Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0092

Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 257, 28.8.2014, p. 214–246 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/92/oj

28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/214


DIRETTIVA 2014/92/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 26(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), is-suq intern għandu jikkostitwixxi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital. Il-frammentazzjoni tas-suq intern hi ta’ ħsara għall-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. L-eliminazzjoni tal-ostakoli diretti u indiretti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern hija essenzjali sabiex dan jiġi kkompletat. L-azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tas-suq intern fis-settur tas-servizzi finanzjarji bl-imnut diġà kkontribwixxiet sostanzjalment għall-iżvilupp tal-attività transkonfinali tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, it-titjib tal-għażla tal-konsumatur u żieda fil-kwalità u t-trasparenza tal-offerti.

(2)

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxiet rekwiżiti ta’ trasparenza bażika għal tariffi imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fir-rigward ta’ servizzi offruti fuq kontijiet tal-ħlas. Dan iffaċilita sostanzjalment l-attività tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, ħoloq regoli uniformi fir-rigward tal-forniment tas-servizzi tal-ħlas u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, naqqas il-piż amministrattiv u ġġenera ffrankar fl-ispejjeż għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas.

(3)

Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp ta’ ekonomija moderna u soċjalment inklużiva jiddependu dejjem iżjed fuq il-forniment universali ta’ servizzi tal-ħlas. Kwalunkwe leġislazzjoni ġdida f’dan ir-rigward għandha tkun parti minn strateġija ekonomika intelliġenti għall-Unjoni, li għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli b’mod effettiv.

(4)

Madankollu, kif indikat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Aċċess għas-Servizzi Bankarji Bażiċi, għandu jsir aktar sabiex jittejjeb u jiġi żviluppat is-suq intern għal attivitajiet bankarji bl-imnut. Bħalissa, in-nuqqas ta’ trasparenza u komparabbiltà tat-tariffi, kif ukoll id-diffikultajiet fil-bdil tal-kontijiet tal-ħlas għadhom joħolqu ostakoli għall-istabbiliment ta’ suq integrat għalkollox li jikkontribwixxi għal kompetitizzjoni dgħajfa fis-settur tal-attivitajiet bankarji bl-imnut. Dawk il-problemi għandhom jiġu indirizzati u għandhom jinkisbu standards ta’ kwalità għolja.

(5)

Il-kondizzjonijiet attwali tas-suq intern jistgħu jiskoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu jew li jipprovdu servizzi fl-Unjoni minħabba d-diffikultà biex jiġbdu klijenti meta jidħlu f’suq ġdid. Id-dħul fi swieq ġodda ħafna drabi jinvolvi investiment kbir. Tali investimenthuwa ġġustifikatbiss jekk il-fornitur jipprevedi biżżejjed opportunitajiet u domanda li tikkorrispondi magħhom min-naħa tal-konsumaturi. Il-livell baxx ta’ mobbiltà tal-konsumaturi fir-rigward tas-servizzi finanzjarji bl-imnut huwa fil-biċċa l-kbira dovut għan-nuqqas ta’ trasparenza u komparabbiltà fir-rigward tat-tariffi u s-servizzi offruti, kif ukoll diffikultajiet fir-rigward tal-bdil tal-kontijiet tal-ħlas. Dawk il-fatturi wkoll joħonqu d-domanda. Dan huwa partikolarment veru fil-kuntest transkonfinali.

(6)

Barra minn hekk, ostakoli sinifikanti għat-tlestija tas-suq intern fil-qasam tal-kontijiet tal-ħlas jistgħu jinħolqu mill-frammentazzjoni tal-oqfsa regolatorji nazzjonali eżistenti. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kontijiet tal-ħlas, u partikolarment fir-rigward tal-komparabbiltà tat-tariffi u l-bdil tal-kontijiet tal-ħlas ivarjaw. Għall-bdil, in-nuqqas ta’ miżuri vinkolanti uniformi fil-livell tal-Unjoni wassal għal prattiki u miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali. Dawk id-differenzi huma saħansitra aktar evidenti fil-qasam tal-komparabbiltà tat-tariffi, fejn l-ebda miżura, lanqas ta’ natura awtoregolatorja, ma teżisti fil-livell tal-Unjoni. Jekk dawk id-differenzi jsiru iktar sinifikanti fil-futur, billi l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom it-tendenza li jfasslu l-prattiki tagħhom għas-swieq nazzjonali, dan jgħolli l-ispiża għal min jopera f’livell transkonfinali relattivament għall-ispejjeż li jġorru l-fornituri domestiċi u għalhekk jagħmel l-eżerċizzju tan-negozju fuq bażi transkonfinali inqas attraenti. L-attività transkonfinali fis-suq intern hija mxekkla minn ostakoli li jwaqqfu lill-konsumaturi milli jiftħu kont tal-ħlas barra l-pajjiż. Il-kriterji restrittivi eżistenti tal-eliġibbiltà jistgħu jwaqqfu liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jiċċaqalqu liberament fl-Unjoni. Li l-konsumaturi kollha jiġu pprovduti b’aċċess għal kont tal-ħlas jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern u jippermettilhom li jaħsdu l-benefiċċji tas-suq intern.

(7)

Barra minn hekk, peress li xi klijenti prospettivi ma jiftħux kontijiet tal-ħlas, jew minħabba li huma mċaħħda minn dan jew għaliex ma jiġux offruti prodotti adegwati, id-domanda potenzjali għas-servizzi tal-kontijiet tal-ħlas fl-Unjoni bħalissa mhijiex sfruttata b’mod sħiħ. Parteċipazzjoni usa’ tal-konsumatur fis-suq intern tagħti aktar inċentivi lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas biex jidħlu fi swieq ġodda. Barra minn hekk, il-ħolqien tal-kondizzjonijiet li jippermettu lill-konsumaturi kollha biex ikollhom aċċess għal kont tal-ħlas huwa mezz neċessarju għat-trawwim tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern u biex jingħataw il-possibilità li jaħsdu l-benefiċċji li ġab miegħu s-suq intern.

(8)

It-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi ġew meqjusa fil-livell tal-Unjoni f’inizjattiva awtoregolatorja, mibdija mill-industrija bankarja. Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim finali dwar dik l-inizjattiva. Fir-rigward tal-bdil, il-prinċipji komuni stabbiliti fl-2008 mill-Kumitat għall-Industrija Bankarja Ewropea jipprovdu mekkaniżmu mudell għall-bdil bejn kontijiet tal-ħlas offruti minn banek li jinsabu fl-istess Stat Membru. Madankollu, minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħhom, dawk il-prinċipji komuni ġew applikati b’mod inkonsistenti madwar l-Unjoni u b’riżultati li mhumiex effettivi. Barra minn hekk, il-prinċipji komuni jindirizzaw il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas fil-livell nazzjonali biss u ma jindirizzawx il-bdil transkonfinali. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aċċess għal kont tal-ħlas bażiku, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE (5) stiednet lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħha mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tagħha. Sal-lum, huma biss ftit mill-Istati Membri li jikkonformaw mal-prinċipji ewlenin ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni.

(9)

Sabiex tiġi appoġġata mobbiltà finanzjarja effettiva u mingħajr xkiel fit-tul, huwa essenzjali li jiġi stabbilit sett uniformi ta’ regoli sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mobbiltà baxxa tal-konsumaturi u b’mod partikolari sabiex jittejjeb it-tqabbil tas-servizzi u t-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas u biex ikun hemm inċentiv għall-bdil tal-kontijiet tal-ħlas, kif ukoll biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-residenza kontra konsumaturi li biħsiebhom jiftħu u jużaw kont tal-ħlas fuq bażi transkonfinali. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġu adottati miżuri adegwati biex titrawwem il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq tal-kontijiet tal-ħlas. Dawk il-miżuri ser ikunu ta’ inċentiv għad-dħul tal-fornituri ta’ servizz tal-ħlas fis-suq intern u ser jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni u l-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi fis-suq finanzjarju bl-imnut tal-Unjoni għall-benefiċċju tan-negozji u l-konsumaturi. Barra minn hekk, informazzjoni trasparenti dwar it-tariffi u l-possibbiltajiet għall-bdil, flimkien mad-dritt tal-aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jagħmlu għażliet aktar faċilment fl-Unjoni, u b’hekk jibbenefikaw minn suq intern li jiffunzjona b’mod sħiħ fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, u ser jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq intern.

(10)

Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li din id-Direttiva ma xxekkilx l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut. Kull sena, isiru disponibbli teknoloġiji ġodda, li jistgħu jrendu skadut il-mudell attwali tal-kontijiet tal-ħlas, bħas-servizzi tal-ibbankjar bil-mowbajl u l-kards tal-ħlas b’valur maħżun.

(11)

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar rigorużi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u din id-Direttiva.

(12)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-komparabbiltà tat-tariffi u l-bdil tal-kont tal-ħlas għandhom japplikaw għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas kollha, kif definit fid-Direttiva 2007/64/KE. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar l-aċċess għal kontijiet tal-ħas b’karatteristiċi bażiċi għandhom japplikaw biss għall-istituzzjonijiet tal-kreditu. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw il-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jagħmlu t-transazzjonijiet li ġejjin: ipoġġu fondi, jiġbdu l-flus, u jagħmlu transazzjonijiet ta’ ħlas lil partijiet terzi u jirċievu transazzjonijiet ta’ ħlas mingħandhom, inkluż it-twettiq ta’ trasferimenti tal-kreditu. B’konsegwenza ta’ dan, il-kontijiet b’funzjonijiet aktar limitati għandhom jiġu esklużi. Pereżempju, kontijiet bħall-kontijiet ta’ tfaddil, kontijiet tal-karti tal-kreditu, fejn normalment jitpoġġew fondi għall-iskop uniku li jitħallas dejn fuq karti tal-kreditu, ipoteki b’karatteristiċi ta’kont kurrenti jew kontijiet ta’ flus elettroniċi għandhom fil-prinċipju jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jekk dawk il-kontijiet jintużaw għal transazzjonijiet tal-ħlas ta’ kuljum u jekk ikun fihom il-funzjonijiet kollha elenkati hawn fuq, huma ser jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Kontijiet miżmuma minn negozji, anke żgħar jew mikrointrapriżi, sakemm mhux miżmuma f’kapaċità personali, għandhom ikunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jestendu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal fornituri ta’ servizzi tal-ħlas oħrajn u għal kontijiet tal-ħlas oħrajn, pereżempju dawk li joffru funzjonijiet tal-ħlas aktar limitati.

(13)

Peress li kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi huwa tip ta’ kont tal-ħlas għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-trasparenza u l-bdil għandhom japplikaw għal kontijiet bħal dawn ukoll.

(14)

Id-definizzjonijiet li hemm f’din id-Direttiva għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun ma’ dawk li hemm f’atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma’ dawk li hemm fid-Direttiva 2007/64/KE u fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(15)

Huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu kapaċi jifhmu t-tariffi sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas differenti u jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar liema kont tal-ħlas huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom. Tqabbil bejn it-tariffi ma jistax isir meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw terminoloġija differenti għall-istess servizzi u jipprovdu informazzjoni f’formati differenti. Terminoloġija standardizzata, flimkien ma’ informazzjoni ffukata dwar it-tariffi ppreżentata f’format konsistenti li tkopri s-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kontijiet tal-ħlas, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jifhmu u jqabblu t-tariffi.

(16)

Il-konsumaturi jibbenefikaw l-aktar minn informazzjoni li tkun konċiża, standardizzata u li tkun faċli li titqabbel bejn fornituri differenti tas-servizzi tal-ħlas. L-għodod disponibbli għall-konsumaturi biex iqabblu offerti tal-kontijiet tal-ħlas ma jkollhomx impatt pożittiv jekk iż-żmien investit biex wieħed jaqra listi twal ta’ tariffi għal offerti differenti jkun ikbar mill-benefiċċju li wieħed jagħżel l-offerta li tirrappreżenta l-aħjar valur. Dawk l-għodod għandhom ikunu multipli u għandu jsir ittestjar mill-konsumaturi. F’dan l-istadju, it-terminoloġija tat-tariffi għandha biss tiġi standardizzata għat-termini u d-definizzjonijiet l-aktar rappreżentattivi fl-Istati Membri sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ informazzjoni eċċessiva u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni rapida.

(17)

It-terminoloġija tat-tariffi għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri, sabiex tkun tista’ tingħata kunsiderazzjoni lill-ispeċifiċitajiet tas-swieq lokali. Biex jitqiesu bħala rappreżentattivi, is-servizzi għandhom ikunu soġġetti għal tariffa f’minimu ta’ fornitur tas-servizzi tal-ħlas wieħed fi Stat Membru. Barra minn hekk, meta s-servizzi jkunu komuni għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, it-terminoloġija użata biex tiddefinixxi dawn is-servizzi għandha tkun standardizzata fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk ikun jista’ jsir tqabbil aħjartal-offerti ta’ kontijiet tal-ħlas fl-Unjoni kollha. Sabiex tiġi żgurata l-omoġeneità suffiċjenti tal-listi nazzjonali, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (‘EBA’) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandha toħroġ linji gwida biex tgħin lill-Istati Membri biex jiddeterminaw is-servizzi li jintużaw bl-aktar mod komuni u li jiġġeneraw l-ogħla spejjeż għall-konsumaturi fil-livell nazzjonali. Għal dak il-għan l-Istati Membri għandhom sat-18 ta’ Diċembru 2014 jindikaw lill-Kummissjoni u lill-EBA l-awtoritajiet adatti li għalihom għandhom jiġu indirizzati dawk il-linji gwida.

