Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1286

    Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE

    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0847

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1286/oj

    20.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/25


    REGOLAMENT (UE) Nru 1286/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Diċembru 2013

    li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jittejjeb it-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 197 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    Il-programm ta' azzjoni pluriennali għat-tassazzjoni li kien japplika qabel l-2014 kkontribwixxa b’mod sinifikanti sabiex jiffaċilita u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni. Il-valur miżjud ta' dak il-programm, inkluż għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-kontribwenti, ġie rikonoxxut mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti. L-isfidi identifikati għad-deċennju li ġej ma jistgħux jiġu indirizzati jekk l-Istati Membri ma jħarsux lil hinn mill-fruntieri tat-territorji amministrattivi tagħhom jew jikkooperaw b'mod intensiv mal-kontroparti l-oħrajn. Il-programm Fiscalis, implimentat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, joffri qafas tal-Unjoni lill-Istati Membri li fih ikunu jistgħu jiżviluppaw dawk l-attivitajiet ta' kooperazzjoni, u li jkun ħafna aktar kosteffettiv milli kieku kull Stat Membru kellu jwaqqaf oqfsa ta' kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali. Għaldaqstant ikun xieraq li jiġi żgurat li jkun hemm tkomplija ta' dak il-programm billi jiġi stabbilit programm ġdid fl-istess qasam.

    (2)

    Il-programm stabbilit taħt dan ir-Regolament, "Fiscalis 2020", u s-suċċess tiegħu huma vitali fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti u għandhom jappoġġaw il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet fiskali.

    (3)

    L-attivitajiet taħt Fiscalis 2020, jiġifieri s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej kif definiti f'dan ir-Regolament (Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej), l-azzjonijiet konġunti għall-uffiċjali tal-awtoritajiet tat-taxxa u l-inizjattivi komuni ta’ taħriġ, huma mistennija jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bit-tisħiħ tal-funzjonament tas-suq intern, bl-għoti ta' qafas li fih jiġu appoġġati attivitajiet li jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa u bit-tmexxija ’l quddiem tal-progress tekniku u l-innovazzjoni. Billi jipprovdi qafas għal attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu aktar effiċjenti, isaħħu l-kompetittività tan-negozji, jippromwovu l-impjiegi u jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-kontribwenti, Fiscalis 2020 se jsaħħaħ b’mod attiv il-funzjonament tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern, filwaqt li jikkontribwixxi għat-tneħħija gradwali ta’ ostakli u distorsjonijiet eżistenti fis-suq intern.

    (4)

    L-ambitu ta’ Fiscalis 2020 għandu jiġi allinjat mal-ħtiġijiet attwali sabiex l-attenzjoni tkun iffukata fuq it-taxxi armonizzati kollha fil-livell tal-Unjoni u taxxi oħra sa fejn dawn ikunu rilevanti għas-suq intern u għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

    (5)

    Sabiex jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni u assoċjazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi, Fiscalis 2020 għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi aderenti u dawk kandidati u għal pajjiżi kandidati potenzjali u l-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jekk jiġu ssodisfatti ċerti kondizzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħhom tappoġġa biss attivitajiet ta’ Fiscalis 2020 li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, u li tiġi indirizzata pjanifikazzjoni fiskali aggressiva. Meta titqies l-interkonnessjoni dejjem akbar tal-ekonomija dinjija, Fiscalis 2020 għandu jkompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu mistiedna esperti esterni biex jikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-programm. Esperti esterni, bħal rappreżentanti ta’ awtoritajiet governattivi, operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tagħhom jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu mistiedna biss meta l-kontribut tagħhom jitqies essenzjali għall-kisba tal-objettivi ta' Fiscalis 2020.

    (6)

    L-objettivi u l-prijoritajiet tal-Fiscalis 2020 iqisu l-problemi u l-isfidi identifikati fil-qasam tat-tassazzjoni fid-deċennju li ġej. Fiscalis 2020 għandu jkompli jkollu rwol f'oqsma vitali bħall-implimentazzjoni koerenti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, filwaqt li jiżgura l-iskambju ta' informazzjoni u jappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva u jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa. Minħabba d-dinamika problematika tal-isfidi l-ġodda li ġew identifikati, għandha ssir enfasi addizzjonali fuq l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u pjanifikazzjoni fiskali aggressiva. Għandha titqiegħed ukoll enfasi fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tat-taxxa u tal-ispejjeż ta’ konformità għall-kontribwenti u jiġu evitati ċirkostanzi ta’ taxxa doppja.

