015/849 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tal-euro diġitali.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti sabiex jimmonitorjaw u jeżegwixxu l-obbligi tal-valuta legali skont dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament jirregola biss is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u r-reġimi ta’ sanzjoni li jikkonċernaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro jistgħu jqassmu l-euro diġitali, soġġetti għar-reġimi ta’ superviżjoni u ta’ sanzjonar tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro. Għal dan l-għan, dan ir-Regolament huwa akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

Valuta legali (l-Artikoli 7 sa 12)

L-euro diġitali jingħata status ta’ valuta legali li jinvolvi, fost l-oħrajn, l-aċċettazzjoni obbligatorja tiegħu mill-prendituri (l-Artikolu 7), sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament. L-Artikolu 9 jiddefinixxi sett ta’ eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġi aċċettat l-euro diġitali. Dan is-sett ta’ eċċezzjonijiet jinkludi d-dritt għal mikrointrapriża li ma taċċettax l-euro diġitali, sakemm ma taċċettax mezzi diġitali komparabbli ta’ ħlas. Bl-istess mod, persuna fiżika li taġixxi matul attività purament personali ma hijiex obbligata li taċċetta l-euro diġitali. Barra minn hekk, l-obbligu li jiġi aċċettat l-euro diġitali jirrispetta bis-sħiħ il-libertà kuntrattwali tal-partijiet, peress li prenditur mhux se jkun meħtieġ jaċċetta pagamenti bl-euro diġitali jekk kemm il-prenditur kif ukoll il-pagatur ikunu qablu b’mod espliċitu dwar mezz differenti ta’ pagament qabel il-pagament. Madankollu, il-prendituri se jkunu pprojbiti milli jużaw termini kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment (l-Artikolu 10) minħabba li dan ikun jirriżulta f’li tiddgħajjef l-aċċettazzjoni obbligatorja mill-prendituri u l-libertà kuntrattwali tal-pagaturi. L-Artikolu 11 jirrikonoxxi wkoll eċċezzjonijiet addizzjonali għall-euro diġitali ta’ natura ta’ dritt monetarju li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta permezz ta’ att delegat. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati tapplika mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja li tirriżulta mill-istatus ta’ valuta legali f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi konġunti C-422/19 u C-423/19. L-Artikolu 12 jirrikjedi l-konvertibbiltà tal-euro diġitali u tal-flus kontanti tal-euro f’xulxin b’parità. Sabiex jiġu evitati dubji, l-Artikolu 12 jagħti wkoll lill-pagatur id-dritt li jagħżel li jħallas f’euro diġitali jew fi flus kontanti f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-aċċettazzjoni obbligatorja tat-tnejn tapplika f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inklużi b’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-aċċettazzjoni obbligatorja (jiġifieri l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u 11), kif ukoll mar-Regolament dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro.

Distribuzzjoni (l-Artikoli 13 sa 14)

F’konformità mal-awtorizzazzjoni li jkunu ngħataw sabiex jipprovdu servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva 2015/2366, il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament (PSPs) awtorizzati fl-UE jistgħu jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, inklużi servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali, minbarra servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx bżonn awtorizzazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali. Għall-fini tad-distribuzzjoni tal-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jeħtieġ li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali mal-utenti tal-euro diġitali. Hija eskluża relazzjoni kuntrattwali bejn l-utenti tal-euro diġitali u l-Bank Ċentrali Ewropew. L-utenti tal-euro diġitali jista’ jkollhom kont ta’ pagament bl-euro diġitali wieħed jew aktar, miżmuma fl-istess fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew f’fornitur differenti ta’ servizzi ta’ pagament.

Il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali mill-PSPs huwa limitat għal (i) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, (ii) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiftħu kont bl-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew li kienu stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda ma għadhomx jirrisjedu jew huma stabbiliti f’dawn l-Istati Membri, (iii) viżitaturi, (iv) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18, u (v) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi, inklużi territorji taħt ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19 u 20. Il-PSPs awtorizzati barra miż-żona tal-euro jistgħu jipprovdu dawk is-servizzi permezz ta’ stabbiliment ħieles jew provvedimenti ħielsa ta’ servizzi skont id-Direttiva 2015/2366.

L-Artikolu 13 jistabbilixxi wkoll kompiti speċifiċi li PSP għandu jwettaq sabiex l-euro jintuża bħala munita unika madwar l-Unjoni. Dan jinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ funzjonalitajiet ta’ finanzjament u ta’ definanzjament u l-għoti tal-possibbiltà lill-utenti tal-euro diġitali sabiex iżommu ammonti ta’ euro diġitali li jaqbżu kwalunkwe limitazzjoni li jista’ jadotta l-BĊE (eż. limiti ta’ parteċipazzjoni) awtomatikament iddefinanzjati għal kont ta’ pagament bl-euro mhux diġitali bħal kont bankarju kummerċjali meta tiġi riċevuta tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali (“approċċ kaskata”). Dan jinkludi wkoll l-għoti tal-possibbiltà lill-utenti diġitali sabiex ikunu jistgħu jagħmlu tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali meta l-ammont tat-tranżazzjoni jaqbeż l-ammonti ta’ euro diġitali miżmumin minnhom (“approċċ kaskata b’lura”).

L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw kont ta’ pagament iqassmu s-sett kollu ta’ servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali lil persuni fiżiċi li jirrisjedu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, fuq talba tal-klijenti tagħhom. Għal persuni fiżiċi li ma għandhomx kont ta’ pagament bl-euro mhux diġitali f’istituzzjoni ta’ kreditu jew li ma jixtiqux jiftħu kont ta’ pagament bl-euro diġitali f’istituzzjoni ta’ kreditu jew f’fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali, l-Istati Membri għandhom jaħtru entitajiet speċifiċi (jiġifieri l-awtoritajiet jew l-uffiċċji postali lokali jew reġjonali) li jkunu meħtieġa jipprovdu s-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali. Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għal kontijiet ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi skont id-Direttiva (UE) 2014/92 (Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament) għandu japplika fir-rigward ta’ servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali b’servizzi bażiċi bl-euro diġitali pprovduti mingħajr ħlas għall-kuntrarju ta’ “mingħajr ħlas jew b’tariffa raġonevoli” skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament. Id-distribuzzjoni tal-euro diġitali minn fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament tkun fuq l-inizjattiva proprja tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament li huma meħtieġa jipprovdu servizzi bażiċi tal-euro diġitali skont l-Artikolu 14 għandhom jipprovdu appoġġ għall-inklużjoni diġitali lil persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u lill-anzjani.

Limiti fuq l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur (l-Artikolu 16)

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżviluppa strumenti sabiex jillimita l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur, inklużi l-limiti fuq iż-żamma ta’ ammonti. L-Artikolu 16 jiddefinixxi sett ta’ kriterji li l-parametri u l-użu tal-istrumenti żviluppati mill-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jissodisfaw bl-għan li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, dawn l-istrumenti ma għandhomx jipprevjenu l-aċċettazzjoni u l-bidu ta’ tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali. Soġġetta għall-kriterji speċifikati skont l-Artikolu 16, id-deċiżjoni dwar jekk u meta għandhom jintużaw strumenti bħal dawn, kif ukoll il-kalibrazzjoni tagħhom, għandha tkun kompletament f’idejn il-Bank Ċentrali Ewropew. Fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-euro diġitali ma għandux ikollu interessi.

Tariffi fuq servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali (l-Artikolu 17)

L-imposta tas-servizz ta’ negozjant jew it-tariffa bejn il-PSPs huma regolati biex jiġi żgurat li ma jaqbżux l-inqas wieħed mill-ammonti li ġejjin: (i) il-kostijiet rilevanti mġarrba mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, inkluż marġni raġonevoli ta’ profitt u li (ii) it-tariffi jew l-imposti mitluba għal mezzi ta’ pagament komparabbli. Għal dan il-għan, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jissorvelja regolarment il-kostijiet, it-tariffi u l-imposti rilevanti u għandu jippubblika u jirrevedi perjodikament dawk l-ammonti. L-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan l-Artikolu.

Aċċess għall-euro diġitali u użu tiegħu barra miż-żona tal-euro (l-Artikoli 18 sa 21)

Il-Kapitolu V jistabbilixxi regoli li jirregolaw l-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu barra miż-żona tal-euro, li jiddependu minn jekk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi humiex residenti jew stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex fiż-żona tal-euro jew f’pajjiż terz. L-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu fi Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro huma possibbli, soġġetti għal żewġ kundizzjonijiet: (1) l-Istat Membru mhux fiż-żona tal-euro jagħmel talba f’din id-direzzjoni u jimpenja ruħu għal numru ta’ kundizzjonijiet; (2) il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro jidħlu f’arranġament li jispeċifika l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji. L-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu f’pajjiż terz huma possibbli wkoll, soġġetti għal żewġ kundizzjonijiet ukoll: (1) l-Unjoni u l-pajjiż terz jikkonkludu ftehim internazzjonali, u l-pajjiż terz jieħu impenn fuq numru ta’ kundizzjonijiet; (2) il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro jidħlu f’arranġament li jispeċifika l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji. B’mod partikolari, l-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu f’territorju fil-qafas ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni huma possibbli, dment li l-ftehim monetarju jipprevedi hekk. Il-Kapitolu V jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-pagamenti bejn il-muniti bejn l-euro diġitali u l-muniti lokali, li għandhom ikunu soġġetti għal arranġament minn qabel bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Banek Ċentrali nazzjonali mhux taż-żona tal-euro.

Karatteristiċi tekniċi (l-Artikoli 22 sa 24)

L-euro diġitali għandu jitfassal b’mod li jiffaċilita l-użu tiegħu mill-pubbliku ġenerali, inklużi persuni finanzjarjament esklużi jew persuni f’riskju ta’ inklużjoni finanzjarja, persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u persuni anzjani.

L-utenti tal-euro diġitali mhux se jkunu meħtieġa li jkollhom kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali. Madankollu, xi funzjonalitajiet tal-euro diġitali jeħtieġu kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali. B’mod partikolari, l-utenti tal-euro diġitali jistgħu jiddeżinjaw kont wieħed ta’ pagament tal-euro mhux diġitali li għandu jkun marbut mal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali sabiex jintużaw il-funzjonalitajiet kaskata u kaskata inversa għal tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali.

L-euro diġitali għandu jkun disponibbli għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali kemm offline kif ukoll online mill-ewwel ħruġ tal-euro diġitali u għandu jippermetti tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali. L-euro diġitali ma għandux ikun flus programmabbli, li jfisser unitajiet li, minħabba kundizzjonijiet ta’ nfiq definiti b’mod intrinsiku, jistgħu jintużaw biss għax-xiri ta’ tipi speċifiċi ta’ oġġetti jew servizzi, jew huma soġġetti għal limiti ta’ żmien li wara ma għadhomx jistgħu jintużaw: bħala forma diġitali tal-munita unika, l-euro diġitali għandu jkun kompletament funġibbli.

Modalitajiet tad-distribuzzjoni (l-Artikoli 25 sa 33)

L-utenti jistgħu jużaw il-Kartieri tal-Identità Diġitali Ewropej stabbiliti skont ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea – COM(2021) 281 final] biex jagħmlu onboarding u pagamenti.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżgura li l-euro diġitali jkun, sa fejn ikun possibbli, kompatibbli ma’ soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali privati sabiex ikunu jistgħu jsiru sinerġiji bejn l-euro diġitali u soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali privati, inkluż ma’ infrastrutturi u ma’ terminali kondiviżi fil-punt ta’ interazzjoni.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jipprovdi appoġġ għall-ipproċessar ta’ tilwimiet, li jinkludu tilwimiet tekniċi u dwar frodi, b’rabta mal-euro diġitali, fil-livell taż-żona tal-euro. Il-Bank Ċentrali Ewropew ma għandux jaġixxi bħala parti fi kwalunkwe waħda minn dawn it-tilwimiet. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jiddeċiedi li jagħti l-kompitu ta’ żvilupp u ta’ ġestjoni ta’ funzjoni ta’ mekkaniżmu tat-tilwimiet, kif ukoll funzjoni ta’ prevenzjoni ta’ frodi, lil fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ.

Filwaqt li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jipprovdi bħala front-end interfaċċa bejn l-utenti tal-euro diġitali u l-infrastrutturi ta’ pagament tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jiżviluppaw is-servizzi front-end proprjetarji tagħhom. L-utenti tal-euro diġitali għandu jkollhom l-għażla bejn is-soluzzjonijiet differenti disponibbli.

L-euro diġitali għandu jippermetti lill-utenti diġitali jibdlu l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali tagħhom għal PSP ieħor fuq talba tal-utent tal-euro diġitali. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, inkluż meta PSP jkun tilef id-data rilevanti, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jappoġġa l-bdil tal-kont ta’ pagament diġitali lil PSP ieħor maħtur mill-utent tal-euro diġitali.

Privatezza u protezzjoni tad-data (l-Artikoli 34 sa 36)

L-Artikolu 35 jiddefinixxi b’mod preċiż il-kompiti li għalihom il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipproċessaw data personali, li tinkludi s-saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. L-ipproċessar ta’ data personali għandu jibni fuq l-użu ta’ miżuri ta’ sigurtà u ta’ ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, bħall-psewdonimizzazzjoni jew il-kriptaġġ, sabiex jiġi żgurat li d-data ma tiġix attribwita direttament lil utent tal-euro diġitali identifikat mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati dwar il-kategoriji ta’ data personali pproċessata minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ.

Qafas dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (l-Artikoli 37)

L-Artikolu 37 jipprevedi qafas aġġustat dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għal tranżazzjonijiet offline ta’ pagament bl-euro diġitali li se jkollhom livell ogħla ta’ privatezza minn pagamenti online. Għal pagamenti diġitali offline bl-euro, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali nazzjonali u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas mhux se jiksbu aċċess għal data ta’ tranżazzjonijiet personali. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jaċċessaw biss data dwar il-finanzjament u d-definanzjament relatata, fost l-oħrajn, mal-identità tal-utent u mal-ammont iffinanzjat u ddefinanzjat, simili għad-data personali pproċessata mill-PSPs meta l-utenti jiddepożitaw jew jiġbdu l-flus kontanti. Il-PSPs għandhom jittrażmettu din id-data dwar il-finanzjament u d-definanzjament, fuq talba, lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn meta l-utenti jkunu ssuspettati b’ħasil tal-flus jew b’finanzjament tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi limiti fuq iż-żamma ta’ ammonti u fuq it-tranżazzjonijiet.

Dispożizzjonijiet finali (l-Artikoli 38 sa 42)

Il-Bank Ċentrali Ewropew se jirrapporta dwar l-euro diġitali bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar regolari tiegħu. Barra minn hekk, se joħroġ rapport speċifikament għall-Parlament, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni Ewropea dwar l-istrumenti sabiex jiġi limitat l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur kif ukoll dwar il-parametri tagħhom, fir-rigward tal-objettiv li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, mhux aktar tard minn 6 xhur qabel il-ħruġ ippjanat tal-euro diġitali, u f’intervalli regolari wara dan. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar l-impatt tal-parametri u dwar l-użu tal-istrumenti b’mod partikolari dwar ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji fil-finanzjament tal-ekonomija.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ladarba dan ir-Regolament jiġi maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedi meta u għal liema ammont għandu jinħareġ l-euro diġitali, skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2023/0212 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 18 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Kummissjoni enfasizzat fl-Istrateġiji għall-Finanzi Diġitali u dwar il-Pagamenti bl-Imnut 20 ta’ Settembru 2020 li euro diġitali, bħala munita diġitali tal-bank ċentrali bl-imnut, ikun jaġixxi bħala katalizzatur għall-innovazzjoni fil-pagamenti, fil-finanzjament u fil-kummerċ fil-kuntest tal-isforzi kontinwi sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-Unjoni tal-pagamenti bl-imnut. Il-Eurosummit ta’ Marzu 2021 talab settur finanzjarju diġitali aktar b’saħħtu u aktar innovattiv u sistemi ta’ pagament aktar effiċjenti u reżiljenti. Fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar, il-Grupp tal-Euro rrikonoxxa wkoll il-potenzjal ta’ euro diġitali sabiex titrawwem l-innovazzjoni fis-sistema finanzjarja. F’dak il-kuntest, fi Frar u f’Marzu 2022 kemm il-Parlament Ewropew 21 kif ukoll il-Kunsill ECOFIN 22 laqgħu d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jniedi fażi ta’ investigazzjoni fuq sentejn ta’ proġett tal-euro diġitali, li beda f’Ottubru 2021.

(2)Fit-2 ta’ Ottubru 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew ippubblika r-“Report on a digital euro” 23 tiegħu. Ir-rapport ifforma l-bażi għat-tiftix ta’ fehmiet dwar il-benefiċċji u l-isfidi tal-ħruġ ta’ euro diġitali u dwar it-tfassil possibbli tiegħu.

(3)Il-bażi monetarja fil-forma ta’ karti tal-flus u ta’ muniti ma tistax tintuża għall-pagamenti online. Illum il-ġurnata, il-pagamenti online jiddependu kompletament fuq il-flus ta’ bank kummerċjali. L-aċċettazzjoni u l-funġibbiltà tal-flus ta’ bank kummerċjali jiddependu fuq il-konverbbiltà tagħhom fuq bażi ta’ wieħed ma’ wieħed għall-flus ta’ bank ċentrali b’valuta legali, li sservi bħala ankra monetarja. Dik l-ankra monetarja hija fil-qalba tal-funzjonament tas-sistemi monetarji u finanzjarji. Tirfed il-fiduċja tal-utenti fil-flus ta’ bank kummerċjali u fl-euro bħala munita u, għalhekk, hija essenzjali sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema monetarja f’ekonomija u f’soċjetà diġitalizzati. Billi l-bażi monetarja f’forma fiżika waħedha ma tistax tindirizza l-ħtiġijiet ta’ ekonomija li qiegħda tiddiġitalizza b’ħeffa, dan jista’ gradwalment jisposta l-ankra monetarja għall-flus tal-banek kummerċjali. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi introdotta forma ġdida ta’ munita uffiċjali b’valuta legali li tkun mingħajr riskju u tgħin sabiex tiġi vviżwalizzata l-konverġenza b’parità tal-flus maħruġin minn diversi banek kummerċjali.

(4)Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta’ ekonomija li qiegħda tiddiġitalizza b’ħeffa, jenħtieġ li l-euro diġitali jappoġġa varjetà ta’ każijiet ta’ użu ta’ pagamenti bl-imnut. Dawk il-każijiet ta’ użu jinkludu pagamenti minn persuna għal persuna, minn persuna għal negozju, minn persuna għal gvern, minn negozju għal persuna, minn negozju għal negozju, minn negozju għal gvern, minn gvern għal persuna, minn gvern għal negozju, u minn gvern għal gvern. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-euro diġitali jkun jista’ jissodisfa wkoll il-ħtiġijiet futuri ta’ pagamenti, u b’mod partikolari l-pagament bejn magna u oħra fil-kuntest ta’ Industry 4.0 u l-pagamenti fl-internet deċentralizzat (web3). Jenħtieġ li l-euro diġitali ma jipprovdix għal pagamenti bejn intermedjarji finanzjarji, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u parteċipanti oħrajn fis-suq (jiġifieri pagamenti bl-ingrossa), li għalihom jeżistu sistemi ta’ saldu f’bażi monetarja u li fihom l-użu ta’ teknoloġiji differenti qiegħed jiġi investigat aktar mill-Eurosistema.

