Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1168

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Green Paper dwar il-futur tal-VAT Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti COM(2010) 695 finali

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 87–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar il-futur tal-VAT Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”

COM(2010) 695 finali

2011/C 318/14

Relatur: is-Sinjura MADER

Nhar l-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti

COM(2010) 695 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'161 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat japprova mingħajr l-ebda riżerva l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrifletti dwar il-possibbiltà ta’ reviżjoni globali tas-sistema tal-VAT, skema fiskali definita bħala provviżorja mill-bidu nett tagħha fl-1967, u li ġiet ikkritikata sew. Il-Green Paper hija biss il-bidu ta’ proċedura li mistennija tkun twila, diffiċli u kumplessa, li s-suċċess tagħha se jkun prova ta’ rieda ġenwina tal-Istati Membri li jaslu għal definizzjoni ta’ sistema “aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”.

1.2   L-iskema attwali ġiet soġġetta għal għadd ta’ modifiki matul iż-żmien: il-Kummissjoni kienet dik li ressqet proposti ta’ titjib bil-għan li l-iskema tkun aktar effikaċi u biex din tiġi adattata għall-prinċipji tas-suq uniku. L-Istati Membri aċċettaw bosta miżuri li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-awtomatizzazzjoni. Miżuri oħra kienu ta’ natura prinċipalment amministrattiva u ta’ organizzazzjoni. Madankollu l-Kunsill s'issa dejjem offra reżistenza għall-proposti għal riforma globali ta’ din is-sistema.

1.3   Il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li sistema ta’ VAT globali għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi li huma ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi. Ma' dawn jeħtieġ li tiżdied il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-intrapriżi, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jridu jieħdu ħsieb il-ġbir ta’ din it-taxxa u li, flimkien mal-konsumaturi, jispiċċaw iġorru l-piż tal-ineffiċjenza tas-sistema tat-taxxa. Kif iddikjara fil-passat il-Kumitat, għandha tingħata attenzjoni wkoll lis-sistema tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji (1), u ċertament jekk għandha tiġi introdotta taxxa ġdida fuq is-settur finanzjarju msejsa fuq il-flussi ta’ flus fl-idejn jew fatturi simili, il-Kummissjoni trid tevalwa l-vantaġġi li din titfassal fi ħdan il-qafas tal-VAT (2).

1.4   Problema partikolarment delikata hija t-trattament tal-ħidmiet transkonfinali. Minn perspettiva razzjonali, it-taxxa għandha tinġabar fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-istess kundizzjonijiet tal-kummerċ intern; minħabba d-diffikultajiet biex jiġu regolati l-kwistjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kunsill għażel l-aktar soluzzjoni sempliċi, li t-taxxa tinġabar fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, b'xi eċċezzjonijhiet li jikkonċernaw l-aktar is-servizzi. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi soluzzjonijiet alternattivi, iżda kulħadd huwa konxju tal-fatt li huwa diffiċli li tinsab soluzzjoni perfetta.

1.4.1   Fil-każijiet kollha, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandhom jiġu evitati tibdiliet radikali; minflok għandu jiġi adottat approċċ li jimxi pass pass. L-aħjar soluzzjoni x'aktarx tkun dik ibbażata fuq it-tassazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni filwaqt li jinżammu l-prinċipji tas-sistema attwali. Fl-istess ħin, ser jeħtieġ li jiġi adottat b'mod ġenerali l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, l-ewwel fuq bażi fakultattiva, imbagħad b'mod ġeneralizzat u obbligatorju. Ikun xi jkun il-każ, jeħtieġ li għal skopijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva jinħoloq one-stop-shop għall-intrapriżi.

1.5   Il-Green Paper tipproponi li jinġabru l-kummenti u s-suġġerimenti mill-partijiet interessati kollha li jkunu utli biex fl-aħħar jiġu formulati l-proposti tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, id-dokument, li huwa diffiċli li jitqassar, qed jagħmel 33 mistoqsija, li l-Kumitat qed iwieġeb. Għad-dettalji, ara t-Taqsima 5 ta’ dan id-dokument.

2.   Introduzzjoni

2.1   Għal għadd ta’ snin, it-titjib tas-sistema tal-VAT kien wieħed mill-prijoritajiet tal-politika fiskali tal-Kummissjoni. Din it-taxxa, adottata fl-1967 mill-UE bħala sistema komuni ta’ taxxa għall-Istati Membri kollha, tiġġenera parti sostanzjali (aktar minn 20 %) tad-dħul tagħhom. Barra minn hekk, parti mill-VAT miġbura tikkontribwixxi għall-baġit tal-UE; għalhekk huwa ovvju li huwa fl-interess dirett tal-Kummissjoni li tipproteġi l-interessi tagħha billi tassigura applikazzjoni tat-taxxa bl-aktar mod effettiv possibbli.

2.2   Minkejja li s-sistema tal-VAT tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għad-dħul tal-Istati Membri, din hija 'l bogħod milli tkun sistema sodisfaċenti, u kienet is-suġġett ta’ għadd ta’ kritiki kemm mill-Istati Membri kif ukoll minn partijiet interessati oħra, bħalma huma l-intrapriżi u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni issa ilha żmien taħdem biex tikkunsidra dawn il-kritiki u tintroduċi proposti ta’ titjib sabiex is-sistema ssir aktar effikaċi u konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tas-Suq Uniku; irid jingħad li dawn l-isforzi sabu oppożizzjoni, ftit jew wisq bil-miftuħ, min-naħa tal-Istati Membri.

