Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Operazzjoni Sophia: Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-Mediterran

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni (PESK) 2015/778 li tistabbilixxi operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI?

Hija tistabbilixxi operazzjoni ta’ mmaniġġar ta’ kriżi militari tal-UE mfassla biex tgħin tfixkel in-netwerks ta’ kuntrabandu u traffikar tal-bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED, u aktar tard issemmiet mill-ġdid EUNAVFORMED Operazzjoni Sophia wara tarbija mwielda abbord wieħed mill-bastimenti tas-salvataġġ).

Dan ikun jinvolvi sforzi sistematiċi għall-identifikazzjoni, qbid u disponiment ta’ bastimenti u assi użati jew suspettati li jkunu qegħdin jintużaw minn kuntrabandisti jew traffikanti skont il-liġi internazzjonali applikabbli.

PUNTI EWLENIN

Kompiti

Il-kompiti ewlenin tal-Operazzjoni Sophia fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin huma maqsuma fi 3 fażijiet:

  • fl-ewwel fażi, jiġi appoġġat il-kxif u l-monitoraġġ tan-netwerks tal-migrazzjoni permezz tal-ġbir u s-sorveljanza tal-informazzjoni;
  • fit-tieni fażi:
    • twettiq ta’ imbark, tiftix, sekwestru u devjament fl-ibħra internazzjonali ta’ bastimenti suspettati li jkunu qegħdin jintużaw għall-kuntrabandu jew it-traffikar tal-bnedmin, f’konformità mal-liġi internazzjonali;
    • twettiq ta’ imbark, tiftix, sekwestru u devjazzjoni ta’ bastimenti suspettati li jkunu qegħdin jintużaw għal kuntrabandu jew traffikar tal-bnedmin fl-ibħra internazzjonali jew f’ilmijiet territorjali u interni* ta’ stat kostali; dan jeħtieġ li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fi kwalunkwe riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) jew li jkollu l-kunsens tal-istat kostali kkonċernat;
  • fit-tielet fażi, skont kwalunkwe riżoluzzjoni tal-KSNU jew kunsens tal-istat kostali kkonċernat, jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa kontra bastiment u assi relatati li huma suspettati li jintużaw għal kuntrabandu jew traffikar tal-bnedmin, fit-territorju ta’ dak l-istat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik ir-riżoluzzjoni jew kunsens; dan jista’ jinkludi d-disponiment ta’ jew li jrendi inoperabbli l-bastimenti u/jew l-assi.

Biex timxi għat-tieni fażi, il-Kunsill irid jevalwa jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni lil hinn mill-ewwel fażi, b’konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe riżoluzzjoni tal-KNSU applikabbli u l-kunsens mill-istati kostali kkonċernati.

Kompiti ta’ appoġġ

  • Operazzjoni Sophia tgħin fil-bini tal-kapaċità u fit-taħriġ tal-gwardja kostali tal-Libja u tal-flotta fil-kompiti tal-infurzar tal-liġi fuq il-baħar, b’mod partikolari biex tipprevjeni l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin.
  • Bħala parti mill-kompitu ta’ appoġġ tagħha li timplimenta l-embargo tal-armi tan-NU fuq l-ibħra internazzjonali barra l-kosta tal-Libja, Operazzjoni Sophia tiġbor u taqsam informazzjoni ma’ sieħba u aġenziji rilevanti; dan jikkontribwixxi għal kuxjenza dwar is-sitwazzjoni marittima komprensiva.

Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u Kwartieri Ġenerali

Id-deċiżjoni taħtar Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tinnomina lil Ruma bħala l-kwartieri ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE.

L-ippjanar u t-tnedija tal-operazzjoni

Id-deċiżjoni biex titnieda l-Operazzjoni Sophia tittieħed mill-Kunsill fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni, wara l-approvazzjoni tal-pjan operattiv u r-regoli tal-ingaġġ.

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli (HR), Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Operazzjoni Sophia. Il-Kunsill jippermetti lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-awtorizzazzjoni tal-Kunsill tinkludi s-setgħat li jiġu emendati:

  • id-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-pjan tal-operat,
  • il-linja ta’ kmand,
  • ir-regoli tal-ingaġġ.

Il-KPS jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari. Il-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC), min-naħa tiegħu, jirrapporta regolarment lill-KPS dwar it-tmexxija tal-Operazzjoni Sophia.

Direzzjoni militari

L-EUMC jissorvelja l-eżekuzzjoni xierqa tal-Operazzjoni Sophia mmexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Il-konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-UE

Ir-Rappreżentant Għoli jiżgura li l-Operazzjoni Sophia hija konsistenti mal-programmi tal-UE għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Ir-Rappreżentant Għoli, megħjun mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt primarju man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tal-pajjiżi fir-reġjun u korpi internazzjonali oħrajn li jaħdmu fir-reġjun (eż. NATO, Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab).

Involviment ta’ pajjiżi mhux tal-UE

L-UE tista’ tistieden pajjiżi mhux tal-UE biex jipparteċipaw fl-Operazzjoni Sophia. Dawk il-pajjiżi mhux tal-UE li jagħmlu kontribuzzjoni militari sinifikanti jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-pajjiżi tal-UE involuti.

Arranġamenti finanzjarji

Id-deċiżjoni tistipula wkoll l-arranġamenti finanzjarji fir-rigward tal-Operazzjoni Sophia. L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari huma amministrati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mit-18 ta’ Mejju 2015. F’Lulju 2017, il-mandat tal-Operazzjoni Sophia ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ilmijiet territorjali u interni: skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, minbarra f’pajjiżi arċipelaġiċi (li jikkonsistu minn gżejjer), l-ilmijiet territorjali ta’ pajjiż huma l-ilmijiet kostali li jestendu għal massimu ta’ 12-il mil nawtiku mil-linja bażi (il-marka tal-baħar baxx), filwaqt li l-ilmijiet interni huma l-ilmijiet ta’ dak il-pajjiż fuq in-naħa tal-art ta’ dik il-linja bażi, eż xmajjar, kanali, ċerti bajjiet, estwarji, eċċ.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta’ Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED) (ĠU L 122, 19.5.2015, pp. 31-35)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - Titolu V - Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni Esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni - Kapitolu 2 - Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni - Taqsima 1 - Dispożizzjonijiet komuni - Artikolu 38 (ex Artikolu 25 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p.36)

l-aħħar aġġornament 07.12.2017

Top