IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.7.2020
COM(2020) 605 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020DC0605
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on the EU Security Union Strategy
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
COM/2020/605 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.7.2020
COM(2020) 605 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
I.Introduzzjoni
Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni jagħmluha ċara li rridu nagħmlu dak kollu li hu possibbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni taċ-ċittadini tagħna. Is-sigurtà mhijiex biss il-bażi għas-sikurezza personali, tipproteġi wkoll id-drittijiet fundamentali u tipprovdi s-sisien biex ikun hemm fiduċja u dinamiżmu fl-ekonomija tagħna, fis-soċjetà tagħna u fid-demokrazija tagħna. Illum l-Ewropej qed jiffaċċjaw xenarju ta’ sigurtà li dejjem qed jinbidel, li huwa affettwat mit-theddid li qed jevolvi kif ukoll minn fatturi oħra bħat-tibdil fil-klima, ix-xejriet demografiċi u l-instabbiltà lill hinn mill-fruntieri tagħna. Il-globalizzazzjoni, il-moviment liberu u t-trasformazzjoni diġitali jkomplu jġibu l-prosperità, jagħmlu ħajjitna aktar faċli, u jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir. Iżda parallelement ma’ dawn il-benefiċċji hemm riskji u spejjeż intrinsiċi. Dawn jistgħu jiġu mmanipulati mit-terroriżmu, mill-kriminalità organizzata, mill-kummerċ tad-drogi u mit-traffikar tal-bnedmin, li kollha huma theddida diretta għaċ-ċittadini u għall-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna. L-attakki ċibernetiċi u ċ-ċiberkriminalità qed ikomplu jiżdiedu. It-theddid għas-sigurtà qed isir ukoll aktar kumpless: huwa sostnut mill-interkonnettività u mill-operabilità fuq livell transfruntier; huwa jisfrutta n-nuqqas ta’ distinzjoni bejn id-dinja fiżika u dik diġitali. huwa jisfrutta l-gruppi vulnerabbli, id-diverġenzi soċjali u dawk ekonomiċi. L-attakki jistgħu jsiru għal għarrieda, u jistgħu ma jħallu l-ebda traċċa, jew jekk iħallu, ftit li xejn; kemm l-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali jistgħu jużaw varjetà ta’ theddid ibridu 1 ; u x’jiġri barra mill-UE jista’ jkollu impatt kritiku fuq is-sigurtà ġewwa l-UE.
Il-kriżi tal-COVID-19 fasslet mill-ġdid l-idea tagħna ta’ theddid għas-sikurezza u għas-sigurtà, u l-politiki korrispondenti. Enfasizzat il-ħtieġa li tiġi ggarantita s-sigurtà kemm fl-ambjent fiżiku kif ukoll f’dak diġitali. Enfasizzat l-importanza tal-awtonomija strateġika miftuħa għall-ktajjen tal-provvista tagħna f’termini ta’ prodotti, servizzi, infrastrutturi u teknoloġiji kritiċi. Saħħet il-ħtieġa li jiġu involuti s-setturi u l-individwi kollha fi sforz komuni biex jiġi żgurat li fl-ewwel lok, l-UE tkun aktar ippreparata u reżiljenti u jkollha għodod aħjar biex tirreaġixxi meta jkun meħtieġ.
Iċ-ċittadini ma jistgħux jiġu protetti biss mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment. Qatt ma kien aktar essenzjali li nibnu fuq il-ħiliet biex naħdmu flimkien, u l-UE qatt ma kellha aktar potenzjal biex tagħmel differenza. Tista’ tmexxi bl-eżempju, billi ttejjeb is-sistema ġenerali tagħha ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u billi taħdem ’l ġewwa mill-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom, biex tikkontribwixxi għall-istabbiltà globali. Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għas-sigurtà tinsab f’idejn l-Istati Membri, dawn l-aħħar snin qed nifhmu dejjem aktar li s-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed hija s-sigurtà ta’ kulħadd. L-UE tista’ ġġib rispons multidixxiplinarju u integrat, li jgħin lill-atturi tas-sigurtà fl-Istati Membri bl-għodod u bl-informazzjoni li jeħtieġu 2 .
L-UE tista’ tiżgura wkoll li l-politika tas-sigurtà tibqa’ msejsa fuq il-valuri Ewropej komuni tagħna – filwaqt li tirrispetta u tiddefendi l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza 3 u d-drittijiet fundamentali, u tiggarantixxi t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-kontroll demokratiku – biex tagħti lill-politiki l-bażi ġusta tal-fiduċja. Tista’ tibni Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina li fiha d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi jkunu protetti tajjeb. Is-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet fundamentali ma humiex għanijiet konfliġġenti, iżda konsistenti u kumplimentari. Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħna jridu jkunu l-bażi tal-politiki tas-sigurtà, filwaqt li jiġu żgurati l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u tal-legalità, u b’salvagwardji adegwati għall-obbligu ta’ rendikont u r-rimedju ġudizzjarju, filwaqt li jkun possibbli rispons effettiv għall-protezzjoni tal-individwi b’mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli.
Diġà jeżistu għodod legali, prattiċi u ta’ appoġġ sinifikanti, madankollu jeħtieġ li dawn jissaħħu u jiġu implimentati aħjar. Sar ħafna progress biex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fl-intelligence mal-Istati Membri, u biex jingħalaq l-ispazju li fih joperaw it-terroristi u l-kriminali. Madankollu għad hemm frammentazzjonijiet.
Ix-xogħol irid imur ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha ma għadhiex biss dwar li tiġi żgurata s-sigurtà ġewwa l-fruntieri tal-UE, iżda wkoll dwar li tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tas-sigurtà. L-approċċ tal-UE għas-sigurtà esterna fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) se jibqa’ komponent essenzjali tal-isforzi tal-UE biex titjieb is-sigurtà fl-UE. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u fuq livell globali biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni hija ċentrali għal rispons effettiv u komprensiv, bl-istabbiltà u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE jkunu kruċjali għas-sigurtà tal-UE stess.
Filwaqt li tibni fuq il-ħidma preċedenti tal-Parlament Ewropew 4 , tal-Kunsill 5 u tal-Kummissjoni 6 , din l-istrateġija l-ġdida turi li Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva jeħtiġilha tgħaqqad nukleu b’saħħtu ta’ strumenti u ta’ politiki li fil-prattika jagħtu sigurtà, filwaqt li jiġi rikonoxxut li s-sigurtà għandha implikazzjonijiet għall-partijiet kollha tas-soċjetà u għall-politiki pubbliċi kollha. Jeħtieġ li l-UE tiżgura ambjent sigur għal kulħadd, tkun xi tkun l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, il-ġeneru, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun.
Din l-Istrateġija tkopri l-perjodu 2020-2025 u tiffoka fuq il-bini ta’ ħiliet u kapaċitajiet li jiżguraw ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur. Din tistabbilixxi approċċ lejn is-sigurtà li jinvolvi lis-soċjetà kollha, li jista’ jirrispondi b’mod effettiv u b’mod ikkoordinat għal xenarju ta’ theddid li qed jinbidel b’mod rapidu. Hija tiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi u l-azzjonijiet korrispondenti biex jiġu indirizzati r-riskji diġitali u fiżiċi b’mod integrat fuq l-ekosistema kollha tal-Unjoni tas-Sigurtà, filwaqt li tikkonċentra fuq fejn l-UE tista’ ġġib aktar valur. L-għan tagħha huwa li toffri benefiċċju fejn tidħol is-sigurtà, biex kulħadd fl-UE jkun protett.
II.Ix-xenarju Ewropew ta’ theddid għas-sigurtà li qed jinbidel malajr
Is-sikurezza, il-prosperità u l-benesseri taċ-ċittadini jiddependu mill-fatt li persuna tkun sigura. It-theddid għal din is-sigurtà jiddependi fuq kemm il-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini jkunu vulnerabbli. Iktar ma tkun kbira l-vulnerabbiltà, akbar ikun ir-riskju li din tkun tista’ tiġi sfruttata. Kemm il-vulnerabbiltajiet kif ukoll it-theddid huma fi stat ta’ evoluzzjoni kostanti, u jeħtieġ li l-UE tadatta ruħha.
Ħajjitna ta’ kuljum tiddependi fuq varjetà wiesgħa ta’ servizzi – bħall-enerġija, it-trasport u l-finanzi, kif ukoll fuq is-saħħa. Dawn jiddependu fuq l-infrastruttura fiżika kif ukoll dik diġitali, u jkomplu jżidu l-vulnerabbiltà u l-potenzjal ta’ tfixkil. Matul il-pandemija tal-COVID-19, teknoloġiji ġodda żammew ħafna negozji u servizzi pubbliċi għaddejjin, kemm jekk żammewna konnessi permezz tax-xogħol mill-bogħod jew billi żammew l-loġistika tal-ktajjen tal-provvista għaddejjin. Iżda dan fetaħ il-bieb għal żieda straordinarja fl-attakki malizzjużi, li ppruvaw jikkapitalizzaw, għal skopijiet kriminali, fuq it-tfixkil li ġabet il-pandemija u ċ-ċaqlieqa lejn il-ħidma diġitali mid-dar 7 . In-nuqqas ta’ oġġetti ħoloq opportunitajiet ġodda għall-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi setgħu kienu fatali, bi tfixkil fis-servizzi essenzjali tas-saħħa fi żmien meta l-pressjoni kienet l-aktar qawwija.
Il-modi li dejjem qed jiżdiedu ta’ kif it-teknoloġiji diġitali jkunu ta’ benefiċċju għal ħajjitna wasslu wkoll biex iċ-ċibersigurtà tat-teknoloġiji tkun kwistjoni ta’ importanza strateġika 8 . Id-djar, il-banek, is-servizzi finanzjarji u l-intrapriżi (b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) huma affettwati b’mod qawwi mill-attakki ċibernetiċi. Il-ħsara potenzjali tkompli timmultiplika ruħha minħabba l-interdipendenza tas-sistemi fiżiċi u diġitali: kwalunkwe impatt fiżiku x’aktarx li jaffettwa s-sistemi diġitali, filwaqt li l-attakki ċibernetiċi fuq is-sistemi tal-informazzjoni u l-infrastrutturi diġitali jistgħu jwaqqfu s-servizzi essenzjali 9 . Iż-żieda tal-internet tal-oġġetti u l-użu akbar tal-intelliġenza artifiċjali se jġibu benefiċċji ġodda kif ukoll sett ġdid ta’ riskji.
Id-dinja tagħna sserraħ fuq infrastrutturi, teknoloġiji u sistemi online diġitali, li jippermettulna noħolqu n-negozju, nikkunsmaw il-prodotti u ngawdu s-servizzi. Kollha jiddependu fuq il-komunikazzjoni u l-interazzjoni. Id-dipendenza online fetħet il-bieb għal mewġa ta’ ċiberkriminalità 10 . “Iċ-ċiberkriminalità bħala servizz” u l-ekonomija ċiberkriminali sewda jagħtu aċċess online faċli għall-prodotti u għas-servizzi taċ-ċiberkriminalità. Il-kriminali malajr jadattaw ruħhom għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-iskopijiet tagħhom. Pereżempju l-mediċini foloz u ffalsifikati infiltraw il-katina tal-provvista leġittima tal-farmaċewtiċi 11 . It-tkabbir esponenzjali tal-materjal online 12 ta’ abbuż sesswali tat-tfal wera l-konsegwenzi soċjali ta’ xejriet li qed jinbidlu tal-kriminalità. Stħarriġ reċenti wera li l-biċċa l-kbira tan-nies fl-UE (55 %) huma mħassba dwar id-data tagħhom li tiġi aċċessata minn kriminali u minn frodaturi 13 .
L-ambjent dinji jagħmel ukoll enfasi fuq dan it-theddid. Il-politiki industrijali assertivi minn pajjiżi terzi, flimkien mas-serq kontinwu ta’ proprjetà intellettwali bl-użu tal-internet, qed ibiddlu l-paradigma strateġika għall-protezzjoni u għall-avvanz tal-interessi Ewropej. Dan huwa aċċentwat biż-żieda ta’ applikazzjonijiet b’użu doppju, biex is-settur qawwi teknoloġiku ċivili jkun riżorsa b’saħħitha għall-kapaċità tad-difiża u s-sigurtà. L-ispjunaġġ industrijali għandu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija, l-impjiegi u t-tkabbir tal-UE: is-serq ċibernetiku tas-sigrieti kummerċjali huwa stmat li jiswa lill-UE mas-EUR 60 biljun 14 . Dan jitlob għal riflessjoni bir-reqqa ta’ kif id-dipendenzi u ż-żieda fl-esponiment għat-theddid ċibernetiku jaffettwaw il-kapaċità tal-UE biex tipproteġi kemm lill-individwi kif ukoll lin-negozji.
Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet l-attenzjoni wkoll fuq kif id-diviżjonijiet soċjali u l-inċertezzi joħolqu vulnerabbiltà fis-sigurtà. Dawn iżidu l-potenzjal għal attakki aktar sofistikati u ibridi minn atturi statali u mhux statali, filwaqt li l-vulnerabbiltajiet jiġu sfruttati permezz ta’ taħlita ta’ attakki ċibernetiċi, ħsara fl-infrastruttura kritika 15 , kampanji ta’ diżinformazzjoni, u bir-radikalizzazzjoni tan-narrattiva politika. 16
Fl-istess waqt, theddid li ilu aktar stabbilit kompla jevolvi. Kien hemm xejra ’l isfel fl-attakki terroristiċi fl-UE fl-2019. Madankollu, it-theddida għaċ-ċittadini tal-UE ta’ attakki ġiħadisti minn Da’esh u al-Qaeda u l-affiljati tagħhom, jew ispirati minnhom, għadha għolja 17 . B’mod parallel, it-theddida ta’ estremiżmu tal-lemin vjolenti qed tikber ukoll 18 . L-attakki ispirati mir-razziżmu jridu jkunu kawża ta’ tħassib serju: l-attakki terroristiċi anti-Semitiċi fatali f’Halle kienu tfakkira dwar il-ħtieġa li jiżdied ir-rispons, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-2018 19 . Persuna minn kull ħamsa fl-UE hija ferm mħassba dwar attakk terroristiku fit-12-il xahar li ġejjin 20 . Il-biċċa l-kbira tal-attakki terroristiċi reċenti kienu attakki “b’teknoloġija baxxa”, atturi solitarji li jimmiraw lejn individwi fi spazji pubbliċi, filwaqt li l-propaganda terroristika online ħadet sinifikat ġdid permezz tal-istreaming dirett tal-attakki ta’ Christchurch 21 . It-theddida minn individwi radikalizzati għadha għolja, potenzjalment imsaħħa minn ġellieda terroristi barranin li jiġu lura u minn estremisti meħlusin mill-ħabs 22 .