2.3   Irridu ngħidu b'mod miftuħ u dirett li fil-każ ta’ kwistjonijiet fiskali, il-volontà ta’ koeżjoni Ewropea hija limitata mit-tħassib, anzi, mill-ħtieġa ta’ kull Stat Membru li jipproteġi s-sorsi proprji ta’ finanzi; dawk il-pajjiżi li jħossu li ċerti regoli jista' jkollhom effett ħażin fuq l-interessi tagħhom, jew jirriżultaw fi spejjeż jew proċeduri amministrattivi aktar ta’ piż jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom b'mod ftit jew wisq miftuħ, u ħafna drabi bi ftit trasparenza.

2.4   Dan kollu, ovvjament, huwa ta’ detriment għal politika komuni Ewropea, iżda jispjega wkoll għalfejn fallew l-isforzi ta’ min ifaħħarhom tal-Kummissjoni tul is-snin. Madankollu, sar progress sostanzjali fil-qasam tar-razzjonalizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri, fit-tnaqqis tal-ispejjeż kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kontribwenti, u fil-kooperazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja.

2.5   Peress li l-Kummissjoni hija konxja mill-problemi u l-ostakli, issa marret lura għall-objettiv li dejjem kellha f'rasha, jiġifieri li s-sistema tiġi riformata b'mod sħiħ sabiex tiġi allinjata mal-prinċipji tas-Suq Uniku, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-partijiet kollha. Skont il-proċedura regolari, il-Green Paper tistaqsi sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-aspetti varji tas-sistema tal-VAT; it-tweġibiet li ser tirċievi ser jittieħdu bħala bażi tal-proposti għal sistema “aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”. Din l-opinjoni ser tippreżenta l-kontribut tal-KESE, fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-gruppi ta’ interess soċjoekonomiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Kif turi ġustament il-Kummissjoni, il-kriżi kellha impatt fuq il-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari permezz ta’ ċaqliq fl-importanza tat-tassazzjoni diretta fir-relazzjoni tat-tassazzjoni indiretta; il-persentaġġ tal-VAT mid-dħul totali, li s'issa kien madwar ta’ 22 %, juri tendenza ta’ żieda. Dan huwa r-riżultat ta’ politika ġeneralment orjentata lejn it-titjib tal-kompetittività permezz ta’ tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xogħol u fuq l-intrapriżi. Il-KESE jinnota li, minkejja li dan huwa żvilupp pożittiv, m'għandux iwassal sabiex fid-direttiva qafas jiddaħħlu rati ogħla ta’ VAT li jkunu jfissru piż addizzjonali mhux aċċettabbli fuq l-impjegati u l-konsumaturi.

3.2   It-titjib tal-mekkaniżmu “jitlob sistema tal-VAT komprensiva”, li skont il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi. Dwar dan l-aħħar punt, il-Kumitat għandu l-istess tħassib bħall-Kummissjoni; l-opinjonijiet tiegħu ripetutament urew li l-VAT hija dik fejn l-aktar li sseħħ evażjoni tat-taxxa fl-UE, u li l-evażjoni tat-taxxa hija sors sinifikanti tal-finanzjament tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Il-fenomeni interdipendenti ta’ evażjoni, kriminalità kif ukoll il-ħasil tal-flus assoċjat ma’ dawn jirrappreżentaw theddida kbira għas-soċjetà fil-livell internazzjonali. Il-Kunsill jinsisti sabiex jiġu eżaminati regoli ġodda filwaqt li jitqies dejjem l-aspett ta’ sigurtà totali fir-rigward tal-attakki ta’ frodi.

3.3   Il-Green Paper ma tinjurax l-aspetti relatati mal-intrapriżi: il-ġestjoni u l-amministrazzjoni (il-Kumitat isemmi anki l-litigazzjoni f'dal-kuntest) tal-VAT jirrappreżentaw parti kbira tal-ispejjeż amministrattivi tal-intrapriżi tant li għadd kbir ta’ SMEs jastjenu milli jieħdu sehem fil-kummerċ internazzjonali. Il-Kumitat itenni l-ħtieġa li l-ġestjoni tal-VAT issir aktar flessibbli, sempliċi u anqas ta’ piż; huma l-konsumaturi, bħala l-utenti aħħarin, li jħallsu l-prezz tan-nuqqasijiet f'dan il-qasam.

3.4   Suġġett importanti ieħor huwa l-possibbiltà li tiġi introdotta taxxa b'rata unika, meqjusa bħala “ideal ta’ taxxa pura tal-konsum”; il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li dan huwa objettiv kważi impossibbli, u jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni fit-tentattivi tagħha biex tnaqqas jew telimina n-numru eċċessiv ta’ eżenzjonijiet, eċċezzjonijiet, u rati mnaqqsa jew preferenzjali – arranġamenti li jnaqqsu d-dħul b'45 % meta mqabbel ma’ dak li teoretikament jista' jinġabar meta tiġi applikata r-rata normali. Ser ikun meħtieġ li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn il-ħtiġijiet baġitarji u l-kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi li fuqhom jibbażaw dawn l-arranġamenti, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi lokali u dawk li jeħtieġu kwantità intensiva ta’ ħaddiema.

3.5   Kif enfasizza l-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar it-“Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju” (ECO/284 – CESE 991/2011), it-trattament tas-settur finanzjarju fil-qafas tal-VAT għandu jiġi rivedut.