(5)F’kuntest li fih il-flus kontanti waħedhom ma jistgħux iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ ekonomija diġitalizzata, huwa essenzjali li tiġi appoġġata l-inklużjoni finanzjarja billi jiġi żgurat aċċess universali, affordabbli u faċli għall-euro diġitali għal individwi fiż-żona tal-euro, kif ukoll l-aċċettazzjoni wiesgħa tiegħu fil-pagamenti. L-esklużjoni finanzjarja fl-ekonomija diġitalizzata tista’ tiżdied peress li l-mezzi diġitali privati ta’ pagamenti jistgħu ma jkunux speċifikament adattati għal gruppi vulnerabbli tas-soċjetà jew jistgħu ma jkunux adattati f’xi żoni rurali jew remoti mingħajr network ta’ komunikazzjoni (stabbli). Skont il-Bank Dinji u l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, “sistemi u servizzi ta’ pagament bl-imnut effiċjenti, aċċessibbli u sikuri huma kritiċi għal inklużjoni finanzjarja akbar” 24 . Dik is-sejba ġiet issostanzjata aktar mill-istudju dwar Metodi Ġodda ta’ Pagament Diġitali kkummissjonat mill-Bank Ċentrali Ewropew, li kkonkluda li għall-popolazzjoni mingħajr bank/b’aċċess insuffiċjenti għal bank/offline, l-aktar karatteristiċi importanti ta’ metodu ġdid ta’ pagament huma l-faċilità ta’ użu, in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ ħiliet teknoloġiċi, u li jkun sigur u mingħajr ħlas 25 . Euro diġitali jkun joffri alternattiva pubblika għal mezzi diġitali privati ta’ pagamenti u jappoġġa l-inklużjoni finanzjarja peress li jkun imfassal skont dawn l-objettivi, u b’hekk jipprovdi aċċess mingħajr ħlas, faċilità tal-użu u aċċessibbiltà u aċċettazzjoni mifruxin.

(6)Jenħtieġ li l-euro diġitali jikkomplementa l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u jenħtieġ li ma jissostitwixxix il-forom fiżiċi tal-munita unika. Bħala strumenti ta’ valuta legali, kemm il-flus kif ukoll l-euro diġitali huma importanti indaqs. Ir-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro - COM/2023/364] jarmonizza l-valuta legali għall-flus kontanti u jiżgura li l-flus kontanti jitqassmu b’mod mifrux u jintużaw b’mod effettiv.  

(7)L-iżviluppi futuri fil-pagamenti diġitali jistgħu jaffettwaw ir-rwol tal-euro fis-swieq tal-pagamenti bl-imnut kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll internazzjonalment. Ħafna banek ċentrali madwar id-dinja bħalissa qegħdin jesploraw il-ħruġ ta’ muniti diġitali tal-banek ċentrali (“CBDCs”) u xi pajjiżi diġà ħarġu CBDC. Barra minn hekk, l-hekk imsejħa stablecoins ta’ pajjiżi terzi mhux denominati f’euro, jistgħu, jekk jintużaw b’mod wiesa’ għall-pagamenti, jispostaw il-pagamenti denominati f’euro fl-ekonomija tal-Unjoni billi jaqdu d-domanda għal pagamenti programmabbli (li jissejħu pagamenti kundizzjonali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament), inkluż fil-kummerċ elettroniku, fis-swieq kapitali jew f’industry 4.0. Għalhekk, euro diġitali jkun importanti sabiex jinżamm ir-rwol tal-euro fl-era diġitali.

(8)Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas legali għall-istabbiliment ta’ forma tal-euro diġitali bl-istatus ta’ valuta legali, għall-użu min-nies, min-negozji u mill-awtoritajiet pubbliċi fiż-żona tal-euro. Bħala forma ġdida tal-euro disponibbli għall-pubbliku ġenerali, jenħtieġ li l-euro diġitali jkollu konsegwenzi soċjali u ekonomiċi importanti. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-euro diġitali u li jiġu rregolati l-karatteristiċi ewlenin tiegħu, bħala miżura tad-dritt monetarju. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa kompetenti sabiex joħroġ u jawtorizza l-ħruġ tal-euro diġitali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, filwaqt li jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-Trattati. Fuq il-bażi ta’ dawk is-setgħat u f’konformità mal-qafas legali stabbilit f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li, għalhekk, il-Bank Ċentrali Ewropew ikun jista’ jiddeċiedi jekk joħroġx l-euro diġitali, f’liema żminijiet u f’liema ammonti, u miżuri partikolari oħrajn li huma intrinsikament marbutin mal-ħruġ tiegħu, minbarra l-karti tal-flus u l-muniti.

(9)Bħall-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, jenħtieġ li l-euro diġitali jkun responsabbiltà diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro lejn l-utenti tal-euro diġitali. Jenħtieġ li l-euro diġitali jinħareġ għal ammont ugwali għall-valur par tal-obbligazzjoni korrispondenti fil-karta bilanċjali konsolidata tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, b’mod partikolari billi r-riżervi tal-banek ċentrali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jiġu kkonvertiti f’ammonti miżmumin ta’ euro diġitali, sabiex tiġi ssodisfata d-domanda mill-utenti tal-euro diġitali. Sabiex iżommu u jużaw l-euro diġitali, jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jkollhom jistabbilixxu biss relazzjoni kuntrattwali mal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali sabiex jiftħu kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. Ma tiġi stabbilita l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn l-utent tal-euro diġitali u l-Bank Ċentrali Ewropew jew il-banek ċentrali nazzjonali. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jimmaniġġaw il-kontijiet bl-euro diġitali tal-utenti tal-euro diġitali f’isimhom u jipprovdulhom servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali. Peress li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma humiex parti għar-responsabbiltà diretta miżmuma mill-utenti tal-euro diġitali quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew u quddiem il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u qegħdin jaġixxu f’isem l-utenti tal-euro diġitali, l-insolvenza tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma taffettwax lill-utenti tal-euro diġitali.

(10)Jenħtieġ li l-euro diġitali jkun regolat bid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawn jistgħu jiġu ssupplimentati bl-atti delegati li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikoli 11, 34, 35, 36 u 38, u bl-atti ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikolu 37. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u tal-atti delegati tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jadotta miżuri, regoli u standards dettaljati skont il-kompetenzi tiegħu stess. Meta tali miżuri, regoli u standards ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, ir-Regolament jiċċara wkoll li l-euro diġitali huwa soġġett għad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u għar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, mingħajr preġudizzju għall-qafas aġġustat dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu stabbilit f’dan ir-regolament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali. It-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali u s-servizzi ta’ pagament relatati huma wkoll soġġetti għad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif emendata bid-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza - proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE - COM(2023) 366 final], li pprevediet li “fondi” jinkludu flus tal-bank ċentrali maħruġa għall-użu ta’ bejgħ bl-imnut (jiġifieri karti tal-flus, muniti u muniti diġitali tal-bank ċentrali), u għar-Regolament (UE) 2021/1230 dwar il-pagamenti transfruntiera.

(11)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali bħala munita unika fiż-żona tal-euro kollha, u l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti f’euro diġitali, jenħtieġ li fl-Istati Membri jiġu introdotti u applikati regoli dwar sanzjonijiet għal ksur.

(12)Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2015/2366 kif issostitwita bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Direttiva dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE - COM(2023) 366 final], id-Direttiva (UE) 2015/849 kif sostitwita bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] u r-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jirregolaw is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti u r-reġim tas-sanzjonijiet u l-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u tal-Istati Membri ospitanti, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 għas-superviżjoni tal-forniment ta’ servizzi ta’ pagament jikkooperaw ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew għall-finijiet tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-obbligi relatati mal-pagamenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru XXX dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament irid jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2017/1725 sa fejn ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. Għalhekk, fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/679 u tar-Regolament (UE) 2018/1725 l-awtoritajiet superviżorji huma responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(13)Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-awtoritajiet rilevanti tagħhom u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jużaw miżuri ta’ informazzjoni u edukattivi sabiex jiżguraw il-livell neċessarju ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ għarfien tal-aspetti differenti tal-euro diġitali.

(14)Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea  26 , il-kunċett ta’ “valuta legali” ta’ mezz ta’ pagament denominat f’unità ta’ munita jfisser, fis-sens ordinarju tiegħu, li dak il-mezz ta’ pagament ġeneralment ma jistax jiġi rrifjutat fis-saldu ta’ dejn denominat fl-istess unità tal-munita, bil-valur nominali sħiħ tiegħu, bl-effett li jiġi rrilaxxat id-dejn.

(15)L-istatus ta’ valuta legali huwa karatteristika li tiddefinixxi l-bażi monetarja. Fiż-żona tal-euro, s’issa l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro huma l-uniku mezz ta’ pagament li għandu l-istatus ta’ valuta legali, skont l-Artikolu 128(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 27 dwar l-introduzzjoni tal-euro 28 .

(16)L-euro diġitali, bħala munita diġitali bl-istatus ta’ valuta legali denominata f’euro maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala parti mill-Eurosistema, jenħtieġ li jkun aċċessibbli b’mod wiesa’, utilizzabbli u aċċettat bħala mezz ta’ pagament. L-għoti ta’ status ta’ valuta legali lill-euro diġitali jenħtieġ li jappoġġa l-użu tiegħu fil-pagamenti madwar iż-żona tal-euro u b’hekk jappoġġa wkoll l-isforzi sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà kontinwi tal-bażi monetarja fir-rwol tiegħu ta’ ankra monetarja, peress li l-flus kontanti waħedhom ma jistgħux jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ ekonomija li qiegħda tiddiġitalizza b’ħeffa. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni obbligatorja tal-pagamenti f’euro diġitali bħala waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin tal-istatus ta’ valuta legali tiżgura li n-nies u n-negozji jibbenefikaw minn aċċettazzjoni wiesgħa u jkollhom għażla reali li jħallsu bil-bażi monetarja b’mod diġitali u b’mod uniformi fiż-żona tal-euro kollha.

(17)Jenħtieġ li l-euro diġitali jkollu status ta’ valuta legali għat-tranżazzjonijiet offline ta’ pagament bl-euro diġitali li jseħħu fiż-żona tal-euro, b’mod simili għall-karti tal-flus u għall-muniti tal-euro li għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Jenħtieġ li l-euro diġitali jkollu wkoll status ta’ valuta legali għal tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali magħmulin lil prenditur li jirrisjedi jew stabbilit fiż-żona tal-euro, meta l-pagatur ikun residenti jew stabbilit ukoll fiż-żona tal-euro. B’mod simili, jenħtieġ li l-euro diġitali jkollu status ta’ valuta legali għal tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali li jsiru lil prenditur li jirrisjedi jew stabbilit fiż-żona tal-euro, meta l-pagatur ma jkunx residenti jew stabbilit fiż-żona tal-euro.

(18)Peress li l-euro diġitali tirrikjedi l-kapaċità li jiġu aċċettati mezzi ta’ pagament diġitali, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ aċċettazzjoni obbligatorja ta’ pagamenti f’euro diġitali fuq il-prendituri kollha tista’ tkun sproporzjonata. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu previsti eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja tal-pagamenti bl-euro diġitali għal persuni fiżiċi li jaġixxu waqt attività purament personali jew domestika. Jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja għall-mikrointrapriżi, li huma partikolarment importanti fiż-żona tal-euro għall-iżvilupp tal-ħolqien tax-xogħol u tal-innovazzjoni fl-intraprenditorija, filwaqt li jaqdu rwol vitali fit-tiswir tal-ekonomija. Jenħtieġ li l-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni jnaqqsu l-piżijiet regolatorji għall-intrapriżi ta’ dan id-daqs. Jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja għal entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ li jippromwovu l-interess pubbliku u jservu għall-ġid pubbliku li jwettqu varjetà ta’ għanijiet ta’ interess għas-soċjetà, inklużi l-ekwità, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem. Għall-mikrointrapriżi u għall-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, l-akkwist tal-infrastruttura meħtieġa u l-kostijiet ta’ aċċettazzjoni jkunu sproporzjonati. Għalhekk, jenħtieġ li dawn ikunu eżentati mill-obbligu li jaċċettaw pagamenti bl-euro diġitali. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jibqgħu disponibbli mezzi oħrajn għas-saldu tad-djun monetarji. Madankollu, jenħtieġ li l-mikrointrapriżi u l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ li jaċċettaw mezzi diġitali komparabbli ta’ pagament mingħand pagaturi jkunu soġġetti għall-aċċettazzjoni obbligatorja tal-pagamenti bl-euro diġitali. Jenħtieġ li l-mezzi diġitali komparabbli ta’ pagament jinkludu pagament bil-karta tad-debitu jew pagament istantanju jew soluzzjonijiet teknoloġiċi futuri oħrajn użati fil-punt ta’ interazzjoni, iżda jenħtieġ li jeskludu t-trasferiment ta’ kreditu u d-debitu dirett li ma jinbdewx fil-punt ta’ interazzjoni. Il-mikrointrapriżi u l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ li ma jaċċettawx mezzi diġitali komparabbli ta’ ħlas mingħand il-pagaturi tagħhom fis-saldu ta’ dejn (eż. jaċċettaw biss karti tal-flus u muniti tal-euro), iżda jistgħu jużaw pagamenti diġitali fis-saldu ta’ dejn lill-prendituri tagħhom (eż. iħallsu bi trasferimenti ta’ kreditu), jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-aċċettazzjoni obbligatorja ta’ pagamenti bl-euro diġitali. Fl-aħħar nett, prenditur jista’ jirrifjuta wkoll pagament bl-euro diġitali jekk ir-rifjut isir bona fide u jekk il-prenditur jiġġustifika r-rifjut għal raġunijiet leġittimi u temporanji, proporzjonati għal ċirkostanzi konkreti lil hinn mill-kontroll tiegħu, li jwasslu għal impossibbiltà li jaċċetta pagamenti bl-euro diġitali fiż-żmien rilevanti tat-tranżazzjoni, bħal qtugħ fil-provvista tad-dawl fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti online bl-euro diġitali, jew apparat difettuż fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti offline jew online bl-euro diġitali.

(19)Sabiex jiġi żgurat li jistgħu jiġu introdotti eċċezzjonijiet addizzjonali għall-aċċettazzjoni obbligatorja tal-euro diġitali fi stadju aktar tard jekk ikunu meħtieġa, pereżempju minħabba speċifiċitajiet tekniċi li jistgħu jidhru fil-futur, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet addizzjonali ta’ natura tad-dritt monetarju għall-obbligu li jiġu aċċettati tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, li jkunu japplikaw b’mod armonizzat fiż-żona tal-euro kollha, filwaqt li titqies kwalunkwe proposta mill-Istati Membri għal dan l-għan. Il-Kummissjoni tista’ tadotta eċċezzjonijiet bħal dawn biss jekk ikunu neċessarji, iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, proporzjonati, u jippreservaw l-effettività tal-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati għall-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet addizzjonali għall-obbligu li jiġu aċċettati tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istati Membri, skont is-setgħat tagħhom stess f’oqsma ta’ kompetenza kondiviża, li jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi eċċezzjonijiet għall-aċċettazzjoni obbligatorja li jirriżultaw mill-istatus ta’ valuta legali f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19.

(20)Sabiex jiġi żgurat li n-nies u n-negozji jibbenefikaw minn network ta’ aċċettazzjoni wiesa’ u jkunu jistgħu jużaw l-euro diġitali b’mod effettiv fil-pagamenti tagħhom ta’ kuljum, jenħtieġ li l-prendituri li huma soġġetti għall-aċċettazzjoni obbligatorja tal-pagamenti f’euro diġitali ma jeskludux b’mod unilaterali l-pagamenti bl-euro diġitali permezz ta’ termini kuntrattwali li ma ġewx innegozjati individwalment jew prattiki kummerċjali.

(21)L-objettiv ewlieni tal-istabbiliment tal-euro diġitali huwa l-użu tiegħu bħala forma tal-munita unika b’valuta legali fiż-żona tal-euro. Għal dan l-għan u f’konformità mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti fiż-żona tal-euro, inklużi l-konsumaturi mingħajr indirizz fiss, applikanti għall-ażil u l-konsumaturi li ma jingħatawx permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli għal raġunijiet legali jew fattwali, jistgħu jiġu pprovduti servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali mill-PSPs stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Persuni fiżiċi u ġuridiċi li diġà kienu qed jirċievu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, minħabba li huma fetħu kont ta’ pagament bl-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew ġew stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, iżda li ma għadhomx residenti jew li huma stabbiliti f’tali Stat Membru, xorta jistgħu jirċievu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea, f’konformità mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, soġġetti għal termini possibbli fir-rigward tal-istatus ta’ residenza jew tal-istabbiliment ta’ dawn il-persuni li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jiddefinixxi.

(22)F’konformità mad-Direttiva 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-kunċett ta’ “fondi” jfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali jew flus elettroniċi. Bħala forma ġdida ta’ bażi monetarja b’valuta legali, jenħtieġ li l-euro diġitali jitqies bħala fondi skont id-Direttiva 2015/2366. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva kif trasposti mill-Istati Membri u ssorveljati għal dan l-għan mill-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’din id-Direttiva wkoll. Meta joħroġ l-euro diġitali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala parti mill-Eurosistema, ikunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità monetarja u, għalhekk, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għad-Direttiva 2015/2366 f’konformità mal-Artikolu 1(e) ta’ dik id-Direttiva.

(23)Il-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali huma kategorija ta’ kontijiet ta’ pagament denominati f’euro li permezz tagħhom l-utenti tal-euro diġitali jistgħu jwettqu, fost l-oħrajn, it-tranżazzjonijiet li ġejjin: iqiegħdu fondi, jiġbdu l-flus u jeżegwixxu u jirċievu tranżazzjonijiet ta’ pagament lil u mingħand partijiet terzi, irrispettivament mit-teknoloġija użata u mill-istruttura tar-reġistru jew tad-data (eż. jekk l-euros diġitali humiex irreġistrati bħala bilanċi ta’ ammonti miżmumin jew unitajiet ta’ valur). Meta dawn l-attivitajiet ikunu jeħtieġu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu kontrolluri.

(24)Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet skont id-Direttiva 2015/2366 jipprovdu servizzi ta’ finanzjament u ta’ definanzjament lill-klijenti tagħhom, irrispettivament mill-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-sors ta’ likwidità għal dawk il-fondi fi flus tal-bank ċentrali. Fuq talba tal-klijenti tagħhom, bil-ħsieb li jwettqu b’suċċess servizzi ta’ finanzjament u ta’ definanzjament, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet li jitħallew ikollhom kont fil-bank ċentrali jenħtieġ li jipprovdu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet li ma jitħallewx ikollhom kont fil-bank ċentrali b’aċċess għas-sistemi ta’ pagament, u bl-istess mod jenħtieġ li jgħaddu mill-infrastruttura ta’ saldu l-ordnijiet ta’ trasferiment tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet li ma jitħallewx ikollhom kont fil-bank ċentrali, b’mod oġġettiv, proporzjonat u mhux diskriminatorju.

(25)Għall-fini tal-infurzar xieraq ta’ kwalunkwe limitu fuq l-ammonti użati tal-euro diġitali deċiż mill-Bank Ċentrali Ewropew, meta jagħmlu onboarding ta’ utenti tal-euro diġitali, jew matul il-kontrolli ex post meta xieraq, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament responsabbli mid-distribuzzjoni tal-euro diġitali jivverifikaw jekk il-klijent prospettiv jew eżistenti tagħhom diġà għandux kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jappoġġa lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fit-twettiq tal-kompitu tal-infurzar ta’ kwalunkwe limitu fuq l-ammonti miżmumin, inkluż billi jistabbilixxi waħdu jew b’mod konġunt mal-banek ċentrali nazzjonali punt ta’ aċċess uniku ta’ identifikaturi diġitali tal-utenti tal-euro u l-limiti ta’ żamma diġitali relatati tal-euro. Jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jimplimenta miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa, li jinkludu miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, sabiex jiżgura li l-identità tal-utenti individwali tal-euro diġitali ma tkunx tista’ tiġi assoċjata mal-informazzjoni punt ta’ aċċess uniku minn entitajiet għajr il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li l-klijent jew il-klijent potenzjali tagħhom ikun l-utent tal-euro diġitali. Jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun kontrollur sa fejn dawn l-attivitajiet jeħtieġu l-ipproċessar ta’ data personali. Meta l-Bank Ċentrali Ewropew jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku konġunt mal-banek ċentrali nazzjonali, jenħtieġ li dawn ikunu kontrolluri konġunti.