(18)

Ladarba l-Istati Membri jkunu stabbilixxew lista proviżorja tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi soġġetti għal tariffa fil-livell nazzjonali flimkien ma’ termini u definizzjonijiet, l-EBA għandha tanalizzahom sabiex tidentifika, permezz ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, is-servizzi li huma komuni għall-maġġoranza tal-Istati Membri u tipproponi termini u definizzjonijiet standardizzati fil-livell tal-Unjoni għalihom bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-EBA għandha tiżgura li, jintuża terminu wieħed biss għal kull servizz fi kwalunkwe lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru li hija ukoll lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ifisser li jistgħu jintużaw termini differenti għall-istess servizz fi Stati Membri differenti li jużaw l-istess lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex b’hekk jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. L-Istati Membri għandhom imbagħad jintegraw kwalunkwe terminu applikabbli fil-livell tal-Unjoni fil-listi proviżorji tagħhom u jippubblikaw il-listi finali tagħhom abbażi ta’ dan.

(19)

Sabiex jgħinu lill-konsumaturi jqabblu faċilment it-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas fis-suq intern, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jipprovdu lill-konsumaturi b’dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi li jiddikjara t-tariffi għas-servizzi kollha mniżżla fil-lista tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas fil-livell nazzjonali. Fejn applikabbli, id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi għandu juża t-termini u d-definizzjonijiet standardizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li qed jikkompetu fis-suq tal-kontijiet tal-ħlas. Id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi ma għandux ikun fih l-ebda tariffa oħra. Meta fornitur tas-servizzi tal-ħlas ma joffrix servizz li jidher fil-lista tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas, hija għandha tindika dan pereżempju billi timmarka s-servizz bħala ‘mhux offrut’ jew ‘mhux applikabbli’. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesiġu li indikaturi ewlenin jiġu inklużi fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi, bħal indikatur komprensiv tal-ispiża li jagħti sommarju tal-ispiża annwali ġenerali tal-kont tal-ħlas għall-konsumaturi. Sabiex jgħinu lill-konsumaturi jifhmu t-tariffi li jridu jħallsu għall-kont tal-ħlas tagħhom, għandu jkun disponibbli għalihom glossarju li jipprovdi spjegazzjonijiet ċari, mhux tekniċi u mhux ambigwi tal-inqas għat-tariffi u s-servizzi li jkunu jinsabu fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi. Il-glossarju għandu jservi bħala għodda utli biex jinkoraġġixxi fehim aħjar tat-tifsira tat-tariffi, u jikkontribwixxi sabiex il-konsumatur jingħata s-setgħa li jagħżel minn għażla usa’ ta’ offerti ta’ kontijiet tal-ħlas. Għandu jiġi introdott ukoll obbligu li jeħtieġ lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jinfurmaw lill-konsumaturi, mingħajr ħlas u mill-inqas darba fis-sena, dwar it-tariffi kollha li jinżammulhom fuq il-kont tal-ħlas tagħhom, inkluż, jekk applikabbli, ir-rata tal-imgħax għall-overdrafts u r-rata tal-imgħax għall-kreditu.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-overdrafts li jinsabu fid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8). Informazzjoni ex-post għandha tiġi pprovduta f’dokument apposta intitolat “dikjarazzjoni tat-tariffi”. Huwa għandu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-imgħax li ddaħħal u t-tariffi kollha mġarrba fir-rigward tal-użu tal-kont tal-ħlas sabiex jippermetti lill-konsumatur jifhem ma’ xiex inhu konness l-infiq tat-tariffi, u jivvaluta l-ħtieġa li jew jimmodifika x-xejriet tal-konsum jew imur għand fornitur ieħor. Dak il-benefiċċju jkun immassimizzat jekk l-informazzjoni ex-post dwar it-tariffi tippreżenta s-servizzi l-aktar rappreżentattivi fl-istess ordni bħall-informazzjoni ex-ante dwar it-tariffi.

(20)

Biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar it-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas tkun preċiża, ċara u komparabbli. Għalhekk, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara li jsir ittestjar mill-konsumaturi, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għal format ta’ preżentazzjoni standardizzat għad-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni tat-tariffi u s-simboli komuni, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jinftiehmu u komparabbli għall-konsumaturi. L-istess format, ordni tal-elementi u titoli għandhom jiġu segwiti għal kull dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u dikjarazzjoni tat-tariffi f’kull Stat Membru, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkomparaw iż-żewġ dokumenti, u b’hekk jiġi mmassimizzat il-fehim u l-użu tal-informazzjoni. Id-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni tat-tariffi għandhom ikunu jintgħarfu b’mod ċar minn komunikazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, l-EBA għandha tqis ukoll il-fatt li meta jkunu qed ifasslu dawk il-formats, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprovdu d-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni tat-tariffi flimkien ma’ informazzjoni rekwiżita skont atti leġislattivi oħra tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kontijiet tal-ħlas u s-servizzi relatati.

(21)

Sabiex jiżguraw l-użu konsistenti tat-terminoloġija applikabbli fil-livell tal-Unjoni madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligu li jeħtieġ lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas sabiex jużaw it-terminoloġija applikabbli fil-livell tal-Unjoni flimkien mal-kumplament tat-terminoloġija standardizzata nazzjonali identifikata fil-lista finali meta jikkomunikaw mal-konsumaturi, inkluż fid-dokument tal-informazzjoni dwar it-tariffi u d-dikjarazzjoni tat-tariffi. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom ikunu jistgħu jużaw marki kummerċjali fl-informazzjoni kuntrattwali, kummerċjali u dik relatata mal-marketing li jagħtu lill-konsumaturi, dment li jidentifikaw b’mod ċar it-terminu standardizzat korrispondenti applikabbli. Meta jagħżlu li jużaw marki kummerċjali fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi jew fid-dikjarazzjoni tat-tariffi, dawn għandhom ikunu b’żieda għat-termini standardizzati bħala terminu sekondarju, pereżempju bl-użu ta’ parentesi jew miktubin b’tipa iżgħar.

(22)

Siti tal-Internet ta’ tqabbil li huma indipendenti huma mezz effettiv għall-konsumaturi sabiex jivvalutaw il-merti ta’ offerti ta’ kontijiet tal-ħlas differenti f’post wieħed. Tali siti tal-Internet jistgħu jipprovdu l-aħjar bilanċ bejn il-bżonn li l-informazzjoni tkun ċara u konċiża u l-ħtieġa li tkun sħiħa u komprensiva, billi jippermettu lill-utenti jiksbu informazzjoni aktar dettaljata fejn dan huwa ta’ interess għalihom. Huma għandu jkollhom l-għan li jinkludu l-usa’ firxa possibbli ta’ offerti, sabiex tingħata ħarsa ġenerali rappreżentattiva, filwaqt li jkopru wkoll parti sinifikanti tas-suq. Huma jistgħu wkoll inaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix billi l-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn jiġbru l-informazzjoni separatament mingħand fornituri tas-servizzi tal-ħlas. Huwa kruċjali li l-informazzjoni mogħtija f’tali siti tal-Internet tkun affidabbli, imparzjali u trasparenti u li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar id-disponibbiltà ta’ tali siti. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar tali siti tal-Internet.

(23)

Sabiex jiksbu informazzjoni imparzjali dwar it-tariffi imposti u r-rati tal-imgħax applikati fir-rigward ta’ kontijiet tal-ħlas, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw siti tal-Internet ta’ tqabbil aċċessibbli għall-pubbliku li joperaw b’mod indipendenti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, li jfisser li l-ebda fornitur tas-servizzi tal-kreditu ma għandu jingħata trattament favorevoli fir-riżultati tat-tiftix. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess b’xejn għal mill-anqas sit tal-Internet wieħed bħal dan fit-territorji rispettivi tagħhom. Dawn is-siti tal-Internet ta’ tqabbil jistgħu jitħaddmu minn, jew f’isem, l-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra u/jew minn operaturi privati. Il-funzjoni tat-tqabbil ta’ tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas tista’ titwettaq ukoll billi s-siti tal-Internet eżistenti jqabblu firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji u mhux finanzjarji. Tali siti tal-Internet għandhom jiġu operati f’konformità ma’ kriterji ta’ kwalità speċifikati inkluż ir-rekwiżit li jingħataw dettalji tas-sidien tiegħu, li jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata, li juru meta ġie aġġornat l-, li jistabbilixxu kriterji oġġettivi u ċari fuq liema jista’ jiġi bbażat it-tqabbil u li jinkludu firxa wiesgħa ta’ offerti tal-kontijiet tal-ħlas li tkopri parti sinifikanti tas-suq. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu kull kemm żmien is-siti tal-Internet ta’ tqabbil għandhom jirrevedu u jaġġornaw l-informazzjoni li jagħtu lill-konsumaturi, filwaqt li jqisu l-frekwenza li biha l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas ġeneralment jaġġornaw l-informazzjoni tagħhom dwar it-tariffi. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll x’jikkostitwixxi firxa wiesgħa ta’ offerti tal-kontijiet tal-ħlas li tkopri parti sinifikanti tas-suq billi jivvalutaw, pereżempju, l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi tal-ħlas u għalhekk jekk maġġoranza sempliċi jew inqas tkunx biżżejjed u/jew is-sehem mis-suq tagħhom u/jew il-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Sit tal-Internet ta’ tqabbil għandu jqabbel it-tariffi pagabbli għas-servizzi inklużi fil-lista tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kontijiet tal-ħlas, filwaqt li jintegra t-terminoloġija tal-livell tal-Unjoni.

Huwa adatt li l-Istati Membri jkunu jistgħu jesiġu li tali siti tal-Internet jqabblu informazzjoni oħra, pereżempju informazzjoni dwar il-fatturi determinanti tal-livell tas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, bħall-għadd u l-lokalità ta’ fergħat jew ATMs (automated teller machines). Fejn ikun hemm sit tal-Internet wieħed biss fi Stat Membru u dak is-sit tal-Internet jieqaf jopera jew ma jibqax konformi mal-kriterji tal-kwalità, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess fi żmien raġonevoli għal sit tal-Internet ieħor ta’ tqabbil fil-livell nazzjonali.

(24)

Il-prattika attwali tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas hija li joffru kont tal-ħlas f’pakkett flimkien ma’ prodotti jew servizzi li mhumiex marbuta ma’ kont tal-ħlas, bħal prodotti ta’ assigurazzjoni jew parir finanzjarju. Dik il-prattika tista’ tkun mezz sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jiddiversifikaw l-offerta tagħhom u jikkompetu kontra xulxin, u fl-aħħar mill-aħħar tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Madankollu l-istudju tal-Kummissjoni tal-2009 dwar prattiki ta’ abbinar fis-settur finanzjarju kif ukoll konsultazzjonijiet rilevanti u ilmenti tal-konsumaturi wrew li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu joffru kontijiet tal-ħlas f’pakkett ma’ prodotti mhux mitluba mill-konsumaturi u li mhumiex essenzjali għall-kontijiet tal-ħlas, bħal assigurazzjoni tad-djar. Barra minn hekk, ġie osservat li dawk il-prattiki jistgħu jnaqqsu t-trasparenza u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, jillimitaw l-għażliet tax-xiri għall-konsumaturi u jkollhom impatt negattiv fuq il-mobbiltà tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas joffru kontijiet tal-ħlas f’pakketti, il-konsumaturi jingħataw informazzjoni dwar jekk huwiex possibbli li l-kont tal-ħlas jinxtara separatament u jekk iva, jingħataw informazzjoni separata dwar l-ispejjeż u t-tariffi applikabbli assoċjati ma’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi l-oħra inklużi fil-pakkett li jistgħu jinxtraw separatament.

(25)

Il-proċess għall-bdil tal-kontijiet tal-ħlas għandu jkun armonizzat mal-Unjoni kollha. Attwalment, il-miżuri eżistenti fil-livell nazzjonali huma estremament diversiu ma jiggarantixxux livell adegwat ta’ protezzjoni għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha. Il-provvediment ta’ miżuri leġislattivi li jistabbilixxu l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu segwiti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas meta dawn jipprovdu tali servizz f’kull Stat Membru jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas. Minn naħa, dan ser jiggarantixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-konsumaturi li jistgħu jkunu interessati li jiftħu kont tal-ħlas fi Stat Membru differenti, peress li ser jiżgura li jingħata livell ta’ protezzjoni ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, ser inaqqas id-differenzi bejn il-miżuri regolatorji fis-seħħ fil-livell nazzjonali u għalhekk ser inaqqas il-piż amministrattiv għall-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jkunu biħsiebhom joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi transkonfinali. B’konsegwenza ta’ dan, il-miżuri dwar il-bdil tal-kontijiet ser jiffaċilitaw il-forniment ta’ servizzi relatati mal-kontijiet tal-ħlas fis-suq intern.

(26)

Il-bdil ma għandux jimplika t-trasferiment tal-kuntratt mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi għall-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju.

(27)

Il-konsumaturi huma inċentivati biex ibiddlu l-kontijiet tal-ħlas biss jekk il-proċess ma jinvolvix piż amministrattiv u finanzjarju eċċessiv. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom joffru lill-konsumaturi proċedura ċara, rapida u sikura għall-bdil tal-kontijiet tal-ħlas, li tinkludi kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Tali proċedura għandha tiġi ggarantita meta l-konsumaturi jkunu jridu jibdlu minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas għal ieħor, u ukoll meta l-konsumaturi jkunu jridu jibdlu bejn kontijiet tal-ħlas differenti fl-istess fornitur tas-servizzi tal-ħlas. Dan jippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-aktar offerti konvenjenti fis-suq u biex jibdlu faċilment mill-kont tal-ħlas eżistenti tagħhom għal oħrajn li potenzjalment ikunu aktar adattati, irrispettivament minn jekk dan isirx fl-istess fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew bejn fornituri tas-servizzi tal-ħlas differenti. Kwalunkwe tariffa imposta mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas fir-rigward tas-servizz ta’ bdil għandha tkun raġonevoli u skont l-ispiża attwali mġarrba mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas.

