Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0556

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SO\u266?JALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-RE\u288?JUNI Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni \u8211? Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

    /* COM/2012/0556 final */

    52012DC0556

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SO\u266?JALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-RE\u288?JUNI Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni \u8211? Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur /* COM/2012/0556 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

    1.           Introduzzjoni

    1.           L-avjazzjoni għandha rwol fundamentali fl-ekonomija Ewropea għaċ-ċittadini u għall-industrija tal-UE. Issostni 5.1 miljun impjieg u tikkontribwixxi EUR 365 biljun jew 2.4% mill-PDG Ewropew[1], u għalhekk hija ta’ kontribuzzjoni vitali għat-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, it-turiżmu, il-kuntatti bejn il-persuni kif ukoll għall-koeżjoni reġjonali u soċjali tal-Unjoni. Kif stabbilit fil-White Paper dwar it-Trasport[2] tal-Kummissjoni tal-2011, l-avjazzjoni għadha u tibqa' essenzjali biex tgħaqqad l-Ewropa mal-bqija tad-dinja. Matul l-aħħar żewġ deċennji, bit-tneħħija tal-ostakli storiċi, l-UE ittrasformat u integrat swieq tal-avjazzjoni nazzjonali frammentati fl-uniku, l-akbar u l-aktar suq tal-avjazzjoni reġjonali miftuħ fid-dinja.

    2.           Iżda l-Ewropa intlaqtet aktar bil-qawwi mir-reċessjoni globali milli reġjuni oħra, u l-pożizzjoni kompetittiva tal-linji tal-ajru internazzjonali tagħha b’mod partikolari, tinsab taħt theddida minn għadd ta’ sfidi differenti. Din il-Komunikazzjoni ssostni li l-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni teħtieġ trasformazzjoni kbira u rapida biex tegħleb dawn l-isfidi. L-Ewropa għandha żżomm industrija tal-avjazzjoni qawwija u kompetittiva fiċ-ċentru tan-netwerk globali li jgħaqqad l-UE mal-bqija tad-dinja. Irridu nirriflettu kif xieraq ir-rwol strateġiku tal-avjazzjoni b’mod ġenerali, partikolarment ir-rwol li għandhom it-trasportaturi, l-ajruporti, il-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi tal-UE f’termini ta' tkabbir, impjiegi u l-kontribuzzjoni ewlenija li l-avjazzjoni tista' tagħti lill-istrateġija tat-tkabbir tal-UE "Ewropa 2020" u l-irkupru tal-ekonomija Ewropea. Il-linji tal-ajru Ewropej qegħdin fuq quddiem nett ta' din l-isfida kompetittiva u qed jiġġieldu biex jgħixu f'suq internazzjonali iebes[3] li huwa kkaratterizzat minn oqfsa u kulturi regolatorji diversi, minn ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li jillimitaw l-aċċess tas-suq, u kompetizzjoni li ħafna drabi tiġi mfixkla f'pajjiżi terzi minn sussidji inġusti jew prattiki bħal restrizzjonijiet fuq titjiriet ta' transitu.

    3.           Din il-Komunikazzjoni tevalwa l-progress miksub mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005 rigward l-iżvilupp ta' politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni[4] Tiffoka fuq l-aspetti “klassiċi” ta’ relazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni, iżda tiddiskuti wkoll diversi aspetti importanti oħra b’dimensjoni internazzjonali qawwija li għandhom rwol dejjem aktar importanti fit-tkabbir tas-suq u fil-kompetittività inġenerali tagħna bħall-iżvilupp tal-Ajru Uniku Ewropew u l-pilastru tat-teknoloġija relatat miegħu SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru (ATM) tal-Ajru Uniku Ewropew); il-politika Ewropea dwar is-sikurezza, bi rwol internazzjonali dejjem jikber għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), il-ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni (BASAs) kif ukoll il-kooperazzjoni teknika; il-politika Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, immirata biex iżżomm milli jkun hemm indħil illegali fl-avjazzjoni ċivili u l-politika Ewropea dwar l-ajruporti u l-infrastruttura li għandhom iwasslu għal infrastruttura vijabbli u kosteffiċjenti. Kwalunkwe reviżjoni u tisħiħ fil-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandu jqis bis-sħiħ dawn l-elementi importanti.

    4.           Filwaqt li l-Komunikazzjoni tikkonkludi li l-politika stabbilita fl-2005 timxi fid-direzzjoni t-tajba, irridu nifhmu li, seba’ snin wara, id-dinja tal-avjazzjoni hija differenti ħafna aktar milli kienet. L-avjazzjoni Ewropea teħtieġ mill-aktar fis qafas aktar b’saħħtu fejn tista’ tifjorixxi l-kompetizzjoni ġusta u miftuħa, u dan jista’ jiġi żgurat permezz ta’ approċċ Ewropew ħafna aktar ikkoordinat għar-relazzjonijiet esterni rigward l-avjazzjoni. Huwa fl-interessi tal-konsumatur Ewropew u tal-kompetittività tas-settur li jkun hemm rieda politika kondiviża biex wieħed javvanza bin-negozjati fil-livell tal-UE fejn intewerew il-valur miżjud u l-benefiċċji ekonomiċi.

    5.           L-UE teħtieġ tuża l-firxa tal-għodod kollha disponibbli, inkluż l-awtorizzazzjonijiet tal-Kunsill għan-negozjati fil-livell tal-UE mas-sħab ewlenin kif ukoll ma’ pajjiżi Ewropej ġirien, u, fejn meħtieġ, niddefendu lilna nfusna b’mod aktar effettiv kontra prattiki inġusti. L-UE teħtieġ li turi li kapaċi tmexxi l-bidla lejn sjieda u reġimi ta' kontroll internazzjonali li ser jiżguraw li t-trasportaturi globali bbażati fl-UE jibqgħu prominenti fin-netwerk globali għas-snin li ġejjin. Meta nagħmlu dan, irridu nżommu dejjem f’moħħna li mhux biss qed infittxu li nsaħħu l-kompetittività tal-katina sħiħa tal-valur tal-avjazzjoni Ewropea, u l-elementi kollha fiha, iżda li qed nagħmlu dan fl-interess tal-utent finali.

    1.1.        Nibnu fuq il-progress sa mill-2005 – issa żmien l-evalwazzjoni

    6.           Is-suċċessi tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni matul l-aħħar seba' snin, ibbażati fuq tliet pilastri ewlenin – l-għoti mill-ġdid ta' ċertezza legali; il-ħolqien ta’ spazju komuni tal-avjazzjoni ma' pajjiżi ġirien; u l-ftehimiet komprensivi ma' sħab ewlenin – huma stabbiliti fl-Anness. Fi ftit kliem, dawn kienu konsiderevoli. Riżultat tal-isforzi konġunti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE, iċ-ċertezza legali reġgħet ingħatat lura lil kważi 1000 ftehim tas-servizz tal-ajru bilaterali ma’ 117-il pajjiż li mhumiex fl-UE. Sar ħafna progress fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-pajjiżi ġirien, bi ftehimiet iffirmati diġà mal-Balkani tal-Punent, il-Marokk, il-Ġordan, il-Ġorġja u l-Moldova. Qed jiġu nnegozjati aktar ftehimiet. Il-benefiċċji ekonomiċi li rriżultaw mill-ewwel minn dawn il-ftehimiet (il-Balkani tal-Lvant u l-Marokk) ġew stmati għal total ta' EUR 6 biljun bejn l-2006 u l-2011[5] Sa mill-2005, l-UE innegozjat ukoll ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru ma' għadd ta' sħab kummerċjali ewlenin: l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Brażil.

    7.           Sa mill-2005, il-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni kisbet riżultati sinifikanti, u b’hekk ippermettiet lill-UE ssir protagonista importanti fl-avjazzjoni globali biex tilħaq benefiċċji ekonomiċi tanġibbli u vantaġġi oħra. Iżda huwa ċar ukoll li l-progress ma kienx rapidu u estensiv daqs kemm kellu jkun. It-tranżizzjoni minn relazzjonijiet bilaterali biss bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi sħab għal taħlita ta' relazzjonijiet bilaterali u fil-livell tal-UE wasslet għal xi konfużjoni fost il-pajjiżi sħab, u l-interessi tal-UE mhux dejjem ġew definiti u mħarsa bl-aqwa mod. Dan jitlob sforzi ulterjuri għall-koordinazzjoni fil-livell tal-UE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri kif ukoll kooperazzjoni mal-partijiet interessati tal-industrija.

    8.           Il-bidliet u l-isfidi li l-komunità globali tal-avjazzjoni qed tħabbat wiċċha magħhom ippermettew lill-UE turi li kapaċi tmexxi politika internazzjonali tal-avjazzjoni ambizzjuża u koerenti (ara hawn taħt). Madankollu, il-frammentazzjoni nazzjonali għadha prevalenti, b’nuqqas ġenerali ta’ unità u sens ta’ solidarjetà fil-livell tal-UE. Għadna ma lestejniex politika esterna komuni u komprensiva tal-UE dwar l-avjazzjoni; għadna soġġetti wisq għall-interessi nazzjonali u għadna niddependu ħafna fuq inizjattivi ad hoc ibbażati fuq awtorizzazzjonijiet individwali għan-negozju.