(26)Sabiex jiġi appoġġat l-aċċess universali għall-euro diġitali mill-pubbliku ġenerali fiż-żona tal-euro, u sabiex titrawwem l-innovazzjoni u livell għoli ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-pagamenti bl-imnut, jenħtieġ li l-intermedjarji rilevanti kollha jkunu jistgħu jqassmu l-euro diġitali. Il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet skont id-Direttiva 2015/2366, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet ta’ pagament, l-istituzzjonijiet giro tal-uffiċċji postali li huma intitolati skont id-dritt nazzjonali li jipprovdu servizzi ta’ pagament, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri Bħala li l-munita tagħhom hija l-euro, bħala parti mill-Eurosistema, meta ma jaġixxux fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità monetarja jew bħala awtoritajiet pubbliċi oħrajn, u l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta ma jaġixxux fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali u s-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali relatati, irrispettivament minn fejn jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi rregolati skont ir-Regolament 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 li huma fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet skont id-Direttiva 2015/2366 jenħtieġ li jitħallew ukoll iqassmu l-euro diġitali. F’konformità mad-Direttiva 2015/2366, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet jenħtieġ li jkunu obbligati jipprovdu aċċess għad-data dwar il-kontijiet ta’ pagament lill-fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament u ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet fuq il-bażi ta’ Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs), sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jipprovdu servizzi addizzjonali.

(27)F’każ li d-disponibbiltà tal-euro diġitali kienet kontinġenti fuq deċiżjonijiet ta’ negozju ħielsa mill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament, l-euro diġitali jista’ jiġi marġinalizzat jew saħansitra eskluż mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Dan jista’ jipprevjeni lill-utenti milli jħallsu u jirċievu pagamenti f’forma ta’ munita mogħtija l-istatus ta’ valuta legali. F’dak il-każ, l-uniċità fl-użu tal-euro diġitali fiż-żona tal-euro kollha meħtieġa mill-Artikolu 133 tat-TFUE ma tkunx garantita. Għalhekk, huwa essenzjali li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament deżinjati jkunu meħtieġa jqassmu servizzi bażiċi tal-euro diġitali.

(28)Jenħtieġ li rekwiżit għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali jkun proporzjonat għall-objettiv li jiġi żgurat użu effettiv tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament ta’ valuta legali. Ir-restrizzjoni ta’ dak l-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li diġà huma attivi fis-servizzi tan-negozju bl-imnut tkun tiżgura l-effettività tal-istatus ta’ valuta legali, filwaqt li tevita li tpoġġi piż sproporzjonat fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament b’mudelli kummerċjali speċjalizzati u mhux orjentati lejn il-konsumatur. Għalhekk, l-obbligu li jitqassam l-euro diġitali huwa limitat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu servizzi ta’ kontijiet ta’ pagament fuq talba tal-klijenti tagħhom. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament dwar l-aċċess għall-kontijiet ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi għall-aċċess għal kont bl-euro diġitali b’karatteristiċi bażiċi għall-konsumaturi li ma humiex klijenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

(29)Sabiex jiġi żgurat użu wiesa’ tal-euro diġitali, inkluż għal persuni li ma għandhomx kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali, ma jixtiqux jiftħu kont ta’ pagament bl-euro diġitali f’istituzzjoni ta’ kreditu jew f’fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament li jistgħu jqassmu l-euro diġitali, jew persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u persuni anzjani, huwa essenzjali li l-entitajiet pubbliċi, li jinkludu l-awtoritajiet lokali jew reġjonali, jew l-uffiċċji postali, iqassmu l-euro diġitali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw entitajiet li jenħtieġ li jwettqu dak il-kompitu fit-territorju tagħhom. Entitajiet bħal dawn, bħala fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva (UE) 2015/2366, jenħtieġ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-Direttiva (UE) 2015/2366 u d-Direttiva (UE) 2015/849.

(30)Sabiex ikun jista’ jsir użu wiesa’ mill-euro diġitali u jinżamm il-pass mal-innovazzjoni fil-pagamenti diġitali, jenħtieġ li s-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali jinkludu servizzi bażiċi u addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali. Is-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali huma servizzi ta’ pagament, ta’ kontijiet jew ta’ appoġġ li huma meqjusin essenzjali għall-użu tal-euro diġitali minn persuni fiżiċi. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-forniment ta’ mill-inqas strument ta’ pagament wieħed lil persuni fiżiċi. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet biss skont id-Direttiva 2015/2366 jenħtieġ li jipprovdu s-sett kollu ta’ servizzi bażiċi tal-euro diġitali. Minbarra dawn is-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet u fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva 2015/2366 jistgħu jiżviluppaw u jipprovdu servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali. Servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali jinkludu pereżempju tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali bħal servizzi ta’ pagament għal kull użu jew ta’ bidu ta’ pagament. Jenħtieġ li l-infrastruttura tal-euro diġitali tiffaċilita l-użu ta’ tali servizzi fakultattivi.

(31)Fid-dawl tas-setgħat tiegħu skont it-Trattati u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun jista’ jistabbilixxi limiti fuq l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur. L-użu effettiv tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament ta’ valuta legali jenħtieġ li jiġi ppreservat permezz ta’ limiti fuq it-tariffi bejn il-PSPs u t-tariffi tan-negozjanti.

(32)Użu mhux ristrett tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur jista’ jipperikola l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, b’effetti negattivi fuq il-forniment ta’ kreditu lill-ekonomija mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan jista’ jirrikjedi li l-Bank Ċentrali Ewropew, bil-ħsieb li jiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jintroduċi limiti fuq l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur. L-għodod ta’ politika li jistgħu jintużaw għal dan l-għan jinkludu, iżda ma jkunux ristretti għal, limiti kwantitattivi fuq l-ammonti individwali miżmumin tal-euro diġitali u limiti fuq il-konverżjoni ta’ kategoriji oħrajn ta’ fondi għall-euro diġitali f’perjodu ta’ żmien speċifikat. Meta jiddeċiedi dwar il-parametri u l-użu tal-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 1, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jirrispetta l-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera, f’konformità mal-Artikolu 127(1) tat-TFUE.

(33)Jenħtieġ li l-limiti ma jintużawx sabiex jissostitwixxu intervent bikri jew miżuri superviżorji oħrajn. Limiti bħal dawn lanqas ma jenħtieġ li jiġu imposti sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kompetenti jew awtoritajiet rilevanti oħrajn normalment jittrattaw billi jużaw l-għodod u s-setgħat għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi sospensjonijiet ta’ pagament, moratorji, miżuri disponibbli skont id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/59/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 806/2014, jew miżuri simili oħrajn li huma mmirati lejn ir-restawr tal-vijabbiltà, ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata jew inkella r-rimedju tas-sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja.

(34)Jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jkollhom l-għażla li jużaw l-euro diġitali online jew offline, jew it-tnejn, soġġetti għal-limiti stabbiliti rispettivament mill-Bank Ċentrali Ewropew u minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jirreġistraw u jneħħu mir-reġistru l-apparati għall-ħżin lokali għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali tal-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jaħżnu biss l-identifikatur tal-apparat għall-ħżin lokali użat għall-euro diġitali offline għad-durata tal-iffaċilitar tal-provvista ta’ euro diġitali offline lill-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa inklużi miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell li jiżguraw li l-identifikatur tal-apparat tal-utenti individwali tal-euro diġitali ma jkunx jista’ jintuża għal skopijiet oħrajn għajr għall-fini tal-forniment tal-euro diġitali offline.

(35)Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jirreġistraw u jerġgħu jirreġistraw l-apparati għall-ħżin lokali għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali tal-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jaħżnu biss l-identifikatur tal-apparat għall-ħżin lokali użat għall-euro diġitali offline għad-durata tal-iffaċilitar tal-provvista ta’ euro diġitali offline lill-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa inklużi miżuri avvanzati ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza sabiex jiżguraw li l-identifikatur tal-apparat ta’ utenti diġitali individwali tal-euro ma jkunx jista’ jitqabbel mal-informazzjoni dwar l-utent tal-euro diġitali sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data, ħlief għall-finijiet tal-Artikolu 37.

(36)Jenħtieġ li l-euro diġitali jippermetti esperjenza ta’ pagament mingħajr xkiel. Kwalunkwe strument li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ juża sabiex jillimita l-funzjoni tal-ħżin tal-valur tal-euro diġitali jenħtieġ li jqis dan l-objettiv. Jenħtieġ li l-mekkaniżmi awtomatizzati li jassoċjaw kont ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ kont ta’ pagament mhux bl-euro diġitali jippermettu funzjonalità ta’ pagament mhux inibita tal-euro diġitali, billi jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet jiġu eżegwiti b’suċċess fil-preżenza ta’ limiti fuq l-ammonti individwali miżmumin tal-euro diġitali li jistgħu jsiru vinkolanti fuq il-pagatur jew fuq il-prenditur. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jkunu jistgħu jibdew tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali anki jekk l-ammonti miżmumin tal-euro diġitali tagħhom ikunu inferjuri għall-ammont tat-tranżazzjoni, billi jimmobilizzaw awtomatikament fondi minn kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali sabiex jikkomplementaw l-ammont tat-tranżazzjoni (“funzjonalità f'kaskata inversa”). Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jkunu jistgħu jirċievu tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali minkejja li l-ammont tat-tranżazzjoni jaqbeż il-limitu stabbilit fl-ammonti miżmumin tal-euro diġitali tagħhom, billi jittrasferixxu awtomatikament fondi li jaqbżu l-limitu għal kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali (“funzjonalità f'kaskata”). Jenħtieġ li funzjonalitajiet ta’ pagament bħal dawn jiġu awtorizzati b’mod espliċitu mill-utenti tal-euro diġitali. Meta kont ta’ pagament bl-euro diġitali miżmum minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament wieħed ikun assoċjat ma’ kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali miżmum minn fornitur ieħor ta’ servizz ta’ pagament, jenħtieġ li dawn jidħlu f’arranġament li jispeċifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll jaqblu dwar il-miżuri ta’ sigurtà neċessarji sabiex tiġi żgurata trażmissjoni sigura tad-data personali bejn iż-żewġ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.

(37)Filwaqt li l-istrumenti użati mill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jillimitaw l-użu eċċessiv tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u l-intermedjazzjoni finanzjarja, dawn xorta waħda jista’ jkollhom impatt fuq il-pożizzjoni tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u jinteraġixxu magħha. Għalhekk, dawn l-istrumenti jkollhom jiġu applikati b’mod uniformi fiż-żona tal-euro kollha sabiex jiġu żgurati l-użu tal-euro diġitali bħala munita unika u l-uniċità tal-politika monetarja. Barra minn hekk, tkun neċessarja applikazzjoni uniformi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fis-suq uniku Ewropew jew jiġi evitat infurzar kumpless wisq ta’ kwalunkwe strument permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fuq il-bażi tar-residenza tal-utenti tal-euro diġitali. Fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-euro diġitali ma jġorrx interessi għall-finijiet tal-użu primarjament tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament filwaqt li jillimita l-użu tiegħu bħala maħżen tal-valur.

(38)Jenħtieġ li l-limiti fuq l-użu tal-euro diġitali għall-utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti barra miż-żona tal-euro ma jkunux aktar favorevoli milli għall-utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti fiż-żona tal-euro, anki sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar is-sovranità monetarja u l-istabbiltà finanzjarja kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll barra minnha.

(39)Kwalunkwe limitu għall-funzjoni ta’ ħżin tal-valur li l-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedi dwaru jenħtieġ li jkun vinkolanti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali u jiġi implimentat minnhom. Filwaqt li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jkollhom kont wieħed jew aktar ta’ pagament bl-euro diġitali mal-istess fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornituri differenti ta’ servizzi ta’ pagament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal limitu fuq l-ammonti individwali miżmumin li utent tal-euro diġitali jista’ jalloka fost fornituri differenti ta’ servizzi ta’ pagament. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu joffru lill-utenti tal-euro diġitali l-possibbiltà li legalment ikollhom kont ta’ pagament konġunt tal-euro diġitali. F’dan il-każ, kwalunkwe limitu fuq l-ammont miżmum applikat għall-kont ta’ pagament konġunt bl-euro diġitali jenħtieġ li jkun ugwali għas-somma tal-limiti fuq l-ammonti miżmumin allokati tal-utenti tal-euro diġitali. Meta kont ta’ pagament bl-euro diġitali jinżamm legalment minn utent wieħed biss tal-euro diġitali, iżda jista’ jiġi aċċessat teknikament u jintuża minn diversi persuni, fuq mandat de facto jew legali mogħti mill-utent tal-euro diġitali, kwalunkwe limitu fuq l-ammonti miżmumin applikat għall-kont ta’ pagament bl-euro diġitali jenħtieġ li jibqa’ ugwali għal-limitu fuq l-ammonti miżmumin definit għal kont ta’ pagament bl-euro diġitali miżmum minn utent wieħed tal-euro diġitali, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ċirkomvenzjoni tal-limiti fuq l-ammonti miżmumin.

(40)Sabiex jiġu żgurati aċċess wiesa’ għall-euro diġitali u l-użu tiegħu, b’mod konsistenti mal-istatus tiegħu ta’ valuta legali, u sabiex jiġi appoġġat ir-rwol tiegħu bħala ankra monetarja fiż-żona tal-euro, persuni fiżiċi li jirrisjedu fiż-żona tal-euro, persuni fiżiċi li fetħu kont bl-euro diġitali fiż-żmien li kienu jirresjedu fiż-żona tal-euro, iżda ma għadhomx jirresjedu hemmhekk, kif ukoll viżitaturi, jenħtieġ li ma jintalbux iħallsu għal servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali. Dan ifisser li jenħtieġ li utenti tal-euro diġitali bħal dawn ma jkollhomx xi tariffa diretta għall-aċċess bażiku tagħhom għall-euro diġitali u għall-użu bażiku tiegħu, inklużi tariffi tat-tranżazzjonijiet imposti jew kwalunkwe tariffa oħra li tkun direttament assoċjata mal-forniment ta’ servizzi relatati mal-użu bażiku tal-euro diġitali. Jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali ma jkunux meħtieġa jkollhom jew jiftħu kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali jew li jaċċettaw prodotti oħrajn tal-euro mhux diġitali. Meta l-utent tal-euro diġitali jaqbel dwar pakkett ta’ servizzi li jinkludi servizzi tal-euro mhux diġitali u servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali, jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikun jista’ jitlob tariffa għal dak il-pakkett ta’ servizzi skont id-diskrezzjoni tiegħu. F’dak il-każ, jenħtieġ li ma jkunx hemm imposta differenzjata għas-servizzi tal-euro mhux diġitali meta jiġu offruti separatament jew bħala parti minn pakkett li jinkludi servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali. Meta l-utent tal-euro diġitali jitlob li jirċievi biss servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, jenħtieġ li ma jintalabx ħlas għal dawk is-servizzi, inkluż għall-funzjonalitajiet kaskata u kaskata inversa meta l-utent tal-euro diġitali jkollu wkoll kont ta’ pagament bl-euro mhux diġitali ma’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jkunu jistgħu jitolbu ħlas lill-utenti tal-euro diġitali għal servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali lil hinn mis-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali.

(41)Il-Bank Ċentrali Ewropew jew l-Eurosistema ma titlobx ħlas mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għall-kostijiet li ġġarrab sabiex tappoġġa l-forniment minnha ta’ servizzi tal-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali.

(42)Peress li l-euro diġitali huwa forma tal-munita unika li għandha status ta’ valuta legali, jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma jkunux soġġetti għal tariffi eċċessivi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. B’mod partikolari, l-għoti tal-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali, bil-konsegwenza ta’ aċċettazzjoni obbligatorja, ifisser li n-negozjanti ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jaċċettaw tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. Barra minn hekk, kwalunkwe imposta jew tariffa għal kull tranżazzjoni jew perjodu tnaqqas, direttament jew indirettament, il-valur nominali tal-pagamenti riċevuti, li huwa komponent essenzjali tal-istatus ta’ valuta legali. Għalhekk, huwa essenzjali li tariffa jew imposta, bħala restrizzjoni tal-valur nominali tal-euro diġitali, tkun oġġettivament ġustifikata u proporzjonata għall-objettiv li jiġi żgurat użu effettiv tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament ta’ valuta legali.

(43)Sabiex jiġi żgurat li t-tariffi u l-imposti jkunu uniformi u proporzjonati fiż-żona tal-euro, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jimmonitorja regolarment il-livell tagħhom u, abbażi ta’ dan, jippubblika l-ammonti korrispondenti flimkien ma’ rapport ta’ spjegazzjoni. Jenħtieġ li tariffa jew imposta massima tippermetti kompetizzjoni libera bejn l-intermedjarji taħt dak il-livell. Jenħtieġ li t-tariffi jew l-imposti ma jaqbżux il-kostijiet rilevanti mġarrbin mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, li huma elementi oġġettivi, u jistgħu jinkludu marġni raġonevoli ta’ profitt. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew juża stima tal-kost medju rappreżentattiv imġarrab mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament madwar iż-żona tal-euro u, għalhekk, jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jiġbor id-data rilevanti mingħand il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Il-kostijiet rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kostijiet imġarrbin minn grupp rappreżentattiv tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament l-aktar effiċjenti f’sena partikolari. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma’ dawn it-tariffi jew l-imposti massimi.

(44)Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat użu effettiv tal-euro diġitali, huwa importanti li t-tariffi jew l-imposti ma jkunux ogħla minn dawk mitlubin għal mezzi ta’ pagament diġitali privati komparabbli. L-iskemi tal-karti internazzjonali rregolati skont ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , l-iskemi nazzjonali tal-karti, u l-pagamenti istantanji fil-punt ta’ interazzjoni pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jenħtieġ li jitqiesu bħala mezzi ta’ pagament komparabbli.

(45)Peress li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali ma jkunux f’pożizzjoni li jitolbu tariffi lil persuni fiżiċi għal servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali, tista’ tkun meħtieġa tariffa bejn il-PSPs sabiex jiġi pprovdut kumpens lil dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għall-kostijiet ta’ distribuzzjoni. Jenħtieġ li t-tariffa bejn il-PSPs tipprovdi kumpens suffiċjenti għall-kostijiet tad-distribuzzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kemm li jqassmu kif ukoll li jakkwistaw, inkluż marġni ta’ profitt raġonevoli.

(46)Id-distribuzzjoni tal-euro diġitali minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti barra miż-żona tal-euro tikkontribwixxi sabiex jitrawwem l-użu internazzjonali tal-euro. Dan iġib ukoll benefiċċji għaż-żona tal-euro u għal ekonomiji oħrajn billi jiffaċilita l-pagamenti transfruntiera għall-finijiet tal-kummerċ jew tar-rimessi, f’konformità mal-aġenda tal-G20.

(47)Distribuzzjoni eċċessiva tal-euro diġitali barra miż-żona tal-euro jista’ jkollha impatt mhux mixtieq fuq id-daqs u fuq il-kompożizzjoni tal-karta bilanċjali konsolidata tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali. L-impatti fuq is-sovranità monetarja u fuq l-istabbiltà finanzjarja ta’ pajjiżi li ma humiex fiż-żona tal-euro jistgħu jvarjaw ukoll skont l-użu tal-euro diġitali barra miż-żona tal-euro. Dawk l-impatti jistgħu jkunu ta’ ħsara f’każ li l-euro diġitali jieħu post il-munita lokali f’numru kbir ta’ tranżazzjonijiet domestiċi. B’mod partikolari, sitwazzjoni li fiha l-euro diġitali jsir dominanti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro, u b’hekk de facto jissostitwixxi l-munita nazzjonali, tista’ tfixkel il-kriterji u l-proċess tal-adozzjoni taż-żona tal-euro stabbiliti fl-Artikolu 140 tat-TFUE. Sabiex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa u jiġu evitati r-riskji għas-sovranità monetarja u għall-istabbiltà finanzjarja, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll barra minnha, huwa neċessarju li tiġi prevista l-possibbiltà li l-Unjoni tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, u li l-Bank Ċentrali Ewropew jikkonkludi arranġamenti mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro u mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-forniment regolari ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti barra miż-żona tal-euro. Jenħtieġ li t-tali ftehimiet u arranġamenti ma jkoprux viżitaturi fiż-żona tal-euro, li lilhom il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea 31 , f’konformità mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jistgħu jipprovdu direttament servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali.

