Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0079

    2006/79/KE: Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal- 5 ta’ Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta' kunsinni żgħar ta' merkanzija ta' natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (verżjoni kodifikata)

    ĠU L 286, 17.10.2006, p. 15–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 526–529 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/79/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    526


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/79/KE

    tal-5 ta’ Ottubru 2006

    dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta' kunsinni żgħar ta' merkanzija ta' natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi

    (verżjoni kodifikata)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 78/1035/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-eżenzjoni minn taxxi fuq importazzjonijiet ta' kunsinni żgħar ta' oġġetti ta' kwalità mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (3) kienet emendata sostanzjalment diversi drabi (4). Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' kontinwità l-imsemmija Direttiva għandha tkun kodifikata.

    (2)

    Għandha ssir dispożizzjoni għall-eżenzjoni mit-taxxi fuq id-dħul u t-taxxi tas-sisa fuq l-importazzjonijiet ta' kunsinni żgħar ta' merkanzija ta' natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi.

    (3)

    Għal dak il-għan il-limiti li fihom dik l-eżenzjoni għandha tkun applikata għandhom, għal raġunijiet prattiċi, ikunu safejn possibbli l-istess bħal dawk stabbiliti għall-arranġamenti Komunitarji għall-eżenzjoni mid-dazju doganali fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta' Marzu li jwaqqaf sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet minn dazju doganali (5).

    (4)

    Hu meħtieġ li jkunu stabbiliti limiti speċjali għal ċerti prodotti minħabba l-livell għoli ta' tassazzjoni li għalihom preżentement huma soġġetti fl-Istati Membri.

    (5)

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati ma' l-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B ta' l-Anness I,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   Merkanzija f'kunsinni żgħar ta' natura mhux kummerċjali mibgħuta minn pajjiż terz minn persuni privati lil persuni privati oħrajn fi Stat Membru għandhom ikunu eżenti ma' l-importazzjoni mit-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa tas-sisa.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “kunsinni żgħar ta' natura mhux kummerċjali” għandha tfisser kunsinni li:

    (a)

    huma ta' natura okkażjonali;

    (b)

    ikollhom biss merkanzija maħsuba għall-użu personali jew familjari tad-destinatarji, li n-natura u l-kwantità tagħha ma jindikawx li din tkun qed tiġi importata għal xi għan kummerċjali;

    (c)

    ikollhom merkanzija b'valur totali li ma jeċċedix EUR 45;

    (d)

    ikunu mibgħuta minn min jibgħat, lid-destinatarju, mingħajr ħlas ta' ebda xorta.

    Artikolu 2

    1.   L-Artikolu 1 għandu japplika għall-merkanzija elenkata hawn taħt għal-limiti kwantitattivi li ġejjin:

    (a)

    prodotti tat-tabakk

    (i)

    50 sigarett,

    jew

    (ii)

    25 cigarillos (sigarri ta' piż massimu ta' tlett grammi kull wieħed),

    jew

    (iii)

    10 sigarri,

    jew

    (iv)

    50 gramma ta' tabakk tat-tipjip;

    (b)

    alkoħol u xorb alkoħoliku:

    (i)

    xarbiet distillati u spirti ta' qawwa alkoħolika li taqbeż it-22 % vol.; alkoħol etiliku mhux żnaturat ta' 80 % vol. u iktar: flixkun wieħed normali (sa litru),

    jew

    (ii)

    xorb distillat u spirti, u aperitivi magħmulin b'bażi ta' inbid jew alkoħol, tafia, saké jew xorb simili ta' qawwa alkoħolika ta' 22 % vol. jew inqas; inbejjed li jfexfxu, inbejjed imsaħħa: flixkun wieħed normali (sa litru),

    jew

    (iii)

    inbejjed bla gass: żewġ litri;

    (c)

    fwejjaħ: 50 gramma,

    jew

    “eaux de toilette”: 0,25 ta' litru jew tmien uqijiet;

    (d)

    kafé: 500 gramma,

    jew

    estratti u essenzi tal-kafe: 200 gramma;

    (e)

    té: 100 gramma,

    jew

    estratti u essenzi tat-té: 40 gramma.