4.   It-trattament tal-VAT għat-transazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku

4.1   Meta ġiet adottata fl-1967, is-sistema tal-VAT bejn l-Istati Membri bbażata fuq l-applikazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni ġiet deskritta bħala “provviżorja”; is-sistema definittiva kellha tinvolvi tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini. Wara 44 sena, is-sistema “provviżorja” għadha fis-seħħ. Minn perspettiva razzjonali, it-taxxa għandha tinġabar fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-istess kundizzjonijiet tal-kummerċ intern, ħlief meta tiġi rregolata d-differenza tal-parti dovuta lill-Istat Membru tad-destinazzjoni. Minħabba l-problemi li kien hemm fil-bidu, li wħud minnhom għadhom jeżistu, il-Kunsill kien għażel l-aktar soluzzjoni sempliċi, li t-taxxa tinġabar fl-Istat Membru tad-destinazzjoni: dan l-approċċ għadu fis-seħħ sal-lum, iżda b'xi eċċezzjonijiet importanti li jikkonċernaw l-aktar is-servizzi telematiċi transkonfinali.

4.2   Fil-passat, il-Kummissjoni ppruvat darbtejn tilħaq ftehim mal-Kunsill dwar sistema standardizzata tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tal-ġbir ta’ taxxa fil-pajjiż ta’ oriġini; falliet id-darbtejn li huma minħabba problemi serji ta’ implimentazzjoni. Fl-2007 il-Kummissjoni studjat sistema ta’ tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini b'rata ta’ 15 %, fejn jitħalla f'idejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni biex jiġbor jew jirrimborsa kif xieraq il-bilanċ skont ir-rata tiegħu tal-VAT. Il-Kunsill ma ħax inizjattiva biex isegwi din il-proposta.

4.3   Il-Kumitat jagħraf il-kumplessità tal-problema; minħabba l-varjetà tar-rati tat-taxxa u d-differenzi fil-proċeduri amministrattivi li għadhom jeżistu minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb armonizzazzjoni, huwa diffiċli li tinstab soluzzjoni perfetta. Madankollu, wieħed ma jistax jinjora l-progress li diġà sar jew li qed isir fit-tassazzjoni fil-forniment tas-servizzi (3), fit-titjib tas-sistemi ta’ tassazzjoni (4), fil-kooperazzjoni amministrattiva u l-mekkaniżmi one-stop-shop (5), u fil-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-frodi (6).

4.4   Il-Green Paper hija pass fid-direzzjoni t-tajba peress li l-intenzjoni tagħha hija li tiġbor informazzjoni utli sabiex tipproponi titjib; abbażi ta’ esperjenza mill-passat u tal-qagħda attwali, il-Kumitat jippreferi politika ta’ titjib pass pass milli tibdiliet radikali. Għaldaqstant, huwa tal-fehma li l-aħjar soluzzjoni hija dik imsemmija fil-punt 4.2 tad-dokument tal-Kummissjoni – tassazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u ż-żamma tal-prinċipji tas-sistema attwali (punt 4.2.1), b'adozzjoni gradwali, għal bidu b'mod fakultattiv, imbagħad b'mod obbligatorju, ta’ mekkaniżmu ta’ reverse charge (punt 4.2.1). Fl-istess ħin, bl-istabbiliment ta’ one-stop-shops wieħed ikun jista' jara li l-intrapriżi jkunu jistgħu jħallsu d-dejn fiskali transkonfinali tagħhom bl-inqas piż burokratiku possibbli.

5.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet

5.1   Arranġamenti attwali tal-VAT għall-kummerċ intra-UE (M1.): l-arranġamenti attwali mhumiex perfetti: dawn qed jagħtu lok għal bosta inkonvenjenti, prinċipalment minħabba għadd ta’ konċessjonijiet, eċċezzjonijiet, eżenzjonijiet, eċċ. mogħtija lill-Istati Membri. Minkejja dan, is-sistema ilha taħdem għal wisq żmien biex inkunu nistgħu nibdluha radikalment; bidla radikali tkun diżastruża. Ikun aħjar jekk nikkonċentraw fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza tajba tant imsemmija mill-Kummissjoni, u li l-Kumitat appoġġa fl-opinjonijiet tiegħu; dawn huma elenkati fid-dokument li jakkumpanja l-Green Paper (7). L-ostakli prinċipali sabiex jiġu massimizzati l-vantaġġi tas-sistema għandhom inqas x'jaqsmu mal-prinċipji nfushom milli mal-implimentazzjoni difettuża u mar-reżistenza għall-bidla fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

5.2   Il-VAT u l-awtoritajiet pubbliċi (M3.): fil-prinċipju, l-eżenzjonijiet mogħtija lill-korpi pubbliċi li jwettqu attivitajiet f'kompetizzjoni ma'operaturi privati (eż. trasport, kura tas-saħħa) huma ġustifikati minħabba n-natura tipikament soċjali tas-servizzi pubbliċi. Madankollu wieħed għandu jiftakar li l-operaturi privati ta’ spiss jikkomplementaw servizzi pubbliċi inadegwati jew difettużi. Bla ebda dubju, il-qagħda attwali tgħawweġ il-kompetizzjoni, effett li ġeneralment jittaffa permezz ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni. Fil-każijiet kollha, il-konsumatur għandu l-għażla li jħallas inqas u jirrikorri għas-servizz pubbliku, jew iħallas iżjed għal dak privat. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn wieħed jew l-ieħor mhux disponibbli (eż. it-trasport), l-għażla bejn it-tnejn hija bbażata l-aktar fuq valutazzjoni tal-kwalità.