    9.           Reċentement, fattur ulterjuri kien ir-reazzjoni ta’ għadd kbir ta’ sħab internazzjonali għall-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet. Madankollu, minħabba l-importanza inġenerali tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, l-UE tara l-iżvilupp sostenibbli tal-avjazzjoni bħala suġġett importanti għall-politika tagħna dwar ir-relazzjonijiet esterni, b’mod bilaterali u globali permezz tal-ICAO. Ir-reazzjoniet tal-UE għall-ETS juru l-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni ulterjuri rigward il-kwistjonijiet dwar it-tibdil fil-klima biex jingħelbu l-ostakli u jitwessa' l-ambitu għal kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku. L-UE tappoġġa bil-qawwa u ttenni r-rieda kontinwa tagħha li taqbel dwar approċċ globali fl-ICAO dwar il-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni sabiex tippermetti żvilupp sostenibbli tal-industrija tal-avjazzjoni.

    10.         Dak li nkiseb s’issa tul l-aħħar seba’ snin jirrappreżenta progress tajjeb iżda jidher biċ-ċar li għad fadal xi jsir. Il-ħin kollu qed jinbtu sfidi ġodda minħabba l-ambjent globali tal-avjazzjoni li huwa dinamiku ħafna u li qed jinbidel malajr. Barra minn hekk, dawn l-isfidi qegħdin dejjem aktar ikunu ta' livell globali, u dan jitlob risposti konġunti mill-UE, minħabba li huwa diffiċli ħafna li wieħed jikseb soluzzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri tal-UE.

    11.         Issa ż-żmien li l-politika barranija u l-viżjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni tittieħed pass sinifikanti ’l quddiem. Ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-politika għandhom isiru mill-aktar fis possibbli. Il-pass tal-liberalizzazzjoni mhux koordinata tas-suq fil-livell tal-Istati Membri tal-UE ma' ċerti pajjiżi mhux fl-UE huwa tali li jekk ma naġixxux issa fi żmien ftit snin jaf ikun tard wisq. U għal dan tista' tikkontribwixxi l-intenzjoni apparenti tal-Istati Membri li jibqgħu jagħtu drittijiet tat-traffiku tal-ajru bilaterali lil pajjiżi terzi mingħajr ma jaraw redditu raġonevoli, jew mingħajr ma jitqiesu l-implikazzjonijiet fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, ma għamilniex biżżejjed progress biex negħlbu r-restrizzjonijiet għas-sjieda u għall-kontroll. Dawn huma ta’ theddida għall-iżvilupp ta’ industrija globali u jiċħdu lit-trasportaturi tal-UE sorsi importanti ġodda ta’ kapital. Huwa urġenti li l-ambitu tan-negozjati fil-livell tal-UE ta’ għadd ta’ sħab tal-avjazzjoni ewlenin u dejjem aktar importanti jiġi estiż.

    2.           sfidi ewlenin f’ambjent globali tal-avjazzjoni li qed jinbidel malajr

    2.1.        Ix-xejriet tas-suq fuq perjodu medju u fit-tul

    12.         It-trasport bl-ajru fl-UE u madwar id-dinja kważi sar dritt miksub li nqisuh bħala fatt. It-trażżin tal-mobbiltà mhuwiex għażla: il-konnettività hija essenzjali għall-kompetittività. L-ekonomiji emerġenti għandhom, bir-raġun, aspirazzjonijiet għolja għall-aċċess għal aktar ivvjaġġar bl-ajru u l-feġġ gradwali ta’ popolazzjoni aktar affluwenti f’dawn is-swieq ser tikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għal domanda akbar għat-trasport bl-ajru. Il-klassi medja globali mistennija li sal-2030 kważi tittriplika fid-daqs (minn 1.8 biljun fl-2010 sa 4.9 biljun fl-2030) u togħla b'fattur ta’ aktar minn sitta fir-reġjun Ażja-Paċifiku[6]

    13.         Minkejja l-kriżi ekonomika attwali, it-trasport globali bl-ajru fuq perjodu fit-tul mistenni jikber b'madwar 5% kull sena sal-2030[7], żieda akkumulata ta' aktar minn 150%. Id-domanda għat-trasport bl-ajru hija xprunata primarjament mit-tkabbir ekonomiku u l-ġid. B'rata mistennija ta' tkabbir annwali medju tal-PDG għall-Ewropa ta' 1.9%[8] bejn l-2011 u l-2030 mqabbla, pereżempju, mar-rati ta' tkabbir għall-Indja u ċ-Ċina ta' 7.5% u 7.2% rispettivament, it-tkabbir fl-avjazzjoni ser jara bidla relattiva għal żoni 'il barra mill-UE, bl-Ażja u l-Lvant Imbiegħed b'mod partikolari mistennija jsiru l-qofol tal-flussi tat-traffiku internazzjonali bl-ajru. Nofs it-traffiku l-ġdid tad-dinja li ser jiżdied matul l-20 sena li ġejjin ser ikun għal, minn, jew fir-reġjun Ażja-Paċifiku, li għalhekk sal-2030 ser jegħleb lill-Istati Uniti bħala l-mexxej fit-traffiku dinji u jilħaq sehem fis-suq ta’ 38%. Minħabba rati ta' tkabbir inqas mill-medja, f'ħafna reġjuni t-trasportaturi tal-UE ser ikunu qed jitilfu xi sehem mis-suq għal linji tal-ajru mhux tal-UE. Fl-2003, it-trasportaturi tal-UE kellhom sehem mis-suq ta’ 29% tal-kapaċità kollha inter-reġjonali fid-dinja. Sal-2025, dan is-sehem mistenni jaqa’ għal 20%[9] Din ix-xejra tfisser li, jekk ma jsir xejn, il-linji tal-ajru Ewropej se jiġġeneraw anqas benefiċċji u tkabbir għall-ekonomija Ewropea.

    14.         Fl-istess ħin, it-trasportaturi mhux tal-UE reġgħu saħħew il-pożizzjoni globali tagħhom. Pereżempju, l-aktar tkabbir mgħaġġel tat-traffiku reġjonali fid-dinja huwa mistenni li jseħħ fil-Lvant Nofsani, fejn sal-2030 il-linji tal-ajru tar-reġjuni ser ikunu qed jirrappreżentaw 11% tat-traffiku dinji, 'il fuq minn 7% fl-2010. Il-mudell kompetittiv globali inbidel b’mod sinifikanti bl-iżvilupp tat-trasportaturi tal-Golf li jipprovdu l-hekk imsejħa servizzi tas-sitt (6) libertà (jgħaqqdu s-swieq bir-rotot interkontinentali permezz taċ-ċentri (hubs) tagħhom)), ikabbru s-sehem tagħhom fis-suq tagħhom, jieħdu pożizzjoni aggressiva għall-futur permezz ta’ investimenti kbar ġodda fuq inġenji tal-ajru u ajruporti u jieħdu vantaġġ minn netwerk dinji liberali ħafna ta’ ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru. Gvernijiet fir-reġjun tal-Golf investew somom kbar fl-infrastruttura tal-avjazzjoni, de facto bidlu l-avjazzjoni fi strument strateġiku biex jippromovu r-rwol globali tar-reġjun. Bl-istess mod, is-swieq fl-Amerika t’Isfel kibru, minkejja li minn bażi iżgħar; it-trasportaturi Ażjatiċi konsistentement ippromovew it-tkabbir; u linji tal-ajru tal-Istati Uniti kkonsolidaw u tejbu aktar il-kompetittività, għalkemm din ġiet iffaċilitata mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-kreditur.

    2.2.        Mudelli ta’ negozju tal-avjazzjoni li jikkompetu bejniethom

    15.         Il-vijabbiltà tal-mudelli varji tan-negozju li qed jiġu segwiti fl-UE, bħall-mudelli punt għall-punt u tas-servizzi tan-netwerk u s-sistemi relatati tagħhom tar-rotot, hija importanti fir-rigward ta’ trasportaturi tal-UE li għandhom preżenza kompetittiva fi swieq esterni.

    16.         L-industrija Ewropea tal-linji tal-ajru għaddejja minn bidliet sinifikanti. Il-linji tal-ajru tradizzjonali issa qed jaffaċjaw kompetizzjoni qawwija mil-linji tal-ajru bi prezz baxx. Dawn issa jirrappreżentaw 40% tal-kapaċità disponibbli intra-UE u hija mistennija żieda sinifikanti ulterjuri[10]

    17.         Dan ovvjament għandu impatt maġġuri fuq l-operazzjonijiet, il-prestazzjoni u l-profitabbiltà tal-linji tal-ajru tradizzjonali tal-UE. Il-linji tal-ajru bi prezz baxx irnexxilhom jisfruttaw il-libertajiet il-ġodda tas-suq li nħolqu bil-liberalizzazzjoni ħafna aktar mil-linji tal-ajru tradizzjonali, bl-istimolu ta’ domanda ġdida permezz ta' prezzijiet aktar baxxi u billi joffru servizzi punt għal punt mingħajr ebda restrizzjoni għal titjiriet ta’ konnessjoni. Iżda llimitaw ħafna ruħhom għal operazzjonijiet fuq distanzi qosra u medji. Matul l-aħħar snin, il-linji tal-ajru l-kbar tradizzjonali Ewropej esperjenzaw telf sinifikanti fin-negozji intra-Ewropej tagħhom għad-distanzi qosra u medji minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn linji tal-ajru bi prezz baxx u ferroviji b’veloċità għolja. Dan it-telf sa ċertu punt ġie ikkumpensat minn rotot fuq distanzi twal, li huma s-sors ewlieni tad-dħul ta’ dawn it-trasportaturi. Politika qawwija tal-UE dwar l-avjazzjoni esterna mmirata għal swieq importanti toħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda tan-negozju għat-trasportaturi tal-UE.