    2.   L-Istati Membri għandhom id-dritt li jnaqqsu l-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 eliġibbli għal eżenzjoni minn taxxa fuq id-dħul u taxxi tas-sisa, jew li jneħħu għal kollox l-eżenzjoni għal dawk il-prodotti.

    Artikolu 3

    Kwalunkwe merkanzija elenkata fl-Artikolu 2 li jkunu jinsabu f'kunsinna żgħira ta' natura mhux kummerċjali fi kwantitajiet li jeċċedu dawk stabbiliti fl-imsemmi Artikolu għandhom ikunu esklużi fl-intier tagħhom mill-eżenzjoni.

    Artikolu 4

    1.   L-ekwivalenti ta' l-euro fil-munita nazzjonali li għandha tapplika għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jkun stabbilit darba fis-sena. Ir-rati applikabbli għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jiġbdu għad-dritt l-ammonti fil-munita nazzjonali li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ l-ammonti fl-euro previsti fl-Artikolu 1(2), dment li dan il-ġbid għad-dritt ma jaqbiżx l-EUR 2.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammont ta' l-eżenzjoni fis-seħħ fiż-żmien ta' l-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 1 jekk, qabel il-ġbid għad-dritt previst fil-paragrafu 2, konverżjoni ta' l-ammont ta' l-eżenzjoni espress f'euros tista' tirriżulta f'bidla ta' inqas minn 5 % fl-eżenzjoni espressa fil-munita nazzjonali.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan

    Artikolu 6

    Id-Direttiva 78/1035/KEE għandha tkun revokata, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri relatati ma' l-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B ta' l-Anness I.

    Referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ottubru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. RAJAMAKI


    (1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU L 366, 28.12.1978, p. 34. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni 1994.

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta' l-2003.


    ANNESS I

    PARTI A

    Id-Deċiżjoni revokata bl-emendi suċċessivi tagħha

    Id-Direttiva tal-Kunsill 78/1035/KEE (1)

    (ĠU L 366, 28.12.1978, p. 34)

     

    Id-Direttiva tal-Kunsill 81/933/KEE

    (ĠU L 338, 25.11.1981, p. 24)

    l-Artikolu 2 biss

    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/576/KEE

    (ĠU L 372, 31.12.1985, p. 30)

     


    PARTI B

    Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (imsemmija fl-Artikolu 6)

    Direttiva

    Skadenza għat-traspożizzjoni

    78/1035/KEE

    1 ta' Jannar 1979

    81/933/KEE

    31 ta' Diċembru 1981

    85/576/KEE

    30 ta' Ġunju 1986


    (1)  Id-Direttiva 78/1035/KEE kienet emendata wkoll bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.


    ANNESS II

    TABELLA TA' KORRELAZZJONI

    Direttiva 78/1035/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1(1)

    Artikolu 1(1)

    Artikolu 1(2), l-ewwel inċiż

    Artikolu 1(2)(a)

    Artikolu 1(2), it-tieni inċiż

    Artikolu 1(2)(b)

    Artikolu 1(2), it-tielet inċiż

    Artikolu 1(2)(c)

    Artikolu 1(2), ir-raba' inċiż

    Artikolu 1(2)(d)

    Artikolu 2(1)(a) minn “50 sigaretti” sa “50 grammi ta' tabakk tat-tipjip”

    Artikolu 2(1)(a)(i) sa (iv)

    Artikolu 2(1)(b)

    Artikolu 2(1)(b)

    Artikolu 2(1)(b), l-ewwel inċiż

    Artikolu 2(1)(b)(i)

    Artikolu 2(1)(b), it-tieni inċiż

    Artikolu 2(1)(b)(ii)

    Artikolu 2(1)(b), it-tielet inċiż

    Artikolu 2(1)(b)(iii)

    Artikolu 2(1)(c), (d) u (e)

    Artikolu 2(1)(c), (d) u (e)

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 2(3)

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 4(2)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 4(3)

    Artikolu 5(1)

    Artikolu 5(2)

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikolu 8

    Anness I

    Anness II


    Top