5.2.1   Il-Kumitat jemmen li soluzzjoni ġusta li tkun vantaġġjuża għall-konsumaturi tkun dik li jinżammu l-eżenzjonijiet għas-servizzi pubbliċi u li jiġu estiżi għall-operaturi privati li jipprovdu servizz indispensabbli fl-assenza ta’ servizz pubbliku. Nirrikonoxxu d-diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju; madankollu, min-naħa l-oħra mhuwiex aċċettabbli li l-konsumaturi f'żoni żvantaġġjati jkollhom iħallsu aktar għal servizzi offruti lilhom mingħajr ma tingħatalhom għażla. Sabiex jiġi evitat tgħawwiġ fil-kompetizzjoni mas-settur privat, din l-eċċezzjoni bla ebda dubju għandha tiġi limitata għal kompiti ta’ interess pubbliku (8).

5.3   Eżenzjonijiet tal-VAT (M6.): m'hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jinżammu l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Jannar 1978; dawn għandhom jiġu eliminati: bħala privileġġi negozjati mal-Istati Membri fi żmien meta l-UE ġiet imwaqqfa jew ftit wara, dawn issa jikkostitwixxu devjazzjoni inaċċettabbli mill-prinċipji tas-Suq Uniku. L-istess raġunament japplika għall-Istati Membri l-ġodda fejn l-eżenzjonijiet għalihom għandhom jitneħħew gradwalment b'konformità mat-titjib fl-istandards tal-għajxien tagħhom, filwaqt li jitwaqqfu kriterji sabiex dawn jiġu valutati.

5.3.1   L-eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet li jsiru fl-interess pubbliku u attivitajiet oħra huma aktar kumplessi u jeħtieġu approċċ b'aktar sfumaturi. Iż-żewġ tipi ta’ eżenzjoni jiddependu fuq l-orjentazzjonijiet ta’ politika u l-politiki ekonomiċi ta’ kull Stat Membru; minkejja li dawn jikkontradixxu l-prinċipji tas-Suq Uniku, dawn jistgħu jintużaw bħala strumenti biex jappoġġjaw il-politiki nazzjonali ta’ tkabbir u tal-impjieg. Fi kwalunkwe każ, politika futura ta’ governanza tajba għandha tippermetti dan it-tip ta’ eżenzjonijiet biss bħala miżuri ta’ eċċezzjoni u temporanji. Kif stqarr preċedentement fl-opinjoni tiegħu dwar il-VAT fuq is-servizzi finanzjarji (9), il-Kumitat jilqa' approċċ leġislattiv aktar komplet biex jiġu eliminati d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u l-problemi mhux solvuti li għad fadal. Barra minn hekk, fir-rigward tal-introduzzjoni possibbli ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (10), il-Kummissjoni għandha tanalizza l-vantaġġi li tfassal din it-taxxa fi ħdan il-qafas tal-VAT, biex jiġi żgurat approċċ aktar faċli, mil-lat amministrattiv, għas-settur u biex ittaffi l-piż ta’ VAT li ma jistax jerġa' jiġi rkuprat.

5.3.2   L-eżenzjonijiet mogħtija lill-SMEs f'ċerti pajjiżi huma każ speċjali; dawn għandhom jiġu eliminati. Kif jaf kulħadd, l-evażjoni tal-VAT hija problema serja fil-pajjiżi kollha; il-possibbiltà “evażjoni legali” tal-VAT fil-pajjiżi ġirien tkompli żżid ix-xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi minn dawn il-pajjiżi. Konsegwenza addizzjonali għall-pajjiżi mingħajr eżenzjoni tal-VAT hija d-dgħajfin tal-isforzi għall-ġlieda kontra l-evażjoni illegali mit-taxxa u t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-SMEs li jikkonformaw mar-regoli.

5.4   Tassazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri (M.7): ir-risposta diġà tinstab fl-ispirtu tal-kummenti tar-risposta għall-M.3 (punt 5.2 hawn fuq); għandha tapplika għall-mezzi kollha tat-trasport inkluż it-trasport bl-ajru (li wara kollox jidher li diġà huwa il-każ).

5.5   Problemi marbutin mad-dritt tat-tnaqqis (M.9): id-deduċibbiltà tal-VAT hija waħda mill-problemi ewlenin għall-intrapriżi: kumplikata, diffiċli tiġi applikata f'diversi każijiet, sors ta’ diżgwid, tilwim u multi. Barra minn hekk hija bbażata fuq prinċipju inġust, li l-Kummissjoni stess tfakkar: id-dritt għat-tnaqqis (imma wkoll id-dmir li titħallas il-VAT) jirriżulta meta jsir il-forniment tal-oġġett jew tas-servizz, kemm jekk ix-xerrej jew il-klijent ikunx ħallas għall-oġġetti jew is-servizzi u kif ukoll jekk ma jkunx. Dawk li jħallsu tard għandhom ukoll dak li l-Kummissjoni ssejjaħ “vantaġġ f'termini ta’ fluss tal-flus” li wieħed jista' jsejjaħ ukoll ġbir assigurat assigurat għat-taxxa, antiċipat mill-bejjieħ jew il-fornitur u ggarantit anke fil-każ ta’ insolvenza minn naħa tax-xerrej jew il-klijent  (11)

5.5.1   Problema oħra importanti hija t-tnaqqis tal-VAT permezz ta’ kumpens meta jkun hemm bilanċ pożittiv għal min hu soġġett tat-taxxa: f'xi Stati Membri ir-rimbors isir wara dewmien twil, li jista' jagħmel ħsara lill-fluss tal-flus tal-intrapriżi li f'xi każi jwassal għall-falliment tagħhom. L-Istati Membri joġġezzjonaw li s-sistema ta’ kumpens twassal għal riskju ta’ frodi, li huwa minnu, iżda hija r-responsabbiltà tagħhom li jwettqu kontrolli rapidi; il-konsegwenzi tal-ineffiċjenzi tagħhom qed jitħallsu mill-intrapriżi.