    (7)

    F'livell operazzjonali, Fiscalis 2020 għandu jimplimenta, iħaddem u jappoġġa s-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej u l-attivitajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva, isaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tat-taxxa, itejjeb il-fehim u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, u jappoġġa t-titjib tal-proċeduri amministrattivi u l-kondiviżjoni u d-disseminazzjoni tal-prassi amministrattiva tajba. Dawk l-objettivi għandhom jitwettqu b’enfasi fuq l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva.

    (8)

    L-għodod tal-programm li kienu japplikaw qabel Fiscalis 2020 għandom jiġu ssupplimentati sabiex iwieġbu adegwatament għall-isfidi li ser jiffaċċjaw l-awtoritajiet tat-taxxa fid-deċennju li ġej u biex jibqgħu allinjati mal-iżvilupp fil-liġi tal-Unjoni. Fiscalis 2020 għandu jkopri kontrolli multilaterali jew bilaterali u forom oħra ta' kooperazzjoni amministrattiva kif stabbilit fil-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva; gruppi ta' esperti; l-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jipprovdu taħriġ speċifiku u speċjalizzat fil-qasam tat-tassazzjoni lill-Istati Membri li jiffaċċjaw ċirkostanzi partikolari u eċċezzjonali li jiġġustifikaw tali azzjonijiet immirati; u, fejn meħtieġ, studji u attivitajiet ta' komunikazzjoni komuni sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

    (9)

    Is-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej għandhom rwol vitali fl-interkonnessjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa u b’hekk fit-tisħiħ tas-sistemi ta' tassazzjoni fl-Unjoni u għalhekk għandhom jibqgħu jiġu ffinanzjati u mtejba mill-Fiscalis 2020. Barra minn hekk, għandu jkun hemm il-possibilità li fil-Fiscalis 2020 jiġu inklużi sistemi ġodda ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni. Is-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej għandhom, fejn xieraq, ikunu bbażati fuq mudelli ta' żvilupp u l-arkitettura tal-IT kondiviżi.

    (10)

    Fil-kuntest tat-titjib fil-kooperazzjoni amministrattiva b'mod aktar ġenerali u bl-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, jista’ jkun utli li l-Unjoni tikkonkludi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, sabiex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jużaw il-komponenti tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej biex jiġi appoġġat skambju sikur ta' informazzjoni bejniethom u l-Istati Membri fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa.

    (11)

    Għandhom jitwettqu wkoll attivitajiet ta' taħriġ komuni taħt il-Fiscalis 2020. Il-Fiscalis 2020 għandu jkompli jappoġġa lill-pajjiżi parteċipanti fit-tisħiħ tal-ħiliet professjonali u l-għarfien marbut mat-tassazzjoni permezz ta' kontenut ta' taħriġ żviluppat b'mod konġunt li hu mmirat għall-uffiċjali tat-taxxa u għall-operaturi ekonomiċi. Għal dak il-għan, l-approċċ attwali tal-programm Fiscalis 2020 għat-taħriġ komuni, li kien prinċipalment ibbażat fuq l-iżvilupp ċentrali tat-tagħlim elettroniku, għandu jiżviluppa fi programm multidimensjonali ta’ appoġġ għat-taħriġ għall-Unjoni.

    (12)

    Fiscalis 2020għandu jkopri perijodu ta’ seba’ snin sabiex id-durata tiegħu tiġi allinjata ma’ dik tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2).

    (13)

    Dan ir-Regolament jistabilixxi pakkett finanzjarju għal perijodu sħiħ Fiscalis 2020 sabiex jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali ta’ 2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq ġestjoni finanzjarja tajba (3), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali.

    (14)

    B’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-2010 għall-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament, għandhom jiġu kondiviżi riżorsi ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk l-attivitajiet maħsuba tal-Fiscalis 2020 ikollhom l-għan li jwettqu objettivi li huma komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament bl-esklużjoni, madankollu, ta’ finanzjament doppju.

    (15)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni finanzjarja ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adotatti b'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5).

    (16)

    Il-pajjiżi parteċipanti għandhom iħallsu għall-ispiża tal-elementi nazzjonali tal-Fiscalis 2020 li jinkludu, fost affarijiet oħrajn, il-komponenti mhux tal-Unjoni tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej, u kwalunkwe taħriġ li mhuwiex parti mill-inizjattivi ta' taħriġ komuni.

