Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R3922

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili

ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/04/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/3922/oj

31991R3922



Official Journal L 373 , 31/12/1991 P. 0004 - 0008
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0052
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0052


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91

tas-16 ta' Diċembru 1991

dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, kif previst fl-Artikolu 8a tat-Trattat, għandhom jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern fuq perjodu li jagħlaq fil-31 ta' Diċembru 1992; billi s-suq intern se tkun żona mingħajr fruntieri interni li fiha il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital hu assigurat;

Billi kull livell ġenerali għoli ta' sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa għandu jinżamm u ħtiġijiet tekniċi preżenti u proċeduri amministrattivi fl-Istati Membri għandhom jittellgħu sa l-ogħla standards li preżentement intlaħqu fil-Komunità;

Billi s-sigurtà hi fattur kruċjali fit-trasport bl-ajru tal-Komunità; billi għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944, li tipprovdi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jassiguraw l-operat sigur ta' l-inġenji ta' l-ajru;

Billi r-restrizzjonijiet preżenti dwar it-trasferiment ta' inġenji ta' l-ajru u prodotti ta' l-avjazzjoni u ta' ċerti servizzi fil-qasam ta' l-avjazzjoni bejn Stati Membri sejrin jikkawżaw distorzjoni fis-suq intern;

Billi l-Awtoritajiet ta' l-Avjazzjoni Konġunta (JAA), korp assoċjat tal-Konferenza dwar Avjazzjoni Ċivili Ewropea (ECAC) ikkonkludew arranġamenti biex jikkooperaw fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' ħtiġijiet konġunti ta' l-avjazzjoni (JARs) fl-oqsma kollha li jirreferu għas-sigurtà ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-operat tagħhom;

Billi, skond il-politika komuni dwar trasport, ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi li jirreferu għas-sigurtà ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-operat tagħhom għandhom jiġu armonizzati abbażi tal-kodiċi JAR tal-JAA;

Billi s-sħubija ta' kull Stat Membru fil-JAA u l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri tagħha tista' tiffaċilita dik l-armonizzazzjoni;

Billi, sabiex jintlaħqu l-miri tal-Komunità għar-rigward tal-libertà ta' ċirkolazzjoni ta' persuni u prodotti kif ukoll għar-rigward il-politika komuni dwar it-trasport, Stati Membri għandhom jaċċettaw l-attestazzjoni ta' prodotti u ta' korpi u persuni interessati fid-disinn, fil-manifattura, fiż-żamma u fil-ħidma ta' prodotti, mingħajr aktar xogħol tekniku jew evalwazzjoni, meta l-prodott, l-organizzazzjoni jew il-persuna jkunu ġew attestati b'mod konformi mal-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri ammistrattivi;

Billi problemi ta' sigurtà jistgħu jirriżultaw, f'dak il-każ, Stati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa b'urġenza; billi dawk il-miżuri għandhom ikunu hekk iġġustifikati kif imiss u, meta l-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi jipprovdu nuqqasijiet, ikun għall-Kummissjoni, li teżerċita l-poteri ta' implimentazzjoni tagħha, biex tadotta l-emendi meħtieġa;

Billi hu mixtieq li finanzjament mill-Istati Membri għal riċerka biex tiġi mtejba s-sigurtà ta' l-avjazzjoni jiġi kkoordinat biex jiġi assigurat l-aħjar użu ta' riżorsi u biex ikun possibbli li jinkiseb benefiċċju massimu;

Billi hu xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-saħħa, assistita minn kumitat ta' esperti nominat mill-Istati Membri, li jsiru l-emendi żviluppati mill-JAA għall-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi adottati mill-Kunsill,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili kif elenkati fl-Anness II, u b'mod partikolari fir-rigward ta':

- d-disinn, manifattura, ħidma u manutenzjoni ta' inġenji ta' l-ajru,

- persuni u organizzazzjonijiet involuti f'dawn ix-xogħlijiet.

2. Il-ħtiġijiet tekniċi armonizzati u proċeduri amministrattivi li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-inġenji ta' l-ajru kollha mħaddma minn operaturi kif imfissra fl-Artikolu 2(a), kemm jekk irreġistrati fi Stat Membru kemm jekk f'pajjiż terz.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "operatur" tfisser persuna naturali li toqgħod fi Stat Membru jew persuna legali stabbilita fi Stat Membru li tuża xi inġenji ta' l-ajru jew aktar b'mod konformi mar-regolamenti applikabbli f'dak l-Istat Membru, jew trasportatur ta' l-ajru tal-Komunità kif imfisser fil-leġislazzjoni tal-Komunità;

(b) "prodott" tfisser inġenji ta' l-ajru ċivili, magna, skrun jew tagħmir;