5.5.2   Il-Kumitat jaqbel mal-argumenti tal-Kummissjoni favur sistema ta’ kontabbiltà tal-kontanti fil-kummerċ intrakomunitarju bħala soluzzjoni ġusta u newtrali possibbli, l-aktar mil-lat tal-fluss tal-flus tal-intrapriżi. Mandankollu, din is-soluzzjoni ma tkunx possibbli fil-kummerċ intrakomunitarju jekk ma tinħoloqx sistema ta’ kumpens li tuża mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop) li l-Kummissjoni pproponiet iżda li qed jiltaqa' ma diversi ostakli fl-implimentazzjoni tiegħu.

5.6   VAT applikabbli għas-servizzi internazzjonali (M.11): l-importanza tas-servizzi internazzjonali, b'mod partikolari dawk fornuti permezz tal-internet, jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ regoli speċjali għal dawn is-servizzi; f'xi każijiet in-natura immaterjali tagħmilha diffiċli biex jitwettqu kontrolli dwar il-ħlas tal-VAT mill-fornituri, l-aktar meta dawn ikunu qed ifornu lill-individwi (programmi, mużika, eċċ.). Dawn il-kontrolli huma impossibbli meta l-fornituri jkunu jgħixu fi stat barra mill-UE; l-OECD kif ukoll il-Kummissjoni qed janalizzaw din il-problema iżda s-soluzzjoni la tidher faċli u l-anqas waħda li ser isseħħ ma ddumx.

5.6.1   Il-problemi ewlenin jinsabu fid-distorsjoni kbira tal-kompetizzjoni tas-servizzi offruti minn dawk fl-UE meta mqabbla ma’ dawk minn barra, ma jeżistux wisq mezzi effettivi li jistabbilixxu l-ordni, ħlief għall-possibbiltà ta’ ftehimiet internazzjonali ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali. Madankollu, il-Kumitat huwa kontra l-adozzjoni ta’ miżuri tat-tip li ġew adottati fil-Kanada, li jwasslu biex jiġbru t-taxxa mill-konsumaturi, b'kontroll li jivverifika l-ħlasijiet li jwettqu permezz tal-internet. Apparti mill-inkonvenjenza għall-konsumaturi li jridu jħallsu l-VAT għal kull xirja, il-kontrolli previsti huma indħil inammissibbli fil-ħajja privata taċ-ċittadini.

5.7   Il-liġi tal-UE fil-qasam tal-VAT (M.13): l-artikolu 113 tat-Trattat jagħti lill-Kunsill il-poteri kollha fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw il-VAT; għaldaqstant ma jeżisti l-ebda limitu dwar l-istrument li jintgħażel, jekk hux direttiva jew regolament. Fid-dawl tal-esperjenza u tat-tendenza fost l-Istati Membri li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet skont il-perspettiva tagħhom, bla dubju l-għażla ta’ regolament tal-Kunsill hija preferibbli. Madankollu, f'perspettiva realistika, id-dispożizzjonijiet leġislattivi f'dan ir-regolament iridu jkunu limitati għal xi aspetti bażiċi: il-kamp tal-applikazzjoni, id-definizzjoni tal-persuni taxxabbli, eżenzjonijiet, kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, ġlieda kontra l-frodi. Iżda aktar ma jkunu ddettaljati d-dispożizzjonijiet akbar ser tkun id-diffikultà biex jinkiseb kunsens fi ħdan il-Kunsill, li b'hekk jaqa' fuq il-ħtieġa ta’ direttivi ta’ implimentazzjoni.

5.7.1   Regoli implimentattivi (M.14): is-soluzzjoni li l-Kummissjoni titħalla tadotta Deċiżjonijiet Implimentattivi tkun waħda tajba, iżda mill-1997, il-Kunsill ma tax il-kunsens tiegħu. Wieħed irid jara jekk dan il-kunsens jingħatax b'deċiżjoni mill-maġġoranza: ir-regola tal-unanimità (prerogattiva tal-Kunsill) ma tantx tista' tinbidel għal delegazzjoni tal-poteri lill-Kummissjoni. Deċiżjoni favorevoli tintlaqa' b'sodisfazzjon, iżda l-Kumitat jibża' li din mhijiex realistika.

5.7.2   Il-gwida dwar ir-regoli leġislattivi l-ġodda (M.15): il-pubblikazzjoni tal-gwida tal-Kummissjoni tkun utli għall-Istati Membri li jkunu jridu jikkonformaw magħha. Jista' jkun hemm xi diffikultajiet għall-fatt li mhumiex obbligatorji: xi persuni taxxabbli kif ukoll xi amministrazzjonijiet jistgħu jqajmu tilwim fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni, jew l-implimentazzjoni ħażina tal-gwida meta m'għandha l-ebda valur legali. Għaldaqstant ikun f'idejn il-qrati biex jiddeċiedu fuq il-bażi tal-każ individwali, dwar il-merti tal-kawża li qed tirreferi għall-gwida li l-validità tagħha ser tiġi kkuntestata.