Il-kriżi wriet ukoll kif it-theddid eżistenti jista’ jevolvi f’ċirkostanzi ġodda. Gruppi tal-kriminalità organizzata sfruttaw in-nuqqas ta’ oġġetti u fetħu l-bibien għal swieq illeċiti ġodda. Il-kummerċ fid-drogi illeċiti jibqa’ l-akbar suq kriminali fl-UE, li bħala valur ta’ bejgħ minimu huwa stmat li fl-UE jiswa EUR 30 biljun fis-sena 23 . It-traffikar tal-bnedmin għadu għaddej: l-istimi juru profitt globali annwali għall-forom kollha ta’ sfruttament ta’ kważi EUR 30 biljun 24 . Il-kummerċ internazzjonali tal-farmaċewtiċi foloz laħaq it-EUR 38,9 billion 25 . Fl-istess waqt, ir-rati baxxi ta’ konfiski jippermettu lill-kriminali biex ikomplu jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom u jinfiltraw l-ekonomija legali 26 . Il-kriminali u t-terroristi jsibuha eħfef biex jaċċessaw l-armi tan-nar mis-suq online u permezz ta’ teknoloġiji ġodda bħall-istampar 3-D. 27 L-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, tat-teknoloġiji l-ġodda u tar-robotika se jkomplu jżidu r-riskju li l-kriminali jisfruttaw il-benefiċċji tal-innovazzjoni għal finijiet malizzjużi tagħhom 28 .
Dan it-theddid jolqot diversi kategoriji kif ukoll partijiet differenti tas-soċjetà b’modi differenti. Kollu jirrappreżenta periklu kbir għall-individwi u n-negozji, u huwa meħtieġ rispons komprensiv u koerenti fil-livell tal-UE. Meta l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà jistgħu jiġu saħansitra minn oġġetti domestiċi żgħar li huma interkonnessi, bħall-friġġ jew il-magna tal-kafè mqabbda mal-internet, ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq l-atturi tradizzjonali tal-istat biss biex niżguraw is-sigurtà tagħna. L-operaturi ekonomiċi jridu jerfgħu aktar responsabbiltà fejn tidħol iċ-ċibersigurtà tal-prodotti u tas-servizzi li jqiegħdu fis-suq; filwaqt li anki l-individwi jenħtieġ li jkollhom mill-inqas fehim bażiku dwar iċ-ċibersigurtà biex ikunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom.
III.Rispons ikkoordinat tal-UE għas-soċjetà kollha
L-UE diġà wriet kif tista’ ġġib valur miżjud reali. Sa mill-2015, l-Unjoni tas-Sigurtà ġabet rabtiet ġodda fil-mod ta’ kif il-politiki tas-sigurtà jiġu indirizzati fil-livell tal-UE. Madankollu jeħtieġ li jsir aktar biex tiġi involuta s-soċjetà kollha, inklużi l-gvernijiet fil-livelli kollha, in-negozji fis-setturi kollha u l-individwi fl-Istati Membri kollha. Iż-żieda fl-għarfien tar-riskji tad-dipendenza 29 u l-ħtieġa għal strateġija industrijali Ewropea 30 b’saħħitha qed jippuntaw lejn UE b’massa kritika fl-industrija, fil-produzzjoni teknoloġika u fir-reżiljenza tal-katina tal-provvista. Is-saħħa tfisser ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri tal-UE: dawn huma prerekwiżit għall-politiki ta’ sigurtà leġittimi, effettivi u sostenibbli. Din l-istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tistabbilixxi flussi ta’ ħidma konkreti li għandhom jitmexxew’ il quddiem. Hija mibnija fuq l-objettivi komuni li ġejjin:
·Nibnu ħiliet u kapaċitajiet għad-detezzjoni bikrija, għall-prevenzjoni u għal rispons rapidu quddiem il-kriżijiet: L-Ewropa teħtieġ li tkun aktar reżiljenti biex tipprevjeni, tipproteġi u tirreżisti x-xokkijiet futuri. Hemm bżonn nibnu ħiliet u kapaċitajiet għad-detezzjoni bikrija u għal rispons rapidu quddiem kriżijiet ta’ sigurtà permezz ta’ approċċ integrat u koordinat, b’inizjattivi globali kif ukoll speċifiċi għas-settur (bħas-setturi finanzjarji, enerġetiċi, ġudizzjarji, tal-infurzar tal-liġi, tal-kura tas-saħħa, marittimi, tat-trasport) u billi nkomplu nibnu fuq l-għodod u l-inizjattivi eżistenti. 31 . Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għal sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet estensiva fl-UE, li tista’ tkun relevanti wkoll għas-sigurtà.
·Niffukaw fuq ir-riżultati: Strateġija bbażata fuq il-prestazzjoni tkun msejsa fuq il-valutazzjoni bir-reqqa tat-theddid u tar-riskju, biex l-isforzi tagħna jkunu mmirati bl-aħjar effett. Għandha bżonn tiddefinixxi u tapplika r-regoli u l-għodod xierqa. Teħtieġ intelligence strateġika u affidabbli bħala l-bażi għall-politiki tas-sigurtà tal-UE. Fejn hija meħtieġa l-leġiżlazzjoni tal-UE, din jeħtieġ li tiġi segwita sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ, biex jiġu evitati l-frammentazzjonijiet u l-lakuni li jkunu jistgħu jiġu sfruttati. L-implimentazzjoni effettiva ta’ din l-Istrateġija se tiddependi wkoll fuq l-iżgurar ta’ finanzjament xieraq fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 li jmiss, anki għall-aġenziji relatati tal-UE.
·Ngħaqqdu flimkien l-atturi kollha fis-settur pubbliku u dak privat fi sforz komuni: L-atturi ewlenin kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat sabuha bi tqila biex jaqsmu informazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà, kemm minħabba l-biża’ li tkun kompromessa s-sigurtà nazzjonali u kemm minħabba l-kompetittività. 32 Madankollu aħna nkunu l-aktar effikaċi meta nkunu lesti li nappoġġaw lil xulxin. L-ewwel nett, dan ifisser kooperazzjoni aktar intensa bejn l-Istati Membri, li tinvolvi l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u pubbliċi oħra, u flimkien ma’ istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE jinbnew il-fehim u l-iskambju meħtieġa għal soluzzjonijiet komuni. Il-kooperazzjoni mas-settur privat hija wkoll importanti, aktar u aktar peress li l-industrija għandha parti importanti mill-infrastruttura diġitali u mhux diġitali li hija importanti biex il-kriminalità u t-terroriżmu jiġu miġġielda b’mod effettiv. L-individwi nfushom jistgħu jikkontribwixxu wkoll, pereżempju permezz tal-bini ta’ ħiliet u għarfien biex tiġi miġġielda ċ-ċiberkriminalità jew id-diżinformazzjoni. Fl-aħħar nett, dan l-isforz komuni jrid jestendi lil hinn mill-fruntieri tagħna, billi jibni rabtiet iktar b’saħħithom ma’ sħab tal-istess fehma.
IV.Il-protezzjoni ta’ kulħadd fl-UE: Prijoritajiet strateġiċi għall-Unjoni tas-Sigurtà
L-UE tinsab f’pożizzjoni ideali biex tirrispondi għal dan it-theddid u l-isfidi globali l-ġodda. L-analiżi tat-theddid msemmi hawn fuq tindika erba’ prijoritajiet strateġiċi interdipendenti li għandhom jitmexxew ’il quddiem fil-livell tal-UE, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali: (i) ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur, (ii) l-indirizzar ta’ theddid li qed jevolvi, (iii) il-protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, (iv) ekosistema tas-sigurtà Ewropea b’saħħitha.
1.Ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur
Protezzjoni u reżiljenza tal-infrastruttura kritika
L-individwi jiddependu fuq infrastrutturi ewlenin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, biex jivvjaġġaw, biex jaħdmu, biex jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi essenzjali bħal sptarijiet, trasport, provvisti tal-enerġija, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom. Jekk dawn l-infrastrutturi ma jkunux protetti u reżiljenti biżżejjed, l-attakki jistgħu jikkawżaw tfixkil kbir – kemm fiżiku kif ukoll diġitali – kemm fl-Istati Membri individwali kif ukoll potenzjalment fl-UE kollha.
Il-qafas eżistenti tal-UE għall-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ infrastrutturi 33 kritiċi ma żammx il-pass mar-riskji li qed jevolvu. Iż-żieda tal-interdipendenza tfisser li t-tħarbit f’settur wieħed jista’ jkollu impatt immedjat fuq operazzjonijiet f’oħrajn: attakk fuq il-produzzjoni tal-elettriku jista’ jwaqqaf it-telekomunikazzjoni, l-isptarijiet, il-banek jew l-ajruporti, filwaqt li attakk fuq l-infrastruttura diġitali jista’ jwassal għal tfixkil f’networks tal-enerġija jew tal-finanzi. Hekk kif l-ekonomija u s-soċjetà tagħna qegħdin dejjem aktar imorru online, riskji bħal dawn dejjem ikomplu jikbru. Il-qafas leġiżlattiv jeħtieġ li jindirizza din iż-żieda fl-interkonnettività u fl-interdipendenza, b’miżuri robusti ta’ protezzjoni u ta’ reżiljenza għall-infrastruttura, kemm ċibernetiċi kif ukoll fiżiċi. Is-servizzi essenzjali, inklużi dawk ibbażati fuq infrastrutturi tal-ispazju, jridu jkunu protetti b’mod adegwat kontra theddid attwali u antiċipat, iżda jridu jkunu wkoll reżiljenti. Dan jimplika li sistema tkun kapaċi tħejji u tippjana għal sitwazzjonijiet avversi kif ukoll tassorbihom u tirkupra minnhom, u tadatta ruħha b’suċċess għalihom.
Fl-istess ħin, l-Istati Membri eżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom billi implimentaw il-leġislazzjoni eżistenti b’modi differenti. Il-frammentazzjoni li tirriżulta tista’ tfixkel s-suq intern u tagħmel il-koordinazzjoni transfruntiera aktar diffiċli – l-aktar fir-reġjuni tal-fruntieri. L-operaturi li jipprovdu s-servizzi essenzjali fi Stati Membri differenti għandhom jikkonformaw ma’ reġimi differenti ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni qed teżamina jekk oqfsa ġodda għal infrastrutturi fiżiċi kif ukoll dawk diġitali jistgħux iġibu aktar konsistenza u approċċ aktar koerenti biex tiġi żgurata l-provvista affidabbli tas-servizzi essenzjali. Dan il-qafas jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn inizjattivi speċifiċi għas-settur biex jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw l-infrastrutturi kritiċi bħat-trasport, l-ispażju, l-enerġija, il-finanzi u s-saħħa 34 . Minħabba d-dipendenza għolja tas-settur finanzjarju fuq is-servizzi tal-IT u l-vulnerabbiltà għolja tiegħu għal attakki ċibernetiċi, l-ewwel pass se jkun inizjattiva dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tas-setturi finanzjarji. Minħabba s-sensittività partikolari u l-impatt tas-sistema tal-enerġija, inizjattiva apposta se tagħti appoġġ biex l-infrastruttura tal-enerġija kritika tkun aktar reżiljenti kontra theddid fiżiku, ċibernetiku u ibridu, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-enerġija minn naħa għall-oħra tal-fruntieri.
L-effetti rilevanti għas-sigurtà tal-investimenti diretti barranin li x’aktarx jaffettwaw l-infrastrutturi kritiċi jew it-teknoloġiji kritiċi se jkunu wkoll soġġetti għall-valutazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni permezz tal-qafas Ewropew il-ġdid għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin 35 .
L-UE tista’ wkoll tibni għodod ġodda biex tappoġġa r-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi. Sa issa l-internet globali wera livell għoli ta’ reżiljenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li jiġu appoġġati volumi ta’ traffiku akbar. Madankollu, jeħtieġ li nkunu ppreparati għall-kriżijiet futuri possibbli, li jheddu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-internet. Għandu jiġi żgurat li l-internet jibqa’ kompletament jaħdem, u dan ifisser li jkun b’saħħtu kontra inċidenti ċibernetiċi u attivitajiet online malizzjużi, u li jillimita d-dipendenza fuq infrastrutturi u servizzi li jinsabu barra mill-Ewropa. Dan jirrikjedi taħlita ta’ leġiżlazzjonijiet, bir-rieżami tar-regoli eżistenti, biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ sigurtà għan-netwerks u għas-sistemi tal-informazzjoni fl-UE; żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni; filwaqt li jitqiesu l-użu jew l-issudar ta’ infrastrutturi tal-internet ewlenin u ta’ riżorsi, b’mod partikolari s-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji 36 .
Element importanti biex jiġu protetti l-assi diġitali nazzjonali u tal-UE huwa li l-infrastrutturi kritiċi jiġu offruti kanal għall-komunikazzjoni sigura. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi infrastruttura kwantistika sigura minn tarf għall-ieħor iċċertifikata, terrestri u spazjali, kkombinata mas-sistema governattiva ta’ komunikazzjoni sikura bis-satellita stabbilita fir-Regolament dwar il-Programm Spazjali 37 .
Ċibersigurtà
L-għadd ta’ attakki ċibernetiċi qed ikompli jiżdied 38 . Dawn l-attakki huma aktar sofistikati minn qatt qabel, ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ sorsi fl-UE u barra mill-UE, u huma mmirati lejn oqsma tal-akbar vulnerabbiltà. Atturi statali jew appoġġati mill-Istat huma ta’ spiss involuti, filwaqt li jkollhom fil-mira infrastrutturi diġitali ewlenin bħall-fornituri ewlenin tal-Cloud 39 . Ir-riskji ċibernetiċi tfaċċaw bħala theddida sinifikanti għas-sistema finanzjarja wkoll. Il-Fond Monetarju Internazzjonali kkalkula li t-telf annwali tiegħu minħabba l-attakki ċibernetiċi huwa ta’ 9 % tad-dħul nett globali tal-banek, jew madwar USD 100 biljun 40 . Iċ-ċaqlieqa lejn l-apparati konnessi se ġġib benefiċċji kbar għall-utenti: madankollu b’inqas data maħżuna u pproċessata f’ċentri tad-data, u iktar ipproċessata qrib l-utent “fit-tarf” 41 , iċ-ċibersigurtà ma tkunx tista’ tkompli tiffoka fuq il-protezzjoni ta’ punti ċentrali 42 .
Fl-2017, l-UE ressqet approċċ għaċ-ċibersigurtà li fiċ-ċentru tiegħu kellu l-bini ta’ reżiljenza, ir-rispons rapidu u deterrenza effettiva 43 . Issa jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tagħha jżommu l-pass mar-realtà, biex tipprovdi kemm ir-reżiljenza kif ukoll ir-rispons. Dan jitlob approċċ reali min-naħa tas-soċjetà kollha, fejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, l-Istati Membri, l-industrija, l-akkademja u l-individwi jagħtu liċ-ċibersigurtà l-prijorità li din teħtieġ 44 . Dan l-approċċ orizzontali jeħtieġ li jiġi kkomplimentat ukoll b’approċċi taċ-ċibersigurtà speċifiċi għas-settur, għal oqsma bħall-enerġija, is-servizzi finanzjarji, it-trasport jew is-saħħa. Il-fażi ta’ ħidma tal-UE li jmiss jenħtieġ li tinġabar f’daqqa fi Strateġija taċ-Ċibersigurtà Ewropea riveduta.
L-esplorazzjoni ta’ forom ġodda u mtejba ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence, l-INTCEN tal-UE, u organizzazzjonijiet oħra involuti fis-sigurtà, jenħtieġ li jkunu parti mill-isforzi biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà, kif ukoll fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu, ir-radikaliżmu u t-theddid ibridu.