(28)

Fir-rigward ta’ bdil meta żewġ fornituri tas-servizzi tal-ħlas ikunu stabbiliti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jitħallewjistabbilixxu jew iżommu arranġamenti li jvarjaw minn dawk previsti f’din id-Direttiva jekk dan, b’mod ċar, ikun fl-interess tal-konsumatur.

(29)

Il-proċess ta’ bdil għandu jkun sempliċi kemm jista’ jkun għall-konsumatur. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju jkun responsabbli għat-tnedija u l-ġestjoni tal-proċess f’isem il-konsumatur. Meta jistabbilixxu s-servizz ta’ bdil, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw mezzi oħrajn, bħal soluzzjoni teknika. Mezzi oħrajn bħal dawn jistgħu jeċċedu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva; pereżempju, is-servizz ta’ bdil jista’ jiġi pprovdut f’qafas ta’ żmien iqsar jew il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu jiġu obbligati biex jiżguraw li, malli l-konsumatur jagħmel it-talba tiegħu, it-trasferimenti ta’ kreditu riċevuti fil-kont tal-ħlas preċedenti jidħlu b’mod awtomatizzat jew manwali fil-kont tal-ħlas il-ġdid għal perijodu ta’ żmien limitat stabbilit li jibda minn meta tingħata l-awtorizzazzjoni għall-bdil. Mezzi oħrajn bħal dawn jistgħu wkoll jintużaw minn fornituri tas-servizzi tal-ħlas fuq bażi volontarju anke meta dawn ma jkunux meħtieġa minn Stat Membru.

(30)

Il-konsumaturi għandu jkollhom il-possibiltà li jitolbu lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju biex ibiddel it-trasferimenti ta’ kreditu deħlin, standing orders għat-trasferimenti ta’ kreditu jew id-debiti diretti, kollha jew parti minnhom, idealment f’laqgħa waħda mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju. Għal dak l-għan, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiffirmaw awtorizzazzjoni waħda li tagħti l-kunsens għal kull azzjoni msemmija hawn fuq. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-awtorizzazzjoni mill-konsumatur tkun bil-miktub, iżda jistgħu wkoll jagħżlu li jaċċettaw mezzi ekwivalenti fejn adatt, pereżempju fejn ikun hemm fis-seħħ sistema awtomatizzata għall-bdil. Qabel ma jagħti l-awtorizzazzjoni, il-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar il-passi kollha tal-proċedura li huma meħtieġa biex jiġi kompletat il-bdil. Pereżempju l-awtorizzazzjoni tista’ tinkludi l-kompiti kollha li jifformaw parti mis-servizz ta’ bdil u tista’ tippermetti l-possibbiltà li l-konsumatur jagħżel biss uħud minn dawk il-kompiti.

(31)

Il-kooperazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi hija meħtieġa sabiex il-bdil jirnexxi. Il-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinatarju għandu jiġi pprovdut mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iċaqlaq il-ħlasijiet għal fuq il-kont tal-ħlas l-ieħor. Madankollu, tali informazzjoni ma għandhiex teċċedi dak li huwa meħtieġ biex isir il-bdil.

(32)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-ftuħ ta’ kontijiet transkonfinali, il-konsumatur għandu jkun jista’ jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas il-ġdid li jistabbilixxi l-ordnijiet permanenti għat-trasferimenti ta’ kreditu kollha jew parti minnhom fil-kont tal-ħlas il-ġdid, jaċċetta d-debiti diretti mid-data speċifikata mill-konsumatur, u jipprovdi lill-konsumatur b’informazzjoni li tagħti dettalji tal-kont tal-ħlas il-ġdid, preferibilment f’laqgħa waħda mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas il-ġdid.

(33)

Il-konsumaturi ma għandhomx ikunu soġġetti għal telf finanzjarju, inklużi l-imposti u l-imgħax, ikkawżat minn kwalunkwe żball li jsir minn xi fornitur tas-servizzi tal-ħlas involut fil-proċess tal-bdil. B’mod partikolari, il-konsumaturi ma għandhomx iġarrbu xi telf finanzjarju kkawżat mill-ħlas ta’ tariffi addizzjonali, imgħax jew imposti oħrajn kif ukoll minn multi, penali jew kwalunkwe tip ieħor ta’ detriment finanzjarju kawża ta’ dewmien fit-twettiq tal-ħlas.

(34)

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-konsumaturi li jkollhom l-intenzjoni li jiftħu kont tal-ħlas ma jiġux iddiskriminati abbażi taċ-ċittadinanza jew tal-post ta’ residenza tagħhom. Għalkemm huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jiżguraw li l-klijenti tagħhom ma jkunux qed jużaw is-sistema finanzjarja għal skopijiet illegali bħal frodi, ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, huma ma għandhomx jimponu xkiel għall-konsumaturi li jridu jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq intern billi jiftħu u jużaw kontijiet tal-ħlas fuq bażi transkonfinali. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma għandhomx jintużaw bħala pretest biex jiġu rifjutati konsumaturi li huma kummerċjalment anqas attraenti.

(35)

Konsumaturi li huma legalment residenti fl-Unjoni ma għandhomx jiġu diskriminati minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom, jew għal xi raġuni oħra msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) meta japplikaw għal, jew jaċċessaw, kont tal-ħlas fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għandu jkun żgurat mill-Istati Membri irrispettivament miċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-konsumatur, bħall-istatus ta’ impjieg tagħhom, il-livell ta’ introjtu, l-istorja kreditizja jew il-falliment personali.

(36)

Konsumaturi li huma legalment residenti fl-Unjoni u li ma għandhomx kont tal-ħlas f’ċertu Stat Membru għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi f’dak l-Istat Membru. Il-kunċett ta’ ‘legalment residenti fl-Unjoni’ għandu jkopri kemm liċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija lilhom mill-atti tal-Unjoni bħar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (10), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (11), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (12) u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Huwa għandu jinkludi wkoll lill-persuni li jfittxu l-asil skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 Dwar l-Istatus tar-Refuġjati, il-Protokoll magħha tal-31 ta’ Jannar 1967 u trattati internazzjonali rilevanti oħra. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu l-kunċett ta’ “legalment residenti fl-Unjoni” għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra li jinsabu fit-territorju tagħhom.

(37)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattati, jesiġu lill-konsumaturi li jixtiequ jiftħu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fit-territorju tagħhom biex juri interess ġenwin li jagħmlu dan. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti adottati f’konformità mad-Direttiva 2005/60/KE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ma għandhiex tkun meħtieġa l-preżenza fiżika fil-bini tal-istituzzjonijiet tal-kreditu sabiex jintwera dan l-interess ġenwin.

(38)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jkun biżżejjed biex jiġi żgurat li jistgħu jintlaħqu mill-konsumaturi kollha, sabiex jiġi evitat kull tip ta’ diskriminazzjoni kontrihom u biex ma ssirx distorsjoni tal-kompetizzjoni. Meta jiġi determinat l-għadd suffiċjenti tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fatturi li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu l-kopertura tan-netwerk tal-istituzzjonijet tal-kreditu, id-daqs tat-territorju tal-Istat Membru, id-distribuzzjoni tal-konsumaturi fit-territorju, is-sehem tas-suq tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u jekk kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-kontijiet tal-ħlas provduti mill-istituzzjoni tal-kreditu. Fil-prinċipju, kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għandhom jiġu offruti minn kemm jista’ jkun istituzzjonijiet tal-kreditu possibbli, bil-ħsieb li jiġi garantit li l-konsumaturi jistgħu jiftħu kontijiet bħal dawn fil-bini ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li huwa viċin tal-post tar-residenza tagħhom u li l-konsumaturi ma jkunu diskriminati bl-ebda mod meta jaċċessaw tali kontijiet u jistgħu jużawhom b’mod effettiv.B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni li tidher minħabba, pereżempju, apparenza differenti tal-kard, numru tal-kont differenti jew tal-kard differenti. Madankollu, għandu jkun possibbli li Stat Membru jipprevedi li kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jkunu offruti minn għadd iżgħar ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu iżda dan għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi li, pereżempju, dawk l-istituzzjonijiet tal-kreditu tant għandhom presenza mifruxa fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li jistgħu jaqdu lill-konsumaturi kollha mingħajr ma dawn ikollhom jivvjaġġaw ‘il bogħod wisq minn djarhom sabiex jaslu għandhom. Barra minn hekk, il-konsumaturi li jaċċessaw kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma għandhomx jiġu stigmatizzati bl-ebda mod, u dak l-objettiv jista’ jintlaħaq aħjar jekk jiġu stabbiliti għadd akbar ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu.

(39)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw mekkaniżmi biex jgħinu lill-konsumaturi mingħajr indirizz fiss, persuni li jfittxu asil u konsumaturi li mhumiex mogħtija permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli minħabba raġunijiet legali jew fattwali jibbenefikaw b’mod sħiħ minn din id-Direttiva.

(40)

Meta jippermettu lill-istituzzjoniijet tal-kreditu jipprovdu, fuq talba ta’ konsumatur, faċilità ta’ overdraft marbuta ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu l-ammont massimu u ż-żmien massimu ta’ tali overdraft. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-informazzjoni dwar kwalunkwe tariffa relatata tiġi komunikata lill-konsumaturi b’mod trasparenti. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2008/48/KE meta joffru l-faċilitajiet ta’ overdraft flimkien ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

(41)

Sabiex l-utenti ta’ kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jingħataw servizz adegwat, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiżguraw li l-persunal rilevanti jkun imħarreġ b’mod adegwat u li kunflitti ta’ interess potenzjali ma jaffettwawx lil dawk il-konsumaturi b’mod negattiv.

(42)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jħallu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu li jirrifjutaw il-ftuħ ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi lill-konsumaturi li diġà jkollhom kont tal-ħlas attiv u mill-anqas ekwivalenti fl-istess Stat Membru. Sabiex jiġi verifikat jekk konsumatur diġà għandu kont tal-ħlas jew le, l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom ikunu jistgħu jiddependu minn dikjarazzjoni fuq l-unur li jipprovdi l-konsumatur.

(43)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fi żmien l-iskadenzi stipulati f’din id-Direttiva u li, f’każ ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-kreditu jinfurmaw lill-konsumatur dwar ir-raġunijiet speċifiċi għal dan ir-rifjut sakemm tali divulgazzjoni ma tmurx kontra s-sigurtà nazzjonali, il-politika pubblika jew id-Direttiva 2005/60/KE.

(44)

Il-konsumaturi għandhom ikunu garantiti aċċess għal firxa ta’ servizzi bażiċi tal-ħlas. Servizzi marbuta mal-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għandhom jinkludu l-faċilità li jitqiegħdu l-fondi u jinġibdu l-flus. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu transazzjonijiet tal-ħlas essenzjali bħal jirċievu dħul jew benefiċċji, iħallsu l-kontijiet jew it-taxxi u jixtru oġġetti u servizzi, fosthom permezz ta’ debitu dirett, trasferiment ta’ kreditu u l-użu ta’ kard tal-ħlas. Dawn is-servizzi għandhom jippermettu x-xiri ta’ oġġetti u servizzi online u għandhom jagħtu lill-konsumaturi l-opportunità biex iniedu ordnijiet tal-ħlas permezz tal-faċilità online tal-tal-istituzzjoni ta’ kreditu, fejn disponibbli. Madankollu, kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma għandux ikun ristrett għall-użu online għaliex dan joħloq ostaklu għall-konsumaturi mingħajr aċċess għall-Internet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tas-servizzi relatati mal-ftuħ, l-operazzjoni u l-għeluq tal-kont tal-ħlas kif ukoll it-tqegħid ta’ fondi u l-ġbid ta’ flus u t-twettiq ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas bil-kards tal-ħlas, ħlief għall-karti tal-kreditu, li ma jkunx hemm limiti għall-għadd ta’ azzjonijiet li jkunu disponibbli lill-konsumatur skont ir-regoli speċifiċi dwar l-ipprezzar stabbiliti f’din id-Direttiva. Fir-rigward tat-twettiq ta’ trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti, kif ukoll transazzjonijiet imwettqa permezz ta’ karta tal-kreditu, marbuta mal-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw għadd minimu ta’ azzjonijiet, li ser ikunu disponibbli lill-konsumatur skont ir-regoli speċifiċi dwar l-ipprezzar stabbiliti f’din id-Direttiva, dment li s-servizzi li jirrelataw għalihom dawk l-operazzjonijiet ikunu għall-użu personali tal-konsumatur. Meta jiddeterminaw x’għandu jitqies bħala użu personali, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-imġiba eżistenti tal-konsumaturi u l-prattika kummerċjali komuni. It-tariffi imposti għal azzjonijiet ‘il fuq mill-għadd minimu ta’ azzjonijiet ma għandhom qatt ikunu ogħla minn dawk imposti taħt il-politika dwar l-ipprezzar tas-soltu tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

(45)

Fil-proċess tal-identifikazzjoni tas-servizzi li għandhom jiġu offruti ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi u l-għadd minimu ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi, għandu jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali. B’mod partikolari, ċerti servizzi jistgħu jitqiesu essenzjali biex jiggarantixxu użu sħiħ ta’ kont tal-ħlas f’ċertu Stat Membru, minħabba l-użu mifrux tagħhom fil-livell nazzjonali. Pereżempju, f’xi Stati Membri l-konsumaturi għadhom jużaw ħafna ċ-ċekkijiet, filwaqt li dak il-mezz ta’ ħlas rari jintuża fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tippermetti lill-Istati Membri li jidentifikaw servizzi oħrajn li jistgħu jitqiesu essenzjali fil-livell nazzjonali u li għandhom jiġu pprovduti ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fl-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li t-tariffi imposti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu sabiex joffru tali servizzi oħrajn fir-rigward ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jkunu raġonevoli.

