This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005D0671
Council Decision 2005/671/JHA of 20 September 2005 on the exchange of information and cooperation concerning terrorist offences
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI ta' l- 20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI ta' l- 20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi
ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22–24
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 168M, 21.6.2006, p. 350–352
(MT)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/10/2023
21.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea |
350 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/671/ĠAI
ta' l-20 ta’ Settembru 2005
dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 29, 30(1), 31 u 34(2)(ċ) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Fil-laqgħa straordinarja tiegħu tal-21 ta' Settembru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-terroriżmu jirrappreżenta sfida reali għad-dinja u għall-Ewropa u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu sejra tkun objettiv ta' prijorità għall-Unjoni Ewropea. |
(2) |
Fid-19 ta' Ottubru 2001 il-Kunsill Ewropew iddikjara li huwa determinat jiġġieled it-terroriżmu f'kull forma madwar id-dinja u li sejjer ikompli bl-isforzi tiegħu sabiex isaħħaħ il-koalizzjoni tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'kull għamla u forma, per eżempju bit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn is-servizzi operattivi responsabbli mill-ġlieda kontra t-terroriżmu: l-Europol, l-Eurojust, is-servizzi ta' informazzjoni, il-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji. |
(3) |
Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa essenzjali li s-servizzi rilevanti jkollhom l-informazzjoni l-aktar kompleta u aġġornata possibbli fl-oqsma rispettivi tagħhom. Is-servizzi nazzjonali speċjalizzati ta' l-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-korpi rilevanti ta’ l-Unjoni Ewropea bħall-Europol u l-Eurojust assolutament jeħtieġu informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom. |
(4) |
Id-Deċiżjoni 2003/48/ĠAI tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar l-implementazzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja sabiex jikkumbattu t-terroriżmu skond l-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (2) hija pass prinċipali ’l quddiem. Il-persistenza tat-theddida terroristika u l-kumplessità tal-fenomenu jqajmu l-ħtieġa għal skambji ta’ informazzjoni dejjem akbar. L-ambitu ta' l-iskambji ta' informazzjoni għandu jiġi estiż għall-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, inklużi l-kundanni, u għall-persuni, gruppi jew entitajiet kollha li jkunu investigati, proċessati jew kundannati għal reati terroristiċi. |
(5) |
L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri billi jaġixxu waħedhom u għalhekk, minħabba l-ħtieġa ta' reċiproċità, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju; għaldaqstant il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalitá, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(6) |
Fl-eżekuzzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni, din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali, u m'għandhiex tikkomprometti s-sigurtà ta' individwi, jew is-suċċess ta' investigazzjonijiet kurrenti jew attivitajiet speċifiċi tas-servizzi ta' informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-Istat. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“reati terroristiċi”: ir-reati speċifikati fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (3); |
(b) |
“Konvenzjoni ta' l-Europol”: il-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (4); |
(ċ) |
“Deċiżjoni ta' l-Eurojust”: id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi (5); |
(d) |
“grupp jew entità”: “gruppi terroristiċi” fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 u l-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tal-Kunsill tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (6). |
Artikolu 2
Trasmissjoni ta’ informazzjoni dwar reati terroristiċi lill-Eurojust, lill-Europol u lill-Istati Membri
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina servizz speċjalizzat fi ħdan is-servizzi tal-pulizija tiegħu jew awtoritajiet oħra ta' l-infurzar tal-liġi, li, konformement mal-liġi nazzjonali, ikollu aċċess għal, u jiġbor, dik l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna u tirriżulta minn investigazzjonijiet kriminali kondotti mill-awtoritajiet tiegħu ta' l-infurzar tal-liġi fir-rigward ta’ reati terroristiċi u jibgħatha lill-Europol konformement mal-paragrafi 3 u 4.
2. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità waħda jew aktar, fejn is-sistema legali tiegħu tipprevedi hekk, bħala korrispondent nazzjonali ta’ l-Eurojust għal kwistjonijiet ta' terroriżmu, jew awtorità ġudizzjarja adatta jew awtorità kompetenti oħra li, skond il-liġi nazzjonali, għandha jkollha aċċess għal, u tkun tista' tiġbor, dik l-informazzjoni rilevanti kollha dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi u tibgħatha lill-Eurojust konformement mal-paragrafu 5.