    18.         Il-linji tal-ajru tradizzjonali mistennija jżommu rwol importanti fit-traffiku tal-ajru internazzjonali, billi sal-2030 jkunu qed ikopru 74% tat-traffiku totali dinji[11] Il-linji tal-ajru tradizzjonali għalhekk ser jibqgħu vitali biex jgħaqqdu l-Ewropa mal-bqija tad-dinja u wieħed ma jistax jassumi li l-linji tal-ajru bi prezz baxx se jikkontribwixxu ħafna għal dan ħlief billi jagħmlu użu minn ajruporti minn fejn jitlaq traffiku inter-kontinentali. F’dak is-sens, iż-żewġ mudelli tan-negozju jistgħu potenzjalment jiżviluppaw sinerġiji u konverġenza bejniethom.

    2.3.        L-importanza tal-hubs

    19.         Il-benefiċċji ekonomiċi tal-hubs huma magħrufa sew u jippermettu rotot “idjaq" li jitħaddmu bi profitt bl-appoġġ tat-traffiku ta’ konnessjoni. Sabiex tkun vijabbli, hub teħtieġ livell sinifikanti ta' domanda lokali kif ukoll netwerk estensiv ta' servizzi ta’ kollegament (“feeder"), u dan huwa għaliex l-aktar hubs ta’ suċċess ħafna drabi jinsabu fl-ajruporti tal-ibliet ewlenin.

    20.         Bi ftit limitazzjonijiet, ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed għandu jassumi li l-linji tal-ajru Ewropej mhumiex kapaċi joperaw hubs vijabbli, ikunux tal-merkanzija jew tal-passiġġieri, issa jew fil-ġejjieni prevedibbli. Madankollu, in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-ajruporti u ż-żieda fil-kriżi tal-kapaċità, li f'ċerti hubs ta’ ajruporti Ewropej diġà qed jillimitaw l-għadd ta’ rotot ta’ kollegament li jistgħu jiġu operati, għandhom jiġu indirizzati b’mod effettiv jekk il-kompetittività Ewropea għandha tinżamm. L-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruporti u l-iżvilupp tal-hubs, meta jkunu ġustifikati minn domanda qawwija u sostenibbli, huma kruċjali biex jippermettu l-hubs Ewropej jikkompetu ma’ dawk li għadhom qed jiżviluppaw f’partijiet oħra tad-dinja. Huwa għalhekk importanti li t-tfixkil għat-tkabbir jiġi identifikat minn stadju bikri u jitneħħa jew għall-anqas jitnaqqas l-impatt negattiv tiegħu billi jintużaw il-mezzi kollha disponibbli għal użu aktar effiċjenti tal-kapaċità skarsa tal-ajruporti.

    3.           L-Għanijiet ewlenin għall-politika esterna futura tal-ue dwar l-avjazzjoni

    3.1.        Il-Ħolqien ta' Kompetizzjoni Ġusta u Miftuħa

    21.         Aspett importanti ieħor huwa li t-trasportaturi tal-UE jkunu kapaċi jikkompetu fuq bażi miftuħa, ġusta u mhux imxekkla.

    22.         L-UE tikkonsidra s-swieq miftuħa bħala l-aqwa bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni u għalhekk tħaddan il-kompetittività. Din kienet lezzjoni fundamentali għall-istorja ta’ suċċess tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE. Filwaqt li huwa vitali li tiġi assigurata klima tan-negozju li tippermetti lit-trasportaturi tal-UE jikkompetu internazzjonalment, il-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandha tisħaq ukoll fuq l-importanza ta’ kompetizzjoni ġusta u miftuħa. Meta, pereżempju, sussidji, prattiki inġusti, applikazzjoni inkonsistenti tal-oqfsa regolatorji u nuqqas ta’ trasparenza fir-rappurtar finanzjarju ta’ kumpaniji jintużaw biex ifixklu s-suq, huwa leġittimu li l-industrija titħares kontra kompetizzjoni inġusta.

    23.         L-avjazzjoni tikkompeti bħala industrija tas-servizzi f’suq globali, u għalhekk il-kompetittività sostenibbli tiddependi fuq kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni. Fuq livell internazzjonali, il-linji tal-ajru bbażati fl-Ewropa qegħdin fi żvantaġġ kompetittiv, jekk il-kosti tal-produzzjoni tagħhom huma ogħla minn dawk ta’ linji tal-ajru oħra. Il-kompetittività tat-trasportaturi tal-UE, li ħafna minnhom qed jitħabtu finanzjarjament, tiġi mfixkla meta l-piżijiet ekonomiċi li jwasslu għal kosti ogħla għal kull unità ta' produzzjoni jkunu ogħla minn dawk ta' trasportaturi minn reġjuni oħra tad-dinja. L-applikazzjoni ta’ taxxi nazzjonali differenti imposti fuq is-settur tal-avjazzjoni jista' jkollha effett detrimental fuq is-suq intern u fuq il-kompetittività tal-kumpaniji tal-avjazzjoni ibbażati fl-UE, u għalhekk tkun teħtieġ analiżi ulterjuri. . It-trasportaturi tal-UE huma wkoll imxekkla minn kosti ogħla li jirriżultaw mill-konġestjoni fl-ajruporti u l-ispazji tal-ajru fl-Ewropa, kif ukoll imposti ogħla tal-ATM (ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) u tal-ajruporti. L-ispejjeż tax-xogħol relatati ma' standards għolja tax-xogħol u sistemi tal-ħarsien soċjali żviluppati sew huma wkoll ogħla fl-Ewropa milli f’ħafna mir-reġjuni l-oħra tad-dinja, u l-istess huma l-kosti relatati mal-kumpens tad-drittijiet tal-passiġġieri u l-kosti tal-emissjonijiet tal-karbonju. Xi wħud minn dawn il-piżijiet ekonomiċi addizzjonali u kosti għal titjiriet għal u mill-Ewropa meta kkumparati mas-sitwazzjoni f’reġjuni oħra jistgħu jibqgħu, għall-anqas għal ftit żmien, filwaqt li oħrajn jistgħu, sa ċertu punt, jiġu kkumpensati mill-innovazzjoni, il-ħruġ minn aktar kmieni ta' teknoloġija ġdida fl-Ewropa jew il-gwadanni mill-produttività, jew jistgħu jiġu indirizzati f'negozjati ma' pajjiżi sħab li jimmiraw li joħolqu kundizzjonijiet indaqs, e.ż. bl-osservanza tal-istandards internazzjonali ambjentali u tax-xogħol.

    24.         Huwa għalhekk importanti li titqies il-katina kollha tal-valur tal-avjazzjoni (ajruporti, fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, manifatturi, sistemi ta’ riservazzjoni bil-kompjuter, groundhandlers eċċ.) u li l-istrutturi tal-kosti, il-livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni f’partijiet oħra tal-katina tal-valur u l-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-infrastruttura fi swieq oħra ewlenin jitqiesu meta tiġi vvalutata l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-linji tal-ajru tal-UE internazzjonalment. Iżda l-linji tal-ajru tal-UE huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli huma nfushom mill-kompetittività tagħhom u mill-offerta tagħhom ta' tagħqida tajba ta' prezzijiet u livelli ta' kwalità tas-servizz li tappella għall-konsumaturi.

    25.         Huwa daqstant importanti li l-kompetizzjoni, fl-UE u lil hinn minnha ma tixxekkilx minn prattiki inġusti. Fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea reċentement fetħet serje ta' investigazzjonijiet fil-fond f'każijiet ta' għajnuna potenzjali mill-istat lil linji tal-ajru minn ajruporti reġjonali f'diversi Stati Membri tal-UE. It-tħassib huwa li l-linji tal-ajru li qed jirċievu tali għajnuna jiksbu vantaġġ ekonomiku eżaġerat li l-kompetituri ma jgawdux minnu, u b'hekk ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni fl-2012 ħabbret ukoll li ser tirrevedi l-linji gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna inizjali għal-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali. L-adozzjoni riċenti tar-regoli tal-UE[12] rigward is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema mobbli fl-UE bħall-ekwipaġġ ser itejjeb ukoll il-funzjonament tas-suq uniku minħabba li ma għadhiex tista' titkompla l-prattika adottata minn ċerti linji tal-ajru li jużaw is-sistemi tas-sikurezza soċjali l-anqas onerużi irrispettivament mill-bażi ta' domiċilju tal-ekwipaġġ. L-adozzjoni jew l-emenda tal-leġiżlazzjoni tal-UE għalhekk tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ambjent tan-negozju li jippermetti li t-trasportaturi tal-UE jikkompetu internazzjonalment.

    26.         Fil-livell estern, ir-Regolament 868/2004[13] kien maħsub biex iħares kontra s-sussidju u l-prattiki ta' prezzijiet inġusti li jikkawżaw dannu lit-trasportaturi tal-UE fil-provvista tas-servizzi tal-ajru minn pajjiżi mhux tal-UE. Madankollu, saru sejħiet qawwija għall-iżvilupp ta’ strumenti aktar effettivi tal-UE fis-settur tal-avjazzjoni biex jitħarsu l-interessi Ewropej kontra prattiki inġusti. Ir-Regolament 868/2004 għadu qatt ma ntuża u l-industrija ssostni li r-Regolament mhuwiex prattikabbli għaliex tfassal fuq għodod użati kontra d-dumping u s-sussidji għall-prodotti u mhux adattat kif xieraq għall-ispeċifiċitajiet tas-settur tas-servizzi tal-avjazzjoni. Ir-rimedji possibbli u l-aspetti proċedurali tar-Regolament huma wkoll meqjusa mhux xierqa għal settur tas-servizzi. Jeħtieġ li jiġi żviluppat strument aktar xieraq u effettiv biex jissalvagwardja kompetizzjoni ġusta u miftuħa fir-relazzjonijiet esterni tal-UE dwar l-avjazzjoni.