5.7.3   Titjib fil-proċess leġislattiv (M16): fil-qasam tat-titjib tal-proċess leġislattiv aktar milli dwar miżuri wieħed għandu jitkellem dwar bidla fl-approċċ u l-metodu. Fil-fażijiet inizjali, il-Kummissjoni tadotta atteġġjament ta’ trasparenza u ta’ ftuħ: konsultazzjonijiet minn qabel mal-Istati Membri, laqgħat tal-kumitati konsultattivi tagħha, Green Papers u kuntatti mal-partijiet interessati. Filwaqt li dan jiġri fil-fażijiet bikrin, aktar tard, il-proċeduri fil-Kunsill isiru anqas trasparenti u anqas miftuħa għall-offerti ta’ djalogu li jiġu minn barra.

5.7.4   Fil-fażijiet finali, fil-livell nazzjonali, it-titjib jista' jkun it-tħaffif tal-proċess legali tal-adozzjoni tad-direttivi u tar-regolamenti tal-implimentazzjoni; dawn tal-aħħar, b'mod partikolari, spiss tonqoshom iċ-ċarezza u l-preċiżjoni, li jwassal biex ir-rispett tar-regoli minn naħa tal-operaturi u xi drabi tal-istess amministrazzjonijiet isir diffiċli. Fil-livell Ewropew, għandu jintlaħaq ftehim dwar żmien raġonevoli bejn id-data limitu għat-traspożizzjoni tad-direttiva mill-Istati Membri għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri l-ġodda.

5.8   Derogazzjonijiet għall-Istati Membri (M17): jekk wieħed iħares biss lejn il-lista li fiha aktar minn mitt deroga turi li l-Istati Membri, speċjalment xi wħud fosthom, jiddependu wisq minn dawn il-faċilitajiet, kif ukoll mit-tiġdid tal-validità tagħhom. Bir-raġun, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li dan it-traqqigħ joħloq konfużjoni, spejjeż, distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u spiss jgħin biex isiru l-frodi; hija qed titlob li jkollha aktar poter biex tagħti d-derogazzjonijiet malajr u meta meħtieġa. Il-Kumitat jaqbel, iżda fl-istess waqt jitlob li jkun hemm reviżjoni globali bil-għan li tintlaħaq ċertezza li d-derogazzjonijiet attwali għadhom ġustifikabbli.

5.8.1   Proċedura għall-għoti tad-derogazzjonijiet (M.18): il-proċedura attwali tieħu ż-żmien u t-talba għall-poteri meħtieġa biex jitħaffef il-proċess hija ġustifikata; fl-istess waqt, il-Kumitat jitlob li l-kriterji tal-għoti jkunu aktar rigorużi u li l-lista tad-derogazzjonijiet tiġi aġġornata b'mod kostanti u tista' tiġi kkonsultata b'faċilità u ħeffa.

5.9   L-istruttura kurrenti tar-rati tat-taxxa (M19): żgur li l-istruttura attwali tar-rati hija devjazzjoni mill-prinċipju tas-suq uniku; għad irid jiġi stabbilit jekk, u sa liema punt, id-differenzi fir-rati huma metodu ta’ aġġustament għas-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ attività jew oħra. F'dak li jirrigwarda r-rati differenti applikati għal prodotti simili, partikolarment is-servizzi fuq l-internet meta mqabbla ma’ prodotti u servizzi li għandhom kontenut simili, il-Kumitat jirrimarka li b'mod ġenerali huma l-konsumaturi li jgawdu mit-tnaqqis fil-prezzijiet. F'dak li jikkonċerna l-prodotti, l-ispejjeż tat-trasport sa ċertu punt jibbilanċjaw l-ispejjeż ta’ negozju tradizzjonali, u għaldaqstant VAT ugwali tkun ta’ ħsara għax-xerrejja minn fuq l-internet. Għas-servizzi, il-mistoqsija hija waħda miftuħa u teħtieġ li titqies aktar fil-fond. Fl-aħħar, b'mod ġenerali, prodotti simili għandhom ikunu soġġetti għall-istess tariffi.

5.9.1   Rati tal-VAT imnaqqsa (M20): it-tneħħija ta’ rati mnaqqsa tista' tidher ħaġa tajba, iżda din l-ipoteżi mhijiex waħda realistika; iżda żgur li l-lista għandha tiqsar, jew fi kwalunkwe każ tiġi riveduta b'mod rigoruż: ċerti faċilitazzjonijiet li ilhom, pereżempju, mhumiex aċċettabbli, meta wieħed iqis il-bidliet li saru minn dak iż-żmien.

5.9.2   Il-ħolqien ta’ lista ta’ rati mnaqqsa obbligatorji u applikati b'mod uniformi hija ipoteżi interessanti, iżda hija wkoll mhijiex realistika. Ir-rati mnaqqsa jintużaw minn kull Stat Membru bħala lieva b'saħħitha tal-politika ekonomika, u xi drabi għal raġunijiet soċjali jew purament politiċi. Hu x'inhu l-każ, l-Istati Membri qatt ma jistgħu jaċċettaw li jċedu l-għoti individwali tat-tnaqqis fir-rati. Wieħed ikun jista' jirraġuna b'mod differenti meta l-Ewropa jkollha governanza ekonomika, li tirregola b'mod uniku l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri kollha.