    (17)

    Meta titqies l-importanza tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi parteċipanti f'azzjonijiet konġunti, rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % tal-ispejjeż eliġibbli fir-rigward tal-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-akkomodazzjoni, l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' avvenimenti u l-allowances ta’ kuljum hija possibbli, fejn ikun meħtieġ sabiex jinkisbu b'mod sħiħ l-objettivi tal-Fiscalis 2020.

    (18)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri xierqa fiċ-ċiklu tal-infiq kollu, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati ħażin u, fejn xieraq, penalitajiet.

    (19)

    Biex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment ta' programmi ta' ħidma annwali. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (20)

    Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' programm pluriennali għat-titjib tal-funzjonament tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma ma jistgħux iwettqu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni meħtieġa għall-kisba ta' dak l-objettiv b'mod effiċjenti, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (21)

    Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Fiscalis 2020 għall-implimentazzjoni tal-Fiscalis 2020.

    (22)

    Biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-Fiscalis 2020, għandu jiġi stabbilit qafas xieraq għall-monitoraġġ tar-riżultati miksuba mill-Fiscalis 2020 mill-bidu nett. Il-Kummissjoni, flimkien mal-pajjiżi parteċipanti, għandha tistabbilixxi indikaturi li jistgħu jiġu aġġustati u tistabbilixxi linji bażi definiti minn qabel għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-attivitajiet tal-Fiscalis 2020. Għandha titwettaq valutazzjoni ta’ nofs it-term li tħares lejn il-ksib tal-objettivi tal-Fiscalis 2020, l-effiċjenza u l-valur miżjud tiegħu fil-livell Ewropew. Valutazzjoni finali għandha, flimkien ma’ dan, tittratta l-impatt fit-tul u l-effetti tas-sostenibbiltà tal-Fiscalis 2020. Għandha tiġi żgurata trasparenza sħiħa mar-rappurtar regolari dwar il-monitoraġġ u mal-preżentazzjoni ta’ rapporti ta’ valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (23)

    Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tirregola l-ipproċessar ta’ data personali mwettqa fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti magħżula mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti għandha ssir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali kif stabilit fid-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (24)

    Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għaldaqstant, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   B'dan qiegħed jiġi stabbilit programm ta' azzjoni pluriennali "Fiscalis 2020" ("il-programm") għat-titjib tal-funzjonament tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern u għall-appoġġ tal-kooperazzjoni relatata ma’ dan.

    2.   Il-programm għandu jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2020.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “awtoritajiet tat-taxxa” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra fil-pajjiżi parteċipanti li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tat-tassazzjoni jew attivitajiet relatati mat-taxxa;

    (2)

    “esperti esterni” tfisser:

    (a)

    rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, inklużi dawk minn pajjiżi mhux parteċipanti fil-programm skont l-Artikolu 3(2);

    (b)

    operaturi ekonomiċi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw operaturi ekonomiċi;

    (c)

    rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet oħrajn rilevanti;

    (3)

    “tassazzjoni” tfisser dan li ġej:

    (a)

    it-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (10);

    (b)

    id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE (11);

    (c)

    id-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE (12);

    (d)

    it-taxxi fuq prodotti tal-enerġija u elettriku previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (13);

    (e)

    taxxi oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (14) sa fejn ikunu applikablli għas-suq intern u għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri,

    (4)

    "kontrolli multilaterali jew bilaterali" tfisser il-kontroll koordinat tar-responsabbiltà rigward it-taxxa ta' persuna taxxabbli waħda jew aktar li jkunu relatati, organizzat minn żewġ pajjiżi parteċipanti jew aktar b'interessi komuni jew komplementari, li jinkludu mill-inqas żewġ Stati Membri.

    Artikolu 3

    Parteċipazzjoni fil-programm

    1.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri u l-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2, dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu.

    2.   Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

    (a)

    il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili rispettivi;

    (b)

    il-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat dment li dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ approssimazzjoni tal-liġi rilevanti u l-metodi amministrattivi għal dawk tal-Unjoni.

    Il-pajjiżi msieħba msemmijin fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jipparteċipaw fil-programm skont id-dispożizzjonjiet li għandhom jiġu determinati ma’ dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta’ ftehimiet qafas rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tappoġġa biss attivitajiet tal-programm li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u li tiġi indirizzata pjanifikazzjoni fiskali aggressiva.

