Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Istrument Ewropew tal-Viċinat (2014-2020)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 232/2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (MT)
  • L-ENI għandu l-għan li joħloq żona ta’ prosperità xxerjata u relazzjonijiet tajbin tal-viċinat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u pajjiżi sħab billi:
    • jippromwovi d-drittijiet umani, l-istat tad-dritt u demokrazija sostenibbli u parteċipazzjoni taċ-ċittadin;
    • tkabbir sostenibbli u inklużiv u żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali, inkluża l-integrazzjoni progressiva fis-suq intern tal-UE;
    • il-mobilità u kuntatti ta’ nies ma’ nies, inkluż skambji ta’ studenti;
    • l-integrazzjoni reġjonali, inklużi programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera (CBC).
  • Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u governanza tajba sejrin ikunu kriterju importanti li jinfluwenzaw l-għoti tal-fondi lill-pajjiżi msieħba.
  • Peress li Regolament (UE) Nru 232/2014 m’għadux japplika mill-31 ta’ Diċembru 2020, regoli speċifiċi ġew stipulati f’regolament separat, ir-Regolament (UE) 2022/2192, għall-implimentazzjoni kontinwa ral-programmi ta’ kooperazzjoni li l-implimentazzjoni tagħhom kienu mfixkla bl-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u l-pandemija ta’ COVID-19.

PUNTI EWLENIN

  • l-ENI tipprovdi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament lil 16-il pajjiż sieħeb kopert mill-politika Ewropea tal-viċinat, li kienet rieżaminata fl-2015 biex tirrispondi għall-isfidi ġodda tal-viċinat li qed jiżviluppa u hi bbażata fuq differenzjar, koproprjetà u flessibbiltà.
  • Dan l-istrument ta’ finanzjament għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-benefiċjarji permezz ta’ programmi bilaterali, programmi għal diversi pajjiżi u programmi ta’ CBC.

Pajjiżi sħab

Il-benefiċjarji tal-ENI huma l-Alġerija, l-Armenja, l-Azerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk, il-Palestina*, is-Sirja, Tuneżija u l-Ukrajna.

kooperazzjoni transfruntiera u tranżnazzjonali mar-Russja (li ma kenitx pajjiż sieħeb imma li kien eliġibbli għal proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali) u l-Belarussja kienu sospiżi minn Marzu 2022 wara l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna.

L-ENI tappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali u makroreġjonali (kif inhuma wkoll għas-sinerġija tal-Baħar l-Iswed).

Approċċ għall-appoġġ

  • l-ENI ser tiddistingwi bejn livelli ta’ appoġġ billi taġġusta l-assistenza għall-bżonnijiet u l-progress ta’ pajjiżi sieħba.
  • L-appoġġ tal-UE:
    • hi bbażata fuq approċċ ibbażat fuq inċentivi (magħruf bħala approċċ aktar għal aktar) biex tippermetti akbar appoġġ għal sieħba li tassew jimplimentaw demokrazija sostenibbli;
    • tiffoka fuq programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn Stati Membri u pajjiżi sieħba;
    • tfittex li ssaħħaħ rabtiet bejn l-UE u ċ-ċittadini tal-pajjiżi sieħba billi tippermetti l-parteċipazzjoni f’programmi interni tal-UE bħal Orizzont 2020 u Erasmus+.
  • L-ENI tħeġġeġ ukoll organizzazzjonijiet taċ-ċittadini u awtoritajiet lokali biex jinvolvu ruħhom fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-appoġġ tal-UE. Ipprogrammar konġunt ma’ Stati Membri jintuża biex isaħħaħ l-koordinazzjoni u l-identità tal-UE u jiżviluppa prijoritajiet komuni.
  • Il-pajjiżi tal-ENI jistgħu jibbenifikaw minn:
    • Ġemellaġġ strument tal-UE li jħeġġeġ l-iskambju ta’ konsulenza permezz ta’ kooperazzjoni istituzzjonali bejn amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ Stati Membri u dawk f’pajjiżi benefiċjarji jew sieħba; u
    • TAIEX (Skambju ta’ Assistenza u Informazzjoni Teknika), strument ieħor li joffri assistenza għal perjodu qasir lil pajjiżi sieħba li jipprovdu konsulenza dwar kif tinkorpora liġijiet tal-UE fil-liġi nazzjonali, u l-applikazzjoni u l-infurzar sussegwenti tagħhom.