5.10   Problemi li jikkonċernaw ir-regoli kurrenti (M21): il-problemi li l-operaturi, il-bejjiegħa u x-xerrejja jiltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ burokrazija żejda huma marbutin mar-regoli numerużi imposti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, spiss differenti u li xi drabi jwasslu għal xogħol doppju. Fosthom ta’ min isemmi b'mod partikolari: id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi, l-obbligu li jinżamm reġistru, l-obbligu li jiġu pprovduti l-provi dokumentati, l-obbligu li jsiru d-dikjarazzjonijiet, l-obbligu li jiġu pprovduti l-fatturi (fatturazzjoni elettronika), l-obbligu li ssir ir-reġistrazzjoni fi Stati Membri oħra u d-distinzjoni bejn il-konsenja u l-prestazzjoni. Il-problemi tal-lingwa jwasslu wkoll għal spejjeż u riskji ta’ nuqqas ta’ ftehim perikoluż.

5.10.1   Rimedji għall-problemi (M22): ir-rimedji ġew issuġġeriti mill-Kummissjoni permezz ta’ diversi direttivi u rakkomandazzjonijiet, kollha bil-għan tas-semplifikazzjoni amministrattiva, fosthom il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop), il-ħolqien ta’ numru ta’ identifikazzjoni Ewropew għall-operaturi, l-użu tal-informatika fl-amministrazzjonijiet. Il-problema hija li l-amministrazzjonijiet ma implimentawx dawn il-miżuri ħlief b'mod limitat, xi drabi b'modi differenti u b'dewmien twil. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċeduri jsiru għan prijoritarju, iktar importanti mill-istess semplifikazzjoni (12).

5.11   L-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar (M.24): reviżjoni ġenerali tal-iskemi tal-eżenzjoni tista' tkun ġustifikata minn perspettivi differenti: distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, verifika tal-persistenza tar-raġunijiet li fil-bidu kienu wasslu biex jingħataw, l-impatt fuq il-baġit ta’ kull Stat Membru, sitwazzjoni ekonomika ġenerali, konsegwenzi għall-kompetittività, l-impjiegi u l-konsumaturi, il-konsistenza mal-għanijiet tal-Ewropa 2020. Iżda fundamentalment, il-kwistjoni għandha aspetti politiċi importanti, u wieħed irid jara jekk il-Kunsill għandux ir-rieda li jitratta din il-problema.

5.12   Il-ħtiġijiet tal-bdiewa ż-żgħar (M26): jekk il-mistoqsija tikkonċerna verament il-bdiewa “ż-żgħar”, allura fil-maġġoranza tal-każijiet il-problema għandha tirrigwarda biss it-traffiku transkonfinali fil-viċinanzi. Minħabba fil-volum relattivament żgħir tiegħu, tista' tkun possibbli skema ta’ eżenzjoni ġenerali.

5.13   Mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop) (M27): il-Kumitat jikkonferma l-kummenti (13) kollha li saru dwar it-twaqqif ta’ punt uniku  (14): il-punt uniku jkun is-soluzzjoni tajba biex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiġi semplifikata l-amministrazzjoni, ladarba tinstab soluzzjoni ġenerali u kkoordinata għall-problemi numerużi li għad iridu jiġu trattati: il-ħolqien ta’ reġistru elettroniku rikonoxxut fl-UE kollha, it-tneħħija tal-obbligu li jsiru trasferimenti finanzjarji diretti bejn id-debituri u l-Istati Membri kredituri, l-armonizzazzjoni ta’ diversi regoli nazzjonali, speċjalment dawk li jirrigwardaw il-perjodi ta’ dikjarazzjoni.

5.14   Transazzjonijiet transkonfinali (M28): ir-risposta diġà tinstab fit-termini li bihom qed titpoġġa l-mistoqsija: ir-regoli attwali żgur li joħolqu diffikultajiet lill-intrapriżi, jew lill-gruppi intra-UE, kif ukoll lill-amministrazzjonijiet. Ir-regoli dettaljati li japplikaw fil-qasam huma b'neċessità kkumplikati għall-intrapriżi li jridu jżommu magħhom u għall-amministrazzjonijiet li jridu jwettqu l-kontrolli. Soluzzjoni, li għandha d-diffikultajiet tagħha, tista' tkun li l-multinazzjonali jiġu kkunsidrati bħala taxxabbli biss taħt ir-regoli tal-pajjiż fejn tkun is-sede ewlenija, ikun liema jkun il-pajjiż tal-oriġini jew ta’ destinazzjoni, ħlief meta tkun dovuta kumpensazzjoni għas-somom li tħallsu iktar jew inqas permezz tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku. Id-diffikultà prinċipali tkun il-possibbiltà akbar ta’ frodi. Bħala konklużjoni, il-problema tant hija kkumplikata li huwa biss grupp ta’ studju iffurmat minn speċjalisti fil-qasam, amministrazzjonijiet u gruppi, li fl-aħħar mill-aħħar ikun jista' jressaq proposti raġonevoli.

5.15   Sinerġiji ma’ dispożizzjonijiet oħra leġislattivi (M29): il-Kumitat diġà rrisponda fid-dettall għal din il-mistoqsija fl-opinjoni tiegħu “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (15) F'dan id-dokument huwa enfasizza l-ħtieġa li d-direttivi dwar il-VAT jiġu kkoordinati (id-direttivi “doganali”) mad-direttivi dwar it-tassazzjoni diretta u dawk li jikkonċernaw il-ħasil tal-flus. Bl-istess mod iqis li huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni strutturata u kollaborazzjoni organizzata b'mod strutturali bejn il-korpi differenti inkarigati mill-ġlieda kontra l-evażjoni u kontra l-kriminalità organizzata. Ma sar xejn f'dawn l-oqsma fil-livell tal-UE u ma jidhirx li l-proposti tal-Kumitat ingħataw l-iċken attenzjoni.