Minħabba t-tnedija li għadha għaddejja tal-infrastruttura tal-5G fl-UE kollha u d-dipendenza potenzjali ta’ bosta servizzi kritiċi fuq in-networks tal-5G, il-konsegwenzi tat-tħarbit sistemiku u mifrux ikun partikolarment serju. Il-proċess stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2019 dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G 45 issa wassal għal azzjoni speċifika minn Stat Membru dwar il-miżuri ewlenin stabbiliti f’sett ta’ għodod tal-5G 46 .
Waħda mill-ħtiġijiet l-aktar importanti fuq terminu twil hija li tiġi żviluppata kultura ta’ ċibersigurtà fit-tfassil, bis-sigurtà mibnija fil-prodotti u fis-servizzi mill-bidu nett. Kontribut importanti għal dan se jkun il-qafas taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà l-ġdid, permezz tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà 47 . Il-qafas diġà qed jitħejja, b’żewġ skemi ta’ ċertifikazzjoni diġà mħejjija, u bi prijoritajiet għal aktar skemi li għandhom jiġu definiti aktar tard din is-sena. Il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 48 hija ta’ importanza ewlenija f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni diġà identifikat il-ħtieġa għal Unità Ċibernetikata Konġunta li tipprovdi kooperazzjoni operazzjonali strutturata u kkoordinata. Din tista’ tinkludi mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka fi żminijiet ta’ kriżi fil-livell tal-UE. Filwaqt li tkompli tibni fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Blueprint 49 , l-Unità Ċibernetika Konġunta tista’ trawwem fiduċja bejn l-atturi differenti tal-ekosistema taċ-ċibersigurtà Ewropea u toffri servizz importanti lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tniedi diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti (se tibda mill-Istati Membri) u se tistabbilixxi proċess ċar, stadji importanti u skeda ta’ żmien sa tmiem l-2020.
Huma importanti wkoll regoli komuni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE. L-għan jenħtieġ li jkun li jinħolqu standards komuni obbligatorji u għoljin għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni u għas-sigurtà ta’ infrastrutturi u sistemi diġitali fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE. Dan il-qafas ġdid jenħtieġ li jkun il-bażi ta’ kooperazzjoni operazzjonali b’saħħitha u effiċjenti dwar iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, iċċentrat fuq ir-rwol tal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.
Minħabba n-natura dinjija tagħha, il-bini u ż-żamma ta’ sħubijiet internazzjonali b’saħħithom huma fundamentali biex ikomplu jiġu evitati u skoraġġuti ċ-ċiberattakki, kif ukoll ikun hemm rispons għalihom. Il-qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (“is-sett ta’ għodod tad-diplomazija ċibernetika”) 50 jistabbilixxi miżuri skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, inklużi miżuri restrittivi (sanzjonijiet), li jistgħu jintużaw kontra attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-interessi politiċi, ta’ sigurtà u ekonomiċi tiegħu. Jenħtieġ wkoll li l-UE tapprofondixxi l-ħidma tagħha permezz ta’ fondi għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni biex tipprovdi l-bini ta’ kapaċitajiet u tappoġġa lill-Istati sħab fit-tisħiħ tal-ekosistemi diġitali tagħhom, fl-adozzjoni ta’ riformi leġiżlattivi nazzjonali u fl-aderenza ma’ standards internazzjonali. Dan iżid ir-reżiljenza tal-komunità ġenerali u l-kapaċità tagħha li tiġġieled u tirrispondi b’mod effettiv għal theddid ċibernetiku. Dan jinkludi ħidma speċifika biex jiġu promossi l-istandards tal-UE u l-leġiżlazzjoni rilevanti biex tiżdied iċ-ċibersigurtà tal-pajjiżi sħab fil-viċinat 51 .
Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi
L-attakki terroristiċi reċenti ffukaw fuq l-ispazji pubbliċi, inklużi postijiet ta’ qima u ċentri tat-trasport, billi ġew sfruttati n-natura miftuħa u aċċessibbli tagħhom. Iż-żieda fit-terroriżmu xprunata minn estremiżmu motivat minn politiki jew ideoloġiji għamlet din it-theddida aktar akuta. Dan jitlob kemm għal protezzjoni fiżika aktar b’saħħitha ta’ dawn il-postijiet kif ukoll għal sistemi ta’ detezzjoni adegwati, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet taċ-ċittadini 52 . Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat għall-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, permezz ta’ finanzjament, l-iskambju ta’ esperjenza u prattiki tajbin, gwida speċifika 53 u rakkomandazzjonijiet 54 . Is-sensibilizzazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u l-ittestjar ta’ tagħmir ta’ detezzjoni, filwaqt li jsaħħu l-kontrolli tal-kondotta biex jiġi indirizzat t-theddid minn ġewwa, se jkunu wkoll parti mill-approċċ. Aspett importanti li għandu jiġi rifless huwa l-fatt li l-minoranzi u l-individwi vulnerabbli jistgħu jiġu affettwati b’mod sproporzjonat, inklużi l-persuni li jkunu fil-mira minħabba r-reliġjon jew il-ġeneru tagħhom, u għalhekk hemm bżonn ta’ attenzjoni partikolari. L-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali għandhom rwol importanti biex itejbu s-sigurtà tal-ispazji pubbliċi. Il-Kummissjoni qed tgħin ukoll biex trawwem l-innovazzjoni fis-sigurtà fl-ispazji pubbliċi tal-bliet 55 . It-tnedija ta’ sħubija fl-Aġenda Urbana 56 ġdida dwar “is-sigurtà fi spazji pubbliċi” f’Novembru 2018 tirrifletti l-impenn qawwi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-bliet biex jindirizzaw aħjar it-theddidiet għas-sigurtà fl-ispazju urban.
Is-suq tad-drones qed ikompli jespandi, b’ħafna użi leġittimi u li għandhom valur. Madankollu, għandhom ukoll il-potenzjal li jintużaw ħażin minn kriminali u terroristi, bl-ispazji pubbliċi jkunu partikolarment mhedda. Il-miri jistgħu jinkludu individwi, il-ġemgħat ta’ nies, l-infrastruttura kritika, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-fruntieri jew l-ispazji pubbliċi. L-għarfien dwar l-użu tad-droni waqt kunflitt jista’ jsib ruħu fl-Ewropa, jew direttament (permezz tal-Ġellieda Terroristi Barranin li jirritornaw) jew online. Ir-regoli li diġà ġew żviluppati mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea huma l-ewwel pass importanti f’oqsma li jinkludu r-reġistrazzjoni tal-operaturi tad-droni u l-identifikazzjoni obbligatorja mill-bogħod tad-droni. Peress li d-droni qed isiru dejjem aktar disponibbli, aktar affordabbli u aktar kapaċi, hemm bżonn ta’ azzjonijiet oħra. Dan jista’ jinkludi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, ta’ gwida u ta’ prattiki tajbin għall-użu minn kulħadd, inkluż l-infurzar tal-liġi, kif ukoll aktar ittestjar ta’ kontromiżuri għad-droni 57 . Barra minn hekk, l-implikazzjonijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data marbutin mal-użu tad-droni fi spazji pubbliċi jenħtieġ li jiġu analizzati u indirizzati aktar.
Azzjonijiet ewlenin |
·Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika ·Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi tal-Informazzjoni tan-Netwerk ·Inizjattiva dwar ir-reżiljenza operazzjonali tas-settur finanzjarju ·Il-protezzjoni u ċ-ċibersigurtà tal-infrastruttura tal-enerġija kritika u l-kodiċi tan-netwerk dwar iċ-ċibersigurtà għal flussi tal-elettriku transfruntieri ·Strateġija taċ-Ċibersigurtà Ewropea ·Il-passi li jmiss għall-ħolqien ta’ Ċiberunità Konġunta ·Regoli komuni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u dwar iċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. ·Żieda fil-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, inklużi l-postijiet ta’ qima ·Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġi indirizzat l-użu ħażin tad-droni |
2.L-indirizzar tat-theddid li qed jevolvi
Ċiberkriminalità
It-teknoloġija ġġib magħha opportunitajiet ġodda għas-soċjetà. Toffri wkoll għodod ġodda għall-ġudikatura u għall-infurzar tal-liġi. Iżda fl-istess ħin, tiftaħ il-bibien għall-kriminali. Il-malware, is-serq ta’ data personali jew tan-negozju bil-hacking, u l-qtugħ tal-attività diġitali li tikkawża ħsara finanzjarja jew reputazzjonali, kollha qed jiżdiedu. L-ambjent reżiljenti maħluq permezz ta’ ċibersigurtà b’saħħitha huwa l-ewwel difiża. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jkunu jistgħu jaħdmu fil-qasam tal-investigazzjonijiet diġitali b’regoli ċari għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tar-reati filwaqt li l-vittmi jingħataw il-protezzjoni meħtieġa. Din il-ħidma jenħtieġ li tibni fuq it-Taskforce ta’ Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità fil-Europol u fuq il-Protokoll ta’ Rispons f’Emerġenza għall-Infurzar tal-Liġi maħluq biex jikkoordina r-rispons għall-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. Huma wkoll kruċjali l-mekkaniżmi effettivi li jippermettu s-sħubijiet pubbliċi-privati u l-kooperazzjoni.
B’mod parallel, il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jenħtieġ li ssir prijorità ta’ komunikazzjoni strateġika fl-UE, li twissi lill-Ewropej dwar ir-riskji u l-miżuri preventivi li huma jistgħu jieħdu. Jenħtieġ li din tkun parti minn approċċ proattiv. L-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas legali attwali 58 hija wkoll pass essenzjali: il-Kummissjoni se tkun lesta li tuża proċeduri ta’ ksur kif jixraq, kif ukoll se żżomm dan il-qafas taħt rieżami biex tiżgura li jibqa’ tajjeb għall-iskop maħsub għalih. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll, flimkien mal-Europol u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, ENISA, il-fattibbiltà ta’ sistema ta’ twissija rapida tal-UE relatata maċ-ċiberkriminalità li tista’ tiżgura l-fluss ta’ informazzjoni u reazzjonijiet rapidi meta ċ-ċiberkriminalità tkun qed tiżdied.
Iċ-ċiberkriminalità hija sfida globali fejn hija meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali effettiva. L-UE tappoġġa l-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-ċiberkriminalità, li hija mudell effettiv u stabbilit sew li jippermetti lill-pajjiżi kollha biex jidentifikaw liema sistemi u kanali ta’ komunikazzjoni jridu jistabbilixxu biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv ma’ xulxin.
Kważi nofs iċ-ċittadini tal-UE jinkwetaw dwar l-użu ħażin tad-data 59 u s-serq tal-identità huwa ta’ tħassib kbir 60 . L-użu frodulenti tal-identità għal gwadann finanzjarju huwa aspett wieħed, iżda jista’ jkun hemm ukoll impatt personali u psikoloġiku kbir, bi tqegħid ta’ messaġġi illegali magħmula minn ħalliela tal-identità li jistgħu jibqgħu online għal snin sħaħ. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri prattiċi possibbli għall-protezzjoni tal-vittmi kontra kull forma ta’ serq tal-identità, filwaqt li tqis l-inizjattiva Ewropea li jmiss dwar l-Identità Diġitali 61 .
Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità tfisser li nħarsu ’il quddiem. Billi s-soċjetà tuża żviluppi teknoloġiċi ġodda biex jissaħħu l-ekonomija u s-soċjetà, il-kriminali jistgħu wkoll ifittxu li jisfruttaw dawn l-għodod għal finijiet negattivi. Pereżempju, il-kriminali jistgħu jużaw l-intelliġenza artifiċjali għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni ta’ passwords, jew biex jissimplifikaw il-ħolqien ta’ malware, biex jisfruttaw immaġini u awdjo li jistgħu mbagħad jintużaw għal serq jew frodi tal-identità.
Infurzar tal-liġi modern
L-infurzar tal-liġi u l-prattikanti tal-ġustizzja jeħtieġ li jadattaw għat-teknoloġiji l-ġodda. L-iżviluppi teknoloġiċi u t-theddid emerġenti jirrikjedu li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal għodod ġodda, jiksbu ħiliet ġodda u jiżviluppaw tekniki investigattivi alternattivi. Biex tikkumplimenta l-azzjonijiet leġislattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika f’investigazzjonijiet kriminali, l-UE tista’ tgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa biex jidentifikaw, jiżguraw u jaqraw id-data meħtieġa biex jiġu investigati r-reati kriminali u biex din id-data tintuża bħala evidenza fil-qorti. Il-Kummissjoni se tesplora miżuri biex issaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet diġitali, tiddefinixxi kif isir l-aħjar użu mir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jinħolqu għodod ġodda għall-infurzar tal-liġi; u kif it-taħriġ jista’ joffri sett ta’ ħiliet tajba għall-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura. Dan se jinkludi wkoll l-għoti ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi stretti u metodi ta’ ttestjar permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.
Approċċi komuni jistgħu jiżguraw ukoll li l-intelliġenza artifiċjali, il-kapaċitajiet spazjali, il-Big Data u l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jiġu integrati fil-politika ta’ sigurtà b’tali mod li jkunu effettivi kemm fil-ġlieda kontra r-reati kriminali kif ukoll fl-iżgurar tad-drittijiet fundamentali. L-intelliġenza artifiċjali tista’ taġixxi bħala għodda b’saħħitha biex tiġi miġġielda l-kriminalità, billi toħloq kapaċitajiet investigattivi enormi, billi tanalizza ammont kbir ta’ informazzjoni u tidentifika xejriet u anomaliji 62 . Hija tista’ tipprovdi wkoll għodod konkreti, bħal pereżempju biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, tiskopri tranżazzjonijiet suspettużi fil-bejgħ ta’ prodotti perikolużi jew toffri assistenza liċ-ċittadini f’emerġenzi. It-twettiq ta’ dan il-potenzjali jfisser li bil-governanza u l-infrastruttura teknika tajbin, filwaqt li jiġu involuti b’mod attiv is-settur privat u l-akkademja, jistgħu jiltaqgħu flimkien ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-utenti tal-intelliġenza artifiċjali. B’jekk jiġu żgurati wkoll l-ogħla standards ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva taċ-ċittadini. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq l-individwi jridu jkunu soġġetti għal rieżami uman u jridu jikkonformaw mal-liġi tal-UE rilevanti applikabbli 63 .
L-informazzjoni u l-evidenza elettronika hija meħtieġa f’madwar 85 % tal-investigazzjonijiet ta’ reati serji, filwaqt li 65 % tat-talbiet totali jmorru għand fornituri bbażati f’ġurisdizzjoni oħra 64 . Il-fatt li traċċi fiżiċi tradizzjonali saru online jkompli jespandi d-distakk bejn l-infurzar tal-liġi u l-kapaċitajiet kriminali. L-istabbiliment ta’ regoli ċari għall-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika fl-investigazzjonijiet kriminali huwa essenzjali. Din hija r-raġuni l-għaliex l-adozzjoni rapida mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposti dwar l-evidenza elettronika hija essenzjali biex il-prattikanti jingħataw għodda effiċjenti. L-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika permezz ta’ negozjati multilaterali u bilaterali internazzjonali huwa wkoll importanti biex jiġu stabbiliti regoli kompatibbli fil-livell internazzjonali 65 .
