EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0211(01)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

ĠU L 40, 11.2.2014, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

11.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/2


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (L-“Unjoni”) jew (l-“UE”)

minn naħa, u

IR-REPUBBLIKA TAĊ-ĊILÌ

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħin il-“Partijiet”,

JIRRIKONOXXU l-importanza tal-paċi dinjija għall-iżvilupp tal-Istati kollha, u l-obbligu tan-nazzjonijiet kollha li jikkooperaw fil-kisba u l-preservazzjoni tagħha;

IFAKKRU fl-objettivi u l-intenzjonijiet tal-Partijiet kif jinsabu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, iffirmat fit-18 ta’ Novembru 2002;

JIKKUNSIDRAW li huwa ta’ interess partikolari għall-Unjoni li tinżamm il-paċi fl-ambitu tal-influwenza tagħha, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’, u l-appoġġ għal, operazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ kriżijiet;

JIEĦDU KONT tal-libertà assoluta li biha l-Unjoni taġixxi meta tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, kif ukoll meta tistieden Stati li mhumiex fl-UE biex jipparteċipaw fihom jew meta finalment taqbel li wieħed minnhom jipparteċipa fihom u jikkontribwixxi għalihom;

JIRRIKONOXXU li l-eżistenza ta’ ftehim qafas dwar il-parteċipazzjoni possibbli tar-Repubblika taċ-Ċilì f’waħda jew aktar mill-operazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ kriżijiet deċiżi u mmaniġġjati mill-Unjoni ser tiffaċilità l-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħha, minkejja l-fatt li l-kondizzjonijiet speċifiċi iridu jinftehmu f’kull okkażjoni;

JIEĦDU KONT TAL-FATT li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim ser tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni, u tax-xewqa jew il-kapaċità tar-Repubblika taċ-Ċilì li tiddeċiedi każ b’każ jekk hija tixtieqx tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet;

JIEĦDU KONT TAL-FATT li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim qafas ser ikollha effett fil-futur u mhux ser taffettwa l-parteċipazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li jkunu diġà bdew.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni (li tistieden lir-Repubblika taċ-Ċilì biex tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ladarba r-Repubblika taċ-Ċilì tkun iddeċidiet li tipparteċipa fiha, ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribut propost tar-Repubblika taċ-Ċilì għandha ssir b’konsultazzjoni ma’ din tal-aħħar.

3.   L-Unjoni għandha tipprovdi, fil-mument tal-istedina lir-Repubblika taċ-Ċilì, indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni finanzjarja probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni u l-istatus tal-ftehim ta’ missjoni/forzi, jekk ikun disponibbli, kemm jista’ jkun malajr bil-ħsieb li tgħin lir-Repubblika taċ-Ċilì fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4.   L-Unjoni għandha tikkomunika l-eżitu ta’ din il-valutazzjoni lir-Repubblika taċ-Ċilì bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ implimentazzjoni meħtieġa.

2.   Il-kontribut tar-Repubblika taċ-Ċilì għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt tar-Repubblika taċ-Ċilì li tirtira mill-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk hija ma taqbilx ma’ Deċiżjoni msemmija f’dak il-paragrafu

Artikolu 3

Status tal-persunal u tal-forzi

1.   L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika taċ-Ċilì għandhom ikunu rregolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk ikun disponibbli, konkluż bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) issir operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, għandu jiġi rregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand ikkonċernati u r-Repubblika taċ-Ċilì.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Fejn il-forzi tar-Repubblika taċ-Ċilì joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta’ Stat Membru tal-UE, dan l-Istat tal-aħħar għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni soġġett għal kwalunkwe ftehim futur bilaterali u/jew multilaterali, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

4.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni konnessa mal-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li tiġi minn jew li taffettwa kwalunkwe membru tal-persunal ċivili jew militari tagħha. Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinari, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tagħha.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw, safejn tippermettilhom il-leġislazzjoni interna tagħhom, għal kwalunkwe pretensjoni, ħlief għal pretensjonijiet kuntrattwali, għal dannu, telf jew distruzzjoni ta’ assi ta’ proprjetà ta’, jew operati minn, waħda mill-Partijiet, jew għall-korriment jew mewt tal-persunal ta’ waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa r-Repubblika taċ-Ċilì, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tar-Repubblika taċ-Ċilì f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f’konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE (1) u deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE u f’konformità ma’ linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, jew mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   L-Unjoni għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li informazzjoni klassifikata Ċilena tkun protetta f’konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Fejn il-Partijiet jikkonkludu ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, dan il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì:

(a)

għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jwettaq il-missjoni tiegħu f’konformità ma’:

(i)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-emendi sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

(b)

għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-persunal issekondat lil operazzjoni ċivili ta-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jiġi sottopost għal eżami mediku u vaċċinazzjoni, u għandu jiġi ċċertifikat medikament li huwa b’saħħtu biżżejjed biex jaqdi dmirijietu minn awtorità kompetenti tar-Repubblika taċ-Ċilì. Il-persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jipproduċi kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta’ kmand

1.   Il-persunal issekondat mir-Repubblika taċ-Ċilì għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b’konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u.