(46)

Sabiex jiġi żgurat li kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ikunu disponibbli għall-akbar firxa possibbli ta’ konsumaturi, dawn għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas jew b’tariffa raġonevoli. Biex konsumaturi vulnerabbli li ma jużaw l-ebda bank jiġu mħeġġa jipparteċipaw fis-suq għal attivitajiet bankarji bl-imnut, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu li kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiġu offruti lil dawk il-konsumaturi b’termini partikolarment vantaġġużi, pereżempju mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddefinixxu l-mekkaniżmu biex jidentifikaw dawk il-konsumaturi li jistgħu jibbenefikaw minn kontijiiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi b’termini aktar vantaġġużi, dment li l-mekkaniżmu jiżgura li konsumaturi vulnerabbli jistgħu jaċċessaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. F’kwalunkwe każ, approċċ bħal dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-konsumaturi kollha, inklużi dawk li mhumiex vulnerabbli, li jaċċessaw kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi mill-anqas b’tariffa raġonevoli. Barra minn hekk, kwalunkwe imposta addizzjonali għall-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità mat-termini stabbiliti fil-kuntratt għandhom ikunu raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu x’jikkostitwixxi imposta raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.

(47)

L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom jirrifjutaw il-ftuħ ta’ kuntratt jew ittemmu għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi biss f’ċirkostanzi speċifiċi, bħal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Anke f’dawk il-każijiet, rifjut jista’ jkun ġustifikat biss fejn il-konsumatur ma jkunx jikkonforma ma’ dik il-leġislazzjoni u mhux għaliex il-proċedura sabiex tiġi kkontrollata l-konformità mal-leġislazzjoni tkun ta’ piż żejjed jewgħalja żżejjed. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn konsumatur jabbuża mid-dritt tiegħu li jiftaħ u juża kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Pereżempju, Stat Membru għandu jkun jista’ jippermeti li istituzzjoni tal-kreditu tieħu miżuri kontra konsumaturi li wettqu reat, bħal frodi serja kontra istituzzjoni tal-kreditu, bil-ħsieb li tiġi evitata l-okkorrenza ta’ tali reat. Tali miżuri jistgħu jinkludi, pereżempju, ir-restrizzjoni tal-aċċess ta’ dak il-konsumatur għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għal ċertu perijodu ta’ żmien. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm każijiet fejn ir-rifjut preċedenti ta’ applikazzjoni għal kont tal-ħlas jista’ jkun meħtieġ biex jiġu identifikati konsumaturi li jistgħu jibbenefikaw minn kont tal-ħlas b’termini aktar vantaġġużi. F’tali każ, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tinforma lill-konsumatur li huwa jista’ juża mekkaniżmu speċifiku fil-każ ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal kont tal-ħlas li għalih titħallas tariffa kif previst f’din id-Direttiva biex jikseb aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi li huwa mingħajr ħlas. Madankollu, dawn iż-żewġ każijiet addizzjonali għandhom ikunu limitati, speċifiċi u bbażati fuq dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali identifikati b’mod preċiż. Meta jidentifikaw każijiet oħra fejn l-istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu jirrifjutaw li joffru kontijiet tal-ħlas lill-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinkludu, inter alia, raġunijiet ta’ sigurtà pubblika jew ordni pubbliku.

(48)

Għandha tingħata informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar id-dritt ta’ ftuħ u użu ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi lill-konsumaturi mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-kreditu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-komunikazzjoni jkunu mmirati sew u, b’mod partikolari, li jilħqu lill-konsumaturi bla bank, vulnerabbli u mobbli. L-istituzzjonijiet tal-kreditu għandhom attivament iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni aċċessibbli u assistenza adegwata fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi li qed jiġi offrut, it-tariffi assoċjati tagħhom u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u wkoll il-passi li l-konsumaturi għandhom jieħdu biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jiftħu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. B’mod partikolari, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati li mhumiex obbligati jakkwistaw servizzi addizzjonali biex jiksbu aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

(49)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri li jappoġġaw l-edukazzjoni tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli filwaqt li jagħtuhom il-gwida u l-assistenza fil-ġestjoni responsabbli tal-finanzi tagħhom. Jinħtieġ ukoll li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-gwida li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-konsumaturi. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iħeġġu inizjattivi tal-istituzzjonijiet tal-kreditu li jfittxu t-tisħib tal-forniment ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ servizzi ta’ edukazzjoni finanzjarja indipendenti.

(50)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas li jagħtu s-servizzi tagħhom fuq bażi transkonfinali, għall-finijiet ta’ kooperazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kwsitjonijiet bejn awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu dawk li jaġixxu taħt l-awspiċi tal-EBA, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 jew awtoritajiet nazzjonali oħra dment li dawn jikkooperaw mal-awtoritajiet li jaġixxu taħt l-awspiċi tal-EBA sabiex iwettqu dmirijiethom taħt din id-Direttiva.

(51)

L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa li jiżguraw l-infurzar ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jingħatawlhom setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar u ta’ riżorsi adegwati neċessarji għat-twettiq ta’ dmirijiethom. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ din id-Direttiva billi jirrikorri għall-qrati kompetenti li jagħtu deċiżjoni legali, inkluż, fejn adatt, permezz ta’ appell. Dan jista’ jippermetti lil Stati Membri, partikolarment dawk fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġew trasposti fil-liġi ċivili, li jħallu l-infurzar ta’ dawk id-dispożizzjonijiet f’idejn il-korpi rilevanti u l-qrati. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru awtoritajiet kompetenti differenti sabiex jinfurzaw l-obbligi wiesgħa stabbiliti f’din id-Direttiva. Pereżempju, għal xi dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jaħtru awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li għal oħrajn, jistgħu jiddeċiedu li jaħtru superviżuri prudenzjali. L-għażla li jiġu nominati awtoritajiet kompetenti differenti m’għandhiex taffettwa l-obbligi għal sorveljanza kontinwa u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, kif stipulat f’din id-Direttiva.

(52)

Il-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effettivi u effiċjenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti b’din id-Direttiva. Tali aċċess huwa diġà żgurat mid-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) f’dak li jirrigwarda t-tilwim kuntrattwali rilevanti. Madankollu, il-konsumaturi għandu jkollhom ukoll aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim f’każ ta’ tilwim prekuntrattwali li jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti b’din id-Direttiva, pereżempju meta dawn ma jingħatawx aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Għalhekk, din id-Direttiva tistipula li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti b’din id-Direttiva, mingħajr distinzjoni bejn tilwim kuntrattwali u tilwim prekuntrattwali. Tali proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim u l-entitajiet li joffruhom għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti bid-Direttiva 2013/11/UE. Il-konformità ma’ din id-Direttiva tesiġi l-ipproċessar ta’ data personali tal-konsumaturi. Tali proċessar huwa soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Din id-Direttiva għandha għalhekk tkun konformi mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE.

(53)

Fuq bażi annwali u għall-ewwel darba fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiksbu statistika annwali affidabbli dwar il-funzjonament tal-miżuri introdotti permezz ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jużaw kwalunkwe riżorsa ta’ informazzjoni rilevanti u jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti rapport fuq il-bażi ta’ informazzjoni tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri għall-ewwel darba wara erba’ snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u minn dakinhar ‘il quddiem fuq bażi biennali.

(54)

Għandu jsir rieżami ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi tas-suq, bħall-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ kontijiet tal-ħlas u servizzi tal-ħlas, kif ukoll żviluppi f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni u l-esperjenzi tal-Istati Membri. Ir-rapport ibbażat fuq ir-reviżjoni għandu jinkludi lista ta’ proċedimenti ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ta’ din id-Direttiva. Għandha tinkludi wkoll valutazzjoni dwar il-livelli medji tat-tariffi fl-Istati Membri għal kontijiet ta’ ħlas li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar il-kwistjoni jekk il-miżuri introdotti jkunux tejbu l-fehim tal-konsumatur tat-tariffi tal-kontijiet ta’ ħlas, il-komparabbiltà ta’ kontijiet tal-ħlas u l-faċilità tal-bdil ta’ kontijiet tal-ħlas u tan-numru tad-dententuri ta’ kontijiet li biddlu l-kontijiet tal-ħlas mit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

Għandha tanalizza wkoll in-numru tal-fornituri li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi u n-numru ta’ tali kontijiet li nfetħu inkluż minn konsumaturi li qabel kienu bla bank, eżempji tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri għat-tnaqqis tal-esklużjoni tal-konsumatur mill-aċċess għas-servizzi ta’ ħlas, u t-tariffi annwali medji imposti fuq kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.Għandha tivvaluta wkoll l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ portabbiltà mal-Unjoni kollha tal-kontijiet ta’ ħlas, il-fattibbiltà tal-qafas għall-iżgurar tar-ridirezzjoni awtomatizzata ta’ ħlasijiet minn kont tal-ħlas wieħed għal ieħor fl-istess Stat Membru flimkien ma’ notifiki awtomatizzati lil dawk li qed iħallsu u lil dawk li qed jitħallsu meta t-trasferimenti tagħhom ikunu ridiretti, u tal-estensjoni tas-servizzi ta’ bdil għal każijiet fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li qed jirċievi u jittrasferixxi jinsabu fi Stati Membri differenti. Għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tal-effettività ta’ miżuri eżistenti u l-ħtieġa għall-miżuri addizzjonali biex tiżdied l-inklużjoni finanzjarja u biex jiġi megħjuna membri tas-soċjetà b’rabta mad-dejn eċċessiv. Barra minn hekk, għandha tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas meta joffru prodotti f’pakkett humiex biżżejjed jew jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali. Għandha tivvaluta wkoll il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ siti tal-Internet tat-tqabbil u l-ħtieġa għal akkreditament ta’ siti tal-Internet tat-tqabbil. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk adatt, akkumpanjat minn proposti leġislattivi.

(55)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(56)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu ffaċilitati t-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, mal-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u mal-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-ħtieġa li tiġi megħluba l-frammentazzjoni tas-suq u jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali fl-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(57)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (16), l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet li jikkorrispondu magħhom tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(58)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistipula regoli dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi imposti fuq il-konsumaturi għall-kontijiet tal-ħlas tagħhom miżmuma fl-Unjoni, regoli dwar il-bdil ta’ kontijiet tal-ħlas fi Stat Membru u regoli dwar l-iffaċilitar tal-ftuħ ta’ kontijiet tal-ħlas transkonfinali għall-konsumaturi.

2.   Din id-Direttiva tiddefinixxi wkoll qafas għar-regoli u l-kondizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri huma meħtieġa li jiggarantixxu dritt għall-konsumaturi li jiftħu u li jużaw kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fl-Unjoni.

3.   Il-Kapitoli II u III japplikaw għal fornituri tas-servizzi tal-ħlas.

4.   Il-Kapitolu IV japplika għal istituzzjonijiet tal-kreditu.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-Kapitolu IV lil fornituri tas-servizzi ta’ ħlas li mhumiex istituzzjonijiet tal-kreditu.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva jew parti minnha għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

6.   Din id-Direttiva tapplika għall-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi tal-inqas ikunu jistgħu:

(a)

ipoġġu fondi f’kont tal-ħlas;

(b)

jiġbdu l-flus minn kont tal-ħlas;

(c)

jagħmlu u jirċievu tranżazzjonijiet tal-ħlas, inkluż trasferimenti ta’ kreditu, lil partijiet terzi u mingħandhom.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva jew parti minnhom għal kontijiet tal-ħlas li mhumiex dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

7.   Il-ftuħ u l-użu ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, skont din id-Direttiva għandu jkunu konformi mad-Direttiva 2005/60/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(2)

‘legalment residenti fl-Unjoni’ tfisser fejn persuna fiżika jkollha d-dritt li tirresjedi fi Stat Membru permezz tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, inklużi konsumaturi bla indirizz fiss u persuni li qed ifittxu l-asil taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 marbuta mal-Istatus tar-Refuġjat, il-Protokoll tagħha tal-31 ta’ Jannar 1967 u ma’ trattati rilevanti oħra;

(3)

‘kont tal-ħlas’ tfisser kont f’isem konsumatur wieħed jew aktar li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas;

(4)

‘servizz tal-ħlas’ tfisser servizz tal-ħlas kif iddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(5)

‘tranżazzjoni tal-ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, trasferiment jew ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligi sottostanti bejn min iħallas u l-benefiċjarju;

(6)

‘servizzi marbuta mal-kont tal-ħlas’ tfisser is-servizzi kollha marbuta mal-ftuħ, l-operat u l-għeluq ta’ kont tal-ħlas, inklużi servizzi tal-ħlas u tranżazzjonijiet tal-ħlas li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (g) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE u faċilitajiet ta’ overdraft u overrunning;

(7)

‘fornitur tas-servizzi tal-ħlas’ tfisser fornitur tas-servizzi tal-ħlas kif iddefinit fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(8)

‘istituzzjoni tal-kreditu’ tfisser istituzzjoni tal-kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18);

(9)

‘strument tal-ħlas’ tfisser strument tal-ħlas kif iddefinit fil-punt (23) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;