L-aċċess għall-evidenza diġitali jiddependi wkoll mid-disponibbiltà tal-informazzjoni. Jekk id-data titħassar malajr wisq tista’ tgħosfor evidenza importanti, u ma tibqax teżisti l-possibbiltà li jiġu identifikati u lokalizzati l-persuni suspettati u n-netwerks kriminali (kif ukoll il-vittmi). Min-naħa l-oħra, l-iskemi taż-żamma tad-data jqajmu kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-privatezza. Skont l-eżitu tal-każijiet pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni se tivvaluta t-triq ’il quddiem dwar iż-żamma tad-data.
L-aċċess għall-informazzjoni mir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju tal-internet (“id-data ta’ WHOIS”) 66 huwa importanti għall-investigazzjonijiet kriminali, għaċ-ċibersigurtà u għall-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, l-aċċess għal din l-informazzjoni qed isir aktar diffiċli, sakemm tiġi adottata l-politika l-ġdida ta’ WHOIS mill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN). Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-ICANN u l-komunità ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex tiżgura li dawk li jfittxu aċċess leġittimu, inkluż għall-infurzar tal-liġi, ikunu jistgħu jiksbu aċċess effiċjenti għad-data ta’ WHOIS f’konformità mar-regolamenti tal-UE u r-regolamenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. Dan se jinkludi l-valutazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli, inkluż jekk tkunx meħtieġa xi leġiżlazzjoni biex jiġu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni.
L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jridu wkoll jkunu mgħammra biex jiksbu d-data u l-evidenza meħtieġa ladarba l-arkitettura tal-5G għat-telekomunikazzjonijiet mobbli tiġi kompletament varata fl-UE, b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa approċċ imsaħħaħ u kkoordinat meta tibni standards internazzjonali, tiddefinixxi l-aħjar prattiki, il-proċess, u l-interoperabbiltà teknika f’oqsma teknoloġiċi ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti jew it-teknoloġiji blockchain.
Illum, parti sostanzjali mill-investigazzjonijiet kontra kull forma ta’ kriminalità u terroriżmu tinvolvi l-informazzjoni kriptata. Il-kriptaġġ huwa essenzjali għad-dinja diġitali, biex jiġu żgurati s-sistemi u t-tranżazzjonijiet diġitali kif ukoll biex jiġu protetti għadd ta’ drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, jekk jintuża għall-finijiet kriminali, jista’ wkoll jaħbi l-identità tal-kriminali u jaħbi l-kontenut tal-komunikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni se tesplora u tappoġġa soluzzjonijiet ibbilanċjati tekniċi, operazzjonali u legali għall-isfidi, u tippromwovi approċċ li jżomm l-effettività tal-kriptaġġ biex jiġu protetti l-privatezza u s-sigurtà, filwaqt li jipprovdi rispons effettiv kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.
Il-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku onlajn
L-armonizzazzjoni tas-sigurtà fl-ambjenti online u fiżiċi tfisser li jitkomplew jittieħdu passi biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali online. It-theddid prinċipali għaċ-ċittadini bħat-terroriżmu, l-estremiżmu u l-abbuż sesswali tat-tfal jiddependi aktar u aktar fuq l-ambjent diġitali: dan jitlob azzjoni konkreta u qafas biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali. L-ewwel pass essenzjali huwa li jiġu konklużi malajr in-negozjati dwar il-leġislazzjoni proposta rigward il-kontenut terroristiku online 67 u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni volontarja bejn l-infurzar tal-liġi u s-settur privat fil-Forum tal-UE dwar l-Internet huwa wkoll kruċjali għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-internet minn terroristi, estremisti vjolenti u kriminali. L-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-UE fil-Europol se tkompli taqdi rwol kruċjali fil-monitoraġġ tal-attività ta’ gruppi terroristiċi online u fl-azzjoni meħuda minn pjattaformi 68 , kif ukoll fl-iżvilupp ulterjuri tal-Protokoll tal-UE għall-kriżijiet 69 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha ma’ sħab internazzjonali, inkluż billi tipparteċipa fil-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex tindirizza dawn l-isfidi fil-livell globali. Il-ħidma se tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ narrattivi alternattivi u kontronarrattivi permezz tal-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili 70 .
Sabiex jiġi evitat u miġġieled it-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda illegali online, fl-2016 il-Kummissjoni nediet il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali, b’impenn volontarju minn pjattaformi online biex ineħħu l-kontenut tad-diskors ta’ mibegħda. L-aħħar evalwazzjoni turi li l-kumpaniji jivvalutaw 90 % tal-kontenut immarkat fi żmien 24 siegħa u jneħħu 71 % tal-kontenut meqjus bħala diskors ta’ mibegħda illegali. Madankollu, il-pjattaformi jeħtieġ li jtejbu aktar it-trasparenza u l-feedback lill-utenti u jiżguraw evalwazzjoni konsistenti tal-kontenut immarkat 71 .
Il-Forum tal-UE dwar l-Internet se jiffaċilita wkoll skambji dwar teknoloġija eżistenti u li qed tiżviluppa biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal online. L-indirizzar tal-abbuż sesswali tat-tfal online huwa fil-qalba ta’ Strateġija ġdida biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 72 , li tfittex li timmassimizza l-użu tal-għodod disponibbli fil-livell tal-UE biex jiġu miġġielda dawn ir-reati. Il-kumpaniji jridu jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom biex isibu u jneħħu materjal online ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u l-ħsara kkawżata minn dan il-materjal titlob qafas li jistabbilixxi obbligi ċari u permanenti biex tiġi indirizzata l-problema. L-istrateġija tħabbar ukoll li l-Kummissjoni se tibda tħejji wkoll leġiżlazzjoni speċifika għas-settur biex tindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal online b’mod aktar effettiv, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.
Kollox ma’ kollox, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jmiss se jiċċara u jaġġorna wkoll ir-regoli dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza għas-servizzi diġitali u jneħħi d-diżinċentivi li jżommu lura l-azzjonijiet li bihom jiġu indirizzati l-kontenut, l-oġġetti jew is-servizzi illegali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha ma’ sħab internazzjonali u mal-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, inkluż permezz tal-kumitat konsultattiv indipendenti, biex tiddiskuti kif se jiġu indirizzati dawn l-isfidi fil-livell dinji filwaqt li tippreserva l-valuri tal-UE u d-drittiejiet fundamentali. Jenħtieġ li jiġu indirizzati suġġetti ġodda wkoll, bħal algoritmi jew il-logħob tal-azzard online 73 .
Theddid ibridu
L-iskala u d-diversità tat-theddid ibridu llum huma bla preċedent. Il-kriżi tal-COVID-19 tat aktar prova ta’ dan, b’diversi atturi statali u mhux statali li jfittxu li jistrumentalizzaw il-pandemija, b’mod partikolari permezz tal-manipulazzjoni tal-ambjent tal-informazzjoni u ta’ sfidi għall-infrastrutturi ċentrali. Dan għandu r-riskju li jdgħajjef il-koeżjoni soċjali u jimmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
L-approċċ tal-UE għat-theddid ibridu huwa stabbilit fil-Qafas Konġunt tal-2016 74 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2018 dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza ibrida 75 . L-azzjoni fil-livell tal-UE hija mirfuda minn sett ta’ għodod imdaqqas li jkopri r-rabta bejn id-dimensjoni interna u dik esterna, ibbażata fuq approċċ li jinvolvi s-soċjetà kollha u fuq kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab strateġiċi, b’mod partikolari n-NATO u l-G7. Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-UE dwar it-theddid ibridu qed jiġi ppubblikat flimkien ma’ din l-Istrateġija 76 . Abbażi tal-immappjar 77 ippreżentat b’mod parallel ma’ din l-Istrateġija, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se joħolqu pjattaforma online ristretta għar-referenza tal-Istati Membri dwar għodod u miżuri kontroibridi fil-livell tal-UE.
Filwaqt li r-responsabbiltà biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu taqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri – minħabba r-rabtiet intrinsiċi mal-politiki nazzjonali ta’ sigurtà u ta’ difiża – xi dgħufijiet huma komuni għall-Istati Membri kollha u xi theddidiet jestendu lil hinn mill-fruntieri, bin-netwerks jew l-infrastrutturi transfruntieri jkunu fil-mira. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jistabbilixxu approċċ tal-UE għal theddid ibridu li jintegra fi fluss bla xkiel id-dimensjoni esterna u interna u li jlaqqa’ flimkien il-kunsiderazzjonijiet nazzjonali u dawk tal-UE kollha. Dan irid ikopri l-firxa sħiħa ta’ azzjonijiet, mid-detezzjoni bikrija, l-analiżi, is-sensibilizzazzjoni, il-bini tar-reżiljenza u l-prevenzjoni sar-rispons għall-kriżijiet u l-ġestjoni tal-konsegwenzi.
Minbarra l-implimentazzjoni msaħħa, peress li t-theddid ibridu qiegħed f’evoluzzjoni kostanti, se tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ibridi fit-tfassil tal-politika, biex jinżamm il-pass mal-iżviluppi dinamiċi u biex jiġi żgurat li l-ebda inizjattiva potenzjalment rilevanti ma tiġi injorata. L-effetti tal-inizjattivi ġodda se jiġu vvalutati wkoll permezz ta’ lentijiet ibridi, inklużi inizjattivi f’oqsma li s’issa kienu barra mill-ambitu tal-qafas kontra t-theddid ibridu, bħall-edukazzjoni, it-teknoloġija u r-riċerka. Dan l-approċċ jibbenefika mix-xogħol li sar fuq il-kunċettwalizzazzjoni ta’ theddid ibridu, li jipprovdi perspettiva komprensiva tad-diversi għodod li jistgħu jintużaw mill-avversarji 78 . Jenħtieġ li l-għan jkun biex jiġi żgurat li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun sostnut mir-rapportar regolari u komprensiv ibbażat fuq l-intelligence dwar l-evoluzzjoni tat-theddid ibridu. Dan se jiddependi ħafna fuq l-intelligence tal-Istati Membri u fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-intelligence mas-servizzi kompetenti tal-Istati Membri permezz tal-INTCEN tal-UE.
Biex jiġi żviluppat l-għarfien tas-sitwazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jesploraw l-għażliet li jissimplifikaw il-flussi ta’ informazzjoni minn sorsi differenti, inklużi l-Istati Membri, kif ukoll l-aġenziji tal-UE bħall-ENISA, il-Europol u l-Frontex. Iċ-ċellola ta’ fużjoni tal-UE kontra t-theddid ibridu se tibqa’ l-punt fokali tal-UE għall-valutazzjonijiet tat-theddid ibridu. Il-bini tar-reżiljenza huwa ċentrali għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra t-theddid ibridu. Għalhekk huwa kruċjali li l-progress f’dan il-qasam jitkejjel b’mod sistematiku u oġġettivament. L-ewwel pass se jkun biex jiġu identifikati xenarji ta’ referenza settorjali għar-reżiljenza ibrida kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Fl-aħħar nett, biex tiżdied it-tħejjija għal rispons għall-kriżijiet ibridi, il-protokoll eżistenti jenħtieġ li jiġi rivedut, kif definit fil-Playbook tal-UE tal-2016 79 , filwaqt li jkun jirrifletti rieżami estiż u t-tisħiħ tas-sistema tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet li qed tiġi kkunsidrata bħalissa 80 . L-għan huwa li jiġi massimizzat l-effett tal-azzjoni tal-UE billi jitlaqqgħu flimkien malajr ir-reazzjonijiet settorjali u billi tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel mas-sħab tagħna, l-ewwel u qabel kollox in-NATO.
Azzjonijiet ewlenin |
·Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità tiġi implimentata u adattata għall-iskop tagħha ·Strateġija għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal ·Proposti dwar id-detezzjoni u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal ·Approċċ tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu ·Rieżami tal-protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (Playbook tal-UE) ·Valutazzjoni ta’ kif tissaħħaħ il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet diġitali |
3.Nipproteġu lill-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata
Terroriżmu u radikalizzazzjoni
It-theddid terroristiku fl-UE għadu għoli. Minkejja t-tnaqqis fl-għadd totali ta’ attakki b’mod ġenerali, dawn xorta jista’ jkollhom effett devastanti. Ir-radikalizzazzjoni tista’ wkoll tippolarizza b’mod aktar ġenerali u tiddestabbilizza l-koeżjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni. Madankollu, id-dimensjoni transfruntiera/transettorjali dejjem tikber tat-theddid titlob aktar passi fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-UE. L-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu, inklużi l-miżuri restrittivi 81 , hija prijorità. L-objettiv jibqa’ li l-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għar-reati terroristiċi transfruntiera jiġi estiż.
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu tibda bl-indirizzar tal-kawżi ewlenin. Il-polarizzazzjoni tas-soċjetà, id-diskriminazzjoni reali jew perċepita u fatturi psikoloġiċi u soċjoloġiċi oħra jistgħu jsaħħu l-vulnerabbiltà tan-nies għad-diskors radikali. F’dan il-kuntest, l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni jmur id f’id mat-trawwim ta’ koeżjoni soċjali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. F’dawn l-aħħar għaxar snin ġew żviluppati diversi inizjattivi u politiki li jħallu impatt, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u l-Inizjattiva tal-Bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni 82 . Issa wasal iż-żmien li jiġu kkunsidrati azzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-politiki, l-inizjattivi u l-fondi tal-UE biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet, isaħħu l-kooperazzjoni, isaħħu l-bażi ta’ evidenza u jgħinu fl-evalwazzjoni tal-progress, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-prattikanti tal-ewwel linja, dawk li jfasslu l-politika u l-qasam akkademiku 83 . Politiki mhux vinkolanti bħall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, billi jipprovdu opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’riskju u koeżjoni fl-UE 84 . L-oqsma ta’ prijorità jinkludu ħidma dwar id-detezzjoni bikrija u l-ġestjoni tar-riskju, il-bini tar-reżiljenza u d-diżimpenn, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni fis-soċjetà.
It-terroristi fittxew li jiksbu u jakkwistaw u jibdlu f’armi materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, CBRN) 85 , kif ukoll li jiżviluppaw l-għarfien u l-kapaċità li jużawhom 86 . Il-potenzjal ta’ attakki b’materjal CBRN jidher b’mod prominenti fil-propaganda terroristika. Bil-potenzjal ta’ ħsara tant għoli, hemm bżonn ta’ attenzjoni partikolari. Abbażi tal-approċċ użat biex jiġi rregolat l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi, il-Kummissjoni se teżamina r-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti sustanzi kimiċi perikolużi li jistgħu jintużaw biex jitwettqu attakki. L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet tar-rispons tal-UE għall-protezzjoni ċivili (rescEU) fil-qasam CBRN se jkun ukoll kruċjali. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija importanti wkoll biex tissaħħaħ kultura komuni ta’ sikurezza u sigurtà rigward il-materjal CBRN, filwaqt li jsir użu sħiħ miċ-ċentri ta’ eċċellenza globali, kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari tal-UE. Din il-kooperazzjoni se tinkludi valutazzjonijiet nazzjonali tal-lakuni u tar-riskju, appoġġ għall-pjanijiet ta’ azzjoni CBRN nazzjonali u reġjonali, l-iskambju ta’ prattiki tajba u attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet CBRN.
