Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.
Документ 32024R1403
Commission Delegated Regulation (EU) 2024/1403 of 12 March 2024 supplementing Regulation (EU) 2018/1139 of the European Parliament and of the Council by laying down the conditions and procedures for the accreditation by the European Union Aviation Safety Agency of qualified entities
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1403 tat-12 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ entitajiet ikkwalifikati
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1403 tat-12 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ entitajiet ikkwalifikati
C/2024/1490
ĠU L, 2024/1403, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1403/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
В сила
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1403 |
24.5.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1403
tat-12 ta’ Marzu 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ entitajiet ikkwalifikati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(13), il-punt (f), tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1139 jippermetti lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni (“l-Aġenzija”) u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jallokaw il-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza lill-entitajiet ikkwalifikati li ġew akkreditati f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 62(13), jew l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(14), bħala konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
Jenħtieġ li l-Aġenzija talloka l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza biss lill-entitajiet ikkwalifikati li huma kapaċi jwettquhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi u żżomm sistema komprensiva ta’ akkreditazzjoni biex tiżgura l-konformità tal-entitajiet ikkwalifikati mar-rekwiżiti tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139. |
(3) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi proċedura li permezz tagħha l-Aġenzija tista’ takkredita lill-entitajiet ikkwalifikati biex tiżgura li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod kontinwu. Biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun intitolata titlob ir-rapporti ta’ akkreditazzjoni rilevanti tal-entitajiet ikkwalifikati mingħand l-awtorità nazzjonali kompetenti. |
(4) |
Meta jwettqu l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza f’isem l-Aġenzija, l-entitajiet ikkwalifikati akkreditati jkunu qed jeżerċitaw kompiti ta’ awtorità pubblika. Dawn il-kompiti mhumiex servizzi offruti minn operatur ekonomiku taħt kuntratt pubbliku u għalhekk mhumiex parti mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, biex tiġi żgurata allokazzjoni trasparenti, ġusta u mhux diskriminatorja tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati, jenħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi kriterji ta’ allokazzjoni bħala l-bażi li fuqha għandhom jiġu konklużi ftehimiet bil-miktub ma’ entitajiet bħal dawn. |
(5) |
Biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil possibbli fit-twettiq tal-kompiti allokati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet skont liem entità kkwalifikata akkreditata tista’ tkompli twettaq il-kompitu tagħha meta sseħħ bidla fl-organizzazzjoni, fil-proċeduri u fil-persunal tagħha li aktarx taffettwa l-istatus ta’ akkreditazzjoni tagħha. |
(6) |
L-Aġenzija jenħtieġ li tiżgura s-sorveljanza kontinwa tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati biex tiżgura l-konformità kontinwa tagħhom mal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
(a) |
ir-regoli u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati mill-Aġenzija; |
(b) |
il-kundizzjonijiet skont liem l-Aġenzija tista’ talloka kompiti ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ sorveljanza lill-entitajiet ikkwalifikati. |
2. Dan ir-Regolament ikopri l-oqsma kollha li fihom l-Aġenzija tista’ takkredita l-entitajiet ikkwalifikati li jaġixxu bħala awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 62(4), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2018/1139.
Artikolu 2
Sistema ta’ akkreditazzjoni għall-entitajiet ikkwalifikati
1. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm sistema għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati. Dik is-sistema ta’ akkreditazzjoni għandha tinkludi l-proċeduri li jirregolaw dawn kollha li ġejjin:
(a) |
akkreditazzjoni inizjali tal-entitajiet ikkwalifikati; |
(b) |
sorveljanza u valutazzjoni kontinwi tal-konformità tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati; |
(c) |
emenda, sospensjoni, limitazzjoni u revoka tal-akkreditazzjoni; |
(d) |
mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim li għandu, mill-inqas, ikopri d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament. |
Is-sistema ta’ akkreditazzjoni u r-riżultati tal-akkreditazzjoni inizjali u tas-sorveljanza u l-valutazzjoni kontinwi tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati għandhom jiġu ddokumentati u jinżammu mill-Aġenzija.
2. Meta awtorità nazzjonali kompetenti tkun diġà akkreditat entità kkwalifikata f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 62(14), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Aġenzija tista’ tirrikjedi li l-awtorità nazzjonali kompetenti li ħarġet l-akkreditazzjoni tipprovdi r-rapporti ta’ akkreditazzjoni rilevanti lill-Aġenzija.
3. Meta l-Aġenzija u awtorità kompetenti nazzjonali waħda jew aktar ikollhom l-intenzjoni li jakkreditaw entità interessata b’mod konġunt, huma għandhom jikkonkludu ftehim dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi dwar il-proċeduri tas-sistema ta’ akkreditazzjoni msemmija fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Proċedura għall-akkreditazzjoni tal-entitajiet ikkwalifikati
1. Meta l-Aġenzija tkun biħsiebha tirrikorri għall-entitajiet ikkwalifikati, hija għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha avviż li jistieden lill-entitajiet interessati jissottomettu applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni.