(48)Il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro jenħtieġ li jkun soġġett għal arranġament minn qabel bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro, wara talba mill-Istat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro. F’konformità mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, l-utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro jistgħu jiġu pprovduti b’servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

(49)Il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi, bl-esklużjoni ta’ pajjiżi terzi jew ta’ territorji li huma taħt ftehim monetarju mal-Unjoni, jenħtieġ li jkun soġġett għal ftehim minn qabel bejn l-Unjoni u tali pajjiż terz. Jenħtieġ li dan japplika wkoll fil-każ ta’ Stati li huma parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew għall-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles. Jenħtieġ li ftehim bħal dan jiġi kkomplementat minn arranġament bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż terz. L-intermedjarji stabbiliti fl-istess pajjiż ta’ residenza jew ta’ stabbiliment minbarra l-utenti tal-euro diġitali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi. L-intermedjarji li jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rekwiżiti regolatorji u superviżorji adegwati, bl-objettivi li jiżguraw li l-euro diġitali, li huwa flus tal-bank ċentrali, jitqassam b’mod sikur u adegwat, u ma jintużax ħażin. Jenħtieġ li r-rekwiżiti regolatorji u superviżorji jiġu ddeterminati bħala parti mill-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali, fuq il-bażi ta’ kriterji proporzjonati, oġġettivi u uniformi. Il-ftehimiet u l-arranġamenti ma’ pajjiżi terzi b’riskju għoli identifikati skont ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus – COM/2021/421 final) jenħtieġ li jiġu ristretti, sospiżi, jew itterminati.

(50)Il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi jew territorji terzi, skont ftehim monetarju mal-Unjoni, jenħtieġ li jkun regolat bi ftehimiet monetarji. L-intermedjarji stabbiliti fl-istess pajjiż ta’ residenza jew ta’ stabbiliment minbarra l-utenti tal-euro diġitali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fiż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jipprovdu servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti tal-euro diġitali li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi jew f’territorji terzi, skont ftehim monetarju mal-Unjoni.

(51)Barra minn hekk, l-użu tal-euro diġitali fil-pagamenti bejn il-muniti jkun jikkontribwixxi sabiex jitrawwem l-użu internazzjonali tal-euro. Dan iġib ukoll benefiċċji għaż-żona tal-euro u għal ekonomiji oħrajn billi jiffaċilita l-pagamenti transfruntiera għall-finijiet tal-kummerċ jew tar-rimessi, f’konformità mal-aġenda tal-G20.

(52)L-utenti tal-euro diġitali, kemm jekk ikunu residenti kif ukoll jekk ikunu stabbiliti fiż-żona tal-euro jew le, jista’ jkollhom ukoll il-kapaċità li jirċievu jew jibdew pagamenti bejn il-muniti bejn l-euro diġitali u munita lokali. L-arranġamenti konklużi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro u f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi ta’ pagament interoperabbli u għall-użu ta’ dawn għall-finijiet ta’ pagamenti bejn il-muniti li jinvolvu l-euro diġitali.

(53)Jenħtieġ li l-ftehimiet u l-arranġamenti relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali jew ta’ pagamenti bejn il-muniti li jinvolvu l-euro diġitali jiġu konklużi fuq bażi volontarja, bi prijorità mal-Istati Membri li ma humiex fiż-żona tal-euro. Jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jikkoopera mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro għall-finijiet ta’ pagamenti bejn il-muniti li jinvolvu l-euro diġitali.

(54)Jenħtieġ li d-disinn tekniku tal-euro diġitali jagħmilha aċċessibbli b’mod wiesa’ għall-pubbliku ġenerali u jista’ jintuża minnu. Jenħtieġ li, b’mod partikolari, dak id-disinn jappoġġa l-aċċess għal persuni esklużi finanzjarjament jew għal persuni f’riskju ta’ esklużjoni finanzjarja, għal persuni b’diżabilità billi jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 (l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà), għal persuni b’limitazzjonijiet funzjonali li jkunu jibbenefikaw ukoll mill-aċċessibbiltà, jew għal persuni b’ħiliet diġitali limitati u għal persuni anzjani. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-euro diġitali jkollu karatteristiċi tal-użu li jkunu sempliċi u faċli sabiex jiġu mmaniġġati, u jenħtieġ li jkun aċċessibbli biżżejjed permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ apparati tal-hardware sabiex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdu lill-utenti tal-euro diġitali b’servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, irrispettivament minn dawk l-utenti li jkollhom kontijiet ta’ pagament tal-euro mhux diġitali. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk l-utenti jitħallew ikollhom kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jkunu differenti minn dawk li magħhom ikollhom kontijiet ta’ pagament bl-euro mhux diġitali.

(55)Jenħtieġ li l-euro diġitali jappoġġa l-programmazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti kundizzjonali diġitali bl-euro mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Madankollu, jenħtieġ li l-euro diġitali ma jkunx “flus programmabbli”, li jfisser unitajiet li, minħabba kundizzjonijiet ta’ nfiq definiti b’mod intrinsiku, jistgħu jintużaw biss għax-xiri ta’ tipi speċifiċi ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, jew huma soġġetti għal termini li wara ma jkunux għadhom jistgħu jintużaw. Tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali huma pagamenti li jiġu attivati awtomatikament minn software fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet definiti minn qabel u miftehmin. Jenħtieġ li l-pagamenti kundizzjonali jkollhom, bħala oġġett jew effett, l-użu ta’ euro diġitali bħala flus programmabbli. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jiżviluppaw tipi differenti ta’ loġika sabiex joffru firxa ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali lil utenti tal-euro diġitali, inklużi tranżazzjonijiet ta’ pagament awtomatizzati għat-tqegħid jew għall-prelevament tal-euro diġitali, ordnijiet permanenti ta’ pagament li jiskattaw pagamenti awtomatiċi ta’ ammont speċifiku f’data speċifika, u pagamenti bejn magni f’każijiet li fihom dawk il-magni jkunu pprogrammati sabiex jiskattaw awtomatikament pagamenti għall-partijiet tal-bdil tagħhom stess meta jordnawhom, għall-ipprezzar u għall-ħlas tal-elettriku bl-aktar kundizzjonijiet favorevoli tas-suq, għall-ħlas tal-assigurazzjoni, u għat-tariffi ta’ lokazzjoni u ta’ manutenzjoni fuq il-bażi tal-użu.

(56)Sabiex jiġu ffaċilitati l-użu tal-euro diġitali u l-forniment ta’ servizzi innovattivi, jenħtieġ li l-Eurosistema ssostni l-forniment ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali. L-ewwel nett, xi tipi ta’ servizzi ta’ pagament kundizzjonali jistgħu jiġu sostnuti permezz ta’ miżuri, regoli u standards dettaljati li jistgħu jgħinu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jiżviluppaw u joperaw applikazzjonijiet interoperabbli li jeżegwixxu loġika kundizzjonali. Dan jista’ jinkludi sett ta’ għodod tekniċi bħall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. It-tieni, l-Eurosistema tista’ tipprovdi funzjonalitajiet addizzjonali fl-infrastruttura diġitali għas-saldu tal-euro, neċessarji għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament kundizzjonali lil utenti tal-euro diġitali. Dan jista’ jiffaċilita r-riżerva ta’ fondi fl-infrastruttura tas-saldu għall-eżekuzzjoni futura ta’ xi pagamenti kundizzjonali. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jadattaw il-loġika tan-negozju għal tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali f’konformità mal-istandards u mal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet li l-Eurosistema tista’ tadotta sabiex tiffaċilita tali tranżazzjonijiet.

(57)Il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jistgħu jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet diġitali billi jippermettu l-awtentikazzjoni, l-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ attributi li jinkludu liċenzji u ċertifikati. Jenħtieġ li l-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jikkontribwixxu għall-aċċess universali effettiv għall-euro diġitali u għall-użu tiegħu. Jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali bbażati fuq standards u fuq prattiki komuni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li l-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali jkollha salvagwardji b’saħħithom u speċifiċi sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-data u l-privatezza u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà ta’ livell għoli. Għalhekk, is-soluzzjonijiet front-end li għandhom jiġu żviluppati mill-Bank Ċentrali Ewropew jenħtieġ li jikkunsidraw kif xieraq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirregolaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Dan ikun jippermetti l-interoperabbiltà rilevanti mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jippermettu l-kapitalizzazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji. Fuq il-bażi tal-għażla tal-utenti, jenħtieġ li l-interoperabbiltà mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali tippermetti wkoll it-twettiq tad-diliġenza dovuta tal-klijenti skont ir-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus – COM/2021/421 final). Barra minn hekk, sabiex jiksbu esperjenza koerenti għall-klijenti, l-intermedjarji jistgħu jagħżlu li jintegraw bis-sħiħ is-servizzi front-end tal-euro diġitali tagħhom fl-ispeċifikazzjonijiet li jirregolaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

(58)Jenħtieġ li, jekk ikunu jixtiequ hekk, l-utenti jkunu jistgħu jawtorizzaw il-pagamenti bl-euro diġitali billi jużaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu obbligati jaċċettaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-verifika tal-identitajiet tal-klijenti kemm prospettivi kif ukoll eżistenti, f’konformità mar-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus – COM/2021/421 final). Sabiex jiġi ffaċilitat il-ftuħ ta’ kontijiet bl-euro diġitali madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu jistgħu jiddependu wkoll fuq attestazzjonijiet kwalifikati pprovduti mill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, inkluż għat-twettiq tad-diliġenza dovuta tal-klijent mill-bogħod. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jaċċettaw ukoll l-użu tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jekk il-pagatur ikun jixtieq juża l-kartiera għall-awtorizzazzjoni ta’ pagament ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. Barra minn hekk, sabiex jiġu ffaċilitati l-pagamenti ta’ prossimità offline bl-euro diġitali, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għall-ħżin tal-euro diġitali fl-apparat ta’ pagament.

(59)Sabiex tiġi ffaċilitata esperjenza armonizzata tal-utenti, ir-regoli, l-istandards u l-proċessi tal-euro diġitali li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jadotta skont il-kompetenzi tiegħu stess, jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe utent tal-euro diġitali jkun jista’ jwettaq tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ kwalunkwe utent ieħor tal-euro diġitali fiż-żona tal-euro irrispettivament mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament involuti u mis-servizzi front-end użati. Sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut, u jiġu appoġġati l-kompetizzjoni, l-effiċjenza u l-innovazzjoni f’dak is-suq, u l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ pagament madwar l-Unjoni f’konformità mal-objettiv tal-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti bl-imnut, jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, l-euro diġitali jkun kompatibbli ma’ soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali privati, f’kontinwità mal-isinerġiji funzjonali u tekniċi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jfittex li jiżgura li l-euro diġitali jkun kompatibbli ma’ soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali privati fil-punt ta’ interazzjoni, u f’pagamenti minn persuna għal oħra, li fil-każ tagħhom il-frammentazzjoni tas-suq tal-Unjoni tal-pagamenti bl-imnut bħalissa hija sinifikanti. L-użu ta’ standards miftuħin, ta’ regoli komuni u ta’ proċessi, u possibbilment ta’ infrastrutturi kondiviżi, jista’ jappoġġa kompatibbiltà bħal din. Filwaqt li jistgħu jiġu ingranati s-soluzzjonijiet eżistenti meta soluzzjonijiet bħal dawn jitqiesu xierqa sabiex jiġi żgurat li l-kompatibbiltà, b’mod partikolari fid-dawl tal-minimizzazzjoni tal-kostijiet ġenerali tal-adattament, jenħtieġ li tali soluzzjonijiet eżistenti ma joħolqux dipendenzi żejda li jistgħu jipprevjenu l-adattament tal-euro diġitali għal teknoloġiji ġodda jew ikunu inkompatibbli mal-karatteristiċi tal-euro diġitali. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u mingħajr ma jingħata xi dritt eżegwibbli lill-operaturi tas-suq, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jfittex li jiżgura li l-euro diġitali jkun kompatibbli ma’ soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali privati fuq bażi tal-aħjar sforzi u meta jitqies xieraq.

(60)Sabiex tiġi ffaċilitata s-soluzzjoni tat-tilwim, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew jipprovdi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u lill-utenti tal-euro diġitali b’appoġġ tekniku u funzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, tal-anqas b’rabta ma’ (pre) tilwim tekniku u dwar frodi. It-tilwim tekniku jinkludi fost l-oħrajn sitwazzjonijiet li fihom l-ammont tat-tranżazzjoni jvarja, meta jkun hemm duplikati, jew meta ma jkun hemm l-ebda awtorizzazzjoni jew validazzjoni minn qabel. It-tilwim dwar frodi jinkludi fost l-oħrajn sitwazzjonijiet ta’ serq tal-identità, ta’ frodi tal-identità ta’ negozjant u ta’ oġġetti kontrafatti.

(61)Sabiex jaċċessaw u jużaw l-euro diġitali bħala parti mis-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jiġu pprovduti b’servizzi front-end. Jenħtieġ li dawk l-utenti jkollhom il-possibbiltà li jaċċessaw u jużaw servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali permezz tas-servizzi front-end ipprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u mill-Bank Ċentrali Ewropew. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu jistgħu jagħżlu li jiddependu fuq servizzi ta’ pagament front-end ipprovduti minn partijiet ikkonċernati oħrajn, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari fil-każ li fih il-kost tal-iżvilupp u tal-operat ta’ servizzi ta’ pagament front-end, li jinkludu applikazzjonijiet, ikun sproporzjonat. Meta l-utenti tal-euro diġitali jkunu jistgħu jagħżlu bejn servizzi front-end differenti, jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni li jintgħażel servizz partikolari front-end tibqa’ f’idejn dawk l-utenti u jenħtieġ li ma tiġix imposta mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jew mill-Bank Ċentrali Ewropew. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikollhom il-kapaċità li jipprovdu lill-utenti tal-euro diġitali bil-possibbiltà li jaċċessaw u jużaw servizzi ta’ pagament tal-euro diġitali permezz tas-servizzi front-end ipprovduti mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa li jinkludu miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiżguraw li l-identità tal-utenti individwali tal-euro diġitali ma tkunx tista’ tiġi aċċessata mill-BĊE permezz tas-soluzzjoni front-end tiegħu.

(62)Sabiex tiġi evitata interferenza fir-relazzjonijiet mal-klijenti tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u fir-rwol tagħhom fid-distribuzzjoni tal-euro diġitali, jenħtieġ li s-soluzzjonijiet front-end ipprovduti mill-Bank Ċentrali Ewropew ikunu limitati għall-provvista ta’ interfaċċa bejn l-utenti tal-euro diġitali u l-infrastrutturi ta’ pagament tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. B’mod partikolari, l-Eurosistema ma jkollhiex relazzjoni kuntrattwali mal-utenti tal-euro diġitali anki jekk dawk l-utenti jużaw is-servizzi front-end ipprovduti mill-Bank Ċentrali Ewropew. Jenħtieġ li l-BĊE u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa li jinkludu miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiżguraw li l-identità tal-utenti individwali tal-euro diġitali ma tkunx tista’ tiġi aċċessata mill-BĊE permezz tas-soluzzjoni front-end tiegħu.

(63)Sabiex joffru esperjenza mingħajr xkiel lill-utenti, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdu lill-utenti tal-euro diġitali b’servizzi front-end sabiex jaċċessaw u jużaw l-euro diġitali jaraw li l-utenti tal-euro diġitali jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw l-euro diġitali malajr u faċilment. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali jiġu mmarkati b’mod ċar bl-użu tal-logo uffiċjali tal-euro diġitali. Jenħtieġ li l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali jiġu aċċessati permezz ta’ waħda mill-paġni ewlenin tas-sit web fuq l-Internet jew permezz ta’ applikazzjoni, jew permezz ta’ kwalunkwe servizz ieħor front-end, fuq l-istess livell bħall-kontijiet ta’ pagament tal-euro mhux diġitali.

(64)Sabiex jiġi pprovdut saldu istantanju, it-tranżazzjonijiet tal-euro diġitali kemm online kif ukoll offline, inkluż fil-kuntest tal-finanzjament u tad-definanzjament, u bħala funzjonalitajiet kaskata u kaskata inversa, jenħtieġ li jiġu saldati b’mod istantanju, fi ftit sekondi biss, f’ċirkostanzi normali. Is-saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali jenħtieġ li jsir fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali adottata mill-Eurosistema. Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali jiġu saldati fi ftit sekondi kif speċifikat fir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew. Is-saldu finali ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti online bl-euro diġitali jenħtieġ li jinkiseb fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-euro diġitali kkonċernat tal-pagatur u tal-prenditur fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali approvata mill-Bank Ċentrali Ewropew, irrispettivament minn jekk il-euros diġitali jkunux irreġistrati bħala bilanċi miżmumin jew unitajiet ta’ valur, jew mit-teknoloġija użata. Jenħtieġ li l-infrastruttura diġitali għas-saldu bl-euro tfittex li tiżgura l-adattament għal teknoloġiji ġodda, inkluża t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit.

(65)Minħabba n-nuqqas ta’ konnettività ma’ network, jenħtieġ li s-saldu ta’ pagamenti ta’ prossimità offline bl-euro diġitali jitwettaq fl-ispazju tal-ħżin lokali tal-apparat ta’ pagament rispettivament tal-pagaturi u tal-prendituri. Jenħtieġ li l-pagamenti ta’ prossimità offline bl-euro diġitali jiġu saldati fi ftit sekondi kif speċifikat fir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew. Jenħtieġ li s-saldu finali jseħħ fil-mument tal-aġġornament tar-rekords tal-ammonti miżmumin rilevanti tal-euro diġitali fl-apparati għall-ħżin lokali tal-pagatur u tal-prenditur, rispettivament, irrispettivament minn jekk il-euros diġitali jkunux irreġistrati bħala bilanċi miżmumin jew unitajiet ta’ valur, jew mit-teknoloġija użata.

(66)Peress li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma jkunux parti minn tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali bejn żewġ utenti tal-euro diġitali, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma jġorrux riskji sistemiċi u, għalhekk, ma jiġġustifikawx id-deżinjazzjoni bħala sistema kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (a), tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 . . Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali jiġu saldati fi ftit sekondi u, għalhekk, jenħtieġ li ma tkun permessa l-ebda opzjoni ta’ nnettjar.

(67)Għal raġunijiet ta’ libertà kuntrattwali u sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-utenti tal-euro diġitali jkollhom il-possibbiltà li jibdlu l-kontijiet ta’ pagament tagħhom bl-euro diġitali għal fornituri differenti ta’ servizzi ta’ pagament. Fuq talba tal-utenti tal-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jenħtieġ li mbagħad jippermettu l-bdil tal-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, filwaqt li jinżammu l-istess identifikaturi tal-kontijiet. F’ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ma jkunx jista’ jwettaq dan il-kompitu, inkluż minħabba li jkun tilef id-data diġitali rilevanti relatata mal-kont ta’ pagament bl-euro, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun jista’ jawtorizza l-bdil ta’ kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali sabiex il-fornitur il-ġdid ta’ servizzi ta’ pagament deżinjat mill-utent tal-euro diġitali jkun jista’ jikseb l-informazzjoni dwar l-ammonti miżmumin ta’ euro diġitali tal-utent tal-euro diġitali u jlesti l-bdil mingħajr ma jibbaża fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament indisponibbli. Jenħtieġ li dan il-proċess jippermetti lil utent tal-euro diġitali jkompli jkollu aċċess għall-ammonti miżmumin ta’ euro diġitali tiegħu permezz tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament deżinjat ġdid. Il-Bank Ċentrali Ewropew ma jkollu l-ebda rwol operazzjonali tal-bdil tal-kontijiet kemm f’sitwazzjonijiet ta’ negozju avvjat kif ukoll f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

(68)Il-prevenzjoni tal-frodi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti hija essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini li jagħmlu użu mill-euro diġitali, għall-integrità tad-data personali pproċessata fil-pagament bl-euro diġitali, u biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u effiċjenti tal-euro diġitali. Il-prevenzjoni tal-frodi għandha rwol essenzjali fiż-żamma tal-fiduċja fil-munita unika. Għal dan l-għan, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jistabbilixxi mekkaniżmu ġenerali għad-detezzjoni u għall-prevenzjoni tal-frodi sabiex jappoġġa l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-frodi mwettqin mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fuq tranżazzjonijiet ta’ pagamenti online bl-euro diġitali. Mekkaniżmu ġenerali għad-detezzjoni u għall-prevenzjoni jipprovdi firxa ta’ funzjonijiet essenzjali biex jiġu identifikati xejriet ta’ frodi li fornitur uniku ta’ servizzi ta’ pagament ma setax jidentifika waħdu. Spiss fornitur wieħed ta’ servizzi ta’ pagament ma jkollux l-istampa sħiħa dwar l-elementi kollha li jistgħu jwasslu għal detezzjoni f’waqtha tal-frodi. Madankollu, dan jista’ jsir aktar effettiv b’informazzjoni dwar attività potenzjalment frodulenti li tirriżulta minn fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-funzjoni ġenerali ta’ detezzjoni tal-frodi teżisti fi skemi ta’ pagament komparabbli u hija meħtieġa biex jinkisbu rati ta’ frodi baxxi b’mod ċar sabiex l-euro diġitali jinżamm sigur kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti. Jenħtieġ li t-trasferiment ta’ informazzjoni bejn il-PSPs u l-mekkaniżmu ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi jkunu soġġetti għal miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiġi żgurat li l-utenti individwali tal-euro diġitali ma jiġux identifikati mill-mekkaniżmu ċentrali ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi.