    Artikolu 4

    Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-programm

    Esperti esterni jistgħu jiġu mistiedna jagħtu kontribut għal attivitajiet organizzati taħt il-programm kull fejn dan ikun essenzjali għall-kisba tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 5 u 6. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni flimkien mal-pajjiżi parteċipanti, abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom li jkunu rilevanti għall-attivitajiet speċifiċi, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali, u jintlaħaq bilanċ bejn ir-rappreżentanti tan-negozji u l-esperti oħra tas-soċjetà ċivili. Lista ta’ esperti esterni magħżula għandha tkun pubblika u għandha tkun aġġornata regolament.

    Artikolu 5

    Objettiv ġenerali u objettiv speċifiku

    1.   L-objettiv ġenerali tal-programm għandu jkun li jittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' tassazzjoni fis-suq intern billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-uffiċjali tagħhom.

    2.   L-objettiv speċifiku tal-programm għandu jkun li tiġi appoġġata l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni billi jkun żgurat l-iskambju ta' informazzjoni, tiġi appoġġata l-kooperazzjoni amministrattiva u, fejn meħtieġ u adatt, billi tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-pajjiżi parteċipanti bil-għan li jassisti fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tat-taxxa u l-ispejjeż ta’ konformità għall-kontribwenti.

    3.   Il-kisba tal-objettivi msemmija f'dan l-Artikolu għandha titkejjel abbażi, b'mod partikolari, ta' dawn li ġejjin:

    (a)

    id-disponibbiltà u l-aċċess sħiħ tan-netwerk komuni ta' komunikazzjoni għas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej;

    (b)

    ir-rispons mill-pajjiżi parteċipanti dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet tal-programm.

    Artikolu 6

    Objettivi u prijoritajiet operazzjonali tal-programm

    1.   L-objettivi u l-prijoritajiet operazzjonali tal-programm għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    l-implimentazzjoni, it-titjib, it-tħaddim u l-appoġġ tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej għat-tassazzjoni;

    (b)

    l-appoġġ għall-attivitajiet ta' kooperazzjoni amministrattiva;

    (c)

    it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tat-taxxa;

    (d)

    it-titjib tal-fehim u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni;

    (e)

    l-appoġġ għat-titjib tal-proċeduri amministrattivi u l-kondiviżjoni tal-prassi amministrattiva tajba.

    2.   L-objettivi u l-prijoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1għandhom jitwettqu b’enfasi partikolari fuq l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva.

    KAPITOLU II

    Azzjonijiet Eliġibbli

    Kapitolu 7

    Azzjonijiet eliġibbli

    1.   Il-programm għandu jipprovdi, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 14, appoġġ finanzjarju għal dan li ġej:

    (a)

    azzjonijiet konġunti:

    (i)

    seminars u sessjonijiet ta' ħidma;

    (ii)

    gruppi ta’ proġett, ġeneralment magħmula minn numru limitat ta’ pajjiżi, li jkunu operattivi tul perijodu ta’ żmien limitat li l-għan tagħhom ikun it-twettiq ta’ objettiv predefinit b’riżultat deskritt b’mod preċiż;

    (iii)

    kontrolli bilaterali jew multilaterali u attivitajiet oħrajn previsti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, organizzati minn żewġ pajjiżi parteċipanti jew aktar, li jinkludu mill-inqas żewġ Stati Membri;

    (iv)

    żjarat ta’ ħidma organizzati mill-pajjiżi parteċipanti jew pajjiż ieħor sabiex l-uffiċjali jkunu jistgħu jiksbu jew iżidu l-kompetenza jew l-għarfien tagħhom fi kwistjonijiet ta' taxxa;

    (v)

    gruppi ta' esperti, jiġifieri forom strutturati ta’ kooperazzjoni, ta' natura mhux permanenti, li jiġbru flimkien kompetenzi għat-twettiq ta’ kompiti f’oqsma speċifiċi, b'mod partikolari fis-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej, possibbilment bl-appoġġ ta’ servizzi ta’ kollaborazzjoni online, assistenza amministrattiva u faċilitajiet ta' infrastruttura u tagħmir;

    (vi)

    bini ta’ kapaċitajiet fl-amministrazzjoni pubblika u azzjonijiet ta’ appoġġ;

    (vii)

    studji;

    (viii)

    proġetti ta’ komunikazzjoni;