    27.         Is-sistemi tal-avjazzjoni li kontrihom jikkompetu l-linji tal-ajru u l-hubs tal-UE fil-Golf huma r-riżultat tad-deċiżjonijiet ċari meħuda għall-iżvilupp tal-avjazzjoni bħala settur ekonomiku strateġiku li jiġġenera benefiċċji għall-ekonomija inġenerali. It-trasportaturi tal-Golf jinsistu li ma jgawdux minn vantaġġi inġusti ta’ kompetizzjoni minn dawn is-sistemi. Minħabba dan, jidher li mod immedjat kif wieħed jista' jimxi 'il quddiem għandu jkun li jiġu żviluppati, bl-aktar mod xieraq fil-livell tal-UE, "klawsoli ta' kompetizzjoni ġusta” standard li jintlaħaq qbil dwarhom u li jiġu inklużi fil-ftehimiet rispettivi tas-servizzi tal-ajru bilaterali mal-Istati Membri tal-UE.

    28.         F’dan il-kuntest kummerċjali ġdid, huwa importanti u leġittimu li l-UE tkun kapaċi taġixxi b'mod effettiv internazzjonalment u tissalvagwardja l-kompetittività tal-linji tal-ajru tal-UE kontra kompetizzjoni inġusta u/jew prattiki ġejjin minn fejn ġejjin.

    3.2.        Strateġija ta’ Tkabbir ibbażata fuq “Aktar Ewropa”

    29.         Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE, partikolarment il-linji tal-ajru tradizzjonali internazzjonali tal-Ewropa, għaddew minn perjodu diffiċli u ser ikunu qed jiffaċċjaw sfidi serji ħafna fil-ġejjieni. Biex dawn l-isfidi jingħelbu, huma meħtieġa sforzi konġunti u rapidi fil-livell tal-UE, b’aktar azzjoni koordinata li teħtieġ tkun aktar effettiva mis-sistema attwali ta’ negozjati u relazzjonijiet bilaterali. L-UE, meta tkun magħquda, uriet li kapaċi twassal il-valur miżjud. Dan japplika sew għan-negozjati sew għall-assigurazzjoni tal-funzjonament xieraq tal-ftehimiet permezz ta', pereżempju, il-pożizzjonijiet komuni fil-Kumitat Konġunt skont il-ftehimiet varji.

    30.         L-istudju indipendenti li twettaq għall-Kummissjoni[14] ikkalkula li permezz ta’ aktar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin, partikolarment fi swieq ristretti u/jew li qed jikbru b’rata mgħaġġla, ikun hemm benefiċċji ekonomiċi sinifikanti ħafna ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena. Dawn jinkludu, partikolarment, it-Turkija, iċ-Ċina, ir-Russja, Stati tal-Golf[15], il-Ġappun, l-Eġittu u l-Indja.

    31.         Huwa ta’ importanza strateġika għall-UE li żżomm industrija tal-avjazzjoni qawwija u kompetittiva ibbażata fl-Ewropa li torbot lill-UE mal-bqija tad-dinja. Is-swieq tal-avjazzjoni li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla issa jinsabu ’l barra mill-Ewropa, u għalhekk huwa vitali li l-industrija Ewropea jkollha l-opportunità li tikber f’dawn is-swieq ukoll. L-isfida ser tkun biex l-industrija Ewropea tkun ippożizzjonata b’tali mod li tkun tista’ tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-ambjent li qed jinbidel malajr u li jkollha aċċess għas-swieq ġodda li qed jikbru b'rata mgħaġġla. Biex din l-isfida tintlaħaq jeħtieġ viżjoni koerenti tal-UE kif ukoll sinjali aktar ċari ta’ unità akbar fir-relazzjonijiet esterni tal-UE dwar l-avjazzjoni.

    32.         Il-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandha tkun xprunata minn tliet għanijiet paralleli li jistgħu jiġu rrikonċiljati għall-benefiċċju tal-ekonomija, it-tkabbir u l-impjiegi inġenerali: (i) il-ħolqien ta’ benefiċċji għall-konsumaturi (li jissuġġerixxi enfażi qawwi u kontinwu fuq il-ftuħ tas-swieq); (ii) il-ħarsien tal-kompetittività, li jimplika miżuri aktar qawwija fil-livell tal-UE li jinsistu fuq ir-riforma tas-sjieda u l-kontroll, tnaqqis tal-piż regolatorju u kundizzjonijiet internazzjonali indaqs (kollha iebsa biex jiġu assigurati fil-livell tal-Istati Membri); u (iii) għanijiet usa' ta’ politika pubblika li jmorru lil hinn mid-drittijiet tat-traffiku (l-approċċ tal-UE għalhekk ser ifittex li jassigura s-sigurtà tal-pubbliku, is-sikurezza u l-għanijiet ambjentali importanti).

    33.         Il-politika esterna u l-inizjattivi tal-UE dwar l-avjazzjoni għandhom jippromwovu u jiddefendu b’aktar qawwa l-interessi Ewropej u jkomplu jippromwovu u jikkondividu l-valuri, l-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej fuq bażi kollaborattiva. Il-politika għandha tipprova tilħaq l-ogħla standards possibbli li għandhom jiġu applikati fl-industrija, permezz ta' kooperazzjoni u konverġenza regolatorja. Dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu mingħajr negozjati koordinati fil-livell tal-UE mas-sħab ewlenin.

    4.           Tagħlimiet meħuda u t-Triq 'il quddiem

    4.1.        X’baqa’ xi jsir mill-pjan direzzjonali 2005?

    34.         Matul l-aħħar seba’ snin, kien hemm suċċessi sostanzjali kwantitattivi u kwalitattivi fil-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni (ara d-dettalji fl-anness). Iżda kien hemm ukoll nuqqasijiet u diżappunti reali, li wieħed jista' jitgħallem minnhom.

    35.         Fl-ambitu tal-ewwel pilastru (l-għoti mill-ġdid taċ-ċertezza legali) diġà inkiseb ħafna. Madankollu, ir-relazzjoni kontinwa ma’ ċerti sħab u approċċ koordinat u determinat tal-UE għal dawn il-ftit pajjiżi għandhom jiġu segwiti bil-għan li jissolvew kwistjonijiet pendenti.

    36.         Fl-ambitu tat-tieni pilastru (ftehimiet tal-viċinat), ġew innegozjati għadd ta’ ftehimiet importanti li ser jiġġeneraw benefiċċji dejjem akbar għall-UE u għall-pajjiżi ġirien. Il-kuntatti u n-negozjati mal-bqija tal-pajjiżi ġirien għandhom jiġu intensifikati u aċċellerati bil-għan li sal-2015 jintlaħqu ftehimiet mal-Ukranja, it-Turkija, it-Tuneżija, l-Azerbajġan, il-Libanu, l-Alġerija, l-Armenja, l-Eġittu, il-Libja u s-Sirja (ovvjament soġġetti għal kundizzjonijiet politiċi nazzjonali u reġjonali). Importanti li, tul iż-żmien, minn dan il-proċess tevolvi żona ta’ avjazzjoni komuni verament integrata fejn ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien infushom isiru miftuħa u integrati wkoll. Fid-dawl tal-għanijiet simili li l-UE taqsam mal-pajjiżi ġirien, ma jagħmilx aktar sens għall-Kunsill li jkollu jqis l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għan-negozjar ta' ftehimiet fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż. Ikun ħafna aktar effiċjenti li l-Kummissjoni tingħata awtorizzazzjoni unika biex tinnegozja mal-bqija tal-pajjiżi ġirien għalkemm xorta fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż. Dan jippermetti wkoll aktar flessibbiltà f'termini ta' kalendarju għat-tendija tan-negozjati.

    37.         Fl-ambitu tat-tielet pilastru (ftehimiet komprensivi ma’ sħab ewlenin) ġew innegozjati għadd ta’ ftehmiet importanti. Madankollu, huwa wkoll qasam fejn ċerti għanijiet ewlenin xorta għad iridu jintlaħqu, partikolarment skont il-ftehimiet UE-Stati Uniti u UE-Kanada rigward il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru.