L-UE żviluppat l-aktar leġiżlazzjoni avvanzata fid-dinja biex tillimita l-aċċess għall-prekursuri tal-isplussivi 87 u biex tidentifika tranżazzjonijiet suspettużi li jkollhom l-għan li jibnu apparat splussiv improvviżat. Iżda t-theddida minn splussivi magħmulin id-dar, li ntużaw f’diversi attakki madwar l-UE, tibqa’ għolja 88 . L-ewwel pass irid ikun l-implimentazzjoni tar-regoli, kif ukoll li jiġi żgurat li l-ambjent online ma jippermettix li jingħelbu l-kontrolli.
Il-prosekuzzjoni effettiva ta’ dawk li jwettqu reati terroristiċi, inklużi l-Ġellieda Terroristi Barranin li bħalissa jinsabu fis-Sirja u fl-Iraq, hija wkoll element importanti tal-politika ta’ kontra t-terroriżmu. Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet huma ttrattati primarjament mill-Istati Membri, il-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-UE jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi komuni. Il-passi li qed jittieħdu biex tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-fruntieri 89 u biex isir użu sħiħ tal-bażijiet tad-data kollha rilevanti tal-UE, biex tinqasam l-informazzjoni dwar persuni suspettati magħrufa, se jkunu pass importanti. Kif ukoll hija meħtieġa politika ta’ riintegrazzjoni u ta’ riabilitazzjoni biex jiġu identifikati individwi ta’ riskju għoli. Il-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż mal-persunal tal-ħabs u tal-probation se ssaħħaħ il-fehim ġudizzjarju tal-proċessi mir-radikalizzazzjoni għall-estremiżmu vjolenti, u l-approċċ tas-settur ġudizzjarju fl-għoti ta’ sentenzi u alternattivi għad-detenzjoni.
L-isfida tal-ġellieda terroristi barranin hija każ emblematiku tar-rabta bejn is-sigurtà interna u s-sigurtà esterna. Il-kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti hija ċentrali għas-sigurtà fl-UE 90 . Hemm bżonn ta’ aktar passi biex jiġu żviluppati sħubijiet kontra t-terroriżmu u kooperazzjoni ma’ pajjiżi fil-viċinat u aktar ’l bogħod, abbażi tal-għarfien tan-Network ta’ Esperti tas-Sigurtà/ta’ kontra t-terroriżmu tal-UE. Il-pjan ta’ Azzjoni Konġunta dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent huwa referenza tajba għal tali kooperazzjoni mmirata. B’mod partikolari, jenħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi appoġġata l-kapaċità tal-pajjiżi sħab biex jidentifikaw u jsibu l-ġellieda terroristi barranin. L-UE se tkompli wkoll tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali, billi taħdem ma’ atturi globali ewlenin f’dan il-qasam, bħan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, il-Kunsill ta’ l-Ewropa, l-Interpol u l-OSCE. Hija se tinvolvi ruħha wkoll mal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu u l-Koalizzjoni Globali kontra Da’esh, kif ukoll ma’ atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili. L-istrumenti tal-politika esterna tal-Unjoni, inklużi l-iżvilupp u l-kooperazzjoni, għandhom ukoll rwol importanti fil-ħidma ma’ pajjiżi terzi għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-piraterija. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali biex jiġu eliminati s-sorsi kollha ta’ finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju permezz tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.
Il-kriminalità organizzata
Il-kriminalità organizzata ġġib magħha spiża ekonomika u personali enormi. It-telf ekonomiku minħabba l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ġie stmat li jirrappreżenta bejn EUR 218 u EUR 282 biljun fis-sena 91 . Aktar minn 5,000 grupp ta’ kriminalità organizzata kienu qed jiġu investigati fl-Ewropa fl-2017, żieda ta’ 50 % apparagun tal-2013 92 . Il-kriminalità organizzata qiegħda dejjem aktar topera b’mod transfruntier inkluż mill-viċinat immedjat tal-UE, u dan jitlob intensifikar fil-kooperazzjoni operazzjonali u skambju ta’ informazzjoni mas-sħab tal-viċinat.
Qed jitfaċċaw sfidi ġodda li qed jittrasferixxu l-kriminalità online: bil-pandemija tal-COVID-19 kien hemm żieda enormi f’każijiet ta’ ingann online fuq gruppi vulnerabbli, kif ukoll qed ikunu fil-mira l-prodotti tas-saħħa u sanitarji waqt is-serq 93 . Jeħtieġ li l-UE tintensifika l-ħidma tagħha kontra l-kriminalità organizzata, inkluż fil-livell internazzjonali, b’aktar għodod, biex jiżżarma l-mudell tan-negozju tal-kriminalità organizzata. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata teħtieġ ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ amministrazzjonijiet lokali u reġjonali kif ukoll mas-soċjetà ċivili, li huma s-sħab ewlenin fil-prevenzjoni tal-kriminalità kif ukoll fl-għoti ta’ assistenza u appoġġ lill-vittmi, bl-amministrazzjonijiet fir-reġjuni tal-fruntieri jkollhom ħtiġijiet partikolari. Din il-ħidma se tinġabar f’daqqa f’Aġenda għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Aktar minn terz tal-gruppi tal-kriminalità organizzata attivi fl-UE huma involuti fil-produzzjoni, fit-traffikar jew fid-distribuzzjoni tad-droga. Il-vizzju tad-droga fl-UE wassal għal aktar minn tmint elf mewta minn doża eċċessiva fl-2019. Il-biċċa l-kbira tat-traffikar tad-droga jsir bejn il-fruntieri, b’ħafna mill-profitti jinfiltraw l-ekonomija legali 94 . Aġenda ġdida tal-UE dwar id-Droga 95 se ssaħħaħ l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri fl-oqsma tat-tnaqqis tad-domanda u tal-provvista tad-droga, filwaqt li tiddefinixxi l-azzjonijiet konġunti li jindirizzaw problema komuni u li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab esterni dwar il-kwistjonijiet ta’ droga. Wara evalwazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-mandat tagħha għandux bżonn jiġi aġġornat biex jilqa’ għall-sfidi ġodda.
Il-gruppi tal-kriminalità organizzata u t-terroristi huma wkoll l-atturi ewlenin fil-kummerċ tal-armi tan-nar illegali. Bejn l-2009 u l-2018 fl-Ewropa seħħew 23 inċident ta’ sparar fuq il-folla, li qatlu aktar minn 340 persuna 96 . L-armi tan-nar spiss jiġu traffikati lejn l-UE mill pajjiżi immedjati tal-viċinat tagħha 97 . Dan jindika l-ħtieġa li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni kemm fl-UE kif ukoll mas-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Interpol, biex jiġi armonizzat il-ġbir ta’ informazzjoni u r-rappurtar dwar is-sekwestri tal-armi tan-nar. Huwa essenzjali wkoll li tittejjeb it-traċċabbiltà tal-armi, inkluż fuq l-internet, u li jiġi żgurat skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u tal-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni qed tressaq Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ġdid kontra t-traffikar tal-armi tan-nar 98 u se tivvaluta wkoll jekk ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni u l-miżuri ta’ importazzjoni u ta’ tranżitu tal-armi tan-nar għadhomx adattati għall-iskop tagħhom 99 .
L-organizzazzjonijiet kriminali jittrattaw il-migranti u l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali bħala komodità. Mad-90% tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE huma megħjuna minn network kriminali. 100 It-traffikar tal-migranti spiss huwa wkoll marbut ma’ forom oħra ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin 101 . Minbarra l-prezz uman enormi tat-traffikar tal-bnedmin, l-Europol tistma li globalment il-profitt annwali ġġenerat għal kull forma ta’ sfruttament mit-traffikar tal-bnedmin jammonta għal EUR 29,4 biljun. Dan huwa reat tranżnazzjonali li jirriżulta mit-talbiet illegali minn ġewwa l-UE u minn barra minnha, u li jħalli impatt fuq l-Istati Membri kollha tal-UE. Ir-riżultati skarsi fl-identifikazzjoni, fil-prosekuzzjoni u fl-ikkundannar ta’ dawn ir-reati jeħtieġ approċċ ġdid biex tittieħed aktar azzjoni. Approċċ komprensiv ġdid għat-traffikar tal-bnedmin se jiġbor flimkien direzzjonijiet ta’ azzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ġdid kontra t-traffikar tal-migranti għall-2021-2025. Iż-żewġ oqsma se jiffukaw fuq il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi.
Il-gruppi tal-kriminalità organizzata – kif ukoll it-terroristi – ifittxu wkoll opportunitajiet f’oqsma oħra, speċjalment dawk li jiġġeneraw qligħ għoli b’riskju ta’ detezzjoni baxx, bħall-kriminalità ambjentali. Il-kaċċa illegali u l-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi, l-estrazzjoni illegali, il-qtugħ tas-siġar u r-rimi u l-vjeġġi illegali ta’ skart, saru r-raba’ l-akbar negozju kriminali fid-dinja 102 . Kien hemm ukoll l-isfruttament kriminali tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u s-sistemi taċ-ċertifikati tal-enerġija, kif ukoll l-użu ħażin ta’ finanzjament allokat għar-reżiljenza ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli. Barra milli tiġi promossa azzjoni mill-UE, mill-Istati Membri u mill-komunità internazzjonali biex jittieħdu iktar passi kontra reati ambjentali 103 , il-Kummissjoni qed tivvaluta jekk id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali 104 għadhiex adattata għall-iskop tagħha. It-traffikar ta’ beni kulturali sar ukoll waħda mill-aktar attivitajiet kriminali li jħallu qligħ, sors ta’ finanzjament għat-terroristi kif ukoll għall-kriminalità organizzata, u dejjem qed jiżdied. Jenħtieġ li jiġu esplorati modi biex titjieb it-traċċabbiltà online u offline tal-beni kulturali fis-suq intern u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn il-beni kulturali jinsterqu kif ukoll jingħata appoġġ attiv lil komunitajiet tal-infurzar tal-liġi u akkademiċi.
Ir-reati ekonomiċi u finanzjarji huma kumplessi ħafna, u jaffettwaw miljuni ta’ ċittadini u eluf ta’ kumpaniji fl-UE kull sena. Il-ġlieda kontra l-frodi hija kruċjali u teħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE. L-Europol, flimkien mal-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-UE biex jipproteġu s-swieq ekonomiċi u finanzjarji u jissalvagwardjaw il-flus tal-kontribwenti tal-UE. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jsir kompletament operazzjonali tard fl-2020 u se jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE, bħall-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Se jindirizza wkoll il-frodi tal-VAT transfruntiera li jiswew lill-kontribwenti mill-inqas EUR 50 biljun fis-sena.
Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ għarfien espert u ta’ qafas leġiżlattiv marbut mar-riskji emerġenti, bħal pereżempju l-kriptoassi u s-sistemi ta’ pagament ġodda. B’mod partikolari l-Kummissjoni se teżamina kif se jkun ir-rispons għall-feġġien tal-kriptovaluta bħall-bitcoin u l-effett li dawn it-teknoloġiji l-ġodda se jkollhom fuq kif jinħarġu, jiġu skambjati, kondiviżi u aċċessati l-assi finanzjarji.
Jenħtieġ li jkun hemm tolleranza żero għall-flus illeċiti fl-Unjoni Ewropea. Għal aktar minn tletin sena l-UE żviluppat qafas regolatorju solidu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’rispett sħiħ għall-ħtieġa li tiġi protetta d-data personali. Madankollu, hemm kunsens dejjem jikber li l-implimentazzjoni tal-qafas attwali jeħtieġ li tittejjeb b’mod sinifikanti. Diverġenzi kbar fil-mod kif tiġi applikata u dgħufijiet serji fl-infurzar tar-regoli jeħtieġ li jiġu indirizzati. Kif spjegat fid-dettall fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Mejju 2020 105 , għaddejja ħidma biex jiġu vvalutati l-opzjonijiet biex jissaħħaħ il-qafas tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Żoni li għandhom jiġu esplorati jinkludu l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, li jistgħu jħaffu b’mod sinifikanti l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u mill-awtoritajiet kompetenti.
Il-profitti tal-gruppi tal-kriminalità organizzata huma stmati li jlaħħqu EUR 110 biljun fis-sena fl-UE. Ir-rispons attwali jinkludi leġislazzjoni armonizzata dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi 106 , biex jittejbu l-iffriżar u l-konfiska tal-assi kriminali fl-UE u biex tiġi ffaċilitata l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva bejn l-Istati Membri. Madankollu, madwar 1 % biss ta’ dawn il-profitti huma kkonfiskati 107 , u dan jippermettilhom lill-gruppi tal-kriminalità organizzata li jinvestu biex jespandu l-attivitajiet kriminali tagħhom u biex jinfiltraw l-ekonomija legali, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li għandhom diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu, u huma l-mira ewlenija għall-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni se tanalizza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni 108 u possibilment il-ħtieġa għal aktar regoli komuni, inkluż dwar il-konfiska mingħajr kundanna kriminali. L-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi 109 , l-atturi ewlenin fil-proċess ta’ rkupru tal-assi, jistgħu jkunu mgħammra wkoll b’għodda aħjar biex l-assi jiġu identifikati u ttraċċati b’aktar ħeffa fl-UE sabiex jiżdiedu r-rati ta’ konfiska.
Hemm rabta qawwija bejn il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Ġie stmat bejn wieħed u ieħor li l-korruzzjoni waħedha tiswa lill-ekonomija tal-UE mal-EUR 120 biljun fis-sena 110 . Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni se jkomplu jkunu soġġetti għal monitoraġġ regolari permezz tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt kif ukoll tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru Ewropew ivvaluta l-isfidi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, l-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju jew il-kura tas-saħħa. Ir-rapport annwali l-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt se jkopri l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jippermetti djalogu preventiv mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wkoll jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jixprunaw l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u dawn il-gruppi jistgħu jitlaqqgħu b’mod utli f’forum komuni. Minħabba n-natura transfruntiera tagħhom, dimensjoni prinċipali oħra hija l-kooperazzjoni u l-assistenza kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ma’ reġjuni ġirien tal-UE.
Azzjonijiet ewlenin |
·Aġenda tal-UE kontra t-terroriżmu, inkluż azzjonijiet mġedda kontra r-radikalizzazzjoni fl-UE ·Kooperazzjoni ġdida ma’ pajjiżi terzi ewlenin u organizzazzjonijiet internazzjonali kontra t-terroriżmu ·Aġenda dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin ·Aġenda tal-UE dwar id-Droga u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2021-2025 ·Valutazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga ·Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar ·Rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-iffriżar u l-konfiska, u dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi ·Valutazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali ·Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti għall-2021-2025 |
4.Ekosistema tas-sigurtà Ewropea b’saħħitha
Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva trid tkun sforz komuni mill-partijiet kollha tas-soċjetà. Il-gvernijiet, l-infurzar tal-liġi, is-settur privat, l-edukazzjoni u ċ-ċittadini nfushom jeħtieġ li jkunu involuti, mgħammra u konnessi adegwatament biex jinbena stat ta’ tħejjija u reziljenza għal kulħadd, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbi, il-vittmi u x-xhieda.