(ċ) "apparat" tfisser kull strument, tagħmir, mekkaniżmu, apparatus jew aċċessorju użat jew maħsub li jintuża biex jiġu mħaddma inġenji ta' l-ajru f'titjira, kemm jekk installat fi, maħsub li jkun installat fi, jew imwaħħal ma', inġenji ta' l-ajru ċivili, iżda li ma jagħmilx parti minn airframe, magna jew skrun;

(d) "komponent" tfisser materjal, parti jew sub-assembly mhux kopert bit-tifsira f'(b) jew (ċ) għall-użu fl-inġenji ta' l-ajru ċivili, magni, skrejjen jew tagħmir;

(e) "attestazzjoni" (ta' kull prodott, servizz, organizzazzjoni jew persuna) tfisser kull forma ta' rikonoxximent legali li kull prodott, servizz, korp jew persuna tikkonforma mal-ħtiġijiet applikabbli. Dik l-attestazzjoni tinkludi żewġ atti:

(i) l-att ta' ċċekkjar li teknikament il-prodott, servizz, organizzazzjoni jew persuna jikkonformaw mal-ħtiġijiet applikabbli; dan l-att hu magħruf bħala "tiftix tas-sejbiet tekniċi";

(ii) l-att ta' rikonoxximent formali ta' dik il-konformità mal-ħtiġijiet applikabbli permezz tal-ħruġ ta' ċertifikat, liċenza, approvazzjoni jew dokument ieħor bil-mod meħtieġ minn liġijiet u proċeduri nazzjonali; dan l-att hu magħruf bħala "tiftix tas-sejbiet legali";

(f) "manutenzjoni" tfisser l-ispezzjonijiet, servicing, modifiki u kull tiswija tul il-ħajja ta' inġenji ta' l-ajru meħtieġ biex jiġi assigurat li l-inġenji ta' l-ajru jibqgħu jikkonformaw maċ-ċertifikazzjoni tat-tip u joffri livell għoli ta' sigurtà fiċ-ċirkostanzi kollha; dan għandu jinkludi b'mod partikolari modifiki imposti mill-awtoritajiet li jkunu parti mill-arranġamenti li għalihom saret referenza f'(h) skond il-kunċetti ta' ċċekkjar għal airworthiness;

(g) "national variant" tfisser kull ħtieġa nazzjonali jew regolament impost minn pajjiż b'żieda ma' jew minflok JAR;

(h) "arranġamenti" tfisser arranġamenti żviluppati taħt l-awspiċi tal-Konferenza ta' l-Avjazzjoni Ċivili Ewropea (ECAC) dwar kooperazzjoni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' ħtiġijiet konġunti f'kull qasam li jirrerferu għas-sigurtà u operazzjoni bla periklu ta' inġenji ta' l-ajru. Dawn l-arranġamenti huma speċifikati fl-Anness I.

L-Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 11, il-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi applikabbli fil-Komunità għar-rigward ta' l-oqsma elenkati fl-Anness II huma l-kodiċi rilevanti li għalihom saret referenza f'dak l-Anness u li jkunu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1992.

L-Artikolu 4

1. Għar-rigward ta' oqsma mhux elenkati fl-Anness II, il-Kunsill għandu jadotta ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi abbażi ta' l-Artikolu 84(2) tat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha, meta jkun xieraq u kemm jista' jkun malajr, tissottometti proposti xierqa f'dawn l-oqsma.

2. Sakemm dawn il-proposti li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 jiġu adottati Stati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tar-regolamenti nazzjonali eżistenti tagħhom.

L-Artikolu 5

Stati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ta' l-avjazzjoni ċivili tagħhom jonoraw il-kondizzjonijiet għal sħubija tal-JAA speċifikati fl-arranġamenti u għandhom jiffirmaw dawk l-arranġamenti mingħajr riserva qabel l-1 ta' Jannar 1992.

L-Artikolu 6

1. Stati Membri għandhom, mingħajr aktar ħtiġijiet tekniċi jew evalwazzjoni, jirrikonoxxu prodotti ddisinjati, immanifatturati, imħaddma u miżmuma b'konformità mal-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi meta dawk il-prodotti jkunu ġew attestati minn Stat Membru ieħor. Meta r-rikonoxximent oriġinali jkun għal kull għan partikolari, jew għanijiet, kull rikonoxximent sussegwenti għandu jkopri l-istess għan(ijiet).

2. Prodotti eżistenti u dawk li joħorġu minnhom li ma jkunux attestati b'mod konformi mal-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi jistgħu jiġu aċċettati minn kull Stat Membru taħt ir-regolamenti nazzjonali preżenti sakemm jiġu adottati l-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi applikabbli għal dawk il-prodotti b'mod konformi ma' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 7

Stati Membri għandhom jirrikonoxxu l-attestazzjoni mogħtija minn Stat Membru ieħor jew minn korp li jaġixxi għan-nom tiegħu bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, lil korpi jew persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu u taħt l-awtorità tiegħu, li jkunu interessati fid-disinn, fil-manifattura u fil-manutenzjoni ta' prodotti, u fl-operat ta' inġenji ta' l-ajru.