    38.         Minkejja l-progress li sar madwar id-dinja lejn reġim regolatorju aktar liberali għat-trasport internazzjonali bl-ajru, il-gvernijiet xorta għadhom ma rriformawx ir-regoli arkajki għas-sjieda u għall-kontroll tal-linji tal-ajru. Ħafna mill-pajjiżi għadhom iħaddnu regoli li jistipulaw li l-linji tal-ajru għandhom ikollhom il-maġġoranza tal-ishma f'idejn in-nazzjonali tagħhom u kkontrollati minnhom, u b'hekk dan iċaħħad lit-trasportaturi tal-ajru l-aċċess għal firxa aktar wiesgħa ta' investituri u swieq kapitali. L-effett kien li ġiet imposta struttura ta' industrija artifiċjali fuq is-settur tal-linji tal-ajru li ma teżistix f’industriji oħra. Minkejja l-firxa globali tal-avjazzjoni, ma hemmx linja tal-ajru waħda verament globali bil-mod li industriji oħra għandhom kumpaniji globali. Il-konsolidazzjoni transfruntieri, li ħafna jarawha bħala prerekwiżit għal industrija tal-linji tal-ajru aktar ekonomikament sostenibbli, hija severament ristretta. Fl-Istati Uniti, pereżempju, is-sjieda barranija tal-linji tal-ajru hija ristretta għal 25%. B’konsegwenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll feġġew tliet alleanzi globali tal-linji tal-ajru (Star Alliance, Sky Team u oneworld), u b’mod speċifiku l-impriżi konġunti li nħolqu bejn xi wħud mill-membri tagħhom għal ċerti rotot.Dawn sar għandhom rwol importanti li joqrob ħafna għal dak tal-linji tal-ajru globali.

    39.         Madanakollu, skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, it-trasportaturi tal-UE, mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll iżda jistgħu jkunu propjetà ta' kwalunkwe interess tal-UE. Fl-aħħar snin, l-industrija tal-linji tal-ajru Ewropea għaddiet minn proċess ta’ konsolidazzjoni transfruntieri madwar tliet gruppi ewlenin Ewropej tat-trasportaturi tal-ajru. il-Grupp Air France-KLM; il-Grupp Lufthansa ma' SWISS, l-Austrian Airlines u sehem sinifikanti fi Brussels Airlines, u aktar riċenti l-International Airline Group (IAG) li nħoloq bħala kumpanija possedenti tal-British Airways, l-Iberia u issa wkoll il-bmi. Barra minn hekk, ir-rekwiżit relattiv tal-UE għall-kwota tal-maġġoranza jista’ jiġi rrinunzjat permezz ta’ ftehimiet komprensivi tal-UE ma’ pajjiżi sħab u dan ikun jippermetti sjieda f'maġġoranża u kontroll barrani.

    40.         Ix-xejra ta’ konsolidazzjoni fl-Ewropa hija unika, fis-sens li fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transfruntieri huma permessi biss fl-UE filwaqt li s-sjieda u r-reġimi ta’ kontroll jibqgħu fundamentalment imwaħħla fejn kienu ġew innegozjati fl-1944 fil-Konvenzjoni ta’ Chicago. Id-diffikultajiet li rriżultaw mid-dispożizzjonijiet attwali dwar is-sjieda u l-kontroll huma sinifikanti u jeħtieġu negozjati ma’ pajjiżi sħab u strutturi governattivi kumplessi ħafna. Inevitabbilment dan ifisser li ma jistgħux jinkisbu l-benefiċċji kollha tal-konsolidazzjoni. Il-membri ta' alleanza jikkooperaw aktar u aktar mill-qrib biex joffru lill-konsumaturi servizz tan-netwerk wieħed b’hub multiplu globali integrat.

    41.         Parti mill-problema fir-rigward tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għas-sjieda u għall-kontroll kienet il-ħtieġa, sabiex ir-riforma jkollha tifsira b'xi mod reali, li jiġi assigurat il-ftehim ta’ massa kritika jew proporzjon kbir ta’ pajjiżi. Biex ir-riforma globali tas-sjieda u l-kontroll tavvanza, il-punt loġiku tat-tluq huwa s-suq transatlantiku. Minħabba li bejniethom, l-UE u l-Istati Uniti jgħoddu għal kważi nofs l-avjazzjoni globali, jirrappreżentaw blokk qawwi u l-introduzzjoni ta' trasportaturi ġenwinament transatlantiċi tista' toħloq momentum importanti. Wasal iż-żmien biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu liberalizzati s-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru, sabiex il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jħajru l-investiment irrispettivament min-nazzjonalità tal-investitur. Madankollu, dan l-għan importanti tal-politika li tippermetti u tħeġġeġ investiment barrani fil-linji tal-ajru għandu jiġi segwit b'mod usa' - b’mod bilaterali bejn l-UE u sħab ewlenin oħra, u fuq livell globali multilaterali partikolarment permezz tal-ICAO. L-UE trid tadotta rwol aktar deċiż fil-valutazzjoni ta’ kif jista' jiġi trattat it-tħassib relatat mal-klawsoli attwali ta' sjieda u kontroll , partikolarment ma' pajjiżi li jaħsbuha l-istess, filwaqt li tindirizza l-ħtieġa għal linji tal-ajru biex ikollhom aċċess għall-finanzjament tal-kapital u biex il-linji tal-ajru jkunu aktar attraenti f'għajnejn is-swieq finanzjarji. In-negozjati tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles jista' ikollhom rwol kumplimentari utli fit-tneħħija ta' restrizzjonijiet.

    42.         Issa huwa wkoll importanti li jiġu ffinalizzati n-negozjati mal-Awstralja u jiġi ffaċilitat id-dħul tal-benefiċċji mill-ftehim UE-Brażil, li l-firma tiegħu sfortunatament ġiet ittardjata.

    43.         It-tielet pilastru jirrappreżenta wkoll potenzjal enormi għal aktar benefiċċji. Fl-2005, pereżempju, il-Kummissjoni diġà wriet benefiċċji ekonomiċi sinifikanti, mill-ftehimiet komprensivi tal-futur mar-Russja, iċ-Ċina u l-Indja u għalhekk talbet awtorizzazzjonijiet biex tkun tista' tinnegozja ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru, li sa issa għadhom ma ngħatawx, ma’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Dawn il-benefiċċji potenzjali ġew ikkonfermati minn studju indipendenti mwettaq mill-Kummissjoni u l-għan ta’ ftehimiet komprensivi ma' dawn l-isħab ewlenin għandu għalhekk jinżamm u jiġi segwit. L-istudju wera wkoll benefiċċji ekonomiċi potenzjali ewlenin minn ftehimiet komprensivi ma' għadd ta’ sħab importanti oħra.

    4.2.        Prinċipji ewlenin li jiggwidaw il-politika esterna futura tal-UE dwar l-avjazzjoni

    44.         Minħabba t-tisħiħ tas-suq uniku, l-introduzzjoni ta’ trasportaturi verament Ewropej li dejjem qed isiru aktar multi-nazzjonali fl-istruttura tas-sjieda tagħhom u s-setgħat dejjem akbar tal-UE fi kważi l-oqsma kollha tal-avjazzjoni, wasal iż-żmien biex l-UE issegwi approċċ aktar koordinat u assertiv fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tagħha. F’ċerti każijiet, jista' ikun biżżejjed li ssaħħaħ il-livell eżistenti ta' koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-industrija filwaqt li tkompli ssegwi r-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab fuq bażi bilaterali. Dan ikun jeħtieġ koordinazzjoni formalizzata tal-UE u ftehimiet trasparenti. Madankollu, l-esperjenza turina li anke meta jkunu koordinati, ir-relazzjonijiet bilaterali jġibu magħhom riskju serju ta’ riżultati inqas xierqa. In-negozjati fil-livell tal-UE li huma bbażati fuq l-unità tal-UE u awtorizzati mill-Kunsill ġeneralment jirrappreżentaw mod aktar xieraq u effettiv biex jitfittxew l-interessi Ewropej. Dan l-approċċ għalhekk għandu aktar jiġi żviluppat bħala l-prattika ġenerali mas-sħab ewlenin kollha, milli bħala eċċezzjoni għar-regoli – kif inhu fil-preżent.

    45.         L-UE għandha tkompli tkun kuraġġuża fil-promozzjoni ta' aktar ftuħ u liberalizzazzjoni fl-avjazzjoni, filwaqt li tassigura li jinkiseb livell sodisfaċenti ta' konverġenza regolatorja. Fejn huwa meħtieġ, għandha tkun lesta li tiġġieled ukoll għall-industrija, l-ekonomija u l-impjiegi tal-UE u tassigura li jitħaddmu l-istrumenti xierqa biex jiddefendu l-interessi tagħha. Fin-negozjati ma' pajjiżi sħab, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-istandards tax-xogħol u l-ambjent fir-rigward tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali fiż-żewġ oqsma biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq u wieħed jevita kompetizzjoni bir-ribass.

    46.         Meħtieġ ukoll tibdil fil-kuntest globali tal-avjazzjoni. Dan huwa fejn l-ICAO jista' ikollha rwol ewlieni fl-immodernizzar tal-qafas eżistenti li jiggverna s-suq globali tal-avjazzjoni, hekk kif għandha f’oqsma oħra ewlenin bħas-sikurezza u s-sigurtà. L-ICAO tista’ tgħin biex tiżviluppa aktar il-qafas regolatorju ekonomiku għas-settur globali tal-avjazzjoni, inkluż fil-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru, tassigura qafas madwar id-dinja għal kompetizzjoni ġusta u tassigura żvilupp ambjentali sostenibbli tas-settur.

    4.3.        It-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' sħab ewlenin

    47.         Il-Komunikazzjoni saħqet fuq l-importanza strateġika għall-UE ta’ industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva li tinkludi l-linji tal-ajru tradizzjonali Ewropej b'firxa globali. Bħala l-ewwel kundizzjoni biex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ li tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-industrija, u t-tieni li jiġu assigurati opportunitajiet ta’ aċċess għas-swieq biex tkun tista’ tikkompeti u topera fi swieq ewlenin. Minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, l-industrija Ewropea tal-merkanzija u l-posta rapida b’mod partikolari qed issofri mad-dinja kollha minn ftehimiet bilaterali tas-servizzi bl-ajru u għandha tingħata prijorità għolja meta jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq. L-UE teħtieġ tfassal ir-risposta tagħha għall-isfidi relatati ma' uħud mis-swieq u s-sħab strateġiċi, kif ġej.