Il-politiki kollha jeħtieġu dimensjoni ta’ sigurtà u l-UE tista’ tagħti kontribut fil-livelli kollha. Fid-dar, il-vjolenza domestika hija waħda mir-riskji l-aktar serji għas-sigurtà. Fl-UE 22 % tan-nisa esperjenzaw vjolenza minn sieħeb intimu 111 . L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika għadha prijorità importanti. Jekk in-negozjati jibqgħu mblukkati, il-Kummissjoni se tieħu miżuri oħra biex tikseb l-istess objettivi tal-Konvenzjoni, inkluż li tipproponi li żżid il-vjolenza fuq in-nisa mal-lista ta’ reati tal-UE definiti fit-Trattat.
Kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni
Wieħed mill-aktar kontributi importanti li tista’ tagħmel l-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini huwa billi tgħin lil dawk responsabbli mis-sigurtà biex jaħdmu tajjeb flimkien. Il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma l-aktar għodod b’saħħithom biex jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu u biex issir ġustizzja. Biex ikunu effiċjenti, jeħtieġ li jkunu immirati u f’waqthom. Biex ikun hemm fiduċja fihom, jeħtieġ li jintużaw b’salvagwardji u kontrolli komuni.
Ġew stabbiliti għadd ta’ strumenti u strateġiji speċifiċi għas-settur 112 , biex tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni operazzjonali għall-infurzar tal-liġi ta’ bejn l-Istati Membri. Wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE li jappoġġaw il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri huwa s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, użata għall-iskambju tad-data f’ħin reali, dwar persuni u oġġetti mfittxija u nieqsa. Ir-riżultati nħassu fl-arrest ta’ kriminali, sekwestri ta’ drogi u s-salvataġġ ta’ vittmi potenzjali 113 . Madankollu, il-livell ta’ kooperazzjoni jista’ xorta waħda jittejjeb billi jiġu ssimplifikati u aġġornati l-istrumenti disponibbli. Il-biċċa l-kbira tal-qafas legali tal-UE li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi ġie mfassal 30 sena ilu. Ix-xibka kumplessa ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri, bosta li għadda żmienhom jew mhux mhux jintużaw, qegħdin f’riskju ta’ frammentazzjoni. F’pajjiżi iżgħar jew mingħajr kosta, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu bejn il-fruntieri għandhom iwettqu azzjonijiet operazzjonali fejn f’xi każijiet, iridu jsegwu sa seba’ settijiet ta’ regoli differenti: ir-riżultat huwa li xi operazzjonijiet, bħall-insegwimenti transfruntieri ta’ persuni suspettati fil-fruntieri interni, sempliċiment ma jseħħux. Il-kooperazzjoni operazzjonali dwar teknoloġiji ġodda bħad-droni, ukoll mhumiex koperti mill-qafas attwali tal-UE.
L-effikaċja operazzjonali tista’ tiġi appoġġata minn kooperazzjoni speċifika fl-infurzar tal-liġi, li tista’ tgħin ukoll biex jingħata appoġġ importanti għal għanijiet ta’ politika oħrajn – bħall-għoti ta’ kontribut marbut mas-sigurtà għall-valutazzjoni l-ġdida dwar l-investiment dirett barrani. Il-Kummissjoni se tħares lejn kif il-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija jista’ jappoġġa dan. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri aktar ma jmur għamlu użu mill-appoġġ u l-għarfien espert fil-livell tal-UE, filwaqt li l-INTCEN tal-UE kellu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-iskambju ta’ intelligence strateġika bejn is-Servizzi tal-Intelligence u tas-Sigurtà tal-Istati Membri li jipprovdu intelligence u għarfien tas-sitwazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-UE 114 . L-Europol jista’ jkollu wkoll rwol ewlieni fejn jiftaħ l-kooperazzjoni tiegħu ma’ pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu f’konformità ma’ politiki u għodod esterni oħra tal-UE. Madankollu, l-Europol illum qed tiffaċċja għadd ta’ restrizzjonijiet serji – b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju dirett tad-data personali ma’ partijiet privati – li jfixkilha milli tappoġġa b’mod effettiv lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità. Il-mandat tal-Europol issa qed jiġi vvalutat u se jiġi eżaminat kif jista’ jittejjeb biex jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun tista’ twettaq għalkollox il-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet rilevanti fil-livell tal-UE (bħall-OLAF, il-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) jenħtieġ ukoll li jikkooperaw aktar mill-qrib u jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni.
Konnessjoni oħra importanti hija biex ikompli jiġi żviluppat il-Eurojust, biex tiġi massimizzata s-sinerġija bejn il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. L-UE tibbenefika wkoll minn koerenza aktar strateġika: EMPACT 115 , iċ-ċiklu ta’ politika tal-UE għall-kriminalità organizzata serja u internazzjonali, tipprovdi metodoloġija mmexxija mill-intelligence kriminali biex l-awtoritajiet jindirizzaw b’mod konġunt it-theddid kriminali l-aktar importanti li jaffettwa lill-UE. Dan wassal għal riżultati operazzjonali 116 importanti f’dawn l-aħħar għaxar snin. Abbażi tal-esperjenza tal-prattikanti, għaċ-Ċiklu ta’ Politika l-ġdid għall-2022-2025, il-mekkaniżmu eżistenti jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat biex jindirizza aħjar l-aktar theddidiet kriminali urġenti u li qed jevolvu.
Informazzjoni f’waqtha u rilevanti hija essenzjali għall-ħidma ta’ kuljum li tiġġieled il-kriminalità. Minkejja l-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data ġodda fil-livell tal-UE, għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, ħafna informazzjoni għadha tinsab f’bażijiet tad-data nazzjonali jew qed tiġi skambjata mhux permezz ta’ dawn l-għodod. Ir-riżultat huwa ammont ta’ xogħol addizzjonali sinifikanti, dewmien, u riskju akbar li informazzjoni importanti tinqabeż. Proċessi aħjar, aktar rapidi u ssimplifikati, li jinvolvu l-komunità tas-sigurtà kollha, iġibu riżultati aħjar. Huma essenzjali l-għodod adattati jekk l-iskambju tal-informazzjoni għandu jilħaq il-potenzjal tiegħu fit-tfittxija effettiva tal-kriminalità bis-salvagwardji neċessarji, sabiex il-kondiviżjoni tad-data tirrispetta l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali. Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, forensiċi u tal-protezzjoni tad-data, u l-ħtiġijiet operazzjonali li nbidlu, l-UE tista’ tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu modernizzati l-istrumenti bħad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm tal-2008, li jistabbilixxu l-iskambju awtomatizzat tad-data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni tal-vetturi, biex ikun jista’ jitwettaq l-iskambju awtomatizzat ta’ kategoriji tad-data addizzjonali li huma diġà disponibbli f’bażijiet ta’ data kriminali jew oħrajn tal-Istati Membri, għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tiskambja r-rekords tal-pulizija biex tgħin tidentifika jekk jeżistix xi rekord tal-pulizija dwar persuna fi Stati Membri oħra, u tiffaċilita l-aċċess għal dawn ir-rekords ladarba jkunu identifikati, bis-salvagwardji kollha meħtieġa.
L-informazzjoni dwar il-vjaġġaturi għenet biex jitjiebu l-kontrolli fil-fruntieri, biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari, u biex jiġu identifikati persuni li huma ta’ riskju għas-sigurtà. Id-data ta’ Informazzjoni Avvanzata tal-Passiġġieri hija d-data bijografika għal kull passiġġier li tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru waqt iċ-check-in u tintbagħat minn qabel lill-awtoritajiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fid-destinazzjoni. Ir-reviżjoni tal-qafas legali 117 tista’ tippermetti użu aktar effettiv tal-informazzjoni, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tiffaċilita l-fluss tal-passiġġieri. Ir-reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa d-data mogħtija mill-passiġġieri meta jibbukkjaw it-titjiriet. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR 118 hija kruċjali, u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġaha u tinfurzaha. Barra minn hekk, bħala azzjoni ta’ nofs it-terminu, il-Kummissjoni se tniedi rieżami tal-approċċ attwali dwar it-trasferiment ta’ data tal-PNR lejn pajjiżi terzi.
Il-kooperazzjoni ġudizzjarja hija komplement meħtieġ għall-isforzi tal-pulizija biex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja għaddiet minn bidla aktar profonda f’dawn l-aħħar 20 sena. Korpi bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust jeħtieġ li jkollhom il-mezzi biex jiffunzjonaw sal-limitu massimu possibbli, jew inkella jissaħħu. Il-kooperazzjoni bejn il-prattikanti ġudizzjarji tista’ tissaħħaħ ukoll billi jsir aktar avvanz fir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, fit-taħriġ ġudizzjarju, u fl-iskambju ta’ informazzjoni. L-għan jenħtieġ li jkun fiduċja reċiproka akbar fost l-imħallfin u l-prosekuturi, li hija ċentrali għal proċedimenti transfruntiera mingħajr xkiel. L-użu tat-teknoloġiji diġitali jista’ jtejjeb ukoll l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħna. Qed tiġi stabbilita sistema ta’ skambju diġitali ġdida biex jiġu trażmessi Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej, talbiet għal assistenza legali reċiproka u komunikazzjonijiet relatati bejn l-Istati Membri, appoġġati mill-Eurojust. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tħaffef it-tnedija tas-sistemi tal-IT meħtieġa fil-livell nazzjonali.
Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali għall-infurzar effettiv tal-liġi u għall-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-ftehimiet bilaterali mas-sħab ewlenin għandhom rwol importanti biex tiġi żgurata informazzjoni u l-evidenza minn barra l-UE. L-Interpol, waħda mill-akbar organizzazzjonijiet intergovernattivi tal-pulizija tal-qasam kriminali, għandha rwol importanti. Il-Kummissjoni se tħares lejn il-modi possibbli biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Interpol, inkluż l-aċċess possibbli għall-bażijiet tad-data tal-Interpol u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali u strateġika. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE jserrħu wkoll fuq pajjiżi sħab ewlenin biex jidentifikaw u jinvestigaw il-kriminali u t-terroristi. Sħubijiet ta’ Sigurtà bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jiġu intensifikati biex tiżdied il-kooperazzjoni biex jingħeleb it-theddid komuni bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, l-abbuż sesswali tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin. Approċċ bħal dan ikun ibbażat fuq interessi ta’ sigurtà komuni u jibni fuq djalogi stabbiliti dwar il-kooperazzjoni u s-sigurtà.
Apparti l-informazzjoni, l-iskambju tal-għarfien espert jista’ jkollu valur partikolari biex tiżdied it-tħejjija għall-infurzar tal-liġi quddiem theddid mhux tradizzjonali. Minbarra li tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni se tesplora l-possibilità ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE għall-forzi tal-pulizija f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jkunu force majeure, bħall-pandemiji. Il-pandemija uriet wkoll li s-Sorveljanza tal-Komunità Diġitali, flimkien ma’ oqfsa legali li jiffaċilitaw is-sorveljanza online, se jkunu fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Is-sħubiji bejn il-pulizija u l-komunità, kemm offline kif ukoll online, jistgħu jipprevjenu l-kriminalità u jtaffu l-impatt tal-kriminalità organizzata, ir-radikalizzazzjoni u l-attivitajiet terroristiċi. Il-konnessjoni minn aspett lokali għal reġjonali sa nazzjonali kif ukoll is-soluzzjonijiet tal-pulizija tal-UE huma fattur kruċjali għas-suċċess tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE kollha kemm hi.
Il-kontribut ta’ fruntieri esterni b’saħħithom
Il-ġestjoni moderna u effiċjenti tal-fruntieri esterni għandha benefiċċju doppju, li żżomm l-integrità ta’ Schengen u li tipprovdi sigurtà għaċ-ċittadini tagħna. L-involviment tal-atturi kollha rilevanti biex tiġi sfruttata bl-aħjar mod is-sigurtà fil-fruntiera jista’ jkollu impatt reali fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u tat-terroriżmu. L-attivitajiet operazzjonali konġunti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 119 li reċentement ġiet msaħħa jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni u lil hinn mill-UE. Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera, huma kruċjali l-attivitajiet doganali biex jiġu identifikati r-riskji ta’ sikurezza u ta’ sigurtà fil-merkanzija kollha qabel ma tasal fl-UE, u biex jiġu kkontrollati l-oġġetti meta dawn jaslu. Il-pjan ta’ Azzjoni li jmiss dwar l-Unjoni Doganali se jħabbar azzjonijiet biex tissaħħaħ ukoll il-ġestjoni tar-riskju u biex tissaħħaħ is-sigurtà interna, inkluż b’mod partikolari billi jiġi vvalutat kemm hija fattibbli rabta bejn is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti għall-analiżi tar-riskju tas-sigurtà.
Il-qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni ġie adottat f’Mejju 2019. Din il-konfigurazzzjoni l-ġdida tfittex li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ informazzjoni ġodda jew imtejba 120 . Se twassal għal informazzjoni aktar rapida u aktar sistematika għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għall-gwardji tal-fruntieri u għall-uffiċjali tal-migrazzjoni. Din se tgħin fl-identifikazzjoni korretta u se tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità. Sabiex issir realtà, l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tkun prijorità, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri kollha se tkun kruċjali sabiex sal-2023 jintlaħaq l-għan ta’ interoperabbiltà totali.
Il-frodi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar hija meqjusa bħala waħda mill-aktar reati mwettqa ta’ spiss. Din tiffaċilita l-moviment klandestin ta’ kriminali u terroristi, u għandha rwol ewlieni fit-traffikar tal-bnedmin u fil-kummerċ tad-droga 121 . Il-Kummissjoni se tesplora kif tista’ testendi l-ħidma eżistenti dwar l-istandards ta’ sigurtà għad-dokumenti ta’ residenza u tal-ivvjaġġar tal-UE, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni. Minn Awwissu 2021, l-Istati Membri se jibdew joħorġu karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza skont l-istandards ta’ sigurtà armonizzati, inkluża ċippa li jkun fiha identifikaturi bijometriċi li jistgħu jiġu vverifikati mill-awtoritajiet tal-fruntieri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda, inkluża s-sostituzzjoni gradwali tad-dokumenti li bħalissa qegħdin fiċ-ċirkolazzjoni.
It-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-sigurtà
Il-ħidma biex tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà u biex jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu, tiddependi ħafna fuq l-iżvilupp ta’ għodda għall-futur qrib: biex tgħin fil-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda aktar sikuri u aktar siguri, biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġabu magħhom it-teknoloġiji u biex tiġi appoġġata l-ħidma tal-infurzar tal-liġi. Din imbagħad iserraħ fuq is-sħab privati u tal-industriji.
L-innovazzjoni jenħtieġ li titqies bħala għodda strateġika biex jiġi miġġieled it-theddid attwali u biex jiġu antiċipati kemm ir-riskji kif ukoll l-opportunitajiet futuri. It-teknoloġiji innovattivi jistgħu jġibu magħhom għodod ġodda biex jgħinu fl-infurzar tal-liġi u lil atturi oħra tas-sigurtà. L-intelliġenza artifiċjali u l-analitika tal-big data jistgħu jisfruttaw il-computing ta’ prestazzjoni għolja biex joffru identifikazzjoni aħjar u analiżi rapida u komprensiva 122 . Il-ġabriet ta’ data ta’ kwalità għolja huma prekondizzjoni importanti biex jiġu żviluppati teknoloġiji affidabbli li jkunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti biex iħarrġu, jittestjaw u jivvalidaw l-algoritmi 123 . B’mod aktar ġenerali, ir-riskju tad-dipendenza teknoloġika llum huwa b’saħħtu, l-UE hija pereżempju importatur nett ta’ prodotti u servizzi taċ-ċibersigurtà, b’dak kollu li jinvolvu għall-ekonomija u għal infrastrutturi kritiċi. Sabiex ikollha ħakma fuq it-teknoloġija u tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista anki f’każ ta’ sitwazzjonijiet u kriżijiet avversi, l-Ewropa teħtieġ preżenza u kapaċità fil-partijiet kritiċi tal-ktajjen ta’ valur rilevanti.