(69)Sabiex jiġu pproċessati l-pagamenti bl-euro diġitali online jew offline, huwa essenzjali li l-fornituri tas-servizzi front-end għall-euro diġitali u l-emittenti tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali jiksbu aċċess għat-teknoloġija ta’ komunikazzjoni b’kamp fil-qrib (NFC) fuq apparati mobbli. Dawn il-komponenti jinkludu, b’mod partikolari iżda mhux biss, l-antenni tal-NFC u l-hekk imsejħin elementi siguri tal-apparati mobbli (eż.: Kard Universali b’Ċirkwit Integrat (UICC), SE inkorporat (eSE), u microSD, eċċ.). Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat li kull meta jkun meħtieġ biex jiġu pprovduti servizzi tal-euro diġitali, il-manifatturi tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma jirrifjutawx l-aċċess għall-antenni tal-NFC u għall-elementi siguri. Jenħtieġ li l-flus tal-bank ċentrali b’valuta legali jkunu aċċessibbli b’mod wiesa’. Sabiex dan jiġi żgurat ukoll fl-ekonomija diġitali, il-fornituri ta’ servizzi front-end għall-euro diġitali u l-operaturi tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali għandhom ikunu intitolati jaħżnu software fuq hardware rilevanti ta’ apparat mobbli sabiex jagħmlu t-tranżazzjonijiet bl-euro diġitali teknikament possibbli kemm online kif ukoll offline. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli u l-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu obbligati jipprovdu aċċess skont termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji għall-komponenti kollha tal-hardware u tas-software meta jkunu meħtieġa għal tranżazzjonijiet online u offline bl-euro diġitali. Fil-każijiet kollha, operaturi bħal dawn ikunu obbligati jipprovdu kapaċità adegwata dwar il-karatteristiċi rilevanti tal-hardware u tas-software f’apparati mobbli sabiex jipproċessaw tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali u għall-ħżin tal-euro diġitali fuq apparati mobbli għal tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali. Jenħtieġ li dan l-obbligu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2022/1925, li jobbliga lill-gwardjani jipprovdu, mingħajr ħlas, interoperabbiltà effettiva mal-karatteristiċi tas-sistema operattiva, tal-hardware jew tas-software tal-apparati mobbli u aċċess għalihom, li huwa applikabbli għal mezzi ta’ pagament diġitali eżistenti u ġodda, inkluż l-euro diġitali.

(70)Id-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni ta’ data personali huma drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kif enfasizzat mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 34 , standard għoli ta’ privatezza u ta’ protezzjoni tad-data huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-Ewropej fl-euro diġitali tal-futur. Dan huwa wkoll konformi mal-prinċipji tal-Ordni Pubbliku tal-G7 għall-Muniti Diġitali tal-Banek Ċentrali għall-Konsumatur. L-ipproċessar ta’ data personali għall-konformità u fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament isir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 35 u mar-Regolament (UE) 2018/1715 36 , kif ukoll, fejn applikabbli, mad-Direttiva 2002/58/KE 37 .

(71)Għalhekk, jenħtieġ li l-euro diġitali jitfassal sabiex jiġi mminimizzat l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dak li jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-euro diġitali. Jenħtieġ li l-euro diġitali jkun disponibbli offline, b’livell ta’ privatezza vis-à-vis il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li huwa komparabbli mal-prelevamenti ta’ karti tal-flus minn magni awtomatiċi tal-flus. Jenħtieġ li s-saldu ta’ tranżazzjonijiet tal-euro diġitali jkun imfassal b’tali mod li la l-Bank Ċentrali Ewropew u lanqas il-banek ċentrali nazzjonali ma jkunu jistgħu jattribwixxu data għal utent tal-euro diġitali identifikat jew identifikabbli.

(72)Jenħtieġ li l-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku jkunu parti integrali fis-sistemi kollha ta’ pproċessar tad-data żviluppati u użati fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali jkun soġġett għal salvagwardji xierqa sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Jenħtieġ li dawk is-salvagwardji jiżguraw li l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali jkunu fis-seħħ b’mod partikolari sabiex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 u fir-Regolament (UE) 2018/1715, inklużi l-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop.

(73)Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikunu jistgħu jipproċessaw data personali sa fejn ikun neċessarju sabiex jitwettqu kompiti li huma essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-euro diġitali. F’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ pproċessar jitqiesu bħala legali fir-rigward tal-euro diġitali jekk u sa fejn ikunu neċessarji għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur skont dan ir-Regolament. Fil-qafas ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-infurzar tal-limiti fuq l-ammonti miżmumin, il-bidu tal-finanzjament u d-definanzjament tal-ammonti miżmumin ta’ utent, u l-ġestjoni tal-apparati għall-ħżin lokali għall-pagamenti offline bl-euro diġitali huma kompiti fl-interess pubbliku li huma essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini li jagħmlu użu mill-euro diġitali kif ukoll għall-istabbiltà u għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament se jkunu l-kontrollur tad-data personali fir-rigward ta’ dawn il-kompiti. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jipproċessaw data personali sabiex jikkonformaw mal-kompiti eżistenti fl-interess pubbliku jew għall-konformità ma’ obbligu legali stabbilit fid-dritt tal-Unjoni li japplika għall-fondi definiti fid-Direttiva (UE) 2015/2366. Dawn il-kompiti japplikaw għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament u għall-prevenzjoni u għall-identifikazzjoni ta’ frodi f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2366, għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849, għat-twettiq ta’ obbligi relatati mat-tassazzjoni u mal-evitar tat-taxxa, u għall-ġestjoni tar-riskji operazzjonali u tas-sigurtà f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/255.

(74)Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali sabiex jiġi vverifikat jekk l-utenti jkunux persuni jew entitajiet elenkati skont il-miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-ipproċessar tal-ismijiet u tal-identifikaturi tal-kontijiet ta’ pagament ta’ persuni fiżiċi huwa proporzjonat u neċessarju sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE li jipprevedu l-iffriżar jew il-projbizzjoni tal-assi sabiex il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli.

(75)Tranżazzjonijiet ta’ pagamenti offline bl-euro diġitali huma pagamenti ta’ prossimità fiżika (“wiċċ imb wiċċ”). Għandhom similaritajiet ma’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti u jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod simili f’termini ta’ privatezza. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma jipproċessawx data personali relatata ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali, iżda biss data personali relatata mad-depożitu jew mal-prelevament ta’ euro diġitali minn kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali sabiex jintefgħu fuq apparati għall-ħżin lokali, jew mill-apparati għall-ħżin lokali għall-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali. Dan jinkludi l-identifikatur tal-apparati għall-ħżin lokali li l-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti jattribwixxu lil utent tal-euro diġitali li jżomm euro diġitali offline. Dak il-livell ta’ privatezza jkun komparabbli mal-prelevamenti ta’ karti tal-flus minn magni awtomatiċi tal-flus meta l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jipproċessaw data personali relatata mal-identità tal-utenti u data li tappartjeni għal kif ikunu twettqu t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ definanzjament. Dan ifisser li jenħtieġ li ma jseħħ l-ebda monitoraġġ tad-data tat-tranżazzjonijiet għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti offline bl-euro diġitali.

(76)Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipproċessaw data personali sa kemm ikun neċessarju sabiex jitwettqu kompiti li jkunu essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-euro diġitali. Fil-qafas ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tas-saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali u l-ġestjoni tas-sigurtà u tal-integrità tal-infrastruttura tal-euro diġitali huma kompiti fl-interess pubbliku li huma essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini li jagħmlu użu mill-euro diġitali kif ukoll għall-istabbiltà u għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Il-kompitu li jinżammu s-sigurtà u l-integrità tal-infrastruttura tal-euro diġitali jinkludi attivitajiet relatati mal-iżgurar tal-istabbiltà u tar-reżiljenza operazzjonali tal-euro diġitali. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-kontrollur tad-data personali fir-rigward ta’ dawn il-kompiti. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jipproċessaw data personali għal dawn il-kompiti billi jużaw miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, bħall-psewdonimizzazzjoni jew il-kriptaġġ, sabiex jiżguraw li d-data ma tkunx tista’ tintuża sabiex jiġi identifikat direttament utent speċifiku tal-euro diġitali.

(77)Għall-finijiet tal-infurzar tal-limiti ta’ żamma u l-iżgurar tal-bdil eċċezzjonali ta’ kontijiet diġitali ta’ pagament tal-euro f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fuq talba tal-utent tal-euro diġitali, huwa meħtieġ punt ta’ aċċess uniku ta’ identifikaturi diġitali tal-utenti tal-euro u l-limiti diġitali relatati taż-żamma tal-euro biex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tal-euro diġitali madwar iż-żona tal-euro kollha, peress li l-utenti tal-euro diġitali jistgħu jżommu kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali fi Stati Membri differenti. Meta jiġi stabbilit il-punt uniku ta’ aċċess, jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali jiġi minimizzat għal dak li huwa strettament meħtieġ u li l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku tkun inkorporata. Jenħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jikkunsidraw, fejn xieraq u biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ ksur tad-data, l-użu tal-ħżin deċentralizzat tad-data.

(78)Bil-pakkett tagħha dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Lulju 2021 38 , (“pakkett dwar l-AML”), il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ b’mod sinifikanti r-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“AML”) madwar l-Unjoni. F’konformità ma’ dak l-objettiv u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti tal-AML/CFT għall-euro diġitali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849.

(79)Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu mifrux tal-euro diġitali, huwa essenzjali li l-utenti prospettivi tal-euro diġitali jkunu jistgħu jaċċessaw faċilment is-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali pprovduti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament b’mod armonizzat fiż-żona tal-euro kollha. Għalhekk, huwa xieraq li, mingħajr ebda preġudizzju għall-approċċ tar-riskju li jsostni l-pakkett dwar l-AML, l-awtorità tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“AMLA”) tindirizza l-ftuħ tal-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali fl-Istandards Tekniċi Regolatorji tagħha dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti. Għal tranżazzjonijiet jew għal relazzjonijiet kummerċjali b’riskju baxx, jenħtieġ li l-AMLA tidentifika miżuri ta’ diliġenza dovuta simplifikati rilevanti li jenħtieġ li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Jenħtieġ li l-AMLA tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ dawn l-Istandards Tekniċi Regolatorji.

(80)B’kuntrast mat-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali, it-tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali ma humiex limitati għal tranżazzjonijiet ta’ prossimità fiżika, u jistgħu jintużaw għat-trasferiment ta’ fondi mill-bogħod bejn l-utenti tal-euro diġitali. Għal tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali, il-muniti diġitali tal-banek ċentrali jistgħu jippreżentaw riskji ta’ AML/CFT akbar mill-flus kontanti peress li jkunu qegħdin jaġixxu bħala strument li l-likwidità tiegħu tkun simili għal dik tal-flus kontanti iżda mingħajr il-limitazzjonijiet fuq il-portabbiltà li huma impliċiti fil-flus kontanti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit li tranżazzjoni ta’ pagament online bl-euro diġitali għandha tkun soġġetta għad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 .

(81)Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti dwar il-valuta legali u jinżamm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet addizzjonali għall-aċċettazzjoni obbligatorja u tat-tipi ta’ data personali pproċessati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(82)Filwaqt li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali għandhom similaritajiet ma’ tranżazzjonijiet fi flus kontanti u jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod simili f’termini tal-privatezza, limiti speċifiċi fuq l-ammonti miżmumin u fuq it-tranżazzjonijiet għall-pagamenti ta’ prossimità offline huma essenzjali għall-mitigazzjoni tar-riskji tal-AML/CFT,

(83)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-limiti fuq l-ammonti miżmumin u fuq it-tranżazzjonijiet għall-pagamenti ta’ prossimità offline, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 . Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-limiti fuq it-tranżazzjonijiet u fuq l-ammonti miżmumin tal-euro diġitali offline, minħabba li dawk l-atti jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(84)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa neċessarju u xieraq għall-kisba tal-objettiv bażiku li jiġi żgurat li l-euro jintuża bħala munita unika f’ekonomija diġitalizzata sabiex jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw b’mod partikolari l-istatus ta’ valuta legali, id-distribuzzjoni, l-użu u l-karatteristiċi essenzjali tiegħu. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi mfittxijin, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(85)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 u taw opinjoni konġunta fi [XX XX 2023].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPTIOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1
Suġġett

Bl-għan li l-euro jiġi adattat għall-bidliet teknoloġiċi u sabiex jiġi żgurat l-użu tiegħu bħala munita unika, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-euro diġitali u jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw b’mod partikolari l-istatus ta’ valuta legali, id-distribuzzjoni, l-użu u l-karatteristiċi tekniċi essenzjali tiegħu.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.“euro diġitali” tfisser il-forma diġitali tal-munita unika disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi;

2.“istituzzjonijiet ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 ;

3.“tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali” tfisser att, mibdi minn pagatur jew f’ismu jew mill-prenditur, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ prelevament ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-prenditur;

4.“utent tal-euro diġitali” tfisser kull min jagħmel użu minn servizz ta’ pagament bl-euro diġitali fil-kapaċità ta’ pagatur, ta’ prenditur, jew tat-tnejn;

5.“kont ta’ pagament bl-euro diġitali” tfisser kont miżmum minn utent wieħed jew aktar tal-euro diġitali ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament sabiex jaċċessa l-euro diġitali rreġistrat fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali jew f’apparat offline tal-euro diġitali u sabiex jibda jew jirċievi tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, kemm jekk offline kif ukoll online, u irrispettivament mit-teknoloġija u mill-istruttura tad-data;

6.“Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali” tfisser il-kartieri stabbiliti fl-Artikolu 6a tar-Regolament (EUDIWR) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea – COM(2021) 281 final];

7.“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11) tad-Direttiva 2015/2366;

8.“servizz ta’ pagament bl-euro diġitali” tfisser kwalunkwe waħda mill-attivitajiet ta’ negozju stabbiliti fl-Anness I;

9.“pagatur” tfisser kull min għandu kont ta’ pagament bl-euro diġitali u jippermetti li ssir ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament bl-euro diġitali;

10.“prenditur” tfisser kull min ikun ir-riċevitur maħsub ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali;

11.“finanzjament” tfisser il-proċess li bih utent tal-euro diġitali jikseb euro diġitali, bi skambju għal flus kontanti jew għal fondi oħrajn, li joħloq responsabbiltà diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew jew ta’ bank ċentrali nazzjonali lejn dak l-utent tal-euro diġitali;

12.“definanzjament” tfisser il-proċess li bih utent tal-euro diġitali jibdel l-euro diġitali fi flus kontanti jew f’fondi oħrajn;  

13.“bank ċentrali nazzjonali” tfisser bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

14.“tranżazzjoni ta’ pagament online bl-euro diġitali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali li fiha s-saldu jseħħ fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali;

15.“tranżazzjoni ta’ pagament offline bl-euro diġitali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali, magħmula minn prossimità fiżika, meta l-awtorizzazzjoni u s-saldu jseħħu fl-apparati għall-ħżin lokali kemm tal-pagatur kif ukoll tal-prenditur;

16.“residenza” tfisser il-post fejn persuna fiżika tkun legalment residenti fl-Unjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 ;

17.“tranżazzjoni ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali li tingħata struzzjonijiet awtomatikament malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet definiti minn qabel miftiehma mill-pagatur u mill-prenditur;

18.“flus programmabbli” tfisser unitajiet ta’ flus diġitali b’loġika intrinsika li tillimita l-funġibilità sħiħa ta’ kull unità;

19.“infrastruttura għas-saldu tal-euro diġitali” tfisser l-infrastruttura għas-saldu tal-euro diġitali adottata mill-Eurosistema;

20.“servizz front-end” tfisser il-komponenti kollha neċessarji sabiex jiġu pprovduti servizzi lill-utenti tal-euro diġitali li jinteraġixxu permezz ta’ interfaċċi definiti b’soluzzjonijiet tal-back-end u servizzi front-end oħrajn;

21.“pajjiż terz” tfisser pajjiż li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea;

22.“viżitatur” tfisser persuna fiżika li ma għandhiex id-domiċilju jew ir-residenza tagħha fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u li tkun qiegħda tivvjaġġa lejn u tibqa’ f’wieħed minn dawk l-Istati Membri, inkluż għal skopijiet ta’ turiżmu, ta’ negozju jew ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ;

23.“Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro” tfisser Stat Membru li fir-rigward tiegħu l-Kunsill ma jkunx iddeċieda li jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-euro f’konformità mal-Artikolu 140 tat-TFUE;

24.“imposta tas-servizz ta’ negozjant” tfisser tariffa mħallsa mill-prenditur lil fornitur ta’ servizzi ta’ pagament meta jakkwista tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali;

25.“mezzi diġitali komparabbli ta’ pagament” tfisser pagament b’mezzi diġitali, inkluż pagament b’karta tad-debitu u pagament istantanju fil-punt ta’ interazzjoni iżda eskluż it-trasferiment ta’ kreditu u d-debitu dirett li ma jinbdewx fil-punt ta’ interazzjoni;

26.“bdil” tfisser, fuq talba ta’ utent tal-euro diġitali, it-trasferiment minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għal ieħor jew tal-informazzjoni dwar is-servizzi ta’ pagament kollha bl-euro diġitali jew xi wħud minnhom, inklużi pagamenti rikorrenti, imwettqin fuq kont ta’ pagament bl-euro diġitali, jew l-ammonti miżmumin tal-euro diġitali minn kont ta’ pagament bl-euro diġitali għall-ieħor, jew it-tnejn, bl-għeluq jew mingħajru tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali preċedenti, filwaqt li jinżamm l-istess identifikatur tal-kont;

27.“identifikatur tal-utent” tfisser identifikatur uniku maħluq minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jqassam l-euro diġitali li jiddistingwi b’mod mhux ambigwu, għal finijiet tal-euro diġitali online, utenti tal-euro diġitali iżda li ma jkunx attribwibbli għal persuna fiżika jew ġuridika identifikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali;

28.“isem assunt tal-utent” tfisser identifikatur psewdonimu uniku użat sabiex tiġi protetta l-identità tal-utent meta jiġu pproċessati pagamenti bl-euro diġitali li jistgħu jiġu attribwiti biss lil persuna fiżika jew ġuridika identifikabbli mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li tqassam l-euro diġitali jew mill-utent tal-euro diġitali;

29.“awtentikazzjoni tal-utent” tfisser biċċa informazzjoni unika maħluqa mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament li jqassam l-euro diġitali li flimkien mal-identifikatur tal-utent tippermetti lil utent tal-euro diġitali juri s-sjieda tal-ammonti miżmumin tal-euro diġitali online rreġistrati fl-infrastruttura għas-saldu tal-euro diġitali;

30.“fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ” tfisser entità waħda jew aktar, maħtura mill-Bank Ċentrali Ewropew, li jipprovdu servizzi lill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali li huma mmirati sabiex jiffaċilitaw il-funzjonament mingħajr xkiel tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali;

31.“apparati mobbli” tfisser apparat li jippermetti lill-utenti tal-euro diġitali jawtorizzaw tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online jew offline inklużi b’mod partikolari smartphones, tablets, arloġġi intelliġenti u apparati ta’ kull tip li jintlibsu.