Dak l-avviż għandu jispeċifika b’mod partikolari:
(a) |
il-kategoriji tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza li l-Aġenzija biħsiebha twettaq permezz tal-entitajiet ikkwalifikati; |
(b) |
jekk l-Aġenzija tkunx biħsiebha tinkludi, fl-ambitu tal-akkreditazzjoni, il-privileġġ li toħroġ, iġġedded, temenda, tillimita, tissospendi u tirrevoka ċertifikati jew li tirċievi dikjarazzjonijiet f’isem l-Aġenzija; |
(c) |
id-dokumenti u l-informazzjoni li l-applikanti jenħtieġ li jissottomettu u l-iskadenza għall-applikazzjonijiet. |
2. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni sottomessa mill-applikant filwaqt li tqis il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3.
3. L-Aġenzija għandha takkredita u toħroġ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni lill-applikant jekk, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, tikkonkludi li:
(a) |
l-applikant jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139; |
(b) |
il-kompetenza, l-għarfien espert u l-proċeduri tal-applikant huma fil-livell meħtieġ għall-ambitu tal-akkreditazzjoni kemm fil-livell tal-organizzazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-esperti għall-qasam tekniku meħtieġ. |
4. L-akkreditazzjoni mogħtija mill-Aġenzija għandha tistabbilixxi fid-dettall l-ambitu tal-kompiti, il-privileġġi mogħtija u kwalunkwe kundizzjoni relatata.
5. Meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tinforma lil dik l-entità dwar dan u tiġġustifika r-rifjut tagħha li tagħti l-akkreditazzjoni.
Artikolu 4
Allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati akkreditati
1. L-Aġenzija għandha tiżviluppa kriterji ġusti u trasparenti għall-allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati akkreditati f’konformità mal-Artikolu 3. L-Aġenzija għandha tikkomunika l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati kollha.
2. Meta jiġu żviluppati l-kriterji tal-allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitqies dan li ġej:
(a) |
l-ambitu tal-kompiti; |
(b) |
il-kwalifiki u l-esperjenza fil-qasam tal-attività, inklużi l-prerekwiżiti tekniċi, personali, organizzattivi u proċedurali biex jitwettqu l-kompiti li għandhom jiġu allokati; |
(c) |
id-disponibbiltà u l-kapaċità tal-entità kkwalifikata li twettaq il-kompiti fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ u fil-livell tekniku, professjonali u ta’ kwalità meħtieġ; |
(d) |
l-interfaċċa għall-persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1139, b’mod partikolari, il-prossimità u l-kapaċità u l-kompetenza li tikkomunika b’mod effiċjenti ma’ dan tal-aħħar; |
(e) |
il-kosteffiċjenza; |
3. Meta talloka l-kompiti lill-entitajiet ikkwalifikati, l-Aġenzija għandha tidħol f’kuntratt bil-miktub, li għandu jistipula, mill-inqas:
(a) |
il-kompiti li għandhom jitwettqu; |
(b) |
id-dikjarazzjoni, ir-rapporti u r-rekords li għandhom jiġu pprovduti mill-entità kkwalifikata; |
(c) |
il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-entità kkwalifikata meta twettaq il-kompiti allokati; |
(d) |
il-kopertura tar-responsabbiltà relatata; |
(e) |
il-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni miksuba mill-entità kkwalifikata waqt it-twettiq tal-kompiti allokati; |
(f) |
ir-remunerazzjoni tal-entità kkwalifikata. |
L-Aġenzija għandha tassenja t-twettiq tal-kompiti, inklużi l-funzjonijiet ta’ ġestjoni teknika, lill-entità kkwalifikata fil-forma ta’ ordni ta’ kompitu li tiddefinixxi l-ambitu ddettaljat tal-kompitu li għandu jitwettaq.
4. Meta talloka kompitu lil entità kkwalifikata, l-Aġenzija għandha tiżgura li l-entità kkwalifikata tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali kollha stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139.
Artikolu 5
Bidliet fl-ambitu tal-akkreditazzjoni
1. Entità kkwalifikata għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-Aġenzija dwar kwalunkwe bidla fl-organizzazzjoni, fil-proċeduri u fil-persunal tagħha li aktarx taffettwa l-ambitu tal-akkreditazzjoni tagħha.
2. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-impatt tal-bidla nnotifikata fuq l-ambitu tal-akkreditazzjoni u l-privileġġi u tiddeċiedi jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni addizzjonali tal-entità kkwalifikata.
3. L-Aġenzija tista’ temenda l-ambitu tal-akkreditazzjoni skont is-sinifikat tal-bidla u, jekk applikabbli, ir-riżultat tal-valutazzjoni.
Artikolu 6
Sorveljanza tal-entitajiet ikkwalifikati akkreditati
1. L-Aġenzija għandha tivverifika l-konformità kontinwa biex tiżgura li l-kompetenza, l-għarfien espert u l-proċeduri ta’ entità kkwalifikata jikkonformaw mal-Artikolu 3(3).
2. Il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq sistema ta’ sorveljanza bbażata fuq ir-riskju li tqis in-natura speċifika tal-entità kkwalifikata, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-passat.
3. Jekk fi kwalunkwe ħin, l-Aġenzija ssib li l-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) ma għadhomx jiġu ssodisfati jew jekk l-entità kkwalifikata akkreditata tkun kisret l-ambitu tal-akkreditazzjoni, l-Aġenzija għandha minnufih tieħu miżuri ta’ infurzar xierqa, u jekk ikun xieraq, tillimita, tissospendi jew tirrevoka l-akkreditazzjoni tal-entità kkwalifikata skont il-grad ta’ nuqqas ta’ konformità sakemm l-organizzazzjoni jirnexxilha tieħu azzjoni korrettiva.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1403/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)