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-UE joffru l-opportunità li d-dimensjoni tas-sigurtà tittieħed inkonsiderazzjoni hekk kif ikunu qed jiġu żviluppati dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjoni tagħhom. Il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ proposti ta’ finanzjament mill-UE tista’ sservi ta’ stimolu ewlieni 124 . L-inizjattivi dwar l-ispazji tad-data Ewropej u l-infrastrutturi tal-cloud għandhom is-sigurtà magħġuna fihom mill-bidu nett. Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni 125 għandhom l-għan li jistabbilixxu struttura effettiva u effiċjenti biex jiġbru u jaqsmu l-kapaċitajiet u l-eżiti tar-riċerka fiċ-ċibersigurtà. Il-programm Spazjali tal-UE jagħti servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-individwi 126 .
B’aktar minn 600 proġett imnedija għall-valur kumplessiv ta’ qrib it-EUR 3 biljun sa mill-2007, ir-riċerka dwar is-sigurtà ffinanzjata mill-UE hija strument importanti biex jiġu xprunati t-teknoloġija u l-għarfien li jappoġġaw is-soluzzjonijiet ta’ sigurtà. Bħala parti mir-rieżami tal-mandat tal-Europol, il-Kummissjoni se teżamina l-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni għas-sigurtà interna 127 li għandu l-għan li jwassal soluzzjonijiet komuni għall-isfidi u l-opportunitajiet ta’ sigurtà komuni, li l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jisfruttaw waħedhom. Il-kooperazzjoni hija fundamentali biex l-investiment ikun iffukat bl-aħjar mod u biex jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi li jkollhom il-benefiċċju kemm tas-sigurtà kif ukoll dak ekonomiku.
Ħiliet u sensibilizzazzjoni
Is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-kisba tal-ħiliet biex jiġi indirizzat it-theddid potenzjali huma essenzjali biex tinbena soċjetà aktar reżiljenti, b’intrapriżi, amministrazzjonijiet u individwi mħejjijin aħjar. L-isfidi għall-infrastruttura tal-IT u għas-sistemi elettroniċi wrew il-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità umana tagħna fil-livell ta’ preparazzjoni u rispons fir-rigward taċ-ċibersigurtà. Il-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE.
Anki għarfien bażiku dwar it-theddid għas-sigurtà u kif dan jista’ jiġi miġġield jista’ jkollu impatt reali fuq ir-reżiljenza tas-soċjetà. L-għarfien tar-riskji taċ-ċiberkriminalità u tal-bżonn li wieħed jipproteġi lilu nnifsu minnha jistgħu jiġu integrati mal-protezzjoni minn fornituri tas-servizzi li jilqgħu għall-attakki ċibernetiċi. L-informazzjoni dwar il-perikli u r-riskji tat-traffikar tad-droga tista’ tagħmilha aktar diffiċli biex il-kriminali jirnexxu. L-UE tista’ tixpruna l-firxa tal-aħjar prattiki permezz tan-netwerk taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur 128 u tiżgura li dawn l-għanijiet jiġu kkunsidrati fil-programmi tagħha stess.
Il-Pjan futur ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jenħtieġ li jinkludi miżuri mmirati biex jinbnew ħiliet fl-IT għas-sigurtà għall-popolazzjoni kollha. L-Aġenda għall-Ħiliet 129 li ġiet adottata reċentement tappoġġja l-bini ta’ ħiliet tul il-ħajja. Dan jinkludi azzjonijiet iddedikati biex jiżdied l-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika li huma meħtieġa f’oqsma mill-aktar avvanzati bħaċ-ċibersigurtà. Azzjonijiet addizzjonali, iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali se jippermettu lill-professjonisti biex ilaħħqu mal-evoluzzjoni fix-xenarju tat-theddid għas-sigurtà u, fl-istess ħin, jimlew in-nuqqas f’dan il-qasam tas-suq tax-xogħol tal-UE. L-impatt globali se jkun li l-individwi jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet biex jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà u li n-negozji jsibu l-professjonisti li jeħtieġu f’dan il-qasam. Iż-żona Ewropea tar-Riċerka u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jippromwovu wkoll il-karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika.
Huwa importanti wkoll li l-vittmi jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom; huma jridu jingħataw l-assistenza meħtieġa u l-appoġġ li għandhom bżonn minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Huma meħtieġa sforzi partikolari fir-rigward ta’ minoranzi u tal-vittmi l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal jew in-nisa ttraffikati għall-isfruttament sesswali jew dawk esposti għall-vjolenza domestika 130 .
Hemm rwol partikolari għall-ħiliet imtejba fl-infurzar tal-liġi. It-theddid teknoloġiku attwali u ġdid jitlob li jkun hemm aktar investiment fit-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-infurzar tal-liġi fl-istadju l-aktar bikri kif ukoll matul il-karriera tagħhom. Is-CEPOL hija sieħeb essenzjali li jassisti lill-Istati Membri f’dan il-kompitu. It-taħriġ għall-infurzar tal-liġi relatat mar-razziżmu u l-ksenofobija, u b’mod aktar ġenerali d-drittijiet taċ-ċittadini, iridu jkunu komponent essenzjali tal-kultura tas-sigurtà tal-UE. Is-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja u l-prattikanti tal-ġustizzja jridu jkunu wkoll mgħammra biex jadattaw u jirrispondu għal sfidi mingħajr preċedent. It-taħriġ huwa essenzjali sabiex l-awtoritajiet fil-post ikunu jistgħu jisfruttaw dawn l-għodod f’sitwazzjoni operattiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru l-isforzi kollha biex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-infurzar tal-liġi.
Azzjonijiet ewlenin |
·It-tisħiħ tal-mandat tal-Europol ·Analiżi dwar “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija” tal-UE u l-koordinazzjoni tal-pulizija fi żmen ta’ kriżi ·It-tisħiħ tal-Eurojust biex ikun hemm rabta bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi ·Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri ·Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri ·It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol ·Qafas biex il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tiġi nnegozjata ma’ pajjiżi terzi ewlenin ·Standards ta’ sigurtà aħjar għad-dokumenti tal-ivvjaġġar ·Analiżi dwar Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni għas-sigurtà interna |
V.Konklużjonijiet
F’dinja dejjem aktar turbulenti, l-Unjoni Ewropea, kollox ma’ kollox, għadha meqjusa bħala wieħed mill-postijiet l-aktar siguri. Madankollu dan ma jistax jitqies bħala fatt ovvju.
L-istrateġija l-ġdida dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tistabbilixxi s-sisien għal ekosistema ta’ sigurtà li tkopri l-firxa kollha tas-soċjetà Ewropea. Hija bbażata fuq l-għarfien li s-sigurtà hija responsabbiltà kondiviża. Is-sigurtà hija kwistjoni li taffettwa lil kulħadd. Il-korpi governattivi kollha, in-negozji, l-organizzazzjonijiet soċjali, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom sabiex is-soċjetajiet tagħna jsiru aktar siguri.
Il-kwistjonijiet ta’ sigurtà issa għandhom jitqiesu minn perspettiva ħafna usa’ milli fil-passat. Id-distinzjonijiet foloz bejn il-ħtieġa fiżika u dik diġitali jridu jingħelbu. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tlaqqa’ flimkien il-firxa sħiħa ta’ ħtiġijiet tas-sigurtà u tiffoka fuq l-oqsma l-aktar kritiċi għas-sigurtà tal-UE fis-snin li ġejjin. Hija tirrikonoxxi wkoll li t-theddid għas-sigurtà ma jiqafx fil-fruntieri ġeografiċi, kif ukoll li s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar interkonnessi 131 . F’dan il-kuntest, se jkun importanti għall-UE li tikkoopera mas-sħab internazzjonali għas-salvagwardja taċ-ċittadini kollha tal-UE u li żżomm koordinazzjoni mill-qrib mal-azzjoni esterna tal-UE għall-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija.
Is-sigurtà tagħna hija marbuta mal-valuri fundamentali tagħna. L-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha proposti f’din l-istrateġija se jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej tagħna. Dawn huma s-sisien tal-mod ta’ għajxien Ewropew tagħna u jridu jibqgħu fil-qalba tal-ħidma kollha tagħna.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tibqa’ konxja mill-fatt li kwalunkwe politika jew azzjoni tkun adegwata biss jekk din tiġi implimentata. Għalhekk hemm bżonn li tinsisti bla heda fuq l-infurzar u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura. Dawn se jinżammu taħt monitoraġġ permezz ta’ rapporti regolari dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, u l-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-partijiet ikkonċernati infurmati bis-sħiħ, u se timpenjahom fl-azzjonijiet rilevanti kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipparteċipa u torganizza dibattiti konġunti mal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, sabiex tieħu kont tal-progress li jkun sar filwaqt li tittratta l-isfidi tal-futur.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà biex fil-ħames snin li ġejjin tkun il-bażi għall-kooperazzjoni u għal azzjoni konġunta dwar is-sigurtà.
Filwaqt li d-definizzjonijiet għat-theddid ibridu jvarjaw, dawn għandhom l-għan li jinkludu l-attività mħallta koerċittiva u sovversiva, il-metodi konvenzjonali u mhux konvenzjonali (jiġifieri diplomatiċi, militari, ekonomiċi, teknoloġiċi), li jistgħu jintużaw b’mod koordinat minn atturi statali jew mhux statali biex jintlaħqu objettivi speċifiċi (filwaqt li ma jinqabiżx il-limitu ta’ gwerra ddikjarata formalment.). Ara JOIN(2016) 18 (final).
Pereżempju permezz tas-servizzi mogħtija mill-programm spazjali tal-UE bħal Copernicus, li jipprovdi data mill-osservazzjoni tad-Dinja u applikazzjonijiet għas-sorveljanza tal-fruntieri, għas-sigurtà marittima, għall-infurzar tal-liġi, għall-ġlieda kontra l-piraterija, għad-deterrenza tal-kutrabandu tad-droga u għall-ġestjoni tal-emerġenzi.
Unjoni ta’ Ugwaljanza: Srateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, COM (2020) 152.
Pereżempju x-xogħol tal-Kumitat TERR tal-Parlament Ewropew li ta rendikont f’Novembru 2018.
Mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2015, dwar “strateġija ta’ sigurtà interna mġedda”, sar-riżultati aktar reċenti tal-Kunsill ta’ Diċembru 2019.
“Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina”, COM (2016) 230 final, 20.4.2016. Ara l-evalwazzjoni reċenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà interna: L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Affarijiet Interni fil-qasam tas-sigurtà interna - 2017-2020 (SWD(2020) 135).
Europol: Beyond the pandemic. How COVID-19 will shape the serious and organised crime landscape in the EU (Lil hinn mill-pandemija. Is-sura li l-COVID-19 se tagħti lill-xenarju tal-kriminalità serja u organizzata fl-UE) (April 2020).
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G, C(2019) 2335; Komunikazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-5G Sigur fl-UE - L-implimentazzjoni ta’ sett ta’ għodod tal-UE, COM(2020) 50.
F’Marzu 2020 l-Isptar Universitarju ta’ Brno fiċ-Ċekja sofra attakk ċibernetiku li ġegħluh jibgħat lill-pazjenti tiegħu fi sptar ieħor u biex jipposponi l-operazzjonijiet (Europol: Pandemic Profiteering. How criminals exploit the COVID-19 crisis) (Il-kilba għall-profitti waqt il-pandemija: Kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19). L-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża ħażin għal attakki diġitali, politiċi u fiżiċi kif ukoll għas-sorveljanza. Il-ġbir tad-data mill-Internet tal-Oġġetti jista’ jintuża għas-sorveljanza ta’ individwi (l-arloġġi intelliġenti, l-assistenti virtwali, eċċ).
Skont xi projezzjonijiet, l-ispejjeż tal-ksur tad-data se jilħqu l-USD 5 triljun fis-sena sal-2024, ogħla mit-USD 3 triljun tal-2015 (Juniper Research, The Future of Cybercrime & Security).
Fi studju tal-2016 (Legiscript) huwa stmat li globalment 4 % biss tal-ispiżeriji fuq l-internet joperaw skont il-liġi, bil-miri ewlenin għall-konsumaturi tal-UE jkunu mat-30,000-35,000 spiżerija online illeċita li huma attivi online.
Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, COM(2020) 607.
Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2020), Id-drittijiet tiegħek huma importanti: Tħassib dwar is-sigurtà u esperjenzi , Stħarriġ dwar id-Drittijiet Fundamentali, il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
L-infrastrutturi kritiċi huma essenzjali għall-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-benessri ekonomiku jew soċjali, li t-tħarbit/il-qerda tagħhom għandu impatt sinifikanti (id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE).
Mas-97 % taċ-ċittadini tal-UE ġew esposti għal aħbarijiet foloz, 38 % kuljum. Ara JOIN (2020) 8 final.
B’kollox ġew irrappurtati minn 13-il Stat Membru tal-UE 119-il attakk li twettqu, li ma rnexxewx u li ġew sfrattati, b’għaxar imwiet u 27 korriment (Europol, European Union Terrorism Situation and Trend Report, 2020).
Fl-2019 kien hemm sitt attakki terroristiċi tal-lemin (wieħed minnhom twettaq, wieħed ma rnexxiex, u erba’ ġew sfrattati: fi tliet Stati Membri), apparagun ta’ wieħed biss fl-2018, b’aktar imwiet f’każijiet li ma humiex ikklassifikati bħala terroriżmu (Europol, 2020).
Ara wkoll id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni fil-qasam tas-sigurtà biex jiġu protetti aħjar il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet Lhud fl-Ewropa.
L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali: Id-drittijiet tiegħek huma importanti: Tħassib dwar is-sigurtà u esperjenzi, 2020.
Minn Lulju 2015 sa tmiem l-2019 l-Europol sabet kontenut terroristiku fuq 361 pjattaforma (Europol, 2020).
Europol: A Review of Transatlantic Best Practices for Countering Radicalisation in Prisons and Terrorist Recidivism, 2019 (Rieżami tal-Aħjar Prattiki Transatlantiċi għall-prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni fil-Ħabsijiet u r-Reċidività tat-Terroristi).
EU Drugs Market Report 2019 (Ir-Rapport dwar is-Suq tad-Drogi fl-UE tal-2019) tal-EMCDDA u l-Europol.
Ir-Rapport tal-Europol dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, il-Mudell Kummerċjali Finanzjarju (2015).
Ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE u tal-OECD dwar Trade in counterfeit pharmaceutical products (Il-kummerċ ta’ prodotti farmaċewtiċi foloz)
Rapport dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi: Niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ, COM(2020) 217.
Fl-2017 l-armi tan-nar intużaw f’41 % tal-attakki terroristiċi kollha (Europol, 2018).