    48.         It-Turkija, bħala attur reġjonali ewlieni, tirrappreżenta għall-UE suq strateġiku li huwa wieħed mill-aktar swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla. Wara l-Istati Uniti, it-Turkija hija l-akbar destinazzjoni għat-traffiku tal-passiġġieri għal u mill-UE bi 30 miljun passiġġier ittrasportati fl-2010. Mill-1999, it-traffiku tal-passiġġieri UE-Turkija kiber b'medja ta' aktar minn 9% fis-sena. Jirrappreżenta tliet darbiet aktar mit-traffiku tal-passiġġieri UE-Marokk u huwa akbar mid-doppju tas-suq UE-Russja għas-servizzi tal-passiġġieri. It-Turkija u l-UE għandhom interessi komuni f’diversi oqsma tal-avjazzjoni u l-ambitu għall-kooperazzjoni huwa wieħed konsiderevoli ħafna. Fir-reġjun hemm ukoll xi kwistjonijiet diffiċli rigward l-avjazzjoni li jeħtieġ jiġu riżolti għaliex huma ta' dannu għaż-żewġ naħat. Għandha tiġi żviluppata aġenda pożittiva u prammatika mat-Turkija li tippermetti progress ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet biex jiġu riżolti kwistjonijiet konkreti fir-reġjun. B’mod partikolari, għandu jiġi avvanzat ftehim bilaterali tas-sigurtà. Dejjem jekk isir progress biex jiġu riżolti dawn l-ostakli, imbagħad ikun jista' jiġi previst ftehim komprensiv.

    49.         Rigward ir-Russja, wasal iż-żmien biex isir qbil dwar relazzjoni aktar koerenti, stabbli u ambizzjuża li tista’ toffri prevedibbiltà ta’ ppjanar għat-trasportaturi taż-żewġ naħat. Ir-Russja mill-aktar fis possibbli jeħtieġ turi l-impenn tagħha għall-ftehim tal-2011 dwar l-implimentazzjoni tal-“Prinċipji maqbula dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tat-titjir fuq territorju Siberjan”. Lil hinn minn dan, l-iskop għall-kooperazzjoni huwa vast u l-benefiċċji potenzjali ta’ sħubija strateġika ġenwina, jew anke relazzjoni normalizzata, għar-Russja u l-UE huma ugwalment sinifikanti – kif inhuma l-kosti potenzjali jekk ir-relazzjoni ma tittiħidx 'il quddiem. Hekk kif jiġu riżolti l-ostakli attwali, l-UE għalhekk għandha tipproponi pjan direzzjonali li l-għan aħħari tiegħu għandu jkun ftehim komprensiv tal-avjazzjoni UE-Russja.

    50.         Ir-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf fl-aħħar snin kienu fil-biċċa l-kbira proċess f'direzzjoni unika ta' ftuħ tas-swieq tal-UE għat-trasportaturi tal-Golf, li ħoloq żbilanċi sinifikanti fl-opportunitajiet. Fl-istess ħin, jibqgħu dubji dwar jekk it-trasparenza tar-rappurtar tal-prestazzjoni finanzjarja ta’ ċerti trasportaturi tal-Golf tilħaqx l-istandards internazzjonali. Barra minn hekk, ċerti Stati tal-Golf sabuha bi tqila biex jaċċettaw jew anke jiddiskutu klawżoli ta' "kompetizzjoni ġusta" mal-Istati Membri tal-UE individwalment. Din ix-xejra għandha tinqaleb, l-ewwel lejn l-assikurazzjoni ta’ trasparenza u kompetizzjoni ġusta u miftuħa u mbagħad, abbażi ta’ dak, lejn żvilupp kontinwu tas-suq. Ikun xieraq li dan il-proċess ikun ikkoordinat fil-livell tal-UE permezz ta’ ftehimiet komperensivi tal-UE mal-pajjiżi ewlenin.

    51.         L-Ażja qed tikber bil-ħeffa fl-importanza fl-avjazzjoni globali u għalhekk hija ovvjament suq fejn it-trasportaturi tal-UE ma jistgħux jaffordjaw ma jkunux preżenti b'mod attiv. Diversi pajjiżi Ażjatiċi, li ħafna minnhom issa jsegwu politiki tal-avjazzjoni aktar liberali, esprimew l-interess li jikkonkludu ftehimiet komprensivi mal-UE. L-UE għandha ssegwi tali opportunitajiet, kemm-il darba dawn il-pajjiżi jirrikonoxxu bis-sħiħ il-liġi tal-avjazzjoni tal-UE inkluż il-prinċipju tan-nomina tal-UE, u kemm il-darba dawn is-swieq joffru opportunitajiet ugwali u kompetizzjoni ġusta għaż-żewġ naħat. Intwerew benefiċċji ekonomiċi sinifikanti potenzjali mill-ftehimiet komprensivi tal-UE dwar it-trasport bl-ajru maċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun. Dawn il-ftehimiet għalhekk għandhom jiġu segwiti. L-UE qiegħda ssegwi wkoll b’ħafna interess l-iżviluppi fl-ASEAN lejn Suq Uniku tal-Avjazzjoni ASEAN sal-2015, li jixbah ħafna l-ħolqien tas-suq reġjonali miftuħ tal-avjazzjoni fl-Ewropa. Dan ser joffri opportunitajiet interessanti ġodda għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN u f'xi stadju għandu jwassal għal ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni UE-ASEAN. Singapor ħa l-inizjattiva f’dan ir-rigward u ppreżenta lilu nnifsu bħala gwida għall-UE biex issaħħaħ il-preżenza tagħha fl-ASEAN, u lil hinn.

    52.         Żviluppi reġjonali simili għaddejjin f'reġjuni oħra tad-dinja, inkluż l-Amerika Latina fejn il-konsolidazzjoni kontinwa tal-linji tal-ajru għandha tintlaqa' minħabba li toffri possibbiltajiet għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet eqreb blokk għal blokk li jistħoqqilhom ftuħ ulterjuri tas-swieq.

    53.         Is-suq Afrikan tal-avjazzjoni għandu potenzjal għat-tkabbir fit-tul. Fir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni UE-Afrika bħalissa, qed tingħata prijorità biex tittejjeb is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Afrika bl-appoġġ għall-ħolqien u l-operazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tas- Sorveljanza tas-Sikurezza u billi tiġi pprovduta għajnuna lill-pajjiżi inklużi fil-lista tal-UE ta’ linji tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-UE.

    4.4.        L-għodod li għandhom jiġu applikati

    54.         L-UE tixtieq tiżviluppa relazzjonijiet qawwija, komprensivi u ta’ benefiċċju reċiproku mas-sħab ewlenin tagħha. Dan imur lil hinn mill-kwistjoni sempliċi tal-liberalizzazzjoni tad-drittijiet tat-traffiku u għandu jinkludi, pereżempju, kooperazzjoni regolatorja, teknoloġika u industrijali. Ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin u tal-istess ħsieb għandhom jindirizzaw u jissinkronizzaw il-kundizzjonijiet regolatorji għal kompetizzjoni ġusta u għal industrija sostenibbli tal-avjazzjoni, inkluż aspetti essenzjali bħas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u r-regolazzjoni ekonomika.

    55.         Din il-Komunikazzjoni saħqet fuq l-importanza li tinżamm industrija kompetittiva Ewropea tal-avjazzjoni. Biex ikun assigurat li jintlaħaq dan l-għan strateġiku ser tkun meħtieġa aktar koordinazzjoni sistematika, solidarjetà aktar qawwija u l-użu ta’ firxa sħiħa ta’ għodod li huma disponibbli għall-UE, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE, l-industrija tal-UE u istituzzjonijiet u aġenziji tal-avjazzjoni Ewropej. B’dan il-mod ser jissaħħu wkoll il-benefiċċji potenzjali għal sħab l-UE. Dan jista’ jkun f'diversi forom li għandhom jitqiesu b'mod konġunt.

    56.         Huwa importanti li l-partijiet kollha affettwati jkunu involuti kemm jista' ikun possibbli fit-twaqqif tal-politika u mbagħad fin-negozjati, fit-tħejjijiet u fid-diskussjonijiet infushom. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni lesta teżamina mill-ġdid l-arranġamenti prattiċi biex tassigura li n-negozjati jkunu trasparenti u inklussivi. Fl-istess ħin, irridu nassiguraw li l-proċessi li jiggvernaw ir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE jkunu effiċjenti, effettivi u mhux burokratiċi wisq.

    57.         Il-Kummissjoni temmen li strument aktar effettiv biex jassigura kompetizzjoni ġusta huwa parti importanti mill-kaxxa tal-għodda li l-UE ser teħtieġ biex tiżviluppa aktar il-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni. Ir-Regolament 868/2004 wera li kien kumpless u mhux prattiku għall-industrija tas-servizzi tal-avjazzjoni u, wara valutazzjoni sħiħa tal-impatt tiegħu, il-Kummissjoni se teżamina u ladarba l-partijiet interessati kkonċernati kollha jkunu ġew ikkonsultati, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposti għal miżuri aktar xierqa.