3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jassigura li għall-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 dwar investigazzjonijiet kriminali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi li jolqtu jew jistgħu jolqtu żewġ Stati Membri jew iżjed, miġbura mill-awtorità rilevanti, jiġu trasmessi lil:
(a) |
l-Europol, konformement mal-liġi nazzjonali u mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' l-Europol, sabiex jiġu proċessati; u |
(b) |
l-Eurojust, konformement mal-liġi nazzjonali u fejn id-disposizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta' l-Eurojust hekk jippermettu, sabiex l-Eurojust ikun jista' jeżegwixxi l-funzjonijiet tiegħu. |
4. L-informazzjoni li għandha tiġi trasmessa lill-Europol skond il-paragrafu 3 għandha tkun li ġejja:
(a) |
data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità; |
(b) |
atti taħt investigazzjoni u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom; |
(ċ) |
ir-reat konċernat; |
(d) |
rabtiet ma' każijiet rilevanti oħra; |
(e) |
l-użu ta' teknoloġiji tal-komunikazzjoni; |
(f) |
it-theddida li jirrappreżenta l-pussess ta' armi ta' distruzzjoni massiva. |
5. L-informazzjoni li għandha tiġi trasmessa lill-Eurojust skond il-paragrafu 3 għandha tkun li ġejja:
(a) |
data li tidentifika l-persuna, il-grupp jew l-entità li jkunu kriminalment investigati jew proċessati; |
(b) |
ir-reat konċernat u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu; |
(ċ) |
informazzjoni dwar kundanni finali għal reati terroristiċi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi relattivi għal dawk ir-reati; |
(d) |
rabtiet ma' każijiet rilevanti oħra; |
(e) |
talbiet għal assistenza ġudizzjarja, inklużi ittri rogatorji, indirizzati lil Stat Membru ieħor jew minn Stat Membru ieħor u t-tweġiba; |
6. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li kwalunkwe informazzjoni rilevanti inkluża f'dokumenti, fajlijiet, elementi ta' informazzjoni, oġġetti jew mezzi oħra ta' prova, maqbuda jew konfiskati matul investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti kriminali konnessi ma’ reati terroristiċi tkun tista’ ssir aċċessibbli malajr kemm jista' jkun, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġux kompromessi investigazzjonijiet kurrenti, għall-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra interessati, konformement mal-liġi nazzjonali u ma' strumenti legali internazzjonali rilevanti, fejn ikunu kondotti jew jistgħu jiġu mibdija investigazzjonijiet jew fejn ikunu għaddejjin prosekuzzjonijiet konnessi ma’ reati terroristiċi.
Artikolu 3
Gruppi investigattivi konġunti
Fejn ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu gruppi investigattivi konġunti sabiex iwettqu investigazzjonijiet kriminali dwar reati terroristiċi.
Artikolu 4
Talbiet għal assistenza ġudizzjarja u eżekuzzjoni ta' sentenzi
Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li t-talbiet minn Stati Membri oħra għal assistenza legali reċiproka u għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi konnessi ma' reati terroristiċi jiġu trattati bħala kwistjoni ta’ urġenza u jingħataw prijorità.
Artikolu 5
Tħassir ta' disposizzjonijiet eżistenti
Id-Deċiżjoni 2003/48/ĠAI hija b'dan mħassra.
Artikolu 6
Implementazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2006.
Artikolu 7
Applikazzjoni Territorjali
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal Ġibiltà.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussel, nhar il-20 ta’ Settembru 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BECKETT
(1) Opinjoni mogħtija fis-7 ta' Ġunju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.
(4) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2. Konvenzjoni kif l-aħħar emendata bil-Protokoll tas-27.11.2003 (ĠU L 2, 6.1.2004, p. 3).
(5) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/659/ĠAI (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 44).
(6) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93. Posizzjoni Komuni kif l-aħħar emendata bil-Posizzjoni Komuni 2005/220/PESK (ĠU L 69, 16.3.2005, p. 59).