KAPITOLU II
STABBILIMENT U ĦRUĠ TAL-EURO DIĠITALI

Artikolu 3
Stabbiliment tal-euro diġitali

B’dan, l-euro diġitali huwa stabbilit bħala l-forma diġitali tal-munita unika.

Artikolu 4
Ħruġ tal-euro diġitali

1.F’konformità mat-Trattati, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ tal-euro diġitali, u l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu l-euro diġitali.

2.L-euro diġitali għandu jkun responsabbiltà diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew jew tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward tal-utenti tal-euro diġitali.

Artikolu 5
Dritt applikabbli

1.L-euro diġitali għandu jkun rregolat bid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, issupplimentati bl-atti delegati li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikoli 11, 33, 34, 35 u 38, u bl-atti ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikolu 37.

2.Fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-euro diġitali għandu jkun regolat ukoll bil-miżuri, bir-regoli u bl-istandards dettaljati li jistgħu jiġu adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew skont il-kompetenzi tiegħu stess. Meta dawn il-miżuri, ir-regoli u l-istandards dettaljati jkollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertà tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qabel l-adozzjoni tagħhom.

3.F’konformità mal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif issostitwita bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern - COM/2023/366 final] u r-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern - COM/2023/367 final] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ XX/XX/2023, id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.

4.F’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2021/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-pagamenti transkonfinali fl-Unjoni, kif emendat bir-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-forniment ta’ servizzi tal-euro diġitali minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament inkorporati fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro - COM/2023/368 final], id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.

5.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 37 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.

Artikolu 6
Awtoritajiet kompetenti

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar sabiex jiżguraw il-konformità mal-Kapitolu III u mal-Artikolu 17 fit-territorju tagħhom. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom, filwaqt li jindikaw kwalunkwe tqassim tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Kapitolu III u tal-Artikolu 17 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati, inkluża s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jaċċessaw id-data meħtieġa. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, kif issostitwita bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Direttiva dwar servizzi ta’ ħlas u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern - COM/2023/366 final], għandha tirregola s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ir-reġim tas-sanzjonijiet u l-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari u tal-Istati Membri ospitanti, rigward il-konformità mill-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament tal-obbligi tagħhom f’konformità mal-Kapitoli IV, V, VI u VII ta’ dan ir-Regolament.

3.Id-Direttiva (UE) 2015/849 kif issostitwita bid-Direttiva (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] għandha tirregola s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ir-reġim tas-sanzjonijiet u l-arranġamenti superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri domiċiljarji u tal-Istati Membri ospitanti, rigward l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward tal-euro diġitali għall-fini tal-iżgurar tal-konformità mal-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) Nru [x] dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali.

4.Għall-finijiet tas-superviżjoni tal-konformità mal-Kapitoli IV, V u VII ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom jikkooperaw mal-Bank Ċentrali Ewropew.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati sabiex titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar id-disponibbiltà u l-karatteristiċi tal-euro diġitali u l-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-euro diġitali.

KAPITOLU III
VALUTA LEGALI

Artikolu 7
Status ta’ valuta legali

1.L-euro diġitali għandu jkollha status ta’ valuta legali.

2.L-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali għandu jinvolvi l-aċċettazzjoni obbligatorja tiegħu, fuq il-bażi tal-valur nominali sħiħ, bis-setgħa ta’ rilaxx minn obbligu ta’ pagament.

3.F’konformità mal-aċċettazzjoni obbligatorja tal-euro diġitali, il-prenditur ma għandux jirrifjuta l-euro diġitali offrut bi ħlas sabiex jikkonforma ma’ dak l-obbligu.

4.F’konformità mal-aċċettazzjoni fuq il-bażi tal-valur nominali sħiħ tal-euro diġitali, il-valur monetarju tal-euro diġitali offrut għall-pagament ta’ dejn għandu jkun ugwali għall-valur tad-dejn monetarju. Ħlasijiet addizzjonali fuq il-ħlas tad-dejn bl-euro diġitali għandhom ikunu pprojbiti.

5.F’konformità mas-setgħa tal-euro diġitali ta’ rilaxx minn obbligu ta’ pagament, pagatur għandu jkun jista’ jirrilaxxa lilu nnifsu minn obbligu ta’ pagament billi joffri l-euro diġitali lill-prenditur.

Artikolu 8
Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-istatus ta’ valuta legali

1.L-euro diġitali għandu jkollha status ta’ valuta legali għall-pagamenti offline ta’ dejn monetarju denominat f’euro li jseħħu fiż-żona tal-euro.

2.L-euro diġitali għandu jkollha status ta’ valuta legali għall-pagamenti online ta’ dejn monetarju denominat f’euro lil prenditur li jirrisjedi jew stabbilit fiż-żona tal-euro.

Artikolu 9
Eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġi aċċettat l-euro diġitali

B’deroga mill-Artikolu 7(3) u mill-Artikolu 8, prenditur għandu jkun intitolat li jirrifjuta l-euro diġitali fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta l-prenditur ikun intrapriża li timpjega anqas minn 10 persuni jew li l-fatturat annwali jew it-total tal-karta bilanċjali annwali tagħha ma jaqbiżx iż-EUR 2 miljun, jew ikun entità legali mingħajr skop ta’ qligħ kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (18), tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 , sakemm ma jaċċettax mezzi diġitali komparabbli ta’ pagamenti;

(b)meta rifjut isir bona fide u meta tali rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet leġittimi u temporanji f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità fid-dawl ta’ ċirkostanzi konkreti lil hinn mill-kontroll tal-prenditur;

(c)meta l-prenditur ikun persuna fiżika li taġixxi matul attività purament personali jew domestika;

(d)meta, qabel il-pagament, il-prenditur ikun qabel mal-pagatur fuq mezz differenti ta’ pagament, soġġett għall-Artikolu 10.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-oneru tal-provi sabiex jiġi stabbilit li kienu jeżistu raġunijiet leġittimi u temporanji f’każ partikolari u li r-rifjut kien proporzjonat għandu jkun fuq il-prenditur.

Artikolu 10
Projbizzjoni tal-esklużjoni unilaterali tal-pagamenti fl-euro diġitali

Il-prendituri soġġetti għall-obbligu li jaċċettaw l-euro diġitali ma għandhomx jużaw termini kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment jew prattiki kummerċjali li għandhom l-għan jew l-effett li jeskludu l-użu tal-euro diġitali mill-pagaturi tad-djun monetarji denominati f’euro. Tali termini kuntrattwali jew prattiki kummerċjali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-pagatur. Terminu kuntrattwali għandu jitqies bħala mhux innegozjat individwalment meta jkun ġie abbozzat minn qabel u fejn il-pagatur għalhekk ma setax jinfluwenza s-sustanza tat-terminu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard ifformulat minn qabel.

Artikolu 11
Eċċezzjonijiet addizzjonali ta’ natura tad-dritt monetarju

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tidentifika eċċezzjonijiet addizzjonali ta’ natura tad-dritt monetarju għall-prinċipju ta’ aċċettazzjoni obbligatorja. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu ġġustifikati minn objettiv ta’ interess pubbliku u proporzjonati għal dak l-għan, ma għandhomx jimminaw l-effettività tal-istatus ta’ valuta legali tal-euro diġitali, u għandhom ikunu permessi biss dment li jkunu disponibbli mezzi oħra għall-ħlas tad-djun monetarji. Meta tħejji dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 12
Interazzjoni bejn l-euro diġitali u l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro

1.L-euro diġitali għandu jkun konvertibbli f’karti tal-flus u f’muniti tal-euro b’parità.

2.Il-prendituri ta’ dejn monetarju denominat f’euro għandhom jaċċettaw pagamenti f’euro diġitali skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk jaċċettawx pagamenti b’karti tal-flus u b’muniti tal-euro f’konformità mar-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta dwar l-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro – COM (2023) 364 final]. Meta l-aċċettazzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro u tal-euro diġitali tkun obbligatorja f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (XXX dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro), il-pagatur huwa intitolat jagħżel il-mezz ta’ ħlas.

KAPITOLU IV
DISTRIBUZZJONI

Artikolu 13
Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament

1.Fil-qafas tad-Direttiva 2015/2366, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jipprovdu s-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali stabbiliti fl-Anness I lil:

(a)persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(b)persuni fiżiċi u ġuridiċi li fetħu kont bl-euro diġitali fiż-żmien li kienu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda li ma għadhomx residenti jew stabbiliti f’dawn l-Istati Membri;

(c)viżitaturi;

(d)persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18;

(e)persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti f’pajjiżi terzi, inklużi territorji fil-qafas ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19 u 20.

Maż-żmien, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jirrestrinġi l-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu għall-utenti tal-euro diġitali msemmijin fil-punti (b) u (c) soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2). Dawk il-perjodi ta’ żmien għandhom jiġu ddeterminati fir-rigward tal-istatus ta’ residenza jew ta’ żjara tal-utenti tal-euro diġitali.

Għall-finijiet tal-punt (a), ir-residenti għandhom jinkludu kemm ċittadini tal-Unjoni kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali.

2.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jipprovdu servizzi ta’ ħlas ta’ servizzjar skont it-tifsira tad-Direttiva 2015/2366 għandhom jippermettu lill-utenti tal-euro diġitali jiffinanzjaw jew jiddefinanzjaw il-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali tagħhom manwalment jew awtomatikament minn jew lejn kontijiet ta’ pagament mhux bl-euro diġitali, jew karti tal-flus u muniti tal-euro meta fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdi servizzi ta’ flus kontanti, soġġetti għal kwalunkwe limitazzjoni li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jadotta f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jagħmlu disponibbli l-funzjonalitajiet ta’ finanzjament u ta’ definanzjament għall-utenti tal-euro diġitali:

(a)fi kwalunkwe ħin, fuq bażi kontinwa, meta l-finanzjament u d-definanzjament iseħħ permezz ta’ kontijiet ta’ pagament tal-euro mhux diġitali;

(b)meta fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdi servizzi ta’ flus kontanti meta l-finanzjament u d-definanzjament isiru permezz ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdu servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet skont it-tifsira tad-Direttiva 2015/2366 għandhom jippermettu lill-utenti tal-euro diġitali:

(a)li jkollhom il-euros diġitali li jisbqu kwalunkwe limitazzjoni li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jadotta f’konformità mal-Artikolu 16 awtomatikament definanzjati għal kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali, fejn tiġi riċevuta tranżazzjoni ta’ pagament online bl-euro diġitali;

(b)li jagħmlu tranżazzjoni ta’ pagament online bl-euro diġitali meta l-ammont tat-tranżazzjoni jaqbeż l-ammonti tal-euro diġitali miżmumin tagħhom.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b), u wara l-approvazzjoni minn qabel mill-utenti tal-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jassoċjaw kull kont ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ kont ta’ pagament uniku tal-euro mhux diġitali deżinjat mill-utenti tal-euro diġitali. L-utenti tal-euro diġitali għandhom jitħallew ikollhom dak il-kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali indikat ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament differenti minn dak fejn jinżamm kont ta’ pagament bl-euro diġitali partikolari.

5.L-euro diġitali distribwit mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandha tkun konvertibbli b’parità għall-flus skritturali u l-flus elettroniċi denominati f’euro.

6.Għall-finijiet tas-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, l-utenti tal-euro diġitali għandhom jidħlu biss f’relazzjoni kuntrattwali mal-PSPs. L-utenti tal-euro diġitali ma għandu jkollhom l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-Bank Ċentrali Ewropew jew mal-banek ċentrali nazzjonali.

7.L-utenti tal-euro diġitali jista’ jkollhom kont ta’ pagament wieħed jew aktar bl-euro diġitali mal-istess fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornituri differenti ta’ servizzi ta’ pagament.

8.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas, informazzjoni aċċessibbli dwar il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali u l-kundizzjonijiet tad-distribuzzjoni tagħhom.

Artikolu 14
Aċċess għall-euro diġitali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

1.Għall-fini tad-distribuzzjoni tal-euro diġitali lil persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a), l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu servizzi ta’ pagament kif imsemmi fil-punti (1), (2) jew (3) tal-Anness I għad-Direttiva (UE) 2015/2366 għandhom, fuq talba tal-klijenti tagħhom, jipprovdu lil dawk il-persuni bis-servizzi bażiċi kollha ta’ pagament bl-euro diġitali kif imsemmi fl-Anness II.

2.Għall-persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a) li ma jkollhomx kont tal-euro mhux diġitali, għandu japplika l-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2014/92 dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 17 u 18, għall-aċċess għall-kont bl-euro diġitali b’servizzi bażiċi mill-konsumaturi.

3.L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 1, il-punt (f), tad-Direttiva (UE) 2015/2366, jew l-istituzzjonijiet giro tal-uffiċċji postali msemmijin fl-Artikolu 1, il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 sabiex:

(a)jipprovdu servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali lil persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a) li ma jkollhomx jew li ma jkunux jixtiequ jżommu kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali;

(b)jipprovdu servizzi bażiċi ta’ pagament diġitali u jipprovdu appoġġ għall-inklużjoni diġitali pprovdut wiċċ imb wiċċ bi prossimità viżika lil persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u lill-anzjani.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jipprovdu appoġġ għall-inklużjoni diġitali lil persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u lill-persuni anzjani. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-punt (b), l-appoġġ għall-inklużjoni diġitali għandu jinkludi assistenza ddedikata għall-onboarding lejn kont bl-euro diġitali u bl-użu tas-servizzi bażiċi tal-euro diġitali kollha.

5.L-awtorità tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“AMLA”) stabbilita skont ir-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal referenza - proposta għal Regolament li joħloq Awtorità tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”) - COM/2021/421 final)] u l-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom joħorġu b’mod konġunt linji gwida li jispeċifikaw l-interazzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-AML/CFT u l-forniment ta’ servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali b’enfasi partikolari fuq l-inklużjoni finanzjarja ta’ gruppi vulnerabbli inklużi l-applikanti għall-ażil jew il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, individwi mingħajr indirizz fiss jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jingħatawx permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom tkun impossibbli għal raġunijiet legali jew fattwali.  

KAPITOLU V
UŻU TAL-EURO DIĠITALI BĦALA MAĦŻEN TAL-VALUR U BĦALA MEZZ TA’ PAGAMENT

Artikolu 15
Prinċipji

1.Bl-għan li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw l-euro diġitali, jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika monetarja u jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur jista’ jkun soġġett għal limiti.

2.Bl-għan li jiġi żgurat użu effettiv tal-euro diġitali bħala mezz ta’ pagament ta’ valuta legali, u li jiġu evitati imposti eċċessivi għan-negozjanti soġġetti għall-obbligu li jaċċettaw l-euro diġitali skont il-Kapitolu II filwaqt li jipprovdu kumpens għall-kostijiet rilevanti mġarrba mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament għall-forniment ta’ pagament bl-euro diġitali, il-livell ta’ imposti jew tariffi li għandhom jitħallsu minn persuni fiżiċi jew minn negozjanti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, jew bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, għandu jkun soġġett għal limiti.

Artikolu 16
Limiti fuq l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur

1.Għall-finijiet tal-Artikolu 15(1), il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżviluppa strumenti sabiex jillimita l-użu tal-euro diġitali bħala maħżen tal-valur u għandu jiddeċiedi dwar il-parametri u l-użu tagħhom, f’konformità mal-qafas stabbilit f’dan l-Artikolu. Il-PSPs li jipprovdu servizzi ta’ pagament li jiġġestixxu l-kontijiet skont it-tifsira tad-Direttiva 2015/2366 lil persuni fiżiċi u ġuridiċi msemmijin fl-Artikolu 12(1) għandhom japplikaw dawn il-limiti għall-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali.

2.Il-parametri u l-użu tal-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)jissalvagwardjaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 15(1), b’mod partikolari l-istabbiltà finanzjarja;

(b)jiżguraw l-użu u l-aċċettazzjoni tal-euro diġitali bħala strument ta’ valuta legali;

(c)jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.Il-parametri u l-użu tal-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju u b’mod uniformi madwar iż-żona tal-euro.

4.Kwalunkwe limitu fuq l-ammonti miżmumin f’kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali adottat skont il-paragrafu 1 għandu japplika kemm għall-ammonti miżmumin offline kif ukoll online. Meta utent tal-euro diġitali juża kemm euro diġitali offline kif ukoll online, il-limitu li japplika għall-euro diġitali online għandu jkun daqs il-limitu ġenerali ddeterminat mill-Bank Ċentrali Ewropew nieqes il-limitu ta’ żamma għall-euro diġitali offline stabbilit mill-utenti tal-euro diġitali. Utent tal-euro diġitali jista’ jistabbilixxi l-limitu ta’ parteċipazzjoni offline tiegħu fi kwalunkwe ammont bejn żero u l-limitu ta’ parteċipazzjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37.

5.Viżitaturi fiż-żona tal-euro kif imsemmijin fl-Artikolu 13(1), il-punt (c), u persuni fiżiċi u ġuridiċi kif imsemmijin fl-Artikolu 13(1), il-punti (b), (d) u (e), għandhom ikunu soġġetti għal limiti fir-rigward tal-użu tal-euro bħala maħżen tal-valur li ma jkunx ogħla minn dawk effettivament implimentati fiż-żona tal-euro għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-parametri u l-użu tal-istrumenti għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju u b’mod uniformi fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro. Meta jiddeċiedi dwar l-użu tal-istrumenti f’dawk l-Istati Membri u jistabbilixxi l-parametri, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jikkonsulta lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro.

6.F’każ li utent tal-euro diġitali jkollu diversi kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, l-utent tal-euro diġitali għandu jispeċifika lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li magħhom jinżammu l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali kif għandu jiġi allokat il-limitu fuq l-ammonti miżmumin individwali bejn il-kontijiet ta’ pagament differenti bl-euro diġitali.

7.Meta kont ta’ pagament bl-euro diġitali jinżamm minn aktar minn utent wieħed tal-euro diġitali, kwalunkwe limitu fuq l-ammont miżmum fil-kont ta’ pagament relatat bl-euro diġitali adottat skont il-paragrafu 1 għandu jammonta għas-somma tal-limiti fuq l-ammonti miżmumin individwali allokati lill-utenti tiegħu.

8.Fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-euro diġitali ma għandux ikollu interess.

Artikolu 17
Tariffi fuq servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali

1.Għall-finijiet tal-Artikolu 15(2), mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe imposta possibbli mitluba għal servizzi ta’ pagament oħrajn bl-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx jitolbu imposti lil persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 13(1), il-punti (a), (b) u (c), għall-forniment tas-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali msemmijin fl-Anness 2.

2.Għall-finijiet tal-Artikolu 15(2), kwalunkwe tariffa għas-servizzi tan-negozjant jew tariffa bejn il-PSPs fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali għandha tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Kwalunkwe tariffa għas-servizzi tan-negozjant jew tariffa bejn il-PSPs ma għandhiex taqbeż l-inqas miż-żewġ ammonti li ġejjin:

(a)il-kostijiet rilevanti mġarrbin mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għall-forniment ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż marġni raġonevoli ta’ profitt;

(b)tariffi jew imposti mitluba għal mezzi ta’ pagament diġitali komparabbli. 

3.Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jimmonitorja regolarment l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 2, u jippubblika perjodikament l-ammonti li jirriżultaw minn dak il-monitoraġġ b’rapport ta’ spjegazzjoni.

4.Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jitlob lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu u jivverifikaw il-konformità miegħu. Kwalunkwe informazzjoni mitluba għandha tintbagħat mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jirrikjedi li tali informazzjoni tiġi ċċertifikata minn awditur indipendenti.