    5.           Konklużjoni

    58.         Issa wasal iż-żmien biex l-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iqisu bir-reqqa kif l-aħjar ifasslu l-politika tal-futur tal-avjazzjoni esterna tal-UE u biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa għal politika aktar ambizzjuża li tħabbatha mal-isfidi serji li qed jiffaċċja s-settur tal-avjazzjoni Ewropew illum il-ġurnata u biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu li l-avjazzjoni tista' tikkontribwixxi lill-ekonomija Ewropea.

    ANNESS

    X’inkiseb s'issa mill-politika esterna tal-ue dwar l-avjazzjoni?

    L-introduzzjoni ta’ politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni

    1.           L-iżvilupp ta’ politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni kien konsegwenza loġika tal-ħolqien tas-suq intern tal-UE u r-regoli komuni assoċjati. Punt kruċjali kien is-sentenza "smewwiet miftuħa" (“open skies”) tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-5 ta' Novembru 2002[16] li kkonkludiet (i) li l-Unjoni tikseb kompetenza esterna esklussiva fejn l-impenn nazzjonali jaqa' fl-ambitu tar-regoli komuni; u (ii) li r-rekwiżiti nazzjonali dwar is-sjieda u l-kontroll għan-nomina tal-linji tal-ajru taħt ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru jiksru l-libertà tal-istabbiliment minquxa fit-Trattati tal-UE.

    2.           F’Ġunju 2003, il-Kunsill ta awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mal-Istati Uniti u biex tinnegozja “Ftehimiet Orizzontali" mal-pajjiżi l-oħra kollha li mhumiex fl-UE biex il-ftehimiet bilaterali tagħhom mal-Istati Membri tal-UE jinġiebu f’konformità mal-liġi tal-UE.

    3.           F’Ġunju 2005, il-Kunsill qabel fuq tliet “pilastri” ewlenin għal politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni immirata biex: (i) il-ftehimiet bilaterali kollha dwar is-servizzi tal-ajru li l-Istati Membri tal-UE għandhom ma’ terzi pajjiżi jinġiebu konformi mal-liġi tal-UE wara s-sentenza tal-Qorti "smewwiet miftuħa”, partikolarment bit-tneħħija tar-rekwiżiti nazzjonali tas-sjieda u l-kontroll u b'hekk tiġi rikonoxxuta l-libertà li t-trasportaturi tal-ajru tal-UE jistabbilixxu ruħhom; (ii) sal-2010 tiżviluppa Spazju Komuni tal-Avjazzjoni, biex tinkorpora pajjiżi ġirien fin-nofsinhar u l-lvant tal-UE; u (iii) tinnegozja ftehimiet komprensivi fil-livell tal-UE ma' sħab ewlenin oħra ibbażati fuq awtorizzazzjonijiet individwali biex tinnegozja fejn ikunu ntwerew il-benefiċċji ekonomiċi u l-valur miżjud ta’ ftehim tal-UE.

    Filwaqt li jifdal sfidi sinifikanti u aktar xogħol xi jsir, mill-2005 sar progress importanti fit-tliet pilastri.

    Kisbiet li saru fit-tliet pilastri

    L-ewwel pilastru – l-għoti mill-ġdid taċ-ċertezza legali

    4.           Il-ħtieġa li tingħata mill-ġdid bażi legali tajba għar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni mal-UE ġiet aċċettata mad-dinja kollha; bi ftit eċċezzjonijiet, din ma għadhiex aktar kwistjoni reali. Madwar 117-il pajjiż mhux tal-UE irrikonoxxew il-prinċipju tan-nomina tal-UE. Minn dawn, 55 pajjiż qablu li jemendaw il-ftehimiet bilaterali kollha tagħhom mal-Istati Membri tal-UE permezz tal-Ftehimiet Orizzontali mal-UE filwaqt li l-bqija tal-pajjiżi għamlu dan fuq bażi bilaterali mal-Istati Membri individwali tal-UE. B’kollox kważi 1000 ftehim bilaterali tas-servizzi tal-ajru nġiebu f’konformità legali mal-liġi tal-UE li tirrappreżenta 75% tat-traffiku kollu tal-passiġġieri barra mill-UE. Madankollu, għad hemm xogħol xi jsir ma’ xi ftit pajjiżi importanti tal-avjazzjoni, biex l-implimentazzjoni tan-nomina tal-UE titlesta. Dawn jinkludu l-Indja, iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u l-Afrika t'Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan ukoll. Minn dawn il-pajjiżi, huma biss l-Afrika t’Isfel, il-Kenja, in-Niġerja u l-Każakstan li għadhom ma rrikonoxxewx il-prinċipju tan-nomina tal-UE. Fejn jeżistu organizzazzjonijiet reġjonali, bħal fl-Afrika u x-xlokk tal-Ażja, preferibbilment għandu jiġi segwit approċċ reġjonali permezz tan-nnegozjar ta’ ftehimiet blokk għal blokk. Dawn il-Ftehimiet Orizzontali blokk għal blokk għandu jkun fihom elementi ta' reċiproċità (b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tas-sjieda u l-kontroll) li jippermettu rikonoxximent reċiproku progressiv tas-swieq rispettivi reġjonali tal-avjazzjoni b'benefiċċji għaż-żewġ naħat. L-għoti mill-ġdid taċ-ċertezza legali, preferibbilment fuq bażi reġjonali blokk għal blokk mal-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali fejn għandhom is-setgħa jikkonkludu Ftehim Orizzontali, jibqa' prerekwiżit għal koordinazzjoni aktar wiesgħa f'oqsma ewlenin tal-avjazzjoni bħas-sikurezza, is-sigurtà, ir-regolazzjoni ekonomika, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ambjent.

    5.           Ir-riżultati miksuba huma sinifikanti. Dawn il-bidliet jirrikonoxxu t-tneħħija tar-restrizzjonijiet nazzjonali tas-sjieda u tal-kontroll tat-trasportaturi tal-UE kif mitlub mil-liġi tal-UE. Riżultat ta’ dan, it-trasportaturi tal-UE jistgħu joffru servizzi minn kwalunkwe Stat Membru għal pajjiżi mhux tal-UE, kemm-il darba i-drittijiet ta' nomina u d-drittijiet tat-traffiku huma disponibbli skont il-ftehimiet bilaterali relevanti tas-servizzi tal-ajru. Barra minn hekk, fużjonijiet bejn trasportaturi tal-UE huma rikonoxxuti. Iżda fuq kollox, reġgħet ingħatat lura ċ-ċertezza legali għal ftehimiet bilaterali, fatt relevanti għall-operaturi kollha.

    It-tieni pilastru – Spazju Komuni tal-Avjazzjoni għall-pajjiżi ġirien

    6.           Sar progress solidu fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni aktar wiesgħa. L-UE innegozjat għadd ta' ftehimiet ta' servizzi tal-ajru importanti ma’ pajjiżi ġirien li biż-żmien ser jikkostitwixxu Spazju Komuni tal-Ajru ibbażat fuq proċess parallel ta’ ftuħ gradwali tas-swieq u konverġenza regolatorja lejn leġiżlazzjoni u regolamenti tal-avjazzjoni tal-UE, li jkopru madwar 55 pajjiż u biljun (1) abitant, jiġifieri d-doppju tal-popolazzjoni tal-UE. Barra mill-Isvezja, in-Norveġja u l-Islanda, li jiffurmaw parti mis-suq intern tal-avjazzjoni, ġew iffirmati ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru mal-Balkani tal-Punent[17], il-Marokk, il-Ġorġja, il-Ġordan u l-Moldova u nbeda ftehim mal-Iżrael. Għaddejjin negozjati mal-Ukranja u l-Lebanon, u dalwaqt mistennija jibdew mat-Tuneżija u l-Azerbajġan, u f'xi stadju mal-Armenja wkoll.

    7.           L-impatt ekonomiku ta’ dawk il-ftehimiet ta’ viċinat li ġew innegozjati l-ewwel kien wieħed sinifikanti u li jista' jitkejjel. Studju indipendenti li sar mill-Kummissjoni Ewropea[18] ikkalkula li l-benefiċċju ekonomiku totali mill-ftehim UE-Marokk (2006) qabeż it-€3.5 biljun bejn l-2006-2011, bi tkabbir massiv fit-traffiku bl-ajru bejn l-UE u l-Marokk, u ħafna rotot ġodda u trasportaturi, li jirriżultaw f'aktar kompetizzjoni, għażla u prezzijiet aktar baxxi. Kien hemm tnaqqis reali fil-passaġġi ta' madwar 40% mill-2005. Bl-istess mod, il-ftehim UE-Balkani tal-Punent (il-ftehim ECAA) iġġenera benefiċċju ekonomiku totali ta' aktar minn €2.4 biljun bejn l-2006 u l-2011. Mill-benefiċċju ekonomiku totali, 80-85% huwa gwadann żejjed tal-konsumaturi minn passaġġi aktar baxxi, fejn il-bqija jirrappreżenta dħul ieħor ta' produttività u effiċjenza.