5.16   Arranġamenti tal-ġbir tal-VAT (M30): fost l-erba' alternattivi proposti, it-tieni li tipprevedi bażi ta’ data ċentrali li fiha tidħol id-data kollha tal-fatturi, tidher li hija bil-bosta l-aħjar waħda: sempliċi u effikaċi fil-ġlieda kontra l-frodi. Iżda l-fatturazzjoni elettronika toħloq spejjeż konsiderevoli għall-intrapriżi. Madankollu, il-professjonisti fl-amministrazzjoni u fl-intrapriżi għandhom ikollhom l-aħħar kelma. Minn naħa tiegħu, il-Kumitat josserva li l-aspett pożittiv ewlieni huwa li dan il-metodu jidher l-aħjar wieħed biex jiġġieled il-frodi.

5.17   Sistema ta’ ħlas maqsum fakultattiv (M31): il-Kumitat jesprimi l-perplessità tiegħu dwar l-għażla ta’ sistema ta’ ħlas maqsum, kif inhi proposta fl-ewwel mudell fil-punt 5.4.1 tal-Green Paper peress li l-obbligu ta’ ħlas doppju għal kull transazzjoni jikkomplika l-kontabbiltà u jimmultiplika l-possibbiltà ta’ żbalji. Barra minn hekk, skont ċerti esperti m'hemmx ċertezza li dan il-mudell joffri garanzija assoluta u infallibbli kontra l-frodi “tal-kummerċjant nieqes”. Fi kwalunkwe kas, jidher li għandha tiġi evitata wkoll l-għażla ta’ sistema fakultattiva: dan imur kontra l-prinċipju tal-armonizzazzjoni li diġà għandu ħafna eċċezzjonijiet.

5.18   Relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-awtoritajiet fiskali (M32): fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2008 (16), il-Kummissjoni kienet diġà indikat il-linji gwida (pjan ta’ azzjoni) ta’ politika mmirata li ttejjeb, fil-livell tal-Istati Membri, ir-relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-awtoritajiet fiskali. Il-Kumitat kien wassal il-kummenti u l-proposti tiegħu permezz ta’ opinjoni  (17) li fiha, filwaqt li esprima l-qbil tiegħu mal-proposti tal-Kummissjoni (sostanzjalment l-istess bħal dawk tal-Green Paper), enfasizza l-ħtieġa li l-ħarsien tad-data dwar l-operaturi tingħata importanza akbar, li l-amministrazzjonijiet jieħdu r-responsabbiltà fir-rigward ta’ min iħallas it-taxxa f'każ ta’ żball jew abbuż ta’ poter min-naħa tagħhom, li jkun hemm approċċ ġust għall-obbligu konġunt. Dan kollu mingħajr ma jintesew ir-rakkomandazzjonijiet magħmula b'mod ripetut dwar iċ-ċarezza u l-ħeffa tal-informazzjoni u l-aċċessibbiltà tagħhom permezz tal-internet, l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali lill-operaturi fil-kuntatti tagħhom mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra eċċ.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 224, 30.08.2008, p. 124, dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, (COM(2007) 747 finali – 2007/0267 CNS).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 248, 25.08.2011, p. 64, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 finali).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-regoli u l-post tal-forniment tas-servizzi, ĠU C 117, 30.04.2004, p. 15 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “It-titjib tat-tħaddim tas-sistemi tat-taxxa fis-suq intern (Fiscalis 2013)”ĠU C 93, 27.04.2007, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti); “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”ĠU C 255, 22.09.2010, p. 61; u “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar is-semplifikazzjoni tal-VAT, ĠU C 267, 27.10.2005, p. 30 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Abbuż fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ĠU C 77, 31.03.2009, p. 139

(7)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SEC(2010)1455 tal-1.12.2010.

(8)  Is-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) – Protokoll tal-Konferenza intergovernamentali Nru 26, 23.7.2007

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 224, 30.08.2008, p. 124, dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (COM(2007) 747 finali – 2007/0267 CNS).

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 248, 25.08.2011, p. 64, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 finali).

(11)  F'ħafna Stati Membri ir-rifond tal-VAT fuq provvisti jew servizzi li fl-aħħar ma jitħallsux jirriżultaw f'proċeduri twal, ikkumplikati u għaljin.

(12)  Il-Kumitat esprima l-fehma tiegħu f'diversi okkażjonijiet: Opinjoni tal-KESE “Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid)”ĠU C 74, 23.03.2005, p. 21; Opinjoni tal-KESE “Regoli dwar il-fatturazzjoni”ĠU C 306, 16.12.2009, p. 76 u l-opinjonijiet tal-KESE kollha msemmija bħala referenza f'dan it-test.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar is-semplifikazzjoni tal-VAT, ĠU C 267, 27.10.2005, p. 45 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  COM(2004) 728 finali

(15)  Opinjoni tal-KESE “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 61.

(16)  COM(2008) 807 finali li jakkumpanja l-COM(2008) 805 finali - 2008/0228 (CNS).

(17)  Opinjoni tal-KESE “l-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni”ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Test tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata li nċaħad biex tiddaħħal l-emenda adottata fl-Assemblea.

Punt 1.3:

Il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li sistema ta’ VAT globali għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi li huma ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi. Ma dawn jeħtieġ li jiżdiedu l-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-konsumaturi, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk mitluba jħallsu t-taxxa u li jitqies il-piż ta’ din l-ineffiċjenza.

Riżultat tal-votazzjoni: 81 vot favur, 45 vot kontra u 29 astensjoni.


Top