EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019A0807(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta' maniġġar ta' kriżijiet

ST/5511/2019/INIT

ĠU L 207, 7.8.2019, p. 3–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

7.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta' maniġġar ta' kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (l-“Unjoni” jew l-“UE”),

minn naħa waħda, u

R-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin b'mod konġunt “il-Partijiet”,

BILLI:

(1)

Fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tagħha, l-Unjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet li jistgħu jinkludu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif deċiż mill-Kunsill.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan biex jieħu sehem f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, jikkomunika d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu rigward is-sehem tiegħu, inkluża l-kontribuzzjoni propost tiegħu, lill-Unjoni Ewropea.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandha ssir b'konsultazzjoni ma' dan tal-aħħar.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-formulazzjoni tal-offerta tiegħu.

4.   L-Unjoni għandha tikkomunika bil-miktub lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan l-eżitu tal-valutazzjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni proposta lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim

5.   L-offerta mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan skont il-paragrafu 1, u l-aċċettazzjoni tagħha mill-UE skont il-paragrafu 4, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għal kull operazzjoni speċifika ta' maniġġar ta' kriżijiet.

6.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jista', fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Unjoni, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, jirtira fi kwalunkwe ħin b'mod sħiħ jew parzjali mill-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 2

Qafas

1.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jassoċja ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet, u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.

2.   Il-kontribuzzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għal operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 3

Status tal-persunal u l-forzi tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

1.   L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jkun regolat mill-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk dan ikun konkluż, jew minn kwalunkwe arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fihom titwettaq l-operazzjoni. Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jiġi infurmat b'dan.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, għandu jkun irregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni fuq il-persunal tiegħu li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet. Fejn il-forzi tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, dak l-Istat Membru jista' jeżerċita ġurisdizzjoni soġġett għal kwalunkwe ftehimiet eżistenti u/jew futuri u f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu u d-dritt internazzjonali.

4.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jkun responsabbli biex jirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tiegħu u għandu jkun responsabbli biex iressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe pretensjoni, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu fi, telf ta' jew distruzzjoni ta' assi ta' proprjetà ta', jew operati minn Parti jew oħra, jew għal korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-doveri uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jintrabat li jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet li fiha jipparteċipa r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, u li jagħmel dan meta jiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jieħu miżuri adatti sabiex jiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f'konformità mar-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1), u f'konformità ma' linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant ta' Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta' operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, jew mill-Kmandant ta' Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fir-rigward ta' operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.   Fejn il-Partijiet jikkonkludu ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, dan il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI TA' MANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet

1.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu:

(a)

jiżgura li l-persunal tiegħu ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet iwettaq il-missjoni tiegħu f'konformità ma':

(i)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni applikabbli;

(iv)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

(b)

jinforma lill-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-kontribuzzjoni tiegħu għall-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.   Il-persunal issekondat mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għal operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, jirċievi l-vaċċinazzjonijiet u jkun iċċertifikat medikament b'saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti tiegħu u jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.

3.   Il-persunal issekondat mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b'konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stabbiliti fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 6

Linja ta' kmand

1.   Il-persunal kollu parteċipanti f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-Unjoni.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet fuq il-post u jassumi l-immaniġġar ta' kuljum tagħha.

5.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-immaniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

7.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

8.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jekk huwa jkun għadu qiegħed jikkontribwixxi għall-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operazzjonali tal-operazzjoni. F'dak is-sens, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jista' jirċievi appoġġ bilaterali għall-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet minn Stat Membru tal-UE jew parti terza.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u l-kumpens possibbli mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandhom jiġu rregolati bil-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) jew kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali

1.   Soġġett għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u minkejja l-Artikolu 1(5), ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operazzjonali tal-operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet ikkonċernata.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali għandha tiġi kkalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali li jkun fi proporzjon għall-koeffiċjent tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operazzjonali tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan ma għandu jagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal dik l-operazzjoni; jew

(b)

ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan ikollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' ebda Stat Membru tal-Unjoni.

5.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament dwar il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għall-baġit operazzjonali ta' operazzjoni ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet għandu jiġi ffirmat bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu, fost l-oħrajn, jinkludi dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI TAL-UE TA' MANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f'operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet

1.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jiżgura li l-forzi u l-persunal tiegħu parteċipanti f'operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f'konformità ma':

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni applikabbli; u

(d)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fiż-żmien dovut bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni.

3.   Il-persunal issekondat mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b'konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stabbiliti fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 10

Linja ta' kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operazzjonali u tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' maniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

5.   Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Superjuri (“SMR”) mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta' dan il-Ftehim, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (2). F'dak is-sens, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jista' jirċievi appoġġ bilaterali għall-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet minn Stat Membru tal-UE jew parti terza.

2.   F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens possibbli mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Soġġett għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u minkejja l-Artikolu 1(5), ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet ikkonċernata.

2.   Tali kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta' waħda mill-formoli li ġejjin, skont liema waħda tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tad-DNG tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan mqabbel mat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b), u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tiegħu għan-numru totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għall-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni militari partikolari tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal din l-operazzjoni; jew

(b)

ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan ikollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' xi Stat Membru tal-Unjoni.

4.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għall-ispejjeż komuni għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu jinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ biex issir l-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan għandhom ikunu l-Forzi Armati tal-Ġordan (JAF), dment li l-Unjoni Ewropea ma tiġix innotifikata mod ieħor.

Artikolu 15

Nuqqas ta' konformità

Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta' avviż bil-miktub ta' xahar.

Artikolu 16

Riżoluzzjoni ta' tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal rieżami mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2021, u sussegwentement tal-inqas kull tliet snin.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, li t-tnejn huma awtorizzati kif inhu dovut biex jagħmlu dan mill-Partijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ġunju 2019, f'żewġ kopji bl-Ingliż u l-Għarbi, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi. F'każ ta' kwalunkwe diverġenza ta' interpretazzjoni, it-test Ingliż għandu jipprevali.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU UE L 274, 15.10.2013, p.1)

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (ĠU UE L 84, 28.03.2015, p.39).


DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE LI TAPPLIKA DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TAL-UE DWAR OPERAZZJONI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET, LI FIHA JIPPARTEĊIPA R-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN RIGWARD IR-RINUNZJA TA' PRETENSJONIJIET

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet li fiha jipparteċipa r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fir-rigward ta' korriment jew mewt ta' persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi ta' proprjetà tagħhom u użata mill-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal, ikkontribwit mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan lil operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni, ħlief fil-każijiet ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal ikkontribwit mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan lill-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, li kien qed juża dawk l-assi.”.


DIKJARAZZJONI MIR-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN RIGWARD IR-RINUNZJA TA' PRETENSJONIJIET KONTRA KWALUNKWE STAT LI JIPPARTEĊIPA F'OPERAZZJONIJIET TAL-UE TA' MANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

“Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, wara li qabel li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ser jagħmel ħiltu, sa fejn is-sistema legali interna tiegħu tippermetti, biex jirrinunzja sa fejn possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet rigward il-korriment, jew mewt ta', il-persunal tiegħu jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi proprjetà tiegħu u użat mill-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fit-twettiq tad-doveri tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ħlief f'każijiet ta' negliġenza serja jew kondotta ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni, ħlief f'każijiet ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja mill-membri tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet li kien qiegħed juża dawk l-assi.”.


Top