5.Il-metodoloġija li għandha tiġi żviluppata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-monitoraġġ u l-kalkoli tal-ammonti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tkun ibbażata fuq il-parametri li ġejjin:

(a)l-ammont ta’ tariffi bejn il-PSP u ta’ imposti fuq is-servizzi tan-negozjanti kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu jkun ibbażat fuq il-kostijiet rilevanti mġarrba għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament l-aktar kosteffiċjenti li jirrappreżentaw kollettivament kwart tal-euro diġitali distribwiti madwar iż-żona tal-euro f’sena partikolari, kif irrapportat lill-Bank Ċentrali Ewropew minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, inkluż marġni raġonevoli ta’ profitt;

(b)il-marġni raġonevoli ta’ profitt inkluż fl-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 2(a), għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-marġni ta’ profitt tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jitolbu l-inqas marġni ta’ profitt li jirrappreżenta kollettivament kwart tal-euro diġitali distribwit fiż-żona tal-euro f’sena partikolari, kif irrapportat lill-Bank Ċentrali Ewropew minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament;

(c)l-ammont ta’ tariffi bejn il-PSPs u ta’ imposti għal servizzi tan-negozjant kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu jkun ibbażat fuq grupp rappreżentattiv ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdu mezzi diġitali komparabbli ta’ pagament fiż-żona tal-euro;

(d)l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu uniformi u applikati b’mod mhux diskriminatorju madwar iż-żona tal-euro.

6.It-tariffa għas-servizzi tan-negozjant għandha tkun l-unika imposta għal kull tranżazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu japplikaw għan-negozjanti. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx jitolbu lin-negozjanti għall-finanzjament u għad-definanzjament tal-euro diġitali, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali msemmija fl-Artikolu 13(4). Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jinkludu l-kostijiet assoċjati mal-finanzjament u mad-definanzjament fil-kostijiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 2(a).

7.L-ebda tariffa bejn il-PSP ma għandha tapplika għall-finanzjament u għad-definanzjament tal-euro diġitali, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali msemmija fl-Artikolu 13(4).

KAPITOLU VI
DISTRIBUZZJONI TAL-EURO DIĠITALI BARRA MIŻ-ŻONA TAL-EURO

Artikolu 18
Distribuzzjoni tal-euro diġitali
 lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jqassmu biss l-euro diġitali lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro jekk il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jkunu ffirmaw arranġament għal dak l-għan.

2.L-iffirmar tal-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-Istat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro jkun innotifika lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew it-talba sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

(b)fit-talba tiegħu, l-Istat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro jkun ħa impenn:

(i)li jiżgura li l-bank ċentrali nazzjonali tiegħu għandu jirrispetta kwalunkwe regola, linja gwida, struzzjoni jew talba maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-euro diġitali;

(ii)li jiżgura li l-bank ċentrali nazzjonali tiegħu jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar l-aċċess għall-euro diġitali u l-użu tiegħu f’dak l-Istat Membru li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jeħtieġ.

(c)l-Istat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro adotta l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha neċessarji sabiex jiżgura r-rispett tar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew tar-regoli u l-istandards adottati skont l-Artikolu 5(2).

3.Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispeċifika l-miżuri u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni neċessarji, u l-każijiet li fihom il-ftehim jista’ jiġi ristrett, sospiż, jew itterminat.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jimplimentaw il-limiti stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 16(4) dwar l-użu tal-euro diġitali minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, li huma applikabbli f’dawk l-Istati Membri.

Artikolu 19
Distribuzzjoni tal-euro diġitali
 lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi

1.L-euro diġitali jista’ jitqassam biss lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi jekk l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat ikunu ffirmaw ftehim minn qabel għal dak l-għan.

2.Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jkun ikkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew, għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti għan-negozjar u għall-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, dment li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-pajjiż terz jiżgura li:

(i)il-bank ċentrali nazzjonali tiegħu u, meta xieraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu għandhom jirrispettaw kwalunkwe regola, linja gwida, struzzjoni jew talba maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-euro diġitali;

(ii)il-bank ċentrali nazzjonali tiegħu u, meta xieraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha dwar l-użu tal-euro diġitali f’dak il-pajjiż terz li l-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jeħtieġ;

(b)il-pajjiż terz adotta l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha neċessarji sabiex jiżgura r-rispett tar-regoli u tal-istandards stabbiliti f’dan ir-Regolament jew adottati skont l-Artikolu 5(2).

(c)il-pajjiż terz jiżgura li l-intermedjarji stabbiliti jew li joperaw fil-pajjiż terz li jqassmu l-euro diġitali jkunu soġġetti għal rekwiżiti superviżorji u regolatorji, li jkunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk applikati għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti fl-Unjoni.

3.Il-ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz għandu jispeċifika l-miżuri u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni neċessarji, u l-każijiet li fihom il-ftehim jista’ jiġi ristrett, sospiż, jew itterminat, b’mod partikolari meta l-pajjiż terz ikun ġie identifikat bħala pajjiż terz b’nuqqasijiet strateġiċi sinifikanti fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] jew bħala pajjiż terz bi dgħufijiet relatati mal-konformità fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]. Dak il-ftehim għandu jkun ikkomplementat minn arranġament bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-bank ċentrali nazzjonali u, meta xieraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-pajjiż terz.

4.In-negozjati ma’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu sospiżi fuq il-bażi tar-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 3.

5.L-intermedjarji stabbiliti jew li joperaw fil-pajjiż terz għandhom jimplimentaw il-limiti stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 16(5) dwar l-użu tal-euro diġitali minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti fil-pajjiż terz, li huma applikabbli f’dak il-pajjiż.

Artikolu 20
Distribuzzjoni tal-euro diġitali lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi jew f’territorji terzi fil-qafas ta’ ftehim monetarju mal-Unjoni

1.Persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti Andorra, Monaco, San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-kollettivitajiet Franċiżi extra-Ewropej ta’ Saint-Barthélemy, u f’Saint Pierre u Miquelon, jew kwalunkwe pajjiż terz jew territorju ieħor skont ftehim monetarju bl-għan li l-pajjiż terz jew it-territorju kkonċernat ikun intitolat juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 45 u mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 46 , jista’ jitqassmilhom l-euro diġitali, wara emenda fil-ftehimiet monetarji rispettivi għal dak l-għan.

2.Soġġetta għal kundizzjonijiet ulterjuri li jistgħu jiġu miftehmin bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew it-territorju kkonċernat, id-distribuzzjoni tal-euro diġitali lil persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu jew stabbiliti f’pajjiżi terzi jew f’territorji rregolati bil-ftehim monetarju msemmi fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 21
Pagamenti bejn il-muniti

1.Pagamenti bejn il-muniti bejn l-euro diġitali u muniti oħrajn għandhom ikunu soġġetti għal ftehimiet minn qabel bejn, minn naħa, il-Bank Ċentrali Ewropew u, min-naħa l-oħra, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro u l-pajjiżi terzi.

2.Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jikkoopera mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro sabiex ikunu jistgħu jsiru pagamenti interoperabbli bejn l-euro diġitali u muniti oħrajn.

KAPITOLU VII
KARATTERISTIĊI TEKNIĊI

Taqsima 1
Funzjonalitajiet tal-euro diġitali

Artikolu 22
Aċċessibbiltà u użu

1.L-euro diġitali għandu:

(a)ikollu karatteristiċi ta’ użu u ta’ servizz li huma sempliċi u faċli sabiex jiġu mmaniġġati, inkluż għal persuni b’diżabilità, b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u għal persuni akbar fl-età;

(b)ikun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità billi jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2019/882.

2.Fir-relazzjonijiet tagħhom mal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tagħhom għall-forniment ta’ servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali, l-utenti tal-euro diġitali ma għandhomx ikunu meħtieġa jkollhom jew jiftħu kontijiet ta’ pagament mhux bl-euro diġitali jew jaċċettaw prodotti mhux tal-euro diġitali oħrajn.

3.Kull kont ta’ pagament bl-euro diġitali għandu jkollu numru uniku diġitali tal-kont ta’ pagament tal-euro.

4.Kull kont ta’ pagament bl-euro diġitali jista’ jkun marbut ma’ kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali wieħed jew aktar li għandu jiġi indikat mill-utent tal-euro diġitali. Għall-fini tal-Artikolu 13(4), kull kont ta’ pagament bl-euro diġitali jista’ jkun marbut biss ma’ kont ta’ pagament mhux diġitali wieħed.

5.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jippermettu l-użu ta’ kont ta’ pagament bl-euro diġitali minn aktar minn utent wieħed tal-euro diġitali.

Artikolu 23
Tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali offline u online

1.L-euro diġitali għandu jkun disponibbli kemm għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online kif ukoll għal dawk offline sa mill-ewwel ħruġ tal-euro diġitali.

2.L-euro diġitali miżmum online u dak miżmum offline għandhom ikunu konvertibbli b’parità bejn xulxin, fuq talba tal-utenti tal-euro diġitali.

3.Qabel ma tinbeda tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali f’pagament ta’ prossimità, il-prenditur u l-pagatur għandhom jiġu informati dwar jekk it-tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali hijiex se tkun offline jew online.

Artikolu 24
Tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali

1.Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u l-utenti tal-euro diġitali jkunu jistgħu jużaw tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’:

(a)jadotta miżuri, regoli u standards dettaljati f’konformità mal-Artikolu 5(2) li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu jużaw sabiex jiżguraw tranżazzjonijiet ta’ pagament interoperabbli u kundizzjonali bl-euro diġitali;

(b)jipprovdi l-funzjonalitajiet fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali neċessarja għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti kundizzjonali bl-euro diġitali, inkluż għar-riżerva ta’ fondi.

2.L-euro diġitali ma għandux ikun flus programmabbli.

Taqsima 2
Modalitajiet tad-distribuzzjoni

Artikolu 25 
Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

1.Is-servizzi front-end għandhom ikunu interoperabbli ma’ jew integrati fil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

2.Fuq talba mill-utenti tal-euro diġitali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali għandhom jiżguraw li dawk l-utenti jkunu jistgħu jiddependu fuq il-funzjonalitajiet tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali tagħhom f’konformità mal-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea – COM(2021) 281 final];

Artikolu 26
Interoperabbiltà

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jfittex li jiżgura sa fejn ikun possibbli l-interoperabbiltà tal-istandards li jirregolaw is-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali bi standards rilevanti li jirregolaw il-mezzi ta’ pagament diġitali privati. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jfittex li jippermetti, sa fejn ikun possibbli u fejn xieraq, mezzi ta’ pagament diġitali privati jużaw regoli, standards u proċessi li jirregolaw is-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-interoperabbiltà tista’ tiġi appoġġata fost l-oħrajn bl-użu ta’ standards miftuħin.

Artikolu 27
Mekkaniżmu għat-tilwim

1.Mingħajr preġudizzju għat-tilwim dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, it-tilwim għandu jkun irregolat bid-Direttiva 2015/2366. Id-Direttiva (UE) 2020/1828 għandha tapplika għall-azzjonijiet rappreżentattivi mressqin kontra ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jagħmlu ħsara jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi.

2.Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmlu l-mekkaniżmi disponibbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ messaġġi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Dawk il-mekkaniżmi jistgħu jitħaddmu direttament mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ maħturin mill-Bank Ċentrali Ewropew.

3.Il-Bank Ċentrali Ewropew ma għandux jaġixxi bħala parti fi kwalunkwe tilwima msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 28
Servizzi front-end għall-aċċess għall-euro diġitali u għall-użu tiegħu

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali għandhom jipprovdu lill-utenti tal-euro diġitali bl-għażla li jużaw is-servizzi front-end diġitali li ġejjin sabiex jippermettu lill-utenti tal-euro diġitali jaċċessaw u jużaw servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali:

(a)servizzi front-end żviluppati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament; u

(b)servizzi front-end żviluppati mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Meta fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ma joffrix servizz front-end tal-euro diġitali, tali fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għandu juża servizz tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.Is-servizzi front-end ipprovduti mill-Bank Ċentrali Ewropew imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (b), ma għandhomx jipprevedu relazzjonijiet mal-klijenti, li għandhom jiġu pprovduti biss mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fir-rwol tagħhom fid-distribuzzjoni tal-euro diġitali kif stabbilit fl-Artikolu 13 u skont id-Direttiva 2015/2366. Il-Bank Ċentrali Ewropew ma għandux ikollu aċċess għal kwalunkwe data personali fir-rigward tas-servizzi front-end żviluppati mill-Bank Ċentrali Ewropew u użati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jqassmu l-euro diġitali għandhom jiżguraw li:

(a)is-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali jużaw il-logo uffiċjali tal-euro diġitali;

(b)il-kontijiet tal-pagamenti bl-euro diġitali jistgħu jiġu aċċessati malajr u faċilment mill-utenti tal-euro diġitali u jintużaw minnhom.

Artikolu 29
Konformità mas-sanzjonijiet tal-Unjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE

1.Il-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament li jeżegwixxu tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali għandhom jivverifikaw jekk xi wieħed mill-utenti tal-euro diġitali tagħhom humiex persuni jew entitajiet elenkati. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom iwettqu verifiki bħal dawn immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe miżura restrittiva ġdida jew emendata adottata f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE li tipprevedi l-iffriżar tal-assi jew il-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi, u tal-anqas darba kull jum tal-kalendarju.

2.Matul l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ta’ pagatur u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ta’ prenditur involuti fl-eżekuzzjoni ta’ dik it-tranżazzjoni ma għandhomx jivverifikaw jekk il-pagatur jew il-prenditur li l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali tagħhom jintużaw għall-eżekuzzjoni ta’ dik it-tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali humiex persuni jew entitajiet elenkati minbarra li jwettqu l-verifiki skont il-paragrafu 1.

3.Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jkun naqas milli jwettaq il-verifiki msemmijin fil-paragrafu 1 u jeżegwixxi tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali li twassal sabiex fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor involut fl-eżekuzzjoni ta’ dik it-tranżazzjoni ta’ pagament bl-euro diġitali jonqos milli jiffriża l-assi ta’ persuni jew ta’ entitajiet elenkati, jew li jagħmel fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għal tali persuni jew entitajiet, għandu jikkumpensa għad-dannu finanzjarju kkawżat lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament l-ieħor li jirriżulta mill-penali imposti fuq dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament l-ieħor skont miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE li jipprevedu l-iffriżar tal-assi jew il-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi.

Artikolu 30
Saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali

1.It-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online u offline għandhom jiġu saldati b’mod istantanju.

2.Is-saldu finali ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali għandu jseħħ fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-euro diġitali kkonċernat mill-pagatur lill-prenditur fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali approvata mill-Eurosistema.

3.Is-saldu finali ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali għandu jseħħ fil-mument meta jiġu aġġornati r-rekords tal-ammonti miżmumin tal-euro diġitali kkonċernati fl-apparati għall-ħżin lokali tal-pagatur u tal-prenditur.

Artikolu 31 
Bdil tal-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jippermettu lill-utenti tal-euro diġitali fuq talba tagħhom jbiddlu l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali tagħhom għal fornituri ta’ servizzi ta’ pagament oħrajn filwaqt li jżommu l-istess identifikaturi tal-kont.

2.F’ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ma jkunx operazzjonalment f’pożizzjoni li jipprovdi servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali lil utenti bl-euro diġitali għal perjodu ta’ żmien twil, jew ikun tilef id-data kkonċernata relatata mal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jawtorizzaw il-bdil ta’ kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali miżmumin ma’ dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għal fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor iddeżinjat mill-utent tal-euro diġitali. Dak il-bdil għandu jippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament il-ġdid ilesti l-bdil mingħajr ma jibbaża fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament indisponibbli.

Artikolu 32
Mekkaniżmu ġenerali għad-detezzjoni u
għall-prevenzjoni ta’ frodi

1.Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jiffaċilita l-kompiti ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom iwettqu skont id-Direttiva 2015/2366 billi jistabbilixxi mekkaniżmu ġenerali ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni ta’ frodi għal tranżazzjonijiet online bl-euro biex jiżgura l-funzjonament bla xkiel u effiċjenti tal-euro diġitali. Dak il-mekkaniżmu ġenerali ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi jista’ jitħaddem direttament mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ iddeżinjati mill-Bank Ċentrali Ewropew.

2.Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jiżviluppa d-dettalji dwar l-elementi operazzjonali tal-mekkaniżmu ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi.

3.Il-mekkaniżmu ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi għandu:

(a)jivvaluta l-iskopertura għar-riskju ta’ frodi tat-tranżazzjonijiet online bl-euro diġitali f’ħin reali fl-użu esklużiv tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament qabel ma t-tranżazzjoni tiġi introdotta fl-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali;

(b)jappoġġa lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fl-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti fi tranżazzjonijiet ta’ pagamenti online bl-euro diġitali li jkunu ġew saldati.

4.Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jipprovdu l-mekkaniżmu ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi bl-informazzjoni msemmija fl-Anness 5. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa inklużi miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiżguraw li s-servizz ta’ appoġġ ma jkunx jista’ jidentifika direttament lill-utenti tal-euro diġitali fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta lill-mekkaniżmu ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-frodi.

Artikolu 33
Aċċess ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju għal apparati mobbli

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, il-paragrafu (7), tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828, il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 47 għandhom jippermettu lill-fornituri ta’ servizzi u lill-fornituri ta’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali interoperabbiltà effettiva ma’ u l-aċċess għall-finijiet tal-interoperabbiltà mal-karatteristiċi tal-hardware u tas-software neċessarji għall-ħżin u għat-trasferiment tad-data għall-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet online jew offline bl-euro diġitali, b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.

2.Il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika msemmijin fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitrażżnu milli jieħdu miżuri strettament neċessarji u proporzjonati sabiex jiżguraw li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tal-karatteristiċi tal-hardware u tas-software kkonċernati mill-obbligu ta’ interoperabbiltà dment li miżuri bħal dawn ikunu ġġustifikati kif xieraq.

3.Għall-fini tal-applikazzjoni ta’ termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji skont il-paragrafu 1, il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali ta’ apparati mobbli u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jippubblikaw kundizzjonijiet ġenerali ta’ interoperabbiltà u ta’ aċċess effettivi. Kundizzjonijiet ġenerali bħal dawn għandhom jinkludu mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim ibbażat fl-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt li jinkiseb rimedju quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

KAPITOLU VIII
PRIVATEZZA U PROTEZZJONI TAD-
DATA 

Artikolu 34
Ipproċessar mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament
 

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iwettqu kompitu fl-interess pubbliku meta jipproċessaw data personali għall-finijiet li ġejjin:

(a)l-infurzar ta’ limiti, inkluża l-verifika ta’ jekk utenti tal-euro diġitali prospettivi jew eżistenti għandhomx kontijiet bl-euro diġitali ma’ PSP ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 16;

(b)il-finanzjament u d-definanzjament kif imsemmijin fl-Artikolu 13(2) u (3), u t-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali kif imsemmijin fl-Artikolu 13(4);

(c)il-forniment tal-euro diġitali offline, inklużi r-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-apparati għall-ħżin lokali kif imsemmijin fl-ittra (b) tal-Anness I;

(d)il-konformità mas-sanzjonijiet tal-Unjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 29;

(e)l-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 relatati mal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet u mal-prevenzjoni u mad-detezzjoni ta’ frodi, mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu skont id-Direttiva (UE) 2015/849, mal-konformità b’rabta mat-taxxa skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, id-Direttiva (UE) 2011/16/UE u d-dritt nazzjonali rilevanti, mal-ġestjoni tar-riskji operazzjonali u għas-sigurtà skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 u l-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2014/92/UE, sa fejn dawn jikkonċernaw l-euro diġitali.

Għall-provvista tal-euro diġitali offline, l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament huwa limitat għall-finanzjament u għad-definanzjament f’konformità mal-Artikolu 37, il-paragrafi 3, 4 u 5.

2.Għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(a) sa (c), ta’ dan l-Artikolu, l-Anness III jistabbilixxi t-tipi ta’ data personali.

3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 sabiex taġġorna t-tipi ta’ data personali elenkati fl-Anness III.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jitqiesu bħala l-kontrolluri tad-data personali fir-rigward tal-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta kont ta’ pagament bl-euro diġitali miżmum minn fornitur ta’ servizz ta’ pagament wieħed ikun marbut ma’ kont ta’ pagament tal-euro mhux diġitali miżmum minn fornitur ta’ servizz ta’ pagament ieħor f’konformità mal-Artikolu 13(4), dawn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom ikunu kontrolluri konġunti.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa inklużi miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiżguraw li kwalunkwe data kkomunikata lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-banek ċentrali nazzjonali jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ ma tiddentifikax direttament lil utenti individwali tal-euro diġitali.