(10)

‘fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi’ tfisser il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas’ li mingħandu hija trasferita l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettaq il-bdil;

(11)

‘fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju’ tfisser il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li mingħandu hija trasferita l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettaq il-bdil;

(12)

‘ordni ta’ ħlas’ tfisser struzzjoni minn min iħallas jew benefiċjarju lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas tiegħu fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni tal-ħlas;

(13)

‘min iħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont tal-ħlas u tippermetti ordni ta’ ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, kont tal-ħlas fejn ma jkun hemm ebda kont tal-ħlas ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ ħlas għall-kont tal-ħlas ta’ benefiċjarju;

(14)

‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija r-riċevitur intiż ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni tal-ħlas;

(15)

‘tariffi’ tfisser l-imposti u l-pienikollha, jekk hemm, li huma pagabbli mill-konsumatur lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għal servizzi assoċjati mal-kont tal-ħlas jew b’rabta magħhom;

(16)

‘rata tal-imgħax tal-kreditu’ tfisser kwalunkwe rata li skontha jitħallas l-imgħax lill-konsumatur fir-rigward ta’ fondi miżmuma f’kont tal-ħlas;

(17)

‘mezz li jservi għal żmien twil’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak il-konsumatur b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u sabiex jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(18)

‘bdil’ jew ‘servizz ta’ bdil’ tfisser, fuq talba tal-konsumatur, trasferiment minn fornitur tas-servizz tal-ħlas għal ieħor jew tal-informazzjoni dwar l-istanding orders kollha jew xi wħud minnhom għal trasferimenti ta’ kreditu, debiti diretti rikorrenti u trasferimenti ta’ kreditu li deħlin rikorrenti eżegwiti f’kont tal-ħlas, jew kwalunkwe bilanċ tal-kont tal-ħlas pożittiv minn kont tal-ħlas għal-ieħor, jew it-tnejn, bl-għeluq tal-kont tal-ħlas preċedenti jew mingħajru;

(19)

‘debitu dirett’ tfisser servizz tal-ħlas nazzjonali jew transkonfinali li jiddebita l-kont tal-ħlas ta’ min iħallas, fejn tranżazzjoni tal-ħlas tkun mibdija mill-benefiċjarju fuq il-bażi tal-kunsens ta’ min iħallas;

(20)

‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz tal-ħlas nazzjonali jew transkonfinali għall-kreditament tal-kont tal-ħlas ta’ benefiċjarju bi tranżazzjoni tal-ħlas jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas mill-kont tal-ħlas ta’ min iħallas mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jżomm il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas, fuq il-bażi ta’ struzzjoni mogħtija minn min iħallas;

(21)

‘standing order’ tfisser struzzjoni mogħtija minn min iħallas lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jżomm il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas biex jagħmel trasferimenti ta’ kreditu f’intervalli regolari jew f’dati stabbiliti minn qabel;

(22)

‘fondi’ tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali, u flus elettroniċi kif iddefinit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(23)

‘kuntratt qafas’ tfisser kuntratt ta’ servizzi tal-ħlas li jirregola t-twettiq futur ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas individwali u suċċessivi u li jista’ jkun fih l-obbligu u l-kondizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas;

(24)

‘jum ta’ negozju’ tfisser jum li fih il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas rilevanti huwa miftuħ għan-negozju kif meħtieġ għat-twettiq ta’ tranżazzjoni tal-ħlas;

(25)

‘faċilità ta’ overdraft’ tfisser ftehim espliċitu ta’ kreditu li bih fornituri tas-servizzi tal-ħlas tagħmel disponibbli għall-konsumatur fondi li jaqbżu l-bilanċ kurrenti tal-kont tal-ħlas tal-konsumatur;

(26)

‘overrunning’ tfisser overdraft taċitament aċċettat li bih fornituri tas-servizzi tal-ħlas tagħmel disponibbli għall-konsumatur fondi li jaqbżu l-bilanċ kurrenti fil-kont tal-ħlas tiegħu jew il-faċilità ta’ overdraft miftiehem;

(27)

‘Awtorità kompetenti’ tfisser awtorità nnominata bħala kompetenti minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 21.

KAPITOLU II

KOMPARABBILTÀ TAT-TARIFFI MARBUTA MAL-KONTIJIET TAL-ĦLAS

Artikolu 3

Lista tal-aktar servizzi rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas u soġġetti għal tariffa f’livell nazzjonali u terminoloġija standardizzata

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista proviżorja ta’ mill-inqas 10 u mhux aktar minn 20 servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas u soġġetti għal tariffa, offerta minn tal-inqas fornituri wieħed tas-servizzi tal-ħlas fil-livell nazzjonali. Il-lista għandu jkun fiha termini u definizzjonijiet għal kull wieħed mis-servizzi identifikati. Fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istat Membru għandu jintuża terminu wieħed biss għal kull servizz.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu s-servizzi li:

(a)

huma l-aktar li jintużaw mill-konsumaturi f’rabta mal-kont tal-ħlas tagħhom;

(b)

jiġġeneraw l-ogħla spiża għal konsumaturi, kemm b’mod ġenerali kif ukoll għal kull unità;

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni soda tal-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu l-EBA għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 sat-18 ta’ Marzu 2015.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-EBA l-listi proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 sat-18 ta’ Settembru 2015. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari fir-rigward tad-data li fuq il-bażi tagħha jkunu kkumpilaw dawk il-listi fir-rigward tal-kriterji stipualti fil-paragrafu 2.

4.   Fuq il-bażi tal-listi proviżorji notifikati skont il-paragrafu 3, l-EBA għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji abbozzati li jistabbilixxu t-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni għal dawk is-servizzi li huma komuni għal tal-inqas il-maġġoranza tal-Istati Membri. It-terminoloġija standardizzata tal-Unjonigħandha tinkludi t-termini u d-definizzjonijiet komuni għas-servizzi komuni u għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fi kwalunkwe lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru, għandu jintuża terminu wieħed biss għal kull servizz.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Settembru 2016.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

5.   L-Istati Membri għandhom jintegraw it-terminoloġija standardizzata tal-Unjonistabbilita skont il-paragrafu 4 fil-lista proviżorja msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jippubblikaw il-lista finali li tirriżulta tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas mingħajr dewmien u l-aktar tard fi żmien tliet xhur wara li l-att delegat msemmi fil-paragrafu 4 ikun daħal fis-seħħ.

6.   Kull erba’ snin, wara l-publikazzjoni tal-lista finali msemmija fil-paragrafu 5,l-Istati Membri għandhom jivvalutaw u, fejn adatt, jaġġornaw il-lista tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi stabbiliti skont il-paragrafi 1 u 2. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-EBA dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħhom u fejn applikabbli dwar il-lista aġġornata tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi. L-EBA għandha tirrevedi u fejn meħtieġ taġġorna t-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni, skont il-proċess stabbilit fil-paragrafu 4. Mal-aġġornament tat-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jippublikaw il-listi finali msemmija fil-paragrafu 5 u għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw it-termini u d-definizzjonijiet aġġornati.

Artikolu 4

Dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u glossarju

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2007/64/KE u l-Kapitolu II tad-Direttiva 2008/48/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi żmien biżżejjed qabel ma jidħlu f’kuntratt għal kont tal-ħlas ma’ konsumatur, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumatur b’dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi fuq karta jew mezz ieħor li jservi għal żmien twil li fih it-termini standardizzati fil-lista finali tas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta ma’ kont tal-ħlas msemmija fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-Direttivau, fejn tali servizz ikun offrut minn fornitur tas-servizzi tal-ħlas, it-tariffi li jikkorrispondu ma’ kull servizz.

2.   Id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi għandu:

(a)

ikun qasir u dokument waħdieni;

(b)

ikun ippreżentat u strutturat b’mod li jkun ċar u faċli jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(c)

ikun jinqara bl-istess mod fil-każ li minħabba li jkun oriġinarjament ġie prodott bil-kulur,jiġi stampat jew fotokopjat bl-abjad u l-iswed;

(d)

ikun miktub bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun qed jiġi offrut il-kont tal-ħlas jew, jekk maqbul mill-konsumatur u mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, b’lingwa oħra;

(e)

ikun eżatt, mhux qarrieqi u espress fil-munita tal-kont tal-ħlas jew, jekk maqbul mill-konsumatur u l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, f’munita oħra tal-Unjoni;

(f)

ikun fih it-titolu “dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi” fuq nett tal-ewwel paġna ħdejn simbolu komuni biex jiddistingwi d-dokument minn dokumentazzjoni oħra; u

(g)

jinkludi dikjarazzjoni li jkun fih tariffi għas-servizzi l-aktar rappreżentattivi marbuta mal-kont tal-ħlas u li l-informazzjoni sħiħa prekuntrattwali u kuntrattwali dwar is-servizzi kollha tkun provduta f’dokumenti oħra.

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li, għall-finijiet tal-paragrafu 1, id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi għandu jkun ipprovdut flimkien ma’ informazzjoni mitluba skont atti leġislattivi tal-Unjoni jew nazzjonali oħra bil-kondizzjoni li r-rekwiżiti kollha tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiġu sodisfatti.

3.   Fejn servizz wieħed jew aktar ikunu offruti bħala parti minn pakkett ta’ servizzi marbuta ma’ kont tal-ħlas, id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi għandu jiddivulga t-tariffa għall-pakkett kollu, is-servizzi inklużi fil-pakkett u l-kwantità tagħhom, u t-tariffa addizjonali għal kwalunkwe servizz li jeċċedi l-kwantità koperta mit-tariffa tal-pakkett.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligu għal fornituri tas-servizzi tal-ħlas biex jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi glossarju ta’ mill-inqas it-termini standardizzati stipulati fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5) u d-definizzjonijiet marbuta miegħu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-glossarju pprovdut skont l-ewwel subparagrafu, inklużi definizzjonijiet oħra, jekk ikun hemm, ikun abbozzat f’lingwaġġ ċar, mhux ambigwu u mhux tekniku u li ma jkunx qarrieqi.

5.   Id-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u l-glossarju għandhom ikunu magħmula disponibbli mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għall-konsumaturi fi kwalunkwe ħin. Huma għandhom jiġu pprovduti b’mod faċilment aċċessibbli, inkluż lil nonkonsumaturi, f’forma elettronika u fuq is-siti elettroniċi tagħhom fejn ikunu disponibbli u fil-bini tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas aċċessibbli għall-konsumaturi. Huma għandhom ikunu pprovduti wkoll fuq il-karta jew mezz ieħor li jservi għal żmien twil mingħajr ħlas fuq talba tal-konsumatur.

6.   L-EBA, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara l-ittestjar mill-konsumaturi, għandha tiżviluppa standards tekniċi abbozzati ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-format ta’ preżentazzjoni standardizzata tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi abbozzati ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Settembru 2016.

Is-setgħa hija kkonferita lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

7.   Wara l-aġġornament tat-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(6), fejn meħtieġ, l-EBA għandha tirrevedi u taġġorna l-format standardizzat ta’ preżentazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Dikjarazzjoni tat-tariffi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2007/64/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/48/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri tas-servizzi tal-ħlas jipprovdu lill-konsumaturi għall-inqas darba fis-sena u bla ħlas b’dikjarazzjoni tat-tariffi kollha mġarrba, kif ukoll, fejn applikabbli, informazzjoni rigward ir-rati tal-interessi msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għal servizzi marbuta ma’ kont tal-ħlas. Fejn applikabbli, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għandhom jużaw it-termini standardizzati stipulati fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-Direttiva.

Il-kanal ta’ komunikazzjoni użat biex tiġi pprovduta d-dikjarazzjoni tat-tariffi għandu jkun maqbul mal-konsumatur. Id-dikjarazzjoni tat-tariffi għandha tingħata fuq il-karta mill-inqas fuq talba tal-konsumatur.

2.   Id-dikjarazzjoni tat-tariffi għandha tispeċifika mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tariffa unitarja imposta għal kull servizz u n-numru ta’ drabi li s-servizz ġie użat matul il-perijodu rilevanti, u fejn is-servizzi huma kkombinati f’pakkett, it-tariffa imposta għall-pakkett kollu, in-numru ta’ drabi li t-tariffa tal-pakkett ġiet imposta matul il-perijodu rilevanti u t-tariffa addizzjonali imposta għal kwalunkwe servizz li jeċċedi l-kwantità koperta mit-tariffa tal-pakkett;

(b)

l-ammont totali ta’ tariffi mġarrba matul il-perijodu rilevanti għal kull servizz, kull pakkett ta’ servizzi pprovdut u servizzi li jeċċedu l-kwantità koperta mit-tariffa tal-pakkett;

(c)

ir-rata tal-interessi tal-overdraft applikat għall-kont tal-ħlas u l-ammont totali tal-imgħax impost marbuta mal-overdraft matul il-perijodu rilevanti, fejn applikabbli;

(d)

ir-rati tal-imgħax tal-kreditu applikat għall-kont tal-ħlas u l-ammont totali tal-imgħax miksub matul il-perijodu rilevanti, fejn applikabbli;

(e)

l-ammont totali ta’ tariffi imposti għas-servizzi kollha pprovduti matul il-perijodu rilevanti.

3.   Id-dikjarazzjoni tat-tariffi:

(a)

għandha tiġi ppreżentata u strutturata b’mod li tkun ċara u faċli tinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(b)

għandha tkun eżatta, mhux qarrieqa u espressa fil-munita tal-kont tal-ħlas jew, jekk maqbul mill-konsumatur u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, f’munita oħra;

(c)

għandu jkun fiha t-titolu “dikjarazzjoni dwar it-tariffi” fuq nett tal-ewwel paġna tad-dikjarazzjoni ħdejn simbolu komuni biex jiddistingwi d-dokument minn dokumentazzjoni oħra; u

(d)

għandha tkun miktuba bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun qed jiġi offrut il-kont tal-ħlas jew, jekk maqbul mill-konsumatur u mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, b’lingwa oħra.