    8.           Il-pajjiżi ġirien ħadmu ħafna biex jallinjaw il-qafas regolatorju tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma ewlenin bħas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri, ir-regolamenti ekonomiċi u l-aspetti soċjali. Dan isir fl-interess tal-konsumaturi u l-industrija tal-avjazzjoni tal-UE u tal-pajjiżi ġirien. L-UE tagħti għajnuna sinifikanti lill-pajjiżi ġirien biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mar-regoli tal-UE. Iż-żewġ naħat qablu li jagħtu drittijiet addizzjonali tat-traffiku (drittijiet tal-ħames (5) libertà, jiġifieri d-dritt li jinġarr traffiku bejn pajjiż sieħeb u intermedju jew lil hinn minn punti bħala parti minn servizz li jibda/jintemm fil-pajjiż ta’ oriġini tal-linja tal-ajru) biex jiġu applikati ladarba l-proċess tal-armonizzazzjoni regolatorja jkun tlesta. Fil-każ tal-Balkani tal-Punent, l-implimentazzjoni bikrija tar-regoli tal-avjazzjoni tal-UE skont il-Ftehim tal-ECAA ser tikkontribwixxi wkoll għall-isforzi tagħhom fil-kuntest tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.

    9.           Ir-relazzjonijiet ma’ pajjiż ġar ewlieni – ir-Russja - kienu diffiċli. Ir-Russja hija potenzjalment l-aktar sieħeb importanti għall-UE minħabba l-prossimità ġeografika tagħha u d-dipendenza reċiproka li toħloq opportunitajiet kummerċjali sinifikanti. Pereżempju, aktar minn 40% tat-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri Russu għandu bħala destinazzjoni tiegħu l-UE. Madankollu, il-possibbiltà li l-benefiċċji reċiproċi jiġu realizzati għadha ma ġietx sfruttata kompletament.

    10.         L-2011 immarkat bidla rigward ir-rikonoxximent tal-liġi tal-UE mir-Russja. F’Settembru 2011, ir-Russja - għall-ewwel darba – qablet li tinkorpora l-prinċipju tan-nomina tal-UE fil-ftehimiet biltaterali tas-servizzi tal-ajru tagħha mal-Istati Membri tal-UE, proċess li qed jitlesta issa.

    11.         Madankollu, xorta għad trid tiġi riżolta kwistjoni waħda ewlenija. is-sistema Russa tal-iċċarġjar tat-trasportaturi tal-UE għall-użu ta' rotot Siberjani biex itiru lejn destinazzjonijiet Ażjatiċi. Ġie stmat li l-linji tal-ajru tal-UE biex itiru minn fuq is-Siberja kellhom iħallsu aktar minn EUR 300 miljun kull sena, li parti kbira minnhom għaddew għand kompetitur dirett. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Russu skambjaw ittri bil-għan li "Il-prinċipji dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tat-titjir fuq is-Siberja li sar qbil dwarhom", li fl-2006 ġew innegozjati, maqbula u ffirmati, jiġu implimentati kompletament sal-1 ta' Lulju 2012. L-UE tistenna li r-Russja tonora dan l-impenn internazzjonali u tirriserva d-dritt tagħha li tieħu l-miżuri meħtieġa jekk dan ma jkunx il-każ.

    It-Tielet pilastru - ftehimiet komprensivi ma' sħab oħra ewlenin

    12.         Fl-ambitu tat-tielet pilastru, l-UE innegozjat xi ftehimiet ma' sħab ewlenin. Dawn il-ftehimiet komprensivi jimmiraw għal tagħqida ta' ftuħ ta' swieq, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta u miftuħa permezz ta' konverġenza regolatorja, il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta' kif isir in-negozju”.

    13.         L-ewwel stadju tal-ftehim mal-Istati Uniti ġie iffirmat f’April 2007 u l-ftehim dwar it-tieni stadju f'Ġunju 2010. F'Diċembru 2009 ġie ffirmat ftehim mal-Kanada li jipprovdi ftuħ tas-swieq ibbażat fuq il-bidliet tal-Kanada fir-regolamenti tagħha dwar l-investiment barrani . F'Marzu 2011, il-Brażil, ingħata bidu għal ftehim komprensiv dwar it-trasport tal-ajru, għalkemm il-firma tal-Brażil għadha pendenti. Il-Kunsill ta wkoll awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet komprensivi mal-Awstralja u n-New Zealand. In-negozjati ma’ dawn il-pajjiżi għadhom ma tlestewx.

    14.         Il-ftehim UE-US kellu rwol importanti biex imexxi l-ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni lil hinn minn sempliċiment negozjati ta' aċċess tas-suq ibbażati fuq ir-reċiproċità. Għall-ewwel darba, ftehim ewlieni internazzjonali irrikonoxxa li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni kellhom jiġu indirizzati u armonizzati wkoll biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta. L-UE u l-Istati Uniti żviluppaw mudell ta’ ftehim ġdid li jiffaċilita ir-rwol tal-avjazzjoni. Filwaqt li l-ftehimiet tal-Istati Uniti u l-Kanada s'issa ġew applikati biss matul perjodu ta' kriżi ekonomika li kellha effetti negattivi fuq ħafna mis-swieq tal-avjazzjoni, il-benefiċċji huma mistennija li jkunu sinifikanti ħafna, u jirriflettu d-daqs tas-suq transatlantiku. Studju[19] li sar f’isem il-Kummissjoni kkonkluda li ftehim UE-Stati Uniti dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni matul l-ewwel 5 snin ser jiġġenera aktar minn 25 miljun passiġġier addizzjonali UE-Stati Uniti u aktar minn €15-il biljun f'benefiċċji għall-konsumaturi kif ukoll joħloq 80,000 impjieg ġdid fl-UE u l-Istati Uniti f'daqqa. Il-benefiċċji u l-effiċjenzi li jirriżultaw minn kooperazzjoni u konverġenza regolatorja, u l-effett tal-ħidma tal-Kumitati Konġunti stabbilit mill-ftehimiet, huma ċari diġà. Skont il-ftehim UE-Stati Uniti , pereżempju, il-Kumitat Konġunt diġà indirizza firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet inkluż l-aċċess tas-swieq, il-kooperazzjoni regolatorja u l-konverġenza u l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni. Dan jipprovdi forum importanti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim u biex jiġu indirizzati l-ostakli għan-negozju. Il-Kumitat Konġunt, pereżempju, kien katalist għall-ftehim tas-sikurezza tal-merkanzija UE-Stati Uniti ta’ Ġunju 2012 li jippermetti operazzjonijiet orħos u aktar bil-ħeffa tal-merkanija bl-ajru bħala riżultat tar-rikonoxximent reċiproku tar-reġimi ta' sikurezza rispettivi tal-merkanzija bl-ajru.

    [1]               "Aviation Benefits Beyond Borders”, Rapport imħejji minn Oxford Economics għal ATAG, Marzu 2012. Ta' min wieħed jinnota li dawn il-figuri jinkludu effetti konsiderevoli indiretti u indotti li jimmultiplikaw l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ekonomija.

    [2]               Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti" KOM (2011) 144 finali, 28.3.2011.

    [3]               Waqt li tbassar dħul totali net ta’ $3 biljun għall-2012 għal-linji tal-ajru kummerċjali tad-dinja, fit-tbassir finanzjarju tagħha ta' Ġunju 2012, l-IATA tbassar telf nett ta’ $1.1 biljun għal-linji tal-ajru kummerċjali Ewropej.

    [4]               Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni intitolata “L-Iżvilupp tal-aġenda għall-politika esterna tal-avjazzjoni tal-Komunità" [titlu mhux uffiċjali], (COM(2005) 79 finali, 11.03.2005) li abbażi tagħha l-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tal-Kunsill f’Ġunju 2005 u l-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni f’Diċembru 2005.

    [5]               Booz & Company: "Development of the EU's Future External Aviation Policy", Rapport Finali, April 2012.

    [6]               Airbus: "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030"

    [7]               Airbus: "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030"

    [8]               Bombardier/Global Insight

    [9]               Booz & Company: "Development of the EU's Future External Aviation Policy", Rapport Finali, April 2012, ibbażat fuq ir-Riċerka OAG u AEA.

    [10]             Il-linji tal-ajru bi prezz baxx mistennija jikbru 1.4% fis-sena aktar bil-għaġla minn linji tal-ajru tan-netwerk globali u sal-2030 huma mistennija li joperaw 19% tat-traffiku dinji (Airbus: "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030" L-assoċjazzjoni tal-linji tal-ajru bi prezz baxx (ELFAA) ippubblikat studju ("Market Share of Low Fares Airlines in Europe – Final Report – February 2011", minn York Aviation għal ELFAA) li jindika li s-sehem fis-suq ta' linji tal-ajru bi prezz baxx fl-Ewropa jista' jilħaq bejn 45% u 53% sal-2020.

    [11]             Airbus: "Delivering the Future: Global Market Forecast 2011-2030"

    [12]             Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim ta’ kodeċiżjoni fl-ewwel qari dwar proposta mill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    [13]             Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ April 2004 – Il-Ġurnal Uffiċjali 30.4.2004 (L 162/1).

    [14]             Booz & Company: "Development of the EU's Future External Aviation Policy", Rapport Finali, April 2012.

    [15]             Speċjalment l-Emirati Għarab Magħquda u l-Qatar

    [16]             Każijiet tal-qorti istigati mill-Kummissjoni Ewropea kontra tmien Stati Membri rigward il-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru tagħhom mal-Istati Uniti.

    [17]             Ftehim multilaterali ffirmat mill-imsieħba li ġejjin: l-Albanija, il-Bosnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-UNMIK

    [18]             Booz & Company: "Development of the EU's Future External Aviation Policy", Rapport Finali, April 2012

    [19]             "The Economic Impacts of an Open Aviation Area between the EU and the US", Rapport Finali, Jannar 2007, Booz Allen, Hamilton,

    Top