Baġit u implimentazzjoni

  • Il-baġit tal-ENI għal 2014-2020 hu ta’ €15,433 biljun
  • Ir-regoli u l-proċeduri ewlenin għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 dwar il-finanzjament fl-ambitu tal-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-UE.
  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat att ta’ implimentazzjoni (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014) li jistipula regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-programmi CBC iffinanzjati taħt l-ENI. Dan ikopri aspetti relatati ma’ programmi bħal:
    • preparazzjoni
    • kontenut
    • adozzjoni
    • aġġustamenti u reviżjoni
    • ftehimiet ta’ finanzjament
    • metodi ta’ implimentazzjoni
    • kofinanzjament u kontribuzzjonijiet in natura
    • perjodu ta’ eżekuzzjoni
    • strutturi ta’ programm u
    • sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.
  • Fl-2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) 2020/879 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 897/2014 biex tallinja r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-programmi ta’ CBC iffinanzjati mill-ENI ma’ miżuri speċifiċi b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Dan biex jippermetti programmi bħal CBC biex jirrispondu għall-bżonnijiet li qed jitfaċċaw b’mod mgħaġġel b’mod flessibbli u effettiv lis-setturi l-iktar affettwati, bħal kura tas-saħħa, negozju — inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju — u s-suq tax-xogħol, u biex irawwem irkupru soċjoekonomiku fl-oqsma tal-programmi. Fost affarijiet oħra, ir-regolament emendatorju jiddikjara li:
    • ir-regola tal-kofinanzjament ma tapplikax għall-kontribuzzjoni tal-UE fir-rigward tan-nefqa mġarrba u mħallsa kif inkluża fil-kontijiet annwali tal-programmi għas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2020 u li tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2021;
    • l-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2021 għall-iffirmar tal-kuntratti kollha minbarra l-proġetti infrastrutturali kbar li diġà ġew konklużi hija estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022;
    • attivitajiet ta’ proġetti ffinanzjati mill-programmi ma tistax tistenna li jispiċċaw sal-31 ta’ Diċembru 2022 — dik id-data ta’ skadenza ma tistax tkun estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023;
    • fir-rigward tas-sena kontabilistika mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-awtoritajiet tal-awditjar jistgħu jagħmlu użu minn metodu ta’ kampjunar mhux statistiku;
    • l-għażla tal-proġetti tista’ ssir permezz ta’ għotja mingħajr sejħa għal proposti f’każijiet eċċezzjonali u b’ġustifikazzjoni xierqa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;
    • il-passi proċedurali li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni għandhom jitqassru billi ma tkunx meħtieġa s-sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-proġett sħiħ lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-proġett;
    • l-eliġibbiltà tan-nefqa li trawwem il-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 hija permessa b’mod eċċezzjonali mill-1 ta’ Frar 2020;
    • Biex tiżgura konsistenza bejn ir-regoli taħt Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali tal-UE (ara s-sommarju) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014, l-implimentazzjoni taż-żewġ tipi ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera huma alinjati — il-perjodu tal-eżekuzzjoni tal-programmi hu eżtiż b’sena, sal- 31 ta’ Diċembru 2025.

Nindirizzaw it-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm

Biex nindirizzaw it-tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm li huma riżultat tal-impatti tal-invażjoni Russa fuq l-Ukrajna u l-pandemija COVID-19, ir-Regolament (UE) 2022/2192 jipprova:

  • jiffaċilita l-użu tar-riżorsi tal-ENI minn Stati Membri u reġjuni biex jappoġġjaw miżuri biex jindirizzaw sfidi tal-migrazzjoni li huma konsegwenza tal-aggressjoni militari mir-Russja;
  • jippermetti eżenzjoni mir-regoli tal-kofinanzjament li bħalissa huma applikabbli biex jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa biex nimmobilizzaw riżorsi eżistenti ta’ investiment biex nindirizzaw dan it-tfixkil; u
  • Jiffaċilita ċ-ċertezza ġuridika għal aspetti oħra li awtoritajiet tal-programm iridu jiffaċjaw.

Ir-regolament jippermetti, pereżempju:

  • 100% kofinanzjament tal-UE tal-programmi ENI-CBC għas-snin kontabilistiċi li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2021, 1 ta’ Lulju 2022 u l-1 ta’ Lulju 2023 — jiġifieri li kofinanzjament nazzjonali ma jkunx iktar meħtieġ;
  • jagħtu eliġibbiltà retroattiva għall-bidu tal-invażjoni Russa għal proġetti li jindirizzaw sfidi tal-migrazzjoni taħt il-programmi ENI-CBC;
  • eżenzjoni eċċezzjonali mill-obbligi għall-proġetti kollha lbiex ikollhom tal-inqas benefiċjarju wieħed minn pajjiż sieħeb u għall-attivitajiet kollha biex ikollhom impatt u benefiċċji transfruntiera u tranżnazzjonali;
  • attivitajiet minn awtoritajiet ta’ ġestjoni ta’ programmi biex jaċċelleraw it-tibdil meħtieġ għal proġetti li jkun approvati diġà u fin-nofs bejn l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi proġetti kbar tal-infrastruttura.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilhu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 27–43).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2022/2192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2022 li jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ta’ kooperazzjoni 2014-2020 appoġġjati mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u taħt l-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropew, wara t-tfixkil tal-implimentazzjoni tal-programm (ĠU L 292, 11.11.2022, pp. 1–11).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/879 tat-23 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi biex jalinjaw id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat b’miżuri speċifiċi b’rispons għall-pandemija ta’ COVID-19 (ĠU L 203, 26.6.2020, pp. 59–62).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat-18 t’Awwissu 2014 li jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati taħt ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 244, 19.8.2014, pp. 12–54).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 897/2014 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.


* Jenħtieġ li din id-deżinjazzjoni ma tinftehimx bħala rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

l-aħħar aġġornament 30.03.2023

Top