Artikolu 35
Ipproċessar ta’ data personali
 mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali

1.Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jwettqu kompitu fl-interess pubbliku jew jeżerċitaw awtorità uffiċjali meta jipproċessaw data personali għall-finijiet li ġejjin:

(a)il-forniment ta’ aċċess għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għall-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali u l-appoġġ għall-iskambju ta’ messaġġi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament;

(b)is-saldu ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament online bl-euro diġitali;

(c)is-salvagwardja tas-sigurtà u tal-integrità tal-infrastruttura għas-saldu bl-euro diġitali u tal-apparati għall-ħżin lokali; 

(d)l-appoġġ għall-verifika mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ta’ jekk utent prospettiv għandux diġà kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali ma’ fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-limiti f’konformità mal-Artikolu 16;

(e)f’ċirkostanzi eċċezzjonali kif definiti fl-Artikolu 31(2), l-awtorizzazzjoni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament sabiex ibiddlu l-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali miżmumin ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għal fornituri ta’ servizzi ta’ pagament oħrajn deżinjati mill-utent tal-euro diġitali.

2.Għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-Anness IV jistabbilixxi t-tipi ta’ data personali.

3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 sabiex taġġorna t-tipi ta’ data personali elenkati fl-Anness IV.

4.Id-data personali pproċessata għall-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1 għandha tkun appoġġata minn miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa li jinkludu miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Dan għandu jinkludi s-segregazzjoni ċara tad-data personali sabiex jiġi żgurat li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali ma jkunux jistgħu jidentifikaw direttament lil utenti individwali tal-euro diġitali.

5.Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jitqies bħala l-kontrollur tad-data personali fir-rigward tal-finijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 8 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-Bank Ċentrali Ewropew iwettaq kompitu msemmi fil-paragrafi 1 u 8 flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali, dawn għandhom ikunu kontrolluri konġunti għal dak il-kompitu.

6.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-ipproċessar ta’ data personali involut fit-twettiq tal-kompiti u tas-setgħat l-oħrajn, inkluż għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għas-sorveljanza tas-sistemi ta’ pagament, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali.

7.Meta l-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedi li ma jagħtix kompiti msemmijin fl-Artikoli 27 u 32 lill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ, il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jipproċessa t-tipi ta’ data personali msemmijin fl-Anness 5 soġġett għar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.Għall-finijiet li jiġi appoġġat il-kompitu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jinfurzaw il-limiti ta’ żamma f’konformità mal-Artikolu 16(1) u li jiġi żgurat il-qlib ta’ emerġenza fuq talba tal-utent f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-BĊE jista’ jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku waħdu jew b’mod konġunt mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ identifikaturi diġitali tal-utenti tal-euro u l-limiti diġitali relatati taż-żamma tal-euro kif imsemmi fil-punt (4) tal-Anness 4. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa, li jinkludu miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiżgura li l-identità tal-utenti individwali tal-euro diġitali ma tkunx tista’ tiġi inferita mill-informazzjoni aċċessata permezz tal-punt uniku ta’ aċċess minn entitajiet għajr il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li l-abbonat jew il-klijent potenzjali tagħhom ikun l-utent tal-euro diġitali.

Artikolu 36
Ipproċessar mill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ

1.Meta l-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedi li jagħti l-kompiti msemmijin fl-Artikoli 27 u 32 lill-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ, il-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ għandhom jipprovdu servizzi relatati mal-pagamenti fost il-PSPs. F’sitwazzjoni bħal din, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iwettqu kompitu fl-interess pubbliku, meta jipproċessaw data personali għall-finijiet li ġejjin:

(a)l-appoġġ għall-prevenzjoni u għad-detezzjoni ta’ frodi fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 32;

(b)l-appoġġ għall-iskambju ta’ messaġġi għas-soluzzjoni tat-tilwim f’konformità mal-Artikolu 27.

2.Għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-Anness V jistabbilixxi t-tipi ta’ data personali.

3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38 sabiex taġġorna t-tipi ta’ data personali elenkati fl-Anness V.

4.L-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandu jsir biss meta jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa inklużi miżuri ta’ sigurtà u ta’ preservazzjoni tal-privatezza tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ ma jkunux jistgħu jidentifikaw direttament lill-utenti individwali tal-euro diġitali.

5.Il-fornituri tas-servizzi ta’ appoġġ għandhom jitqiesu bħala l-kontrolluri tad-data personali fir-rigward tal-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-ħatra mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-operaturi ta’ kwalunkwe servizz relatat mal-pagament fost il-PSPs u l-awditjar tal-livell tal-prestazzjoni tas-servizz mingħajr l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali.

KAPITOLU IX
ĠLIEDA KONTRA L-ĦASIL TAL-FLUS

Artikolu 37
Regoli dwar
il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li japplikaw għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 6 għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament offline bl-euro diġitali.

2.Id-data dwar it-tranżazzjonijiet ma għandhiex tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jew mill-banek ċentrali Ewropej u mill-banek ċentrali nazzjonali.

3.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom iżommu d-data ta’ finanzjament u ta’ definanzjament għall-ħżin tal-euro diġitali fuq l-istrumenti ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dak l-Artikolu. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għandhom, fuq talba, jagħmlu dik id-data disponibbli għall-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u għal awtoritajiet kompetenti oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 2(31) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

4.Għall-finijiet tal-paragrafu 3, id-data dwar il-finanzjament u d-definanzjament tfisser dan li ġej:

(a)l-ammont iffinanzjat jew iddefinanzjat;

(b)l-identifikatur tal-apparat għall-ħżin lokali għall-pagament offline bl-euro diġitali;

(c)id-data u l-ħin tat-tranżazzjoni ta’ finanzjament u ta’ definanzjament;

(d)in-numri tal-kontijiet użati għall-finanzjament u għad-definanzjament.

5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu limiti fuq it-tranżazzjonijiet offline ta’ pagament bl-euro diġitali u limiti fuq l-ammonti miżmumin. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39.

6.Il-limiti fuq it-tranżazzjonijiet u fuq l-ammonti miżmumin għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu filwaqt li ma jirrestrinġux mingħajr bżonn l-użu tal-euro diġitali offline bħala mezz ta’ pagament. Meta tfassal l-atti implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)valutazzjoni tat-theddid, tal-vulnerabbiltajiet u tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-euro diġitali meta jiġi ffinanzjat u ddefinanzjat l-istrument ta’ pagament tagħhom;

(b)rakkomandazzjonijiet u rapporti rilevanti mfasslin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)l-objettiv li jiġu żgurati l-użu u l-aċċettazzjoni tal-euro diġitali bħala strument ta’ valuta legali.

Għall-finijiet tal-punt (a), il-Kummissjoni tista’ titlob lill-AMLA sabiex tadotta opinjoni li tivvaluta l-livell ta’ theddidiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-euro diġitali offline u l-vulnerabbiltajiet tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38
Atti delegati

1.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 11, 33, 34 u 35 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 11, 33, 34 u 35 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 11, 33, 34 u 35 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 39
Proċedura ta’ Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 40
Rapporti

1.L-arranġamenti ta’ responsabbiltà tal-Artikolu 15(1) u (3) tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom japplikaw għall-ħruġ u għall-użu tal-euro diġitali.

Għal dak l-għan, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jirrapporta dwar l-iżvilupp tal-euro diġitali u l-użu tiegħu. Ir-rapport għandu jkopri l-kontribut tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar l-elementi li ġejjin:

(a)il-livell ta’ tariffi jew ta’ imposti li għandhom jitħallsu min-negozjanti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, jew li għandhom jitħallsu bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament;

(b)l-interoperabbiltà tal-euro diġitali ma’ muniti oħrajn fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro u f’pajjiżi terzi;

(c)l-iżvilupp ta’ muniti diġitali tal-banek ċentrali minbarra l-euro diġitali fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro u f’pajjiżi terzi rilevanti, u r-rilevanza ta’ dawn l-iżviluppi għaż-żona tal-euro;

(d)ix-xejriet tas-suq fil-pagamenti u r-rilevanza ta’ dawn ix-xejriet għal każijiet ta’ użu innovattiv.

2.Qabel il-ħruġ ippjanat tal-euro diġitali u qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla fil-parametri u fl-użu tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 16 jew mill-inqas kull tliet snin wara l-ħruġ tal-euro diġitali, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni:

(a)informazzjoni dwar l-istrumenti sabiex jiġi limitat l-użu tal-euro diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 16 u l-parametri li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun qiegħed jippjana li jadotta fid-dawl tal-ambjent finanzjarju u monetarju prevalenti;

(b)analiżi dwar kif l-istrumenti u l-parametri msemmijin fil-punt (a) huma mistennijin jilħqu l-objettiv tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja.

3.Sena wara l-ewwel ħruġ tal-euro diġitali u kull 3 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li janalizza l-impatt tal-parametri u l-użu tal-istrumenti msemmijin fl-Artikolu 16 fuq:

(a)ir-rwol tal-intermedjarji finanzjarji fil-finanzjament tal-ekonomija;

(b)ir-rekwiżiti ta’ likwidità stabbiliti fir-Regolament 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.L-Istati Membri għandhom, sena wara l-ewwel ħruġ tal-euro diġitali u kull sentejn wara dan, jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)il-penali applikati skont l-Artikolu 6(1);

(b)in-numru ta’ kontijiet bl-euro diġitali li jkunu nfetħu;

(c)in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdu servizzi bażiċi tal-euro diġitali lil persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 14(2) u 14(3);

(d)in-numru ta’ kontijiet ta’ pagament tal-euro diġitali li jkunu nfetħu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament imsemmijin fl-Artikolu 14(2) u 14(3).

il-proporzjon ta’ applikazzjonijiet li ġew miċħudin mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament imsemmijin fl-Artikolu 14(2) u 14(3)

Artikolu 41
Rieżami

1.Sa sena wara l-ewwel ħruġ tal-euro diġitali u kull 3 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta tkun qiegħda tħejji r-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapporti mill-Bank Ċentrali Ewropew imsemmijin fl-Artikolu 40 u kwalunkwe opinjoni u fehma espressi mill-Bank Ċentrali Ewropew.

2.Sa sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi ta’ muniti diġitali tal-banek ċentrali bl-imnut fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro u l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq is-suq intern, akkumpanjat, meta xieraq, minn proposti għall-emendar ta’ atti leġiżlattivi li jirregolaw l-użu tal-muniti diġitali tal-banek ċentrali bl-imnut madwar l-Unjoni.

3.Sa 3 snin mill-ewwel ħruġ tal-euro diġitali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk hemmx aċċess suffiċjenti u effettiv għall-euro diġitali fiż-żona tal-euro u aċċettazzjoni suffiċjenti u effettiva tiegħu.

Artikolu 42
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Stablecoin hija kriptoassi li jirreferenzja munita ta’ kors legali jew portafoll ta’ assi likwidi sabiex jiġi stabbilizzat il-valur tas-suq tiegħu.
(2)    Skont stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar “Il-bejgħ bl-imnut, is-servizzi finanzjarji u l-prodotti”: wieħed minn kull tliet rispondenti mill-UE qalu li semgħu li qegħdin isiru diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ euro diġitali. Stħarriġ disponibbli permezz tal-link: Servizzi u Prodotti Finanzjarji għall-Konsumatur - Ottubru 2022 - Stħarriġ tal-Ewrobarometru (europa.eu)
(3)    ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70-71.
(4)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (europa.eu)
(5)    COM(2020) 591 final u COM(2020) 592 final
(6)     EUR-Lex - 02016R0679-20160504 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(7)     EUR-Lex - 32018R1725 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(8)     EUR-Lex - 32019L0882 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(9)     EUR-Lex - 32014L0092 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(10)     EUR-Lex - 02015L2366-20151223 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(11)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-suq intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE (COM(2023) 366 final) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1093/210 (COM(2013) 367 final)
(12)     Il-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (europa.eu)
(13)     EUR-Lex - 52021PC0281 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
(14)     https://ec.europa.eu/info/publications/towards-stronger-international-role-euro-commission-contribution-european-council-13-14-december-2018_mt .
(15)    COM(2021) 32 final
(16)     Ir-Regolament (EU) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali .
(17)    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-appoġġ għall-euro għadu f’livell għoli ħafna fl-UE (71 %, it-tieni l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat), u saħansitra ogħla fiż-żona tal-euro (79 %). Sors: Ewrobarometru Standard 98 (Xitwa 2022-2023), stħarriġ disponibbli fuq il-link: Standard Eurobarometer 98 - Winter 2022-2023 - February 2023 - - Eurobarometer survey (europa.eu)
(18)    ĠU C […], […], p. […].
(19)    ĠU C […], […], p. […].
(20)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE (COM/2020/591 final)
(21)    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 dwar il-Bank Ċentrali Ewropew – rapport annwali 20212021/2063(INI)
(22)    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6301-2022-INIT/mt/pdf
(23)    Il-Bank Ċentrali Ewropew, Report on a digital euro , Ottubru 2020.
(24)    https://documents1.worldbank.org/curated/en/806481470154477031/pdf/Payment-Aspects-of-Financial-Inclusion.pdf
(25)     Studju dwar Metodi Ġodda ta’ Ħlas Diġitali (europa.eu) , Marzu 2022. Skont il-Bank Dinji, l-inklużjoni finanzjarja tfisser li l-individwi jkollhom aċċess għal prodotti u għal servizzi finanzjarji utli u affordabbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom – tranżazzjonijiet, pagamenti, tfaddil, kreditu u assigurazzjoni”.
(26)    Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2021 fil-Kawżi Magħquda C-422/19 u C-423/19, Hessischer Rundfunk, EU:C:2021:63, il-punt 46.
(27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).
(28)    ĠU L139, 11.5.1998, p.1.
(29)    Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq tal-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937, ĠU L150, 9.6.2023, p. 40  
(30)    Ir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1).
(31)    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3).
(32)    Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(33)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli
(34)    Id-dikjarazzjoni dwar l-għażliet tad-disinn għal euro diġitali mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data adottata fl-10 ta’ Ottubru 2022.
(35)    Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88.
(36)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98.
(37)    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, 31.07.2002, p. 37.
(38)    Proposta għal regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu (COM/2021/420 final); Il-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-mekkaniżmi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu sabiex jipprevjenu l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ML/TF, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 ( COM/2021/423 final); Proposta għal Regolament li joħloq Awtorità tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”) (COM/2021/421 final); u l-Proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 li tespandi r-rekwiżiti ta’ traċċabilità għall-kriptoassi (COM/2021/422 final)
(39)    Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).
(40)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(41)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(42)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(43)    Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).
(44)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(45)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 162, 19.6.1997, p. 1).
(46)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).
(47)    Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, ĠU L 17.12.2018, p. 36.

Brussell, 28.6.2023

COM(2023) 369 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali



{SEC(2023) 257 final} - {SWD(2023) 233 final} - {SWD(2023) 234 final}


ANNESS I
Servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali

Is-servizzi ta’ pagament bl-euro diġitali jikkonsistu:

(a)fl-utenti tal-euro diġitali li jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw l-euro diġitali, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet possibbli stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 16;

(b)fl-utenti tal-euro diġitali li jkunu jistgħu jibdew u jirċievu tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali u jipprovdu lill-utenti diġitali tal-euro diġitali bi strumenti ta’ pagament bl-euro diġitali;

(c)fil-ġestjoni tal-kontijiet tal-pagamenti bl-euro diġitali tal-utenti tal-euro diġitali;

(d)fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ definanzjament f’konformità mal-Artikolu 13; u

(e)fil-forniment ta’ servizzi addizzjonali ta’ pagament bl-euro diġitali apparti s-servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali skont l-Anness II.

ANNESS II
Servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali

Servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali għal persuni fiżiċi għandhom jikkonsistu:

(a)fil-ftuħ, fiż-żamma u fl-għeluq ta’ kont ta’ pagament bl-euro diġitali;

(b)fil-konsultazzjoni dwar bilanċi u tranżazzjonijiet;

(c)fil-finanzjament u fid-definanzjament mhux awtomatizzat minn kont ta’ pagament bl-euro mhux diġitali;

(d)fil-finanzjament u fid-definanzjament minn/fi flus kontanti;

(e)fl-inizjazzjoni u fir-riċeviment ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali permezz ta’ strument ta’ pagament elettroniku, bl-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament kundizzjonali bl-euro diġitali għajr ordnijiet permanenti, fil-każijiet ta’ użu li ġejjin:

tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali minn persuna għal oħra;

tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali fil-punt tal-interazzjoni, inkluż il-punt tal-bejgħ u l-kummerċ elettroniku;

tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali minn gvern għal persuna u minn persuna għal gvern.

(f)fit-tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali msemmija fl-Artikolu 13(4) u

(g)fil-forniment ta’ mill-inqas strument ta’ pagament elettroniku wieħed għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali kif imsemmi fl-ittra (e).

ANNESS III
Data personali pproċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament

1.Għall-fini tal-punt (a) tal-Artikolu 34(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-identifikatur tal-utent;

(ii)l-awtentikazzjoni tal-utent;

(iii) l-informazzjoni dwar il-kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali; inkluża l-informazzjoni dwar l-ammonti tal-euro diġitali miżmumin tal-utent tal-euro diġitali u n-numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali; u

(iv) l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online, inkluż l-identifikatur tat-tranżazzjoni u l-ammont tat-tranżazzjoni.

2.Għall-fini tal-punt (b) tal-Artikolu 34(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-identifikatur tal-utent;

(ii)l-awtentikazzjoni tal-utent;

(iii)l-informazzjoni dwar kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż in-numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali; u

(iv)l-informazzjoni dwar kontijiet ta’ pagament bl-euro mhux diġitali, inkluż in-numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali.

3.Għall-fini tal-punt (c) tal-Artikolu 34(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-identifikatur tal-utent; inkluż l-isem tad-detenturi tal-apparat għall-ħżin lokali; u

(ii)l-informazzjoni dwar l-apparat għall-ħżin lokali, inkluż l-identifikatur tal-apparat għall-ħżin lokali.

ANNESS IV
Data personali pproċessata mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali

1.Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 35(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-informazzjoni dwar kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż in-numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali; u

(ii)l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online, l-informazzjoni marbuta ma’ numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż l-ammont tat-tranżazzjoni.

2.Għall-fini tal-punt (b) tal-Artikolu 35(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-isem assunt tal-utent;

(ii)l-awtentikazzjoni tal-utent;

(iii)ir-referenza għall-ammonti ta’ euro diġitali miżmumin għad-debitu; u

(iv)ir-referenza għall-ammonti ta’ euro diġitali miżmumin għall-kreditu.

3.Għall-fini tal-punt (c) tal-Artikolu 35(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għad-data meħtieġa għall-analiżi tal-falsifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali offline: l-informazzjoni dwar l-apparat għall-ħżin lokali, inkluż in-numru tal-apparat għall-ħżin lokali.

4.Għall-finijiet tal-punti (d) u (e) tal-Artikolu 35(1), u l-punt ta’ aċċess uniku msemmi fl-Artikolu 34(8), l-ipproċessar għandu jkun limitat għal:

(i)l-identifikatur tal-utent;

(ii)l-awtentikazzjoni tal-utent, relatata mal-ammonti tal-euro diġitali miżmumin eżistenti tal-utent; u

(iii)l-informazzjoni dwar kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż in-numru uniku tal-kont ta’ pagament bl-euro diġitali, l-ammonti tal-euro diġitali miżmumin tal-utent, il-limitu fuq l-ammont miżmum magħżul mill-utent u t-tip ta’ kont tal-euro diġitali.

ANNESS V
Data personali pproċessata minn fornituri ta’ servizzi ta’ appoġġ

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 36(1), l-ipproċessar għandu jkun limitat għad-data meħtieġa għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi fost il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament:

(i)l-informazzjoni dwar kontijiet ta’ pagament bl-euro diġitali, inkluż l-identifikatur uniku tal-kont tal-euro diġitali;

(ii)l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-euro diġitali online, inkluż l-ammont tat-tranżazzjoni; u

(iii)l-informazzjoni dwar is-sessjoni ta’ tranżazzjoni ta’ utent tal-euro diġitali, inkluż il-medda tal-indirizz tal-protokoll tal-internet tal-apparat.