F’Lulju 2020, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u Olandiżi, flimkien mal-Europol u l-Eurojust, ippreżentaw l-investigazzjoni konġunta biex iżarmaw l-EncroChat, netwerk ta’ telefown kriptat użat minn netwerks kriminali involuti f’attakki vjolenti, korruzzjoni, tentattivi ta’ qtil u trasport ta’ droga fuq skala kbira.
Ir-riskji ta’ dipendenza barranija jinvolvu żieda fl-esponiment għal theddid potenzjali, mill-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet tal-infrastrutturi tal-IT li jikkompromettu l-infrastrutturi kritiċi (pereż. l-enerġija, it-trasport, is-servizzi bankarji, is-saħħa) jew il-kontroll tas-sistemi ta’ kontroll industrijali, sa żieda fil-kapaċità tas-serq tad-data jew tal-ispjunaġġ.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa , COM (2020) 102.
Bħar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (C(2017) 6100), il-Protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (EU Playbook) SWD(2016) 227.
Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE, JOIN(2017) 450.
Id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni, OJ L 194, 19.7.2016; Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa li l-protezzjoni tagħhom tittejjeb.
Minħabba l-fatt li s-settur tas-saħħa kien taħt pressjoni b’mod partikolari matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll inizjattivi biex issaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE u l-aġenziji tal-UE responsabbli, biex tirreaġixxi għal theddid serju transfruntier għas-saħħa.
Bid-dħul fis-seħħ kollu tiegħu fil-11 ta’ Ottubru 2020, ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni, se jattrezza lill-UE b’mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni dwar l-investimenti diretti minn barra l-UE li x’aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Skont ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jivvalutaw ir-riskji potenzjali marbutin ma’ dawn l-investimenti diretti barranin, u fejn xieraq u rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed, jipproponu mezzi adegwati biex inaqqsu dawn ir-riskji.
Is-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji (domain name system, DNS) hija sistema tal-ismijiet ġerarkika u deċentralizzata għall-kompjuters, għal servizzi, jew għal riżorsi oħra konnessi mal- Internet jew ma’ network privat. Tibdel l-ismijiet tad-dominji f’indirizzi IP li huma meħtieġa biex jiġu identifikati s-servizzi u l-apparati tal-kompjuter.
Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali. COM(2018) 447.
https://www.enisa.europa.eu/publications/enisa-threat-landscape-report-2018
L-attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizzi għadhom theddida permanenti: Il-fornituri ewlenin kellhom jimmitigaw l-attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizzi (DDoS), bħalma kien l-attakk kontra s-servizzi Web ta’ Amazon fi Frar 2020.
https://blogs.imf.org/2018/06/22/estimating-cyber-risk-for-the-financial-sector/ .
L-edge computing hija arkitettura tal-IT mifruxa u miftuħa li għandha potenza komputazzjonali deċentralizzata, li biha jiffunzjonaw it-teknoloġiji tal-informatika mobbli u tal-Internet tal-Oġġetti (Internet of Things, IoT). Fl-“edge computing”, id-data tiġi pproċessata mill-apparat innifsu jew minn kompjuter lokali jew server, minflok ma tiġi trażmessa f’ċentru tad-data.
Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għad-data, COM(2020) 66 final.
Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Reżiljenza, id-Deterrenza u d-Difiża: Il-bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE, JOIN(2017) 450.
Ir-rapport “Iċ-ċibersigurtà – l-ankra diġitali tagħna” taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka jipprovdi għarfien multidimensjonali dwar l-avvanzi fiċ-ċibersigurtà matul dawn l-aħħar 40 sena.
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tan-netwerks tal-5G, C(2019) 2335 final; Ir-rakkomandazzjoni tipprevedi r-rieżami tagħha fl-aħħar trimestru tal-2020.
Ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS dwar l-implimentazzjoni tas-Sett ta’ Għodod tal-24 ta’ Lulju 2020.
Ir-Regolament 2019/881 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà).
Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala pilastru għat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, COM(2020) 264.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2017/1584 dwar rispons koordinat għal inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.
http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9916-2017-INIT/mt/pdf
Ara l-Linji Gwida dwar il-Bini tal-Kapaċità Ċibernetika Esterna tal-UE adottati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-26 ta’ Ġunju 2018.
Is-sistemi ta’ identifikazzjoni bijometriċi remoti jistħoqqilhom skrutinju speċifiku. L-opinjonijiet inizjali tal-Kummissjoni huma deskritti fil-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, COM(2020) 65.
Bħal pereżempju l-Gwida biex jingħażlu soluzzjonijiet xierqa għall-ispazji pubbliċi permezz tal-ostakli tas-sigurtà ( https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC120307/hvm_v3.pdf ).
Gwida dwar prattiki tajbin tingħata f’SWD (2019) 140, inkluża t-taqsima dwar il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. Il-finanzjament fl-ambitu tal-ISF-Pulizija jiffoka b’mod speċjali fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat.
Tliet ibliet (Piraeus fil-Greċja, Tampere fil-Finlandja u Turin fl-Italja) se jittestjaw soluzzjonijiet ġodda bħala parti mill-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
L-aġenda Urbana għall-UE tirrappreżenta metodu ta’ ħidma ġdid fuq diversi livelli li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-bliet, il-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati oħra biex jiġu stimulati t-tkabbir, l-għajxien u l-innovazzjoni fil-bliet tal-Ewropa, u biex jiġu identifikati u indirizzati b’suċċess l-isfidi soċjali.
Dan l-aħħar ġie stabbilit programm ta’ ttestjar fuq diversi snin biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni u ta’ pjattaforma tal-ittestjar f’dan il-qasam.
Id-Direttiva 2013/40/UE dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni.
Mas-46 % (l-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn iċ-ċibersigurtà, Jannar 2020).
Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-Ewrobarometru tal-2018 “ L-attitudni tal-Ewropej lejn is-sigurtà tal-Internet ” (95 %) iqisu s-serq tal-identità bħala reat serju, u sebgħa minn kull għaxra jgħidu li hija reat serju ħafna. L-Ewrobarometru ppubblikat f’Jannar 2020 ikkonferma t-tħassib dwar iċ-ċiberkriminalità, il-frodi online u s-serq tal-identità: b’żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu li huma mħassbin dwar il-frodi bankarji (67 %) jew dwar is-serq tal-identità (66 %)
Il-komunikazzjoni tad-19 ta’ Frar 2020 Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67.
Pereżempju, f’reati finanzjarji.
Dan ifisser konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 kif ukoll id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/680 li tirregola l-ipproċessar tad-data personali għad-detezzjoni, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali.
Commission SWD(2018) 118 final.
B’mod partikolari, it-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni “Budapest” tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika.
Maħżuna f’bażijiet tad-data miżmuma minn 2 500 operatur tar-reġistru u tar-reġistraturi bbażati fid-dinja kollha.
Proposta għall-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, COM (2018) 640, it-12 ta’ Settembru 2018.
Europol, Novembru 2019.
Ewropa li tipproteġi - Protokoll tal-UE għall-kriżijiet: ir-rispons għall-kontenut terroristiku online . (Ottubru 2019).
Marbut mal-ħidma tal-Programm ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, ara t-Taqsima IV.3 hawn taħt.
https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/codeofconduct_2020_factsheet_12.pdf
Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, COM(2020) 607.
It-terroristi dejjem aktar qed jużaw is-sistema tal-messaġġi tal-pjattaformi tal-logħob tal-azzard għall-iskambji tal-messaġġi, u terroristi żgħażagħ jilagħbu wkoll kemm-il darba l-attakki vjolenti fil-logħob tal-vidjo.
Qafas Konġunt għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu – ir-rispons tal-Unjoni Ewropea, JOIN (2016) 18.
Iż-żieda tar-Reżiljenza u t-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet li Jindirizzaw it-Theddid Ibridu, JOIN (2018) 16.
SWD(2020) 153 - Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt tal-2016 għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2018 dwar iż-żieda tar-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jindirizzaw it-theddid ibridu.
SWD(2020) 152 - Immappjar tal-miżuri relatati mat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu.
Ix-xenarju tat-Theddid Ibridu: Il-mudell kunċettwali JRC117280, żviluppat b’mod konġunt miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu.
Protokoll operazzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu (Playbook tal-UE), SWD(2016) 227.
Wara l-konferenza bil-vidjo tagħhom tas-26 ta’ Marzu 2020, il-Membri tal-Kunsill Ewropew adottaw Dikjarazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, u stiednu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti għal sistema ta’ ġestjoni tal-kriżijiet aktar ambizzjuża u mifruxa fl-UE.
Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fir-rigward tal-ISIL (Da’esh) u ta’ Al-Qaida, kif ukoll miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu. Ara l-Mappa tas-Sanzjonijiet ta’ l-UE ( https://www.sanctionsmap.eu/#/main ) għal ħarsa ġenerali lejn il-miżuri restrittivi kollha.
L-inizjattiva pilota “Il-bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni” għandha l-objettiv doppju li trawwem l-iskambju ta’ għarfien espert fost il-bliet tal-UE u li tiġbor feedback dwar kif l-aħjar jiġu appoġġati l-komunitajiet lokali fil-livell tal-UE.
Pereżempju finanzjament permezz tal-Fond Ewropew ta’ Sigurtà u l-programm ta’ Ċittadinanza.
Azzjonijiet tal-UE bħal-Iskambju Virtwali Erasmus+ u l-ġemellaġġ elettroniku.
Fl-aħħar sentejn kien hemm pereżempju diversi każijiet fl-Ewropa (fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja) kif ukoll fi bnadi oħra (it-Tuneżija, l-Indoneżja) li kienu jinvolvu aġenti bijoloġiċi (normalment tossini bbażati fuq il-pjanti).
Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi.
Sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw ħażin biex jiġu manifatturati splussivi magħmulin id-dar. Dawn huma rregolati bir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi.
Xi eżempji ta’ attakki devastanti bħal dawn jinkludu l-attakki f’Oslo (2011), f’Pariġi (2015), fi Brussell (2016), u f’Manchester (2017). Attakk bi splussiv magħmul id-dar f’Lyon (2019) darab 13-il persuna.
Inkluż il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2020 enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu protetti ċ-ċittadini tal-UE kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, fil-forom kollha tagħhom u irrispettivament mill-oriġini tagħhom, filwaqt li jiġu msaħħa aktar l-impenn u l-azzjoni esterna tal-UE kontra t-terroriżmu f’ċerti oqsma ġeografiċi u tematiċi ta’ prijorità.
F’termini ta’ Prodott Domestiku Gross (PDG); Rapport tal-Europol: “Il-kriminalità għadha trendi?” – Irkupru tal-Assi Kriminali fl-UE, 2016.
Europol, Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA), 2013 u 2017.
Europol, 2020.
EMCDDA u Europol, Rapport dwar is-Suq tad-Droga fl-UE tal-2019. (Novembru 2019).
Aġenda tal-UE dwar id-Droga u Pjan ta’ Azzjoni għall-2021-2025, COM (2020) 606.
L-Istitut Fjamming tal-Paċi, Armed to kill. (Ottubru 2019).
L-UE ffinanzjat il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fir-reġjun sa mill-2002; hija ffinanzjat b’mod partikolari n-Netwerk ta’ Esperti tal-Armi tan-Nar tal-Ewropa tax-Xlokk (SEEFEN). Sa mill-2019, is-sħab tal-Balkani tal-Punent kienu involuti b’mod sħiħ fil-prijorità dwar l-Armi tan-Nar tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT).
COM(2020) 608.
Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ armi tan-nar u t-traffikar tagħhom.
Sors: Europol.
Europol, EMSC, ir-raba’ Rapport Annwali.
Valutazzjoni ta’ rispons rapidu tal-UNEP-INTERPOL: The Rise of Environmental Crime (Iż-Żieda fir-Reati Ambjentali), Ġunju 2016.
Ara l-Patt Ekoloġiku Ewropew COM(2019) 640 final.
Id-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali.
Pjan ta’ Azzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ ħasil il-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu COM (2020) 2800.
Il-liġi tal-UE tirrikjedi li jiġu stabbiliti Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi fl-Istati Membri kollha.
Rapport dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi: niżguraw li l-kriminalità ma trendix qligħ, COM(2020) 217 final.
Id-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha.
Huwa diffiċli li jiġu stmati l-ispejjeż ekonomiċi totali tal-korruzzjoni, għalkemm saru sforzi minn korpi li jinkludu l-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali, Transparency International, il-Patt Globali tan-NU, u l-Forum Ekonomiku Dinji, li jissuġġerixxu li l-korruzzjoni tammonta għal 5 % tal-PDG dinji.
Unjoni ta’ ugwaljanza: Srateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, COM (2020) 152
Bħalma huwa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE li wassal għal kisbiet importanti rigward il-kooperazzjoni fil-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta bejn l-Aġenziji rilevanti tal-UE.
Il-ġlieda tal-UE kontra l-kriminalità organizzata fl-2019 (il-Kunsill, 2020).
L-INTCEN tal-UE huwa l-uniku portal għas-Servizzi ta’ Intelligence u ta’ Sigurtà tal-Istati Membri li jipprovdi lill-UE għarfien dwar is-sitwazzjoni li jkun immexxi mill-intelligence.
EMPACT tfisser Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats) .
https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7623-2020-INIT/en/pdf .
Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri.
Id-Direttiva 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.
Magħmula mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri.
Is-sistema ta’ Dħul u Ħruġ (Entry Exit System, EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS-TCN), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u l-Eurodac li fil-futur trid tiġi aġġornata.
Ir-rabta bejn il-frodi tad-dokumenti u t-traffikar tal-bnedmin hija stabbilita fit-tieni rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, COM (2018) 777 u d-dokument ta’ akkumpanjament SWD (2018) 473, u r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni, tal-2016 tal-Europol, “Trafficking in human beings in the EU”.
Dan għandu jkun ibbażat fuq l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Strateġija Ewropea għad-data, COM(2020) 66 final.
Il-proposti tal-Kummissjoni għal Orizzont Ewropa, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, il-Programm EUInvest, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm Ewropa Diġitali kollha se jappoġġaw l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi tas-sigurtà tul il-katina tal-valur tas-sigurtà.
Il-Proposta tat-12 ta’ Settembru 2018 tistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, COM(2018) 630.
Pereżempju, Copernicus jipprovdi servizzi li jippermettu s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-UE u s-sorveljanza marittima li jgħinu biex tittieħed azzjoni kontra l-piraterija u l-kuntrabandu, kif ukoll jappoġġa l-infrastrutturi kritiċi. Ladarba dan ikun kompletament operazzjonali, se jkun il-faċilitatur ewlieni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari.
Dan ikun jaħdem ukoll mal-EBCGA/Frontex, mas-CEPOL, mal-eu-LISA u maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
Ara www.betterinternetforkids.eu : il-portal ċentrali u ċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur nazzjonali huma attwalment iffinanzjati permezz tas-CEF/Telecom, għall-futur ġie propost li l-finanzjament isir permezz tal-Programm Ewropa Diġitali.
L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa biex jiġu żgurati l-kompetittività sostennibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final
Ara l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, COM(2020) 152; L-istrateġija dwar id-drittijiet tal-vittmi, COM(2020) 258; u l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, COM(2012) 196.
Ara l- Istrateġija Globali tal-UE