L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li d-dikjarazzjoni tat-tariffi għandha tiġi pprovduta flimkien ma’ informazzjoni meħtieġa skont atti leġislattivi tal-Unjoni jew nazzjonali oħra dment li r-rekwiżiti kollha tal-ewwel subparagrafu jkunu sodisfatti.

4.   L-EBA, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali u wara l-ittestjar mill-konsumaturi, għandha tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-format ta’ preżentazzjoni standardizzata tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-istandards tekniċi abbozzati ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Settembru 2016.

Is-setgħa hija kkonferita lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

5.   Wara l-aġġornament tat-terminoloġija standardizzata tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(6), l-EBA għandha, fejn neċessarju, tirrevedi u taġġorna l-format standardizzat ta’ preżentazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u s-simbolu komuni tiegħu, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Informazzjoni għall-utenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-informazzjoni kuntrattwali, kummerċjali u ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom lill-konsumaturi, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jużaw, fejn applikabbli, it-termini standardizzati fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5). Fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu jużaw marki kummerċjali fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u fid-dikjarazzjoni tat-tariffi, dment li tali marki kummerċjali jintużaw b’mod addizzjonali għat-termini standardizzati fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5) bħala nomina sekondarja ta’ dawk is-servizzi.

2.   Fornituri tas-servizzi tal-ħlas jistgħu jużaw marki kummerċjali biex jinnominaw is-servizzi tagħhom fl-informazzjoni kuntrattwali, kummerċjali u ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-konsumaturi, dment li huma jidentifikaw b’mod ċar, fejn applikabbli, it-termini standardizzati korrispondenti stipulati fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5).

Artikolu 7

Siti tal-Internet tat-tqabbil

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess, bla ħlas, għal mill-inqas sit wieħed tal-Internet li jqabbel it-tariffi imposti mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għal mill-inqas is-servizzi inklużi fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5) fil-livell nazzjonali.

Is-siti tal-Internet tat-tqabbil jistgħu jiġu operati minn operatur privat jew minn awtorità pubblika.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li s-siti tal-Internet tat-tqabbil imsemmija fil-paragrafu 1 biex jinkludu determinanti komparattivi ulterjuri dwar il-livell ta’ servizz offrut mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.

3.   Is-siti tal-Internet tat-tqabbil stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom:

(a)

joperaw b’mod indipendenti billi jiżguraw lil-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jingħataw trattament ugwali fir-riżultati ta’ tfittxija;

(b)

jiddivulgaw b’mod ċar is-sidien tagħhom;

(c)

jistabbilixxu kriterji ċari u oġġettivi li fuqhom ikun ibbażat it-tqabbil;

(d)

jużaw lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu u, fejn applikabbli, it-termini standardizzati stabbiliti fil-lista finali msemmija fl-Artikolu 3(5);

(e)

jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata u jiddikjaraw il-ħin tal-aħħar aġġornament;

(f)

jinkludu firxa wiesgħa ta’ offerti ta’ kontijiet tal-ħlas li tkopri parti sinifikanti tas-suq u, fejn l-informazzjoni ppreżentata ma tkunx ħarsa ġenerali kompleta tas-suq, dikjarazzjoni ċara għal dan, qabel ma jintwerew ir-riżultati; u

(g)

jipprovdu proċedura effettiva għal rapportar ta’ informazzjoni żbaljata dwar tariffi ppublikati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tkun disponibbli online dwar id-disponibbiltà ta’ siti tal-Internet li jkunu konformi ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Kontijiet tal-ħlas ippakkeġġati ma’ prodott jew servizz ieħor

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kont tal-ħlas ikun offrut bħala parti minn pakkett flimkien ma’ prodott jew servizz ieħor li ma jkunux marbuta ma’ kont tal-ħlas il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma lill-konsumatur dwar jekk ikunx possibbli li jixtru l-kont tal-ħlas b’mod separat u, jekk ikun hekk, jipprovdix informazzjoni separata fir-rigward tal-ispejjeż u t-tariffi assoċjati ma’ kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi l-oħra offruti f’dak il-pakkett li jistgħu jinxtraw b’mod separat.

KAPITOLU III

BDIL

Artikolu 9

Forniment tas-servizz tal-bdil

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jipprovdu servizz tal-bdil kif deskritt fl-Artikolu 10 bejn kontijiet tal-ħlas miżmuma fl-istess munita għal kwalunkwe konsumatur li jiftaħ jew għandu kont tal-ħlas ma’ istituzzjoni tal-kreditu li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 10

Is-servizz tal-bdil

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizz tal-bdil jinbdew mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fuq talba tal-konsumatur. Is-servizz tal-bdil għandu mill-inqas ikun konformi mal-paragrafi 2 sa 6.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew isostnu miżuri alternattivi għal dawk imsemmija fil-paragrafi 2 sa 6, dment li:

(a)

dan ikun b’mod ċar fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur;

(b)

li ma jkunx hemm piż addizzjonali għall-konsumatur; u

(c)

li l-bdil jintemm mill-anqas fl-istess perijodu ta’ żmien kif indikat fil-paragrafi 2 sa 6.

2.   Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu iwettaq is-servizz tal-bdil malli jirċievi l-awtorizzazzjoni mill-konsumatur. F’każ ta’ tnejn jew aktar detenturi tal-kont, l-awtorizzazzjoni għandha jinkiseb minn kull wieħed minnhom.

L-awtorizzazzjoni għandha titfassal b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn is-servizz tal-bdil qed jinbeda jew bi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma bejn il-partijiet.

L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur li jipprovdi kunsens speċifiku għat-twettiq mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li qed titrasferixxi ta’ kull wieħed mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 3 u biex jipprovdi kunsens speċifiku għat-twettiq mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ta’ kull wieħed mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-konsumatur biex b’mod speċifiku jidentifika t-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin, l-istanding orders għal trasferimenti ta’ kreditu u l-mandati ta’ debitu dirett li għandhom jinbidlu. L-awtorizzazzjoni għandha wkoll tippermetti lill-konsumaturi biex jispeċifikaw id-data li minnha l-istanding orders għal trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti għandhom jiġu eżegwiti fil-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju. Dik id-data għandha tkun mill-inqas sitt ijiem ta’ negozju wara d-data li fiha l-fornitur tas-servizz tal-ħlas destinarju jirċievi d-dokumenti ttrasferiti mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas li jittrasferixxi skont il-paragrafu 4. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-awtorizzazzjoni mill-konsumatur tkun bil-miktub u li kopja tal-awtorizzazzjoni tiġi pprovduta lill-konsumatur.

3.   Fi żmien jumejn ta’ negozju minn meta jirċievi l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi sabiex iwettaq id-dmirijiet segwenti jekk previst fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur:

(a)

jittrasmetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u, jekk mitlub b’mod speċifiku mill-konsumatur,lill-konsumatur, lista tal-istanding orders eżistenti għat-trasferimenti ta’ kreditu u l-informazzjoni disponibbli dwar il-mandati ta’ debitu dirett li qed jinbidlu;

(b)

jittrasmetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u, jekk mitlub b’mod speċifiku mill-konsumatur, lill-konsumatur l-informazzjoni disponibbli dwar trasferimenti ta’ kreditu rikurrenti li deħlin u d-debiti diretti mwettqa mid-debitur eżegwiti fuq il-kont tal-ħlas tal-konsumatur fit-13-il xahar preċedenti;

(c)

fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti lejn il-kont tal-ħlas tal-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, jieqaf jaċċetta debiti diretti u trasferimenti ta’ kreditu li deħlin b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(d)

jikkanċella l-istanding orders b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(e)

jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa’ lejn il-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fid-data speċifikata mill-konsumatur; u

(f)

jagħlaq il-kont tal-ħlas miżmum mal-istituzzjoni tal-kreditu li tittrasferixxi fid-data speċifikata mill-konsumatur.

4.   Mal-wasla ta’ talba mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin, jekk previsti fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur:

(a)

jibgħat lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 fi żmien ħamest ijiem ta’ negozju;

(b)

fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma jipprovdix sistema għar-ridirezzjoni awtomatizzata tat-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti lejn il-kont tal-ħlas miżmum jew miftuħ mill-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju, jieqaf milli jaċċetta t-trasferimenti ta’ kreditu li deħlin u d-debiti diretti fil-kont tal-ħlas b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jesiġu lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi biex jinforma lil min iħallas jew lill-benefiċjarju bir-raġuni għaliex ma aċċettatx it-tranżazzjoni tal-ħlas;

(c)

jikkanċella l-istanding orders b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(d)

jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa’ mill-kont tal-ħlas għall-kont tal-ħlas miftuħ jew miżmum mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju fid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(e)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 45(1) u (6) tad-Direttiva 2007/64/KE jagħlaq il-kont tal-ħlas fid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni jekk il-konsumatur ma jkunx baqagħlu obbligi fuq dak il-kont tal-ħlas u dment li l-azzjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (d) ta’ dan il-paragrafu jkunu tlestew. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jinforma minnufih lill-konsumatur meta tali obbligi pendenti ma jippermettux li l-kont tal-ħlas tal-konsumatur jingħalaq.

5.   Fi żmien ħamest ijiem ta’ negozju minn meta tirċievi l-informazzjoni mitluba mingħand il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi msemmi fil-paragrafu 3, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu kif u jekk previst fl-awtorizzazzjoni u sa fejn l-informazzjoni prevista mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi tippermetti lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju li jagħmel dan, iwettaq il-kompiti segwenti:

(a)

jistabbilixxi l-istanding orders għat-trasferimenti ta’ kreditu mitluba mill-konsumatur u jeżegwihom b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(b)

iwettaq kwalunkwe tħejjija meħtieġa biex jaċċetta debiti diretti u jaċċettahom b’effett mid-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni;

(c)

fejn rilevanti, jinforma lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(d)

jinforma lil dawk li jħallsu li huma speċifikati fl-awtorizzazzjoni u li jwettqu trasferimenti ta’ kreditu rikurrenti deħlin fil-kont tal-ħlas tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-konsumatur bil-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u jibgħat kopja tal-awtorizzazzjoni mill-konsumatur lil dawk li jħallsu. Jekk il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lil min iħallas, dan għandu jistaqsi lill-konsumatur jew lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;

(e)

jinforma lil dawk li jħallsu li huma speċifikati fl-awtorizzazzjoni u li jużaw debitu dirett biex jiġbru fondi mill-kont tal-ħlas tal-konsumatur bid-dettalji tal-kont tal-ħlas tal-konsumatur mal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u d-data li minnha d-debiti diretti għandhom jinġabru minn dak il-kont tal-ħlas u jibgħat kopja tal-awtorizzazzjoni mill-konsumatur lill-benefiċjarji. Jekk il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju ma jkollux l-informazzjoni kollha li jeħtieġ biex jinforma lill-benefiċjarju, dan għandu jistaqsi lill-konsumatur jew lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi, biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa;

Fejn il-konsumatur jagħżel li jipprovdi personalment l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lil dawk li jħallsu jew lill-benefiċjarji aktar milli jipprovdi l-kunsens speċifiku f’konformità mal-paragrafu 2 lill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju biex jagħmel dan, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju għandu jipprovdi lill-konsumatur b’ittri standard li jipprovdu dettalji tal-kont tal-ħlas u d-data tal-bidu speċifikata fl-awtorizzazzjoni fl-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2007/64/KE, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi ma għandux jimblokka strumenti tal-ħlas qabel id-data speċifikata fl-awtorizzazzjoni tal-konsumatur sabiex il-forniment tas-servizzi tal-ħlas lill-konsumatur ma jiġix interrott matul il-forniment tas-servizz tal-bdil.

Artikolu 11

Faċilitazzjoni ta’ ftuħ ta’ kontijiet transkonfinali għall-konsumaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn konsumatur jindika lill-fornitur tiegħu tas-servizzi tal-ħlas li jixtieq jiftaħ kont tal-ħlas ma’ fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jinsab fi Stat Membru ieħor, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, li miegħu konsumatur ikollu kont tal-ħlas għandu jipprovdi l-assistenza li ġejja lill-konsumatur meta jirċievi tali talba:

(a)

jipprovdi lill-konsumatur mingħajr ħlas lista tal-istanding orders kollha attwalment attivi għal trasferimenti tal-kreditu u għal mandati ta’ debitu dirett inizjati mid-debitur fejn disponibbli, u b’informazzjoni disponibbli dwar trasferimenti rikurrenti ta’ kreditu deħlin u ta’ debitu dirett inizjati mid-debitur imwettqa fil-kont tal-ħlas tal-konsumatur fit-13-il xahar preċedenti. Dik il-lista ma għandha toħloq ebda obbligu għall-fornitur il-ġdid tas-servizzi tal-ħlas biex jistabbilixxi servizzi li ma jipprovdix;

(b)

jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ pożittiv li jibqa’ fil-kont tal-ħlas tal-konsumatur lill-kont tal-ħlas li nfetaħ mill-konsumatur jew li huwa tiegħu mal-fornitur il-ġdid tas-servizzi tal-ħlas, dment li t-talba tinkludi d-dettalji kollha li tippermetti l-identifikazzjoni tal-fornitur il-ġdid tas-servizzi tal-ħlas u tal-kont tal-konsumatur;

(c)

jagħlaq il-kont tal-ħlas tal-konsumatur;

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 45(1) U 45(6) tad-Direttiva 2007/64/KE u jekk il-konsumatur ma jkollux obbligi pendenti fuq kont tal-ħlas, il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, li miegħu l-konsumatur ikollu dak il-kont tal-ħlas għandu jikkonkludi l-passi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fid-data speċifikata mill-konsumatur li għandha tkun mill-inqas sitt ijiem ta’ negozju wara dak il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jirċievi t-talba tal-konsumatur sakemm ma jkunx hemm ftehim ieħor bejn il-partijiet. Il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas għandu jinforma minnufih lill-konsumatur fejn dawn l-obbligi pendenti ma jippermettux li l-kont tal-ħlas tiegħu jingħalaq.

