This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0315
Council Decision 2012/315/CFSP of 19 December 2011 on the signing and conclusion of the Agreement between the European Union and New Zealand establishing a framework for the participation of New Zealand in European Union crisis management operations
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/315/PESK tad- 19 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/315/PESK tad- 19 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
ĠU L 160, 21.6.2012, p. 1–1
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/315/oj
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/315/PESK
tad-19 ta' Diċembru 2011
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-RGħ"),
Billi:
(1) |
Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet tal-Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti skont il-każ għal kull operazzjoni konċernata. |
(2) |
Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kunsill fis-26 ta' April 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ir-RGħ innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet ("il-Ftehim"). |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. KOROLEC
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 160/1 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
L-UNJONI EWROPEA (UE),
minn naħa waħda, u
NEW ZEALAND
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet. |
(2) |
L-Unjoni Ewropea ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. In-New Zealand tista' taċċetta l-istedina tal-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F'tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost tan-New Zealand. |
(3) |
Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tan-New Zealand f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti skont il-każ għal kull operazzjoni kkonċernata. |
(4) |
Tali Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma għandux jippreġudika n-natura speċifika tad-deċiżjonijiet tan-New Zealand li tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. |
(5) |
Tali Ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim eżistenti li jirregola l-parteċipazzjoni tan-New Zealand f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li tkun diġà nbdiet. |
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni
1. Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lin-New Zealand biex tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, u ladarba n-New Zealand tkun iddeċidiet li tipparteċipa, in-New Zealand għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.
2. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lin-New Zealand b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lin-New Zealand fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.
3. Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut propost tan-New Zealand għandha titmexxa b'konsultazzjoni man-New Zealand.
4. L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika r-riżultat ta' dik il-valutazzjoni lin-New Zealand permezz ta' ittra fi żmien adatt bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tan-New Zealand skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Qafas
1. In-New Zealand għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ma' kwalunkwe deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.
2. Il-parteċipazzjoni tan-New Zealand f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt tan-New Zealand li tirtira mill-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk ma taqbilx mad-Deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu.
Artikolu 3
Status tal-persunal u tal-forzi
1. L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi min-New Zealand għandhom ikunu rregolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk disponibbli, konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni.
2. L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinstabu barra l-Istat jew Stati li fihom issir l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, għandu jiġi rregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u elementi ta' kmand ikkonċernati u n-New Zealand.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/il-missjoni msemmi fil-paragrafu 1, u soġġett għal kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali fis-seħħ, f'każijiet fejn il-forzi tan-New Zealand joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-UE, dan l-Istat tal-aħħar għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri interni tiegħu.
4. In-New Zealand għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kwalunkwe talba konnessa mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, li tiġi minn jew tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. In-New Zealand għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinari, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
5. Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għat-talbiet kollha (ħlief għal dawk kuntrattwali) kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi li jkunu proprjetà ta'/operati minn Parti jew oħra, jew korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom b'rabta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja.
6. In-New Zealand tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li fiha tipparteċipa n-New Zealand, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
7. L-Unjoni Ewropea tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tan-New Zealand f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Informazzjoni klassifikata
1. In-New Zealand għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun imħarsa skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (1) u skont linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jew il-Kap tal-Missjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
2. Jekk l-UE tirċievi informazzjoni klassifikata min-New Zealand, dik l-informazzjoni għandha tingħata l-protezzjoni adatta għall-klassifikazzjoni tagħha u ekwivalenti għall-istandards stabbiliti fir-regolamenti għal informazzjoni klassifikata tal-UE.
3. Fejn l-UE u n-New Zealand ikunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
TAQSIMA II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 5
Personal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi
1. In-New Zealand għandha tiżgura li l-persunal tagħha li jkun issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':
(a) |
id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1); |
(b) |
il-Pjan tal-Operazzjoni; |
(c) |
il-miżuri implementattivi. |
2. In-New Zealand għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi ("il-Kap tal-Missjoni") u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-RGħ") bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
3 Il-persunal issekondat għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, jieħu l-vaċċinazzjonijiet li jitqiesu neċessarji mill-awtoritajiet kompetenti tan-New Zealand u għandu jiġi ċċertifikat b'mod mediku li hu b'saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti min-New Zealand. Il-persunal issekondat għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.
Artikolu 6
Linja ta' kmand
1. Il-persunal issekondat min-New Zealand għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f'moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.
2. Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Unjoni Ewropea.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fuq il-post.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.
6. In-New Zealand għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
7. Il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. Meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinari mill-awtorità nazzjonali konċernata.
8. Għandu jiġi maħtur Punt Kontinġenti ta' Kuntatt Nazzjonali ("NPC") min-New Zealand biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.
9. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni man-New Zealand jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi fl-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fid-data tat-tmiem tal-operazzjoni.
Artikolu 7
Aspetti finanzjarji
1. In-New Zealand għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà possibbli u l-kumpens min-New Zealand għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), jew kwalunkwe arranġament alternattiv applikabbli.
Artikolu 8
Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv
1. In-New Zealand għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tan-New Zealand għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:
(a) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tan-New Zealand fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew |
(b) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal min-New Zealand li jipparteċipaw fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, in-New Zealand ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lin-New Zealand minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
(a) |
l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tan-New Zealand fl-operazzjoni tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva li hija essenzjali għal din l-operazzjoni; jew |
(b) |
in-New Zealand ikollha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. |
5. Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tan-New Zealand għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi bejn il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tan-New Zealand. Dak l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ammont ikkonċernat; |
(b) |
l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
(c) |
il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet. |
TAQSIMA III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 9
Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi
1. In-New Zealand għandha tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom f'konformità ma':
(a) |
id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1); |
(b) |
il-Pjan tal-Operazzjoni; u |
(c) |
il-miżuri implementattivi. |
2. In-New Zealand għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.
Artikolu 10
Linja ta' kmand
1. Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. Persunal issekondat min-New Zealand għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f'moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.
4. In-New Zealand għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.
5. Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet man-New Zealand, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tan-New Zealand.
6. Rappreżentant Militari Għoli (SMR) għandu jiġi maħtur min-New Zealand biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tan-New Zealand.
Artikolu 11
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta' dan il-Ftehim, in-New Zealand għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK (2) li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà possibbli u l-kumpens min-New Zealand għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew kwalunkwe arranġamenti alternattivi applikabbli.
Artikolu 12
Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni
1. In-New Zealand għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tan-New Zealand għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi taż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:
(a) |
is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tan-New Zealand fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; Jew |
(b) |
is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal min-New Zealand parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u n-New Zealand tikkontribwixxi biss persunal għall-Operazzjoni jew għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forza, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tagħha għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit min-New Zealand għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafu 1 ta' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lin-New Zealand minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
(a) |
l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tan-New Zealand fl-operazzjoni tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva għall-assi u/jew il-kapaċitajiet li huma essenzjali għall-operazzjoni; jew |
(b) |
in-New Zealand għandha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. |
4. Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni 2008/975/PESK li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tan-New Zealand. Dak l-arranġament għandu jinkludi inter alia dispożizzjonijiet dwar:
(a) |
l-ammont ikkonċernat; |
(b) |
l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
(c) |
il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet. |
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12(4) u 8(5), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u l-awtoritajiet kompetenti tan-New Zealand.
Artikolu 14
Nuqqas ta' konformità
Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż minn qabel ta' xahar.
Artikolu 15
Riżoluzzjoni ta' disputi
Id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta' waħda mill-Partijiet.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn iż-żewġ Partijiet.
4. Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.
Magħmul fi Brussell fit-tmintax-il jum ta' April fis-sena elfejn u tnax.
Għall-Unjoni Ewropea
Għan-New Zealand
(1) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.
(2) OJ L 345, 23.12.2008, p. 96.
DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE
L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li tipparteċipa fiha n-New Zealand jagħmlu ħilithom, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw safejn ikun possibbli talbiet kontra n-New Zealand għal korriment, mewt ta' persunal, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kien ikkawżat minn persunal min-New Zealand fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja, jew |
— |
irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li huma l-proprjetà tan-New Zealand, bil-kondizzjoni li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja ta' persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi min-New Zealand li kien qed juża dawk l-assi. |
DIKJARAZZJONI MIN-NEW ZEALAND
In-New Zealand, meta tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ser tagħmel ħilitha, safejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli talbiet kontra kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għal korriment, mewt ta' persunal tiegħu, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tiegħu u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
(a) |
kien ikkawżat minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja; jew |
(b) |
irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li huma l-proprjetà ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, bil-kondizzjoni li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja ta' persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li jkun qed juża dawk l-assi. |