    (ix)

    kwalunkwe attività oħra b'appoġġ għall-objettivi u l-prijoritajiet ġenerali, speċifiċi u operazzjonali stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, sakemm il-ħtieġa ta’ attività oħra bħal din hi ġustifikabbli;

    (b)

    bini ta’ Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej: l-iżvilupp, il-manutenzjoni, it-tħaddim u l-kontroll tal-kwalità tal-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej stabbiliti fil-punt A tal-Anness u Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej ġodda stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni, bil-għan li l-awtoritajiet tat-taxxa jiġu interkonnessi b’mod effiċjenti;

    (c)

    attivitajiet ta' taħriġ komuni: azzjonijiet ta’ taħriġ żviluppati b'mod konġunt għall-appoġġ tal-ħiliet u l-għarfien professjonali meħtieġa relatati mat-tassazzjoni.

    Iż-żjarat ta' ħidma msemmija fil-punt (a)(iv) tal-ewwel subparagrafu m'għandhomx ikunu ta' aktar minn xahar. Għal żjarat ta’ ħidma organizzati f'pajjiżi terzi, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza (akkomodazzjoni u allowance ta' kuljum) biss huma eliġibbli taħt il-programm.

    Il-gruppi ta' esperti msemmija fil-punt (a)(v) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu organizzati mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti u, sakemm mhux debitament ġustifikati, m'għandhomx ikunu aktar minn darba fis-sena.

    2.   Ir-riżorsi għall-azzjonijiet eliġibbli msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati b’mod bilanċjat, u b’mod proporzjonali għall-bżonnijiet reali ta’ dawk l-azzjonijiet.

    3.   Fil-valutazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-bżonn għall-introduzzjoni ta' limiti baġitarji massimi għad-diversi azzjonijiet eliġibbli.

    Artikolu 8

    Dispożizzonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni għal azzjonjiet konġunti

    1.   Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet konġunti msemmijin fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun fuq bażi volontarja.

    2.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li jiġu nominati uffiċjali bi profil u kwalifiki xierqa, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, sabiex jipparteċipaw fl-azzjonijiet konġunti.

    3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom, fejn adatt, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun hemm sensibilizzazzjoni għall-azzjonijiet konġunti u biex jiżguraw li jintużaw ir-riżultati prodotti.

    Artikolu 9

    Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' implimentazzjoni għas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej

    1.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li s-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej imsemmija fil-punt A tal-Anness jiġu żviluppati, operati u miżmuma b’mod xieraq.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, dawk l-aspetti tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-komponenti tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej imsemmija fil-punt A tal-Anness li huma meħtieġa biex jiġu żgurati l-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu tagħhom.

    3.   L-użu tal-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej imsemmija fil-punt A tal-Anness minn pajjiżi mhux parteċipanti għandu jkun soġġett għal ftehimiet ma' dawk il-pajjiżi li għandhom jiġu konklużi f'konformità mal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni għal attivitajiet ta' taħriġ komuni

    1.   Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' taħriġ komuni msemmijin fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun fuq bażi volontarja.

    2.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-uffiċjali bi profil u kwalifiki adatti, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, jiġu nominati biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ taħriġ komuni.

    3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom, fejn xieraq, jintegraw kontenut ta’ taħriġ żviluppat b'mod konġunt, inkluż moduli ta’ tagħlim elettroniku, programmi ta’ taħriġ u standards ta’ taħriġ miftiehma komunement fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ taħriġ.

    KAPITOLU III

    Qafas finanzjarju

    Artikolu 11

    Qafas finanzjarju

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm għandu jkun ta' EUR 223 366 000 fi prezzijiet attwali.

    2.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għall-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni li huma meħtieġa fuq bażi regolari għall-ġestjoni tal-programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu; b’mod partikolari, studji, laqgħat ta’ esperti, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-objettivi mniżżlin f'dan ir-Regolament, spejjeż konnessi man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż kollha l-oħra ta’ assistenza teknika u amministrattiva magħmula mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-programm.

    Is-sehem tan-nefqa amministrattiva m'għandux, b'mod ġenerali, jaqbeż 5 % tal-ispiża totali tal-programm.

    Artikolu 12

    Tipi ta' intervent

    1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-programm skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    2.   L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-attivitajiet previsti fl-Artikolu 7 għandu jieħu l-forma ta’:

    (a)

    għotjiet;

    (b)

    kuntratti ta’ akkwist pubbliku;

    (c)

    ir-rimborż ta’ spejjeż magħmula minn esperti esterni msemmija fl-Artikolu 4.

