EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0318

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/318/PESK tal- 31 ta’ Marzu 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet

ĠU L 143, 31.5.2011, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/318/oj

Related international agreement

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/318/PESK

tal-31 ta’ Marzu 2011

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”),

Billi:

(1)

Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti abbażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata.

(2)

Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill fis-26 ta’ April 2010 biex jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ġie nnegozjat, mir-RGħ, ftehim qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu (1).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 10(1) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

VÖLNER P.


(1)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill


Top

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/1


TRADUZZJONI

FTEHIM QAFAS

bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet

L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA (“STATI UNITI”)

u

L-UNJONI EWROPEA (“UE” JEW “UNJONI EWROPEA”)

minn hawn ’il quddiem imsejħin b’mod kollettiv il-“Partijiet”,

Billi:

L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet.

L-aħħar żewġ deċennji raw żieda fl-isforzi tal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet multilaterali fl-użu ta’ mezzi biex titnaqqas l-inċidenza ta’ konflitti madwar id-dinja.

L-Istati Uniti u l-UE jikkondividu x-xewqa li titrawwem rikonċiljazzjoni paċifika u li jiġu ffaċilitati r-rikostruzzjoni u l-istabilizzazzjoni permezz tal-kondiviżjoni tal-piżijiet f’operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet, u jemmnu li jinħoloq potenzjal akbar għas-suċċess ta’ dawn l-operazzjonijiet tal-UE bil-kontribut ta’ esperti mill-Istati Uniti.

L-Istati Uniti u l-UE jixtiequ jistabbilixu kondizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti f’operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni futura possibbli, aktar milli jiddefinixxu dawn il-kondizzjonijiet kaz b’każ għal kull operazzjoni kkonċernata.

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Konsegwentement għad-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lill-Istati Uniti biex tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi, u ladarba l-Istati Uniti tkun iddeċidiet li tipparteċipa, l-Istati Uniti għandha tipprovdi informazzjoni lill-Unjoni Ewropea dwar il-kontribut propost tagħha fl-operazzjoni. Deċiżjoni mill-Istati Uniti li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi turi li hija taqbel li tirrispetta t-termini tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-UE tkun iddeċidiet li twettaq l-operazzjoni rilevanti (“id-Deċiżjoni tal-Kunsill”).

2.   L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom jikkonsultaw dwar il-kontribut propost tal- Istati Uniti, anke dwar il-kontribut possibbli għall-baġit operattiv tal-operazzjoni, u, jekk jaqblu li jipproċedu bil-parteċipazzjoni, tali parteċipazzjoni għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament jew arranġamenti implimentattivi relatati li jkunu daħlu fihom il-Partijiet.

3.   Il-kontribut tal-Istati Uniti għal operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni Ewropea fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u m’għandux jippreġudika in-natura fuq bażi ta’ każ b’każ tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi.

4.   L-Unjoni Ewropea għandha tavża lill-Istati Uniti qabel kwalunkwe deċiżjoni li timmodifika d-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 jew biex tadotta jew timmodifika kwalunkwe miżura implimentattiva relatata.

5.   L-Istati Uniti tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-UE, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, tirtira kompletament jew parzjalment, f’kull mument, mill-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Ħlief fejn jista’ jiġi miftiehem diversament bil-miktub bejn il-Partijiet, dan il-Ftehim japplika biss għall-operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet li għalihom l-Istati Uniti tagħmel kontribut wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim u huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim eżistenti li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi.

2.   Dan il-Ftehim jindirizza biss kontribut ta’ persunal ċivili, unitajiet ċivili, u assi ċivili mill-Istati Uniti għal operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet (il-“kontinġent tal-Istati Uniti”).

Artikolu 3

Status tal-Persunal u l-Unitajiet

1.   L-istatus tal-kontinġent tal-Istati Uniti assenjat lil operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi, u partikolarment il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu, għandhom ikunu regolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni (“il-ftehim dwar l-istatus”) konkluż bejn l-UE u l-Istat fejn tkun qed titmexxa l-operazzjoni, sakemm: (a) l-Istati Uniti tingħata opportunità li teżamina l-ftehim dwar l-istatus qabel ma tiddeċiedi jekk tipparteċipax jew le fl-operazzjoni u (b) jekk l-ebda ftehim dwar l-istatus ma jkun ġie konkluż fil-mument li jkun meħtieġ għall-eżami, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u jiftiehmu dwar arranġament alternattiv adatt dwar l-istatus tal-kontinġent tal-Istati Uniti qabel l-istazzjonament tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà komplessiva tal-UE għall-konklużjoni ta’ arranġamenti relatati mal-pajjiżi ospiti dwar l-istatus tal-persunal u unitajiet tal-UE.

2.   L-istatus tal-kontinġent tal-Istati Uniti li jkun qed iservi fil-kwartieri ġenerali jew fl-elementi ta’ kmand li jinstabu barra mill-pajjiż jew pajjiżi fejn tkun qed titwettaq l-operazzjoni għandhom ikunu regolati, skont il-każ, b’arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand jew l-Istat jew Stati kkonċernati u l-Istati Uniti.

3.   Safejn ikun permess mil-liġijiet u r-regolamenti tagħha stess, l-Istati Uniti għandha d-dritt li teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal assenjat tagħha fil-pajjiż fejn l-operazzjoni tiġi skjerata.

