EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-repubblika ta’ Singapore

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-repubblika ta’ Singapore

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1599 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1875 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-repubblika ta’ Singapore

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?

  • Il-ftehim jwaqqaf żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea (UE) and u r-repubblika ta’ Singapore. Hu għandu l-għan li jilliberalizza u jħeġġeġ il-kummerċ u l-investiment bejn l-imsieħba. Protokoll 1 għall-ftehim kien emendat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Dan il-protokoll jkopri d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
  • Id-deċiżjonijiet jimmarkaw rispettivament l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles (FTA) ma’ Singapore (Deċiżjoni (UE) 2018/1599) u l-konklużjoni tiegħu (Deċiżjoni (UE) 2019/1875).

PUNTI EWLENIN

L-FTA UE-Singapore jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi tal-UE biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet maħluqa f’Singapore billi jiżguraw:

  • il-liberalizzazzjoni komprensiva tas-servizzi u s-swieq tal-investiment, inklużi:
    • regoli trasversali dwar il-liċenzjar u r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi; u
    • regoli speċifiċi għas-settur maħsuba biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE;
  • opportunitajiet ġodda ta’ sejħiet għall-offerti għall-offerenti tal-UE, speċjalment fis-suq tal-utilitajiet fejn hemm ħafna fornituri ewlenin tal-UE;
  • it-tneħħija ta’ ostakli għall-kummerċ tekniku u regolatorju fil-bejgħ ta’ merkanzija, bħal ittestjar doppju, b’mod partikolari billi jippromwovi l-użu ta’ standards tekniċi u regolatorji familjari fl-UE fis-setturi ta’:
    • vetturi bil-mutur,
    • elettronika,
    • farmaċewtiċi u tagħmir mediku,
    • teknoloġiji ekoloġiċi;
  • reġim aktar faċli għall-kummerċ, ibbażat fuq standards internazzjonali, għall-approvazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-laħam tal-UE lejn Singapore;
  • l-impenn ta’ Singapore biex ma jgħollix it-tariffi tiegħu (li bħalissa, huma fuq bażi volontarja, u normalment mhumiex applikati) fuq importazzjonijiet mill-UE, kif ukoll aċċess orħos għan-negozji u l-konsumaturi Ewropej għal prodotti magħmula f’Singapore;
  • livell għoli ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż l-infurzar ta’ dawn id-drittijiet u l-kontrolli tal-fruntieri;
  • livell ogħla ta’ produzzjoni milli taħt il-Ftehim dwar l-aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ għal indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs)tal-UE wara r-reġistrazzjoni tagħhom f’Singapore, permezz tar-reġistru domestiku GI stabilit fl-1 ta’ April 2019, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew għall-FTA — mid-dħul fis-seħħ tal-FTA, il-Kumitat tal-Kummerċ UE-Singapore adotta tliet deċiżjonijiet dwar GIs (Deċiżjonijiet Nru 1/2020 tas-17 t’April 2020, 2/2020 tas-27 t’April 2020 u 3/2022 tad-19 t’April 2022);
  • kapitolu komprensiv dwar il-kummerċ u żvilupp sostenibbli — li għandu l-għan li jiżgura li l-kummerċ jappoġġja l-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp soċjali, u jippromwovi l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti u s-sajd. — u dwar kif l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili ser ikunu involuti fl-implimentazzjoni u monitoraġġ tiegħu;
  • mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni rapida tat-tilwim permezz ta’ arbitraġġ tal-bord jew bl-għajnuna ta’ medjatur; u
  • kapitolu ġdid komprensiv biex jippromwovi opportunitajiet ġodda fis-“settur ta’ tkabbir ekoloġiku”, li jilħaq l-għanijiet stabiliti fil-programm ta’ azzjoni tal-Patt Ekoloġiku tal-UE.

Hemm protokoll għall-ftehim li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Dan kellu emenda fl-aħħar tal-2022 biex jirrifletti:

  • bidliet magħmula mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (ara sommarju);
  • is-sostituzzjoni tas-sistema ta’ awtoċertifikazzjoni tal-prodotti oriġinarji minn esportaturi approvati tal-UE b’sistema ta’ awtoċertifikazzjoni ta’ prodotti oriġinarji minn esportaturi reġistrati (magħrufa bħala sistema REX); u
  • l-espansjoni tal-iskop ta’ tliet kwoti għal oriġini applikabbli għal prodotti oriġinarji fir-Repubblika ta’ Singapore u importati fl-UE; luncheon meat fil-landa, blalen tal-ħut bil curry u blalen tas-siċċa.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.

SFOND

L-FTA ġie nnegozjat b’mod parallel ma’ ftehim ta’ protezzjoni ta’ investiment bejn l-UE u Singapore.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 294, 14.11.2019, pp. 3–755).

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1599 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 267, 25.10.2018, pp. 1–2).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill UE) 2019/1875 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 294, 14.11.2019, pp. 1–2).

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u r-Repubblika ta’ Singapore

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1676 tal-15 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha, fuq in-naħa waħda u r-Repubblika ta’ Singapore, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 279, 9.11.2018, pp. 1–2).

Avviż fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ; tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 293, 14.11.2019, p. 1).

l-aħħar aġġornament 14.04.2023

Top