    3.   Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet għandha tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta' spejjeż għall-ivvjaġġar u għall-akkomodazzjoni, spejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u allowances ta' kuljum.

    Dik ir-rata għandha tapplika għall-azzjonijiet kollha eliġibbli bl-eċċezzjoni tal-gruppi ta’ esperti msemmija fil-punt (a)(v) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1). Ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għall-gruppi ta' esperti, fejn dawk l-azzjonijiet jeħtieġu l-għoti ta’ għotjiet, għandha tiġi stabbilita fil-programmi ta' ħidma annwali.

    4.   Il-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej għandhom jiġu ffinanzjati mill-programm. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom, b'mod partikolari jħallsu l-ispejjeż għall-akkwist, l-iżvilupp, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' kuljum tal-komponenti tas-Sistemi ta' Informazzjoni Ewropej relatati ma' pajjiżi terzi.

    Artikolu 13

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b’verifiki effikaċi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu indebitament u, fejn xieraq, b’pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonali u dissważivi.

    2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu verifika, abbażi ta' dokumenti kif ukoll fil-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan-ir-Regolament.

    3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, fosthom verifiki u spezzjonijiet fil-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività irregolari oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jkun jikkonċerna finanzjament taħt dan ir-Regolament.

    KAPITOLU IV

    Setgħat ta' implimentazzjoni

    Artikolu 14

    Programm ta' ħidma

    Sabiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta programmi ta' ħidma annwali li għandhom jistabbilixxu l-objettivi li jkunu jridu jitwettqu, ir-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandu jkun fihom ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull tip ta' azzjoni u skeda indikattiva ta' żmien għall-implimentazzjoni. Għall-għotjiet, il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jinkludu l-prijoritajiet, il-kriterji ta' valutazzjoni essenzjali u r-rata massima ta' kofinanzjament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu bbażat fuq ir-riżultati ta’ snin preċedenti u għandhom jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

    Artikolu 15

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    KAPITOLU V

    Monitoraġġ u valutazzjoni

    Artikolu 16

    Monitoraġġ tal-azzjonijiet tal-programm

    1.   Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, twettaq monitoraġġ tal-programm u l-azzjonijiet skontu.

    2.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jistabbilixxu indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u, jekk meħtieġ, iżidu indikaturi ġodda waqt li jkun għaddej il-programm. L-indikaturi għandhom jintużaw sabiex jitkejlu l-effetti tal-programm meta mqabbla ma' linji bażi definiti minn qabel.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku ir-riżultat tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u l-indikaturi imsemmija fil-paragrafu 2.

    4.   L-eżitu tal-monitoraġġ għandu jintuża għall-valutazzjoni tal-programm skont l-Artikolu 17.

    Artikolu 17

    Valutazzjoni u rieżami

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu u ta' valutazzjoni finali, fir-rigward tal-aspetti msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Ir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet għandhom jiġu integrati fid-deċiżjonijiet dwar tiġdid, modifika jew sospensjoni possibbli tal-programm għal perijodi sussegwenti. Dawk il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu minn evalwatur indipendenti estern.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, sat-30 ta' Ġunju 2018, tfassal rapport ta' valutazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar il-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet tal-programm, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-programm f'livell Ewropew sat-30 ta' Ġunju 2018. Dak ir-rapport għandu, b’mod addizzjonali, jindirizza s-simplifikazzjoni u r-rilevanza kontinwa tal-objettivi, kif ukoll il-kontribut tal-programm għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2021, tfassal rapport ta' valutazzjoni finali tal-aspetti msemmija fil-paragrafu 2, u dwar l-impatt fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-programm,.

    4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, il-pajjiżi parteċipanti għandhom jipprovdulha, id-data u l-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti bl-għan li jikkontribwixxu għar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u dak finali tagħha.

    KAPITOLU VI

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 18

    Revoka

    Id-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE hi b’dan revokata b’effett mill-1 ta' Jannar 2014.

    Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li għandhom jitwettqu taħt dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jiġu rregolati minnha sakemm jitlestew.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. LEŠKEVIČIUS


    (1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 48 u ĠU C 11, 15.1.2013, p. 84.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-sena 2014-2020 (Ara paġna 884 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 37, 20.12.2013, p. 1

    (4)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (5)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (9)  Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex itejjeb il-ħidma tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2235/2002/KE (ĠU L 330, 15.12.2007, p. 1).