L-Artikolu 8

1. L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet t'hawn fuq m'għandha tipprevieni Stat Membru milli jirreaġixxi minnufih għal kull problema ta' sigurtà li tirriżulta minn aċċident, inċident jew esperjenza ta' servizz u li tinvolvi prodott iddisinjat, immanifatturat, imħaddem jew miżmum b'mod konformi ma' dan ir-Regolament, jew persuna, proċedura jew korp involut f'dawk ix-xogħlijiet. Jekk il-problema ta' sigurtà tirriżulta minn:

- livell ta' sigurtà mhux adegwat li jikkorrispondi għall-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi, jew

- nuqqasijiet fil-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi,

l-Istat Membru għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bil-miżuri meħuda u r-raġunijiet għalihom.

2. Fil-każijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri ma' l-ewwel opportunità. Jekk jiġi kkonfermat livell ta' sigurtà mhux adegwat jew nuqqas fil-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti xierqa b'mod konformi mal-proċeduri li jinsabu fl-Artikolu 4 u/jew fl-Artikolu 11.

L-Artikolu 9

Stati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkoordinaw il-programmi ta' riċerka tagħhom biex itejbu s-sigurtà ta' inġenji ta' l-ajru ċivili u l-operat tagħhom u biex jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Wara li tikkonsulta l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva relevanti biex tinkoraġġixxi dawk il-programmi ta' riċerka nazzjonali.

L-Artikolu 10

Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a) b'kull ħtieġa jew proċedura emendata ġdida żviluppata jew adottata b'mod konformi mal-proċeduri stabbiliti fl-Arranġamenti; u

(b) b'kull modifika ta' l-Arranġamenti; u

(ċ) bir-riżultati tal-konsultazzjonijiet ma' l-industrija u korpi oħra interessati.

L-Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni, li timxi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, għandha tagħmel l-emendi meħtieġa minnħabba progress xjentifiku u tekniku għall-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi elenkati fl-Anness II jew adottati mill-Kunsill b'mod konformi ma' l-Artikolu 4.

2. Meta l-emendi li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 jinkludu l-varjant nazzjonali għal Stat Membru il-Kummissjoni, li taġixxi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, għandha tiddeċiedi jekk għandhiex jew le tinkludi dak il-varjant fil-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi.

L-Artikolu 12

1. Għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 8, 9 u 11, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat li jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'kull perjodu ta' żmien li jistabbilixxi l-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata permezz tal-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom is-saħħa skond il-manjiera stabbilita f'dak l-Artikolu. Il-president ma jistax jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew fl-assenza ta' opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissotometti lill-Kunsill kull proposta li tirreferi għall-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta' kull maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk, wara li jiskadi perjodu ta' tliet xhur mid-data li fiha ssir ir-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, minbarra meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri permezz ta' maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 13

1. Stati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex issir sorveljanza ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

2. Bħala parti mill-assistenza reċiproka li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1 l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jaqsmu b'mod regolari kull informazzjoni disponibbli dwar:

- ksur ta' dan ir-Regolament minn dawk mhux residenti u penali imposti f'dan ir-rigward,

- penali imposti fuq ir-residenti tiegħu minn kull Stat Membru għar-rigward ta' dawk il-ksur magħmula fi Stati Membri oħra.

L-Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1992.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Maij-Weggen

[1] ĠU C 270, tas-26.10.1990, p. 3.

[2] ĠU C 267, ta' l-14.10.1991, p. 154.

[3] ĠU C 159, tas-17.6.1991, p. 28.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Arranġamenti li għalihom saret referenza fl-Artikolu 2(1)(h)

"Arranġamenti li jikonċernaw l-Iżvilupp, l-Aċċettazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Ħtiġijiet ta' l-Avjazzjoni Konġunta (JAR)", konklużi ġewwa Ċipru fil-11 ta' Settembru 1990.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Listi ta' kodiċi fis-seħħ li jinkludu l-ħtiġijiet tekniċi komuni u proċeduri amministrattivi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 3

1. Ġenerali u proċeduri

JAR 1 | Tifsiriet u abbrevjazzjonijiet |

2. Ċertifikazzjoni tat-tip ta' prodotti u partijiet

JAR 22 | Sailplanes u powered sailplanes |

JAR 25 | Ajruplani kbar |

JAR AWO | Ħidmiet ta' kull temp |

JAR E | Magni |

JAR P | Skrejjen |

JAR APU | Auxiliary power units |

JAR TSO | Ordnijiet ta' standards tekniċi |

JAR VLA | Very light aeroplanes |

JAR 145 | Organizzazzjonijiet ta' manutenzjoni approvati |

--------------------------------------------------

Top