Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Federazzjoni Russa

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IL-FTEHIM?

  • Huwa jipprovdi qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
  • Huwa jirregola, fost affarijiet oħra, il-politika, u r-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali bejn il-partijiet.

PUNTI EWLENIN

Prinċipji

Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi element essenzjali tas-sħubija.

Għanijiet

L-għanijiet ewlenin tal-ftehim huma li:

  • itejbu d-djalogu politiku biex jippermettu l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mil-qrib;
  • jippromwovu l-kummerċ u l-investiment u r-relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bbażati fuq il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u b’hekk irawmu żvilupp sostenibbli;
  • isaħħu l-libertajiet politiċi u ekonomiċi;
  • jappoġġjaw l-isforzi Russi biex jikonsolidaw id-demokrazija tiegħu, jiżviluppa l-ekonomija tiegħu u jwettaq it-tranżizzjoni fis-suq ekonomiku;
  • jipprovdu bażi għal kooperazzjoni ekonomika, soċjali, finanzjarja u kulturali bbażata fuq il-prinċipji tal-vantaġġ reċiproku, ir-responsabilità reċiproka u l-appoġġ reċiproku;
  • jippromwovu attivitajiet ta’ interessi konġunti;
  • jipprovdu qafas xieraq għall-integrazzjoni gradwali bejn ir-Russja u żona usa’ ta’ kooperazzjoni fl-Ewropa;
  • joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twaqqif futur ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Russja li tkopri l-kummerċ kollu f’oġġetti bejniethom kif ukoll f’kundizzjonijiet biex iġibu l-libertà tat-twaqqif tal-kumpanijiet, ta’ kummerċ bejn il-fruntieri u ta’ movimenti kapitali.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-ftehim ikopri oqsma bħal:

  • djalogu politiku;
  • kummerċ f’oġġetti (eż. regoli dwar it-trattament ta’ prodotti importati, dwar it-tranżitu ta’ oġġetti, dwar tariffi, eċċ.);
  • kummerċ u investiment (eż. kundizzjonijiet tax-xogħol, kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-operat tal-kumpaniji u l-provvista ta’ servizzi transkonfinali bejn iż-żewġ partijiet);
  • pagamenti u kapital;
  • il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali u l-kooperazzjoni leġiżlattiva;
  • il-kooperazzjoni ekonomika (tvarja mix-xjenza u teknoloġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ, permezz tal-esplorazzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ forniment u swieq ġodda, sal-enerġija, l-iżvilupp industrijali u t-trasport);
  • il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali (eż. l-immigrazzjoni illegali, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar u t-traffikar tad-drogi);
  • il-kooperazzjoni kulturali (eż. skambji ta’ artisti, traduzzjonijiet letterarji u skambji fl-oqsma tal-wirt arkitettoniku);
  • il-kooperazzjoni finanzjarja (eż. assistenza permezz tat-taħriġ, it-trasferiment tal-għerf, u l-assistenza teknika);
  • aspetti istituzzjonali (bħall-ħolqien ta’ grupp ta’ entitajiet li jippermettu djalogi politiċi regolari kif ukoll biex jimplimentaw il-ftehim).

Il-ftehim ġie konkluż għal perjodu inizjali ta’ 10 snin u jiġi mġedded kull sena.

Negozjati fuq ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja bil-għan li jinħoloq qafas aktar komprensiv għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja tnedew fl-2008. Għalkemm dawn għamlu progress konsiderevoli, huma twaqqfu fl-2012.

META JAPPLIKA DAN IL-FTEHIM?

Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1997.

SFOND

Ir-rwol tar-Russja fil-kunflitt mal-Ukraina u l-annessjoni illegali tagħha affettwaw b’mod serju r-relazzjonijiet tagħha mal-UE. Ħafna mill-attivitjiet koperti fil-ftehim twaqqfu u ġew adottati sanzjonijiet.

Għal aktar informazzjoni, ara

DOKUMENT EWLIENI

Ftehim dwar is-sħubija u l-kooperazzjoni li tistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra — Protokoll 1 dwar l-istabbiliment tal-grupp ta’ kuntatt tal-faħam u tal-azzar — Protokoll 2 dwar assistenza amministrattiva reċiproka għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali — Att Finali — Skambji ta’ ittri — Minuti tal-iffirmar (ĠU L 327, 28.11.1997, pp. 3-69)

l-aħħar aġġornament 10.10.2016

Top