4.   L-Istati Uniti għandha tkun responsabbli sabiex twieġeb għall-pretensjonijiet marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi, minn jew dwar kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, f’konformità mal-liġi tal-Istati Uniti. Din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix rinunzja tal-immunità sovrana tal-Istati Uniti. M’hemm xejn f’dan il-Ftehim li huwa intiż biex joħloq ġurisdizzjoni f’xi qorti fejn tali ġurisdizzjoni ma tkunx diġà teżisti, jew biex jipprovdi għal xi dritt infurzabbli kontra l-Istati Uniti f’tali qorti.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe pretensjoni u għall-pretensjonijiet kollha (minbarra l-pretensjonijiet kuntrattwali) kontra xulxin għal ħsara lil, telf jew qerda ta’ assi li jkunu proprjetà ta’/imħaddma minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet, jew korriment jew mewt ta’ persunal ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom b’rabta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew kondotta volontarjament skorretta.

6.   L-Istati Uniti tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet fuq bażi reċiproka kontra kull Stat Membru tal-UE li jkun qed jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi li fiha tipparteċipa l-Istati Uniti, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-UE tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Istati Uniti tal-Amerika f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni Klassifikata

Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata, magħmul f’Washington fit-30 ta’ April 2007, għandu japplika fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni

1.   L-Istati Uniti għandha tfittex li tiżgura, permezz ta’ istruzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal li jitqiegħad għad-dispożizzjoni bħala parti mill-kontribut tagħha fl-operazzjonijiet tal-UE ta’mmaniġġar ta’ kriżijiet (“persunal assenjat”) jidħol għall-missjoni tiegħu b’mod konsistenti ma’, u b’appoġġ sħiħ għad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 1, il-pjan operattiv u l-miżuri implimentattivi relatati.

2.   L-Istati Uniti għandha tikkonsulta mal-UE fi żmien debitu dwar kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha f’operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi taħt dan il-Ftehim.

3.   Il-persunal assenjat għandu jirċievi ċertifikazzjoni medika adatta, u għandu jingħata kopja ta’ din iċ-ċertifikazzjoni biex jippreżentaha meta tkun mitluba mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE.

Artikolu 6

Linja ta’ Kmand

1.   Matul il-perijodu tal-istazzjonament, il-Kmandant tal-UE jew il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita awtorità superviżorja u jmexxi l-attivitajiet tal-persunal u l-unitajiet assenjati.

2.   Il-persunal u l-unitajiet assenjati għandhom jibqgħu taħt l-awtorità ġenerali tal-Istati Uniti.

3.   L-Istati Uniti għandha tfittex li tiżgura, permezz ta’ istruzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal assenjat iwettaq id-dmirijiet tiegħu u jġib ruħu f’konformità sħiħa mal-objettivi tal-operazzjoni u taħt id-direzzjoni u l-gwida tal-Kmandant tal-UE jew il-Kap tal-Missjoni.

4.   L-Istati Uniti għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet bħall-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea li jkunu qegħdin jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kmandant jew il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju ġenerali tal-persunal assenjat. Kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja għandha tittieħed, skont il-każ, mill-Istati Uniti.

6.   Għandu jinħatar Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mill-Istati Uniti sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni rilevanti tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

7.   Id-deċiżjoni li ttemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Istati Uniti, jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi fil-mument li tali deċiżjoni tkun qed tiġi kunsidrata.

Artikolu 7

Aspetti Finanzjarji

1.   L-Istati Uniti għandha tassumi l-ispejjeż assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet sakemm ma jkunux koperti minn finanzjament komuni, kif ikun dispost fil-baġit operattiv tal-missjoni.

2.   L-Unjoni Ewropea għandha teżenta lill-Istati Uniti minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit operattiv ta’ operazzjoni tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżi meta l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Istati Uniti tkun qed tagħti kontribut sinifikattiv. L-Istati Uniti għandha tkun notifikata bid-deċiżjoni tal-UE dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit operattiv fil-mument tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   Il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti taħt dan il-Ftehim fl-operazzjonijiet tal-UE ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet għandha tkun suġġetta għad-disponibbiltà tal-fondi adatti.

Artikolu 8

Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

Kwalunkwe arranġament tekniku, finanzjarju u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Riżoluzzjoni ta’ Disputi

Id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti permezz ta’ mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-firma.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni regolari mill-Partijiet.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

5.   Kwalunkwe Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra sitt xhur bil-quddiem.

Magħmul f'Washington, f’żewġ eżemplari, bl-Ingliż, dan is-sbatax-il jum ta’ Mejju fis-sena elfejn u ħdax.

Għall-Unjoni Ewropea

C. ASHTON

Għall-Istati Uniti tal-Amerika

H. CLINTON


TEST GĦAL DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE, meta japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li fiha tipparteċipa l-Istati Uniti, għandhom il-ħsieb li, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw safejn possibbli għal pretensjonijiet kontra l-Istati Uniti għal korriment, mewt ta’ persunal, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kkawżati minn persunal mill-Istati Uniti fit-twettiq tad-doveri tiegħu f’konnessjoni ma’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew ta’ kondotta volontarjament skorretta; jew

irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi fil-proprjetà tal-Istati Uniti, sakemm l-assi ġew użati b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew kondotta volontarjament skorretta tal-persunal, mill-Istati Uniti, impenjat fil-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li kien qed juża dawk l-assi.”.

Test għall-Istati Uniti:

“L-Istati Uniti, meta tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, għandha l-ħsieb li, sa fejn is-sistema legali interna tagħha hekk tippermetti, tirrinunzja, sa fejn ikun possibbli, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għal korriment, mewt ta’ persunal tagħha, jew għal dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b’konnessjoni ma’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew kondotta volontarjament skorretta; jew

irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, sakemm l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew kondotta volontarjament skorretta ta’ persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li jkun qed juża dawk l-assi.”.

Top