    (10)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

    (11)  Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).

    (12)  Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).

    (13)  Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

    (14)  Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).

    (15)  Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1).

    (16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


    ANNESS

    SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI EWROPEJ U L-KOMPONENTI TAGĦHOM TAL-UNJONI

    A.

    Is-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej huma dawn li ġejjin:

    (1)

    in-netwerk komuni ta’ komunikazzjonijiet / l-interface komuni tas-sistemi (CCN/CSI – CCN2), CCN mail3, is-CSI bridge, l-http bridge, CCN LDAP u għodod relatati, il-portal web CCN, il-monitoraġġ CCN;

    (2)

    is-sistemi ta’ appoġġ, b’mod partikolari l-għodda ta' konfigurazzjoni tal-applikazzjoni għal CCN, l-għodda għar-rapportar ta’ attivitajiet (ART2), il-ġestjoni elettronika Taxud ta’ proġett online (TEMPO), l-għodda ta’ ġestjoni tas-servizzi (SMT), is-sistema ta’ ġestjoni tal-utent (UM), is-sistema BPM, id-dashboard tad-disponibilità u l-AvDB, il-portal tal-ġestjoni tas-servizzi tal-IT, il-ġestjoni tal-aċċess ta’ direttorju u tal-utent;

    (3)

    l-ispazju ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-programm (PICS);

    (4)

    is-sistemi relatati mal-VAT, b’mod partikolari, is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-VAT (VIES) u r-rimborż tal-VAT, inkluża l-applikazzjoni inizjali VIES, l-għodda ta’ monitoraġġ VIES, is-sistema statistika ta’ Tassazzjoni, VIES-on-the-web, l-għodda ta’ konfigurazzjoni ta' VIES-on-the-web, l-għodod ta’ ttestjar tar-rimborż tal-VIES u l-VAT, l-algoritmi tan-numri tal-VAT, l-iskambju ta' formoli elettroniċi tal-VAT, il-VAT fuq is-Servizzi elettroniċi (VoeS); l-għodda ta’ ttestjar tal-VoeS, l-għodda ta’ ittestjar tal-formoli elettroniċi tal-VAT, mini one-stop-shop (MoSS);

    (5)

    is-sistemi relatati mal-irkupru, b’mod partikolari l-formoli elettroniċi għall-irkupru ta’ pretensjonijiet, formoli elettroniċi għall-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar (UIPE) u għall-formola ta’ notifika uniformi (UNF);

    (6)

    is-sistemi relatati mat-tassazzjoni diretta, b’mod partikolari t-tassazzjoni fuq is-sistemi ta’ tfaddil, it-tassazzjoni fuq l-għodda ta’ ttestjar tat-tfaddil, formoli elettroniċi għat-tassazzjoni diretta, in-numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa TIN fuq il-web, l-iskambji relatati mal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (1) u għodod tal-ittestjar assoċjati;

    (7)

    sistemi oħra relatati mat-tassazzjoni, b’mod partikolari, id-Database tat-Taxxi fl-Ewropa (TEDB);

    (8)

    is-sistemi tad-dazji tas-sisa, b’mod partikolari s-sistema għall-iskambju ta’ data dwar id-dazji tas-sisa (SEED), is-Sistema kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-Sisa (EMCS), il-formoli elettroniċi MVS, l-applikazzjoni tat-test (TA);

    (9)

    sistemi ċentrali oħrajn, b’mod partikolari, is-sistema tal-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni tal-Istati Membri dwar it-Tassazzjoni (TIC), is-sistema ta’ ttestjar self-service (SSTS), is-sistema tal-istatistika relatata mat-tassazzjoni, l-applikazzjoni ċentrali għal formoli tal-web, is-servizzi ċentrali / is-sistema ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni għas-Sisa (CS/MISE).

    B.

    Il-komponenti tal-Unjoni tas-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej huma:

    (1)

    l-assi tal-IT bħall-hardware, is-software u l-konnessjonijiet tan-netwerk tas-sistemi, inkluża l-infrastruttura tad-data assoċjata;

    (2)

    is-servizzi IT meħtieġa sabiex jappoġġaw l-iżvilupp, il-manutenzjoni, it-titjib u t-tħaddim tas-sistemi; u

    (3)

    kwalunkwe element ieħor li, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sikurezza u razzjonalizzazzjoni, huma identifikati mill-Kummissjoni bħala komuni għall-pajjiżi parteċipanti.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).


    Top