Artikolu 12

Tariffi marbuta mas-servizz tal-bdil

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni personali tagħhom fir-rigward ta’ standing orders u debiti diretti eżistenti ta’ jew il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jew minn dak destinatarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju skont il-punt (a) tal-Artikolu 10(4) mingħajr ma jżomm tariffa mingħand il-konsumatur jew il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi, jekk ikun hemm, applikati mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi lill-konsumatur għat-terminazzjoni ta’ kont tal-ħlas magħha jiġu determinati f’konformità mal-Artikolu 45(2), (4) u (6) tad-Direttiva 2007/64/KE.

4.   L-Istati Membri jiżguraw li t-tariffi, jekk ikun hemm, applikati mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jittrasferixxi jew dak destinatarju lill-konsumatur għal kwalunkwe servizz mogħti taħt l-Artikolu 10, ħlief dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, ikunu raġonevoli u konformi mal-ispejjeż attwali ta’ dak il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.

Artikolu 13

Telf finanzjarju għall-konsumaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe telf finanzjarju, inkluż imposti u mgħax, li jġarrab il-konsumatur u li jirriżulta direttament minn nuqqas ta’ konformità ta’ fornitur tas-servizzi tal-ħlas involut fil-proċess ta’ bdil mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 jitħallas lura mingħajr dewmien minn dak il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas.

2.   Ir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każijiet ta’ ċirkostanzi anormali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas li jitlob l-applikazzjoni ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi kollha biex dan ma jiġrix, jew fejn fornitur tas-servizzi tal-ħlas ikun marbuta b’obbligi legali oħra koperti minn atti leġislattivi tal-Unjoni jew nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà taħt il-paragrafi 1 u 2 tkun stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli fil-livell nazzjonali.

Artikolu 14

Informazzjoni dwar is-servizz tal-bdil

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornitur ta’ servizzi tal-ħlas iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi l-informazzjoni li ġejja dwar is-servizz tal-bdil:

(a)

ir-rwoli tal-fornitur tas-servizzi li jittrasferixxi u dak destinatarju għal kull pass tal-proċess ta’ bdil, kif indikat fl-Artikolu 10;

(b)

il-perijodu ta’ żmien għat-tlestija tal-passi rispettivi;

(c)

it-tariffi, jekk ikun hemm, imposti għall-proċess ta’ bdil;

(d)

kwalunkwe informazzjoni li l-konsumaturi jintalbu jipprovdu; u

(e)

il-proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim msemmija fl-Artikolu 24

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, jagħmlu wkoll disponibbli informazzjoni oħra, inkluż, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fl-Unjoni li l-fornitur tas-servizzi tal-ħlas ikun membru fiha.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, stampata fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor f’kull bini tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas aċċessibbli għall-konsumaturi, tkun disponibbli f’forma elettronika fuq is-sit tal-Internet tiegħu f’kull ħin u għandha tkun ipprovduta lill-konsumaturi fuq talba tagħhom.

KAPITOLU IV

AĊĊESS GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS

Artikolu 15

Nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi legalment residenti fl-Unjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom jew minħabba kwalunkwe raġuni oħra kif imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Karta, meta dawk il-konsumaturi japplikaw għal jew jaċċessaw kont tal-ħlas fl-Unjoni. Il-kondizzjonijiet applikabbli għall-pussess ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma jkun b’ebda mod diskriminatorju.

Artikolu 16

Dritt ta’ aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi huma offruti lil konsumaturi mill-istituzzjonijiet tal-kreditu jew minn għadd suffiċjenti ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu biex jiġi garantit l-aċċess għalihom għall-konsumaturi kollha fit-territorju tagħhom, u biex jiġu evitati d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma jiġux offruti biss minn istituzzjonijiet tal-kreditu li jipprovdu l-kontijiet tal-ħlasunikament b’faċilitajiet online.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi legali fl-Unjoni, inklużi konsumaturi mingħajr indirizz fiss u persuni li jfittxu asil, u konsumaturi li mhumiex garantiti permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom hija impossibbli għal raġunijiet legali jew fattwali jkollhom id-dritt li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom. Tali dritt għandu japplika irrispettivament mill-post tar-residenza tal-konsumatur.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattati, jitolbu lill-konsumaturi li jixtiequ jiftħu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fit-territorju tagħhom biex juri interess ġenwin li jagħmlu dan.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tad-dritt ma jsirx diffiċli jew oneruż iżżejjed fuq il-konsumatur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiftħu l-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jew jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ konsumatur għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi f’kull każ mingħajr dewmien inutli u l-aktar tard sa għaxart ijiem ta’ negozju wara li jkunu rċevew applikazzjoni sħiħa.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet tal-kreditu jirrifjutaw applikazzjoni għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi meta l-ftuħ ta’ tali kont jirriżulta fi ksur tad-dispożizzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroristi stabbilit bid-Direttiva 2005/60/KE.

5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi biex jirrifjutaw applikazzjoni għal tali kont fejn konsumatur diġà jkollu kont tal-ħlas ma’ istituzzjoni tal-kreditu li tinsab fit-territorju tagħhom, li tippermettilu jagħmel użu mis-servizzi elenkati fl-Artikolu 17(1), ħlief fejn konsumatur jiddikjara li jkun irċieva avviż li kont tal-ħlas ikun ser jingħalaq.

F’tali każijiet qabel il-ftuħ ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, l-istituzzjoni tal-kreditu tista’ tivverifika jekk il-konsumatur iżomm jew ma jżommx kont tal-ħlas ma’ istituzzjoni tal-kreditu li tinsab fl-istess Stat Membru li jippermetti lill-konsumaturi li jużaw is-servizzi elenkati fl-Artikolu 17(1). L-istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu joqogħdu fuq dikjarazzjoni fuq l-unur iffirmata mill-konsumaturi għal dak il-għan.

6.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw każijiet addizzjonali limitati u speċifiċi fejn l-istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu jintalbu jew jistgħu jagħżlu li jirrifjutaw applikazzjoni għall-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. Tali każijiet għandu jiġu bbażati fuq dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli fit-territorji tagħhom u għandu jkollhom l-għan jew li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-konsumaturi għall-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi mingħajr ħlas taħt il-mekkaniżmu tal-Artikolu 25 inkella biex jiġu evitati l-abbużi minn konsumaturi tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6, wara t-teħid tad-deċiżjoni tagħha, l-istituzzjoni tal-kreditu tinforma minnufih lill-konsumatur dwar ir-rifjut u dwar ir-raġuni speċifika għal dak ir-rifjut, bil-miktub u mingħajr ħlas, dment li tali żvelar ma jmurx kontra l-objettivi tas-sigurtà nazzjonali, il-politika pubblika jew id-Direttiva 2005/60/KE. Fl-eventwalità ta’ rifjut, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tavża lill-konsumatur bil-proċedura biex jiġi ppreżentat ilment kontra r-rifjut, u dwar id-dritt tal-konsumatur lijikkuntattja lill-awtorità kompetenti rilevanti u l-korp alternattiv għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt rilevanti.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 4, l-istituzzjoni tal-kreditu tadotta miżuri xierqa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/60/KE.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma jsirx kondizzjonali għax-xiri ta’ servizzi addizzjonali jew ta’ ishma fl-istituzzjoni tal-kreditu, dment li din tal-aħħar hija kondizzjonali għall-konsumaturi kollha tal-istituzzjoni tal-kreditu.

10.   L-Istati Membri għandhom jitqiesu li huma konformi mal-obbligi stipulati fil-Kapitolu IV fejn qafas eżistenti vinkolanti jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tiegħu b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jaċċertaw il-limitu sħiħ tad-drittijiet tagħhom u jinvokawhom quddiem qorti nazzjonali.

Artikolu 17

Karatteristiċi ta’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jkun jinkludi s-servizzi li ġejjin:

(a)

servizzi li jippermettu li jsiru l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-ftuħ, l-operat u l-għeluq ta’ kont tal-ħlas;

(b)

servizzi li jippermettu li jitqiegħdu fondi f’kont tal-ħlas;

(c)

servizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti fl-Unjoni minn kont tal-ħlas, mill-bank u minn automated teller machines matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mhux fihom;

(d)

eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas li ġejjin fl-Unjoni:

(i)

debiti diretti;

(ii)

tranżazzjonijiet tal-ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas, inkluż ħlas online;

(iii)

trasferimenti ta’ kreditu, inklużi standing orders, fejn ikun disponibbli, fit-terminals u fil-banek u permezz tal-faċilitajiet online tal-istituzzjoni tal-kreditu.

Is-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu offruti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu safejn huma qed jiġu diġà offruti lil konsumaturi li għandhom kontijiet tal-ħlas oħra li mhumiex kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligu li jeħtieġ lill-istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fit-territorju tagħhom li jipprovdu servizzi addizzjonali, li huma meqjusa essenzjali għall-konsumaturi fuq il-bażi ta’ prattika komuni fil-livell nazzjonali, ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jiġu offruti minn istituzzjonijiet tal-kreditu stabbiliti fit-territorju tagħhom mill-inqas fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jippermetti lil konsumaturi li jwettqu għadd illimitat ta’ operazzjonijiet fir-rigward tas-servizzimsemmija fil-paragrafu 1.

5.   Fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punti (a), (b), (c) u (d)(ii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bl-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas permezz ta’ kard tal-kreditu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet tal-kreditu ma jimponu ebda tariffa minbarra t-tariffi raġonevoli, jekk ikun hemm, msemmija fl-Artikolu 18, irrispettivament mill-għadd ta’operazzjonijiet imwettqa fil-kont tal-ħlas.

6.   Fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt (d)(i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-punt d(ii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas permezz ta’ kard tal-kreditu, u l-punt (d)(iii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminawgħadd minimu ta’ operazzjonijietli għalihom istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu jimponu t-tariffi raġonevoli, jekk ikun hemm, imsemmija fl-Artikolu 18. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għadd minimu ta’ operazzjonijiet ikun suffiċjenti biex ikopri l-użu personali mill-konsumatur, filwaqt li jieħdu kont tal-imġiba eżistenti tal-konsumaturi u l-prattiki komuni kummerċjali. It-tariffi imposti għal azzjonijiet ‘il fuq mill-għadd minimu ta’ azzjonijiet ma għandu qatt ikun ogħla minn dawk imposti taħt il-politika dwar l-ipprezzar tas-soltu tal-istituzzjoni tal-kreditu.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun kapaċi jamministra u jibda tranżazzjonijiet ta’ pagament mill-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fil-bini tal-istituzzjoni tal-kreditu u/jew permezz tal-faċilitajiet online, fejn disponibbli.

8.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2008/48/KE l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu jipprovdu, fuq talba tal-konsumatur, faċilità ta’ overdraft f’rabta ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. L-Istat Membru jista’ jiddefinixxi ammont u żmien massimu ta’ kwalunkwe tali overdraft. L-aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażi jew l-użu tiegħu ma għandux ikunx ristrett għax-xiri ta’ tali servizzi jew prodotti tal-kreditu, u ma jkunx kondizzjonali għalihom.

Artikolu 18

Tariffi assoċjati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi msemmija fl-Artikolu 17 jiġu offruti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu mingħajr ħlas jew b’tariffa raġonevoli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi imposti fuq il-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità mal-impenji tal-konsumatur stipulati fil-kuntratt ta’ qafas huma raġonevoli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi raġonevoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu stabbiliti filwaqt li jittieħed kont ta’ mill-anqas tal-kriterji li ġejjin:

(a)

livelli nazzjonali ta’ dħul;

(b)

tariffi medji imposti mill-istituzzjonijiet tal-kreditu fl-Istat Membru kkonċernat għal servizzi pprovduti fir-rigward ta’ kontijiet tal-ħlas.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt imsemmi fl-Artikolu 16(2) u l-obbligu li fih il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu biex jimplimentaw l-iskemi varji ta’ pprezzar skont il-livell tal-inklużjoni bankarja tal-konsumatur, li jippermetti b’mod partikolari, kondizzjonijiet vantaġġużi għal konsumaturi vulnerabbli li ma jużaw ebda bank. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jiġi pprovduti l-gwida, kif ukoll l-informazzjoni adegwata dwar l-għażliet disponibbli.

Artikolu 19

Kuntratti ta’ qafas u terminazzjoni

1.   Kuntratti ta’ qafas li jipprovdu aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għandhom ikunu soġġetti għad-Direttiva 2007/64/KE sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-istituzzjoni tal-kreditu tista’ itemm kuntratt qafas b’ mod unilateralibiss fejn tkun issodisfatta mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konsumatur ikun uża l-kont tal-ħlas apposta għal skopijiet illegali;

(b)

ma kien hemm ebda tranżazzjoni fuq il-kont tal-ħlas għal aktar minn 24 xahar konsekuttiv;

(c)

il-konsumatur ikun ipprovda informazzjoni mhux korretta sabiex jikseb il-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fejn l-informazzjoni korretta kienet tirriżulta fl-assenza ta’ tali dritt;

(d)

il-konsumatur ma jkunx għadu legalment residenti fl-Unjoni;

(e)

il-konsumatur ikun sussegwentement fetaħ it-tieni kont tal-ħlas, li jippermettilu jagħmel użu tas-servizzi elenkati fl-Artikolu 17(1), fl-Istat Membru fejn huwa diġà jkollu kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw każijiet addizzjonali limitati u speċifiċi fejn kuntratt qafas għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi jista’ jintemm b’mod unilaterali mill-istituzzjonijiet tal-kreditu. Tali każijiet għandhom ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli fit-territorju tagħhom u għandu jkollhom l-għan li jiġu evitati abbużi minn konsumaturi tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn istituzzjoni tal-kreditu ttemm il-kuntratt għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi għal wieħed jew iżjed mir-raġunijiet imsemmija fil-punti (b),(d) u (e) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3, din tinforma lill-konsumatur bir-raġunijiet u l-ġustifikazzjoni għat-tmiem mill-anqas xahrejn qabel it-tmiem tidħol fis-seħħ, bil-miktub u mingħajr ħlas dment li tali żvelar ma jmurx kontra objettivi tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku. Fejn l-istituzzjoni tal-kreditu ttemm il-kuntratt f’konformità mal-punt (a) jew (c) tal-paragrafu 2, it-tmiem tiegħu għandu jieħu effett immedjatament.

5.   In-notifika ta’ tmiem għandha tavża lill-konsumaturi bil-proċedura biex jiġi ppreżentat ilment kontra t-tmiem, jekk ikun hemm, u bid-dritt tal-konsumatur li jikkuntattja l-awtorità kompetenti u bil-korp alternattiv maħtur għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt rilevanti.

Artikolu 20

Informazzjoni ġenerali dwar kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwatisabiex titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar id-disponibbiltà ta’ kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, il-kondizzjonijiet ġenerali ta’ pprezzar tagħhom, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi u l-metodi biex jinkiseb aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri tal-komunikazzjoni jkunu biżżejjed u mmirati sew, u li b’mod partikolari jilħqu lill-konsumaturi bla bank, vulnerabbli u mobbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jagħmlu disponibbli mingħajr ħlas għall-konsumaturi informazzjoni u assistenza dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontijiet tal-ħlas bażiċi offruti, it-tariffi assoċjati tagħhom u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-informazzjoni tagħmilha ċara li x-xiri ta’ servizzi addizzjonali mhux obbligatorju biex jinkiseb aċċess għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi.

KAPITOLU V

AWTORITAJIET KOMPETENTI U RIŻOLUZZJONI ALTERNATTIVA TAT-TILWIM

Artikolu 21

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti nazzjonalili jkollhom is-setgħa jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva u għandhom jiżguraw li jingħatawlhom setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar u riżorsi adegwati neċessarji għat-twettiq effiċjenti u effettiv ta’ dmirijiethom.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jew awtoritajiet pubbliċi jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew minn awtoritajiet pubbliċi espressament mogħtija s-setgħa għal dak il-għan bil-liġi nazzjonali. Dawn ma għandhomx ikunu fornituri tas-servizzi tal-ħlas, ħlief il-banek ċentrali nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu ħadmu għal awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jirċievu istruzzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti, ikunu marbutin bl-obbligu tas-segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li jafu jirċievu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ma tista’ tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità jiġri x’jiġri, ħlief f’forma ta’ taqsira jew ġabra, mingħajr ma jiġu preġudikati każijiet koperti mil-liġi kriminali jew minn din id-Direttiva. Madankollu, dan m’għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu informazzjoni kunfidenzjali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet innominati bħala kompetenti biex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva huma wieħed mis-segwenti jew is-segwenti kollha:

(a)

awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(b)

awtoritajiet għajr dawk l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’punt (a) sakemm il-liġi, r-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali jirrikjedu li dawk l-awtoritajiet jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’punt (a) kull fejn neċessarju sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, inkluż għall-finijiet ta’ kooperazzjoni mal- EBA kif meħtieġ skont din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-EBA bl-awtoritajiet kompetenti u dwar kwalunkwe bidliet għalihom. L-ewwel tali notifika it-tip għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mit-18 ta’ Settembru 2016.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f’konformità mal-liġi nazzjonali jew:

(a)

b’mod dirett taħt l-awtorità tagħhom jew taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet ġudizzjarji; jew

(b)

b’applikazzjoni lill-qrati li huma kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, b’appell, jekk l-applikazzjoni biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa ma tirnexxix.

6.   Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fit-territorju tagħhom, Stat Membru għandu jiżgura li d-dmirijiet rispettivi tagħhom ikunu ddefiniti b’mod ċar u li dawk l-awtoritajiet jikkollaboraw mill-qrib sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom b’mod effikaċi.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-inqas darba fis-sena u taġġornaha b’mod kontinwu fuq is-sit tal-Internet tagħha.

Artikolu 22

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kull meta neċessarju għall-fini li jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, billi jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom kemm jekk stipulati f’din id-Direttiva kemm jekk fil-liġi nazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. B’mod partikolari, għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fi kwalunkwe investigazzjoni jew attivitajiet ta’ superviżjoni.

Sabiex jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-kooperazzjoni, u b’mod iktar partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti unika bħala punt ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-ismijiet tal-awtoritajiet li jiġu nnominati sabiex jirċievu talbiet għal skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni skont dan il-paragrafu.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi neċessarji sabiex jiffaċilitaw l-assistenza prevista fil-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu ġew nominati bħala punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva skont il-paragrafu 1 għandhom ifornu minnufih lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu d-dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti, kif stipulati fil-miżuri adottati skont din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skont din id-Direttiva jistgħu jindikaw fil-mument tal-komunikazzjoni li tali informazzjoni m’għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-qbil espliċitu tagħhom, f’liema każ din l-informazzjoni tista’ tiġi skambjata biss għall-finijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom.

L-awtorità kompetenti li tkun ġiet nominata bħala l-punt ta’ kuntatt tista’ tittrasmetti l-informazzjoni riċevuta lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn; madankollu m’għandhiex tittrasmetti l-informazzjoni lil korpi oħrajn jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mingħajr il-qbil espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelawha u biss għall-finijiet li għalihom l-awtoritajiet ikunu taw il-qbil tagħhom, ħlief f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, f’liema każ hija għandha tinforma minnufih lill-punt ta’ kuntatt li jkun ta l-informazzjoni.

4.   Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għall-kooperazzjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni jew attività superviżorja jew fl-iskambju ta’ informazzjoni kif previst fil-paragrafu 3 biss fejn:

(a)

tali investigazzjoni, verifika fuq il-post, attività superviżorja jew skambju ta’ informazzjoni jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat;

(b)

diġà jkunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat;

(c)

diġà tkun ingħatat sentenza finali fl-Istat Membru indirizzat fir-rigward tal-istess persuni u l-istess azzjonijiet.

Fil-każ ta’ tali rifjut, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika b’dan lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba, billi tipprovdi informazzjoni dettaljata kemm jista’ jkun.

Artikolu 23

Riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu s-sitwazzjoni lill-EBA meta talba għal kooperazzjoni, partikolarment għal skambju ta’ informazzjoni, tkun ġiet irrifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli, u jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-EBA f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. F’tali każijiet, l-EBA tista’ tieħu azzjoni f’konformità mas-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu u kwalunkwe deċiżjoni vinkolanti li tittieħed mill-EBA f’konformità ma’ dak l-Artikolu għandha tkun vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati irrispettivament minn jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti humiex membri tal-EBA jew le.

Artikolu 24

Riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effettivi u effiċjenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont din id-Direttiva. Tali proċeduri alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim u l-entitajiet li joffruhom għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti bid-Direttiva 2013/11/UE.

Artikolu 25

Mekkaniżmu fl-eventwalità ta’ rifjut ta’ kont tal-ħlas li għalih jintalab ħlas

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu speċifiku biex jiżguraw li l-konsumaturi li m’għandhomx kont tal-ħlas fit-territorju tagħhom u li ma ngħatalhomx aċċess għal kont tal-ħlas li għalih jintalab ħlas mill-istituzzjonijiet tal-kreditu jkollhom aċċess effettiv għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, bla ħlas.

KAPITOLU VI

SANZJONIJIET

Artikolu 26

Sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tal-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Tali sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti tista’ tiddivulga mal-pubbliku kwalunkwe sanzjoni amministrattiva li tkun ser tiġi imposta għal ksur tal-miżuri adottati fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, dment li tali divulgazzjoni ma tippreġudikax serjament is-swieq finanzjarji jew tikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar dan li ġej għall-ewwel darba sat-18 ta’ Settembru 2018 u kull sentejn minn hemm ‘il quddiem:

(a)

konformità mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas mal-Artikoli 4, 5 u 6;

(b)

konformità mill-Istati Membri mar-rekwiżiti biex tiġi żgurata l-eżistenza tas-siti tal-Internet ta’ tqabbil skont l-Artikolu 7;

(c)

l-għadd ta’ kontijiet tal-ħlas li nbiddlu u l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet biex jinbidlu li ġew rifjutati;

(d)

l-għadd ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, l-għadd ta’ tali kontijiet li nfetħu u l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għall-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi li ġew rifjutati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport, għall-ewwel darba sat-18 ta’ Settembru 2018 u kull sentejn wara dan, abbażi tal-informazzjoni li tkun wasslet mill-Istati Membri.

Artikolu 28

Reviżjoni

1.   Sat-18 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva flimkien ma’ proposta leġislattiva, jekk ikun xieraq.

Dak ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

lista tal-proċeduri kollha ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din id-Direttiva;

(b)

valutazzjoni dwar il-livelli medji tat-tariffi fl-Istati Membri għal kontijiet tal-ħlas li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(c)

valutazzjoni tal-fattibbiltà li jiġi żviluppat qafas għall-iżgurar tar-ridirezzjoni awtomatizzata tal-ħlasijiet minn kont tal-ħlas wieħed għal ieħor fl-istess Stat Membru flimkien ma’ notifiki awtomatizzati lil dawk li qed iħallsu u lil dawk li qed jitħallsu meta t-trasferimenti tagħhom ikunu ridiretti;

(d)

valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-estenzjoni tas-servizzi ta’ bdil prevista fl-Artikolu 10 għall-każijiet fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ħlas destinatarju u dak li jittrasferixxi jinsabu fi Stati Membri differenti u l-fattibbiltà tal-ftuħ ta’ kontijiet transkonfinali skont l-Artikolu 11;

(e)

valutazzjoni tal-għadd ta’ detenturi ta’ kontijiet li biddlu l-kontijiet tal-ħlas sa mit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27;

(f)

valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-portabbiltà sħiħa fl-Unjoni kollha tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas;

(g)

valutazzjoni tal-għadd ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi;

(h)

valutazzjoni tal-għadd u, fejn tkun disponibbli informazzjoni anonimizzata, tal-karatteristiċi tal-konsumaturi li jkunu fetħu kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi sa mit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva;

(i)

valutazzjoni tat-tariffi annwali medji imposti fuq kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi fil-livell ta’ Stat Membru;

(j)

valutazzjoni tal-effettività ta’ miżuri eżistenti u l-ħtieġa għall-miżuri addizzjonali biex tiżdied l-inklużjoni finanzjarja u biex jiġi jingħataw għajnuna membri tas-soċjetà b’rabta mad-dejn eċċessiv;

(k)

eżempji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex titnaqqas l-esklużjoni tal-konsumaturi mill-aċċess għas-servizzi tal-ħlas.

2.   Ir-rapport għandu jivvaluta, fuq il-bażi wkoll tal-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27, jekk għandhiex tiġi emendata u aġġornata l-lista ta’ servizzi li huma parti minn kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, wara li tikkunsidra l-evoluzzjoni tal-mezzi tal-ħlas u t-teknoloġija.

3.   Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll jekk il-miżuri addizzjonali flimkien ma’ dawk adottati skont l-Artikoli 7 u 8 fir-rigward ta’ siti tal-Internet ta’ tqabbil u offerti f’pakkett humiex meħtieġa, u b’mod partikolari l-bżonn għal akkreditazzjoni tas-siti tal-Internet ta’ tqabbil.

Artikolu 29

Traspożizzjoni

1.   Sat-18 ta’ Settembru 2016, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mit-18 ta’ Settembru 2016.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu:

(a)

L-Artikolu 3 għandu japplika mis-17 ta’ Settembru 2014;

(b)

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 4(1) sa (5), l-Artikolu 5(1), (2) u (3), l-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 7 sa disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 3(4);

(c)

L-Istati Membri li fihom diġà jeżisti l-ekwivalenti ta’ dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi fil-livell nazzjonali, jistgħu jagħżlu li jintegraw il-format komuni u s-simbolu komuni tiegħu mhux aktar minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 3(4);

(d)

L-Istati Membri li fihom diġà jeżisti l-ekwivalenti ta’ dikjarazzjoni tat-tariffi fil-livell nazzjonali, jistgħu jagħżlu li jintegraw il-format komuni u s-simbolu komuni tiegħu mhux aktar minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 3(4).

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it- 23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 51, 22.2.2014, p. 3.

(2)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 40.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Ufficjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(4)  Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE tat-18 ta’ Lulju 2011 dwar l-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas (ĠU L 190, 21.7.2011, p. 87).

(6)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(7)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(8)  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(9)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.01.2004, p. 44).

(12)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1).

(13)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(14)  Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(15)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(16)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(17)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(18)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(19)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).


Top