2.   Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Unjoni.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u jassumi l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.

6.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ mmaniġġar ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-UE li jipparteċipaw fl-operazzjoni, f’konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

8.   Għandu jinħatar Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mir-Repubblika taċ-Ċilì biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. Il-“PKN” għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent

9.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mar-Repubblika taċ-Ċilì jekk hija tkun għadha qiegħda tikkontribwixxi għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà possibbli u l-kumpens mir-Repubblika taċ-Ċilì għandhom jiġu rregolati bil-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1), jew kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Ir-Repubblika taċ- Ċilì għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika taċ-Ċilì lill-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda mill-formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza li jkun fi proporzjon għall-koeffiċjent tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tar-Repubblika taċ-Ċilì għat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni jew;

(b)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operattiv li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Repubblika taċ-Ċilì parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Repubblika taċ-Ċilì ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ allowances per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-UE.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika taċ-Ċilì minnkontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li r-Repubblika taċ-Ċilì tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva li hija essenzjali għal din l-operazzjoni;

jew

(b)

ir-Repubblika taċ-Ċilì jkollha DNG per capita li ma jaqbiżx dak tal-ebda Stat Membru tal-UE.

5.   Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tar-Repubblika taċ-Ċilì għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet bejn il-Kap tal-Missjoni u s-servizzi amministrattivi rilevanti tar-Repubblika taċ-Ċilì. Dak l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha parteċipanti f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f’konformità ma’:

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

2.   Il-persunal issekondat mir-Repubblika taċ-Ċilì għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu b’konsiderazzjoni biss għall-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

3.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fiż-żmien dovut bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll Operattiv u/jew Tattiku tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li għandu d-dritt li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jipparteċipaw.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika taċ-Ċilì, fi kwalunkwe waqt jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Repubblika taċ-Ċilì.

5.   Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Superjuri (“SMR”) mir-Repubblika taċ-Ċilì sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-materji kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent Ċilen.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK (2),.

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà possibbli u l-kumpens mir-Repubblika taċ-Ċilì għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3 (1) jew kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Ir-Repubblika taċ-Ċilì għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika taċ-Ċilì għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tad-DNG tar-Repubblika taċ-Ċilì mqabbel mat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Repubblika taċ-Ċilì parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Meta tintuża l-formula taħt il-punt (b) u r-Repubblika taċ-Ċilì tikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tagħha għan-numru totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mir-Repubblika taċ-Ċilì għall-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lil Stati terzi minn kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ispejjeż komuni ta’ operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tiddeċiedi li l-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni jipprovdi kontribut sinifikattiv fir-rigward tal-assi u/jew tal-kapaċitajiet li huma essenzjali għall-operazzjoni;

jew

(b)

l-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni jkollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak tal-ebda Stat Membru tal-UE.

4.   Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Repubblika taċ-Ċilì. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja konċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv neċessarju għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika taċ-Ċilì.

Artikolu 14

Nuqqas ta’ konformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta’ avviż bil-quddiem ta’ sitt xhur.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dak il-għan.

2.   Il-Partijiet jistgħu jagħmlu laqgħat minn ħin għall-ieħor biex jevalwaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn iż-żewġ Partijiet. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk previsti fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha ssir effettiva sitt xhur wara li Parti l-oħra tkun irċiviet in-notifika permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

Dan il-Ftehim qiegħed isir bil-lingwa Ingliża u dik Spanjola, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi.

Magħmul fi Brussell, fit-30 ta’ Jannar 2014.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika taċ-Ċilì


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35).


Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-UE

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li tikkonċerna operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa r-Repubblika taċ-Ċilì ser jagħmlu ħilithom, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal pretensjonijiet kontra r-Repubblika taċ-Ċilì fir-rigward ta’ korriment, mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħhom u użata mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kienu kkawżati mill-persunal mir-Repubblika taċ-Ċilì fit-twettiq tad-doveri tiegħu b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi ta’ proprjetà tar-Repubblika taċ-Ċilì, sakemm l-assi ġew użati b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika taċ-Ċilì li kien qiegħed juża dawk l-assi.”.


Dikjarazzjoni mir-Repubblika taċ-Ċilì

“Ir-Repubblika taċ-Ċilì li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li tikkonċerna operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fir-rigward ta’ korriment, mewt ta’ persunal tagħha, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi ta’ proprjetà tagħha u użata mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kienu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi li tkun proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, dment li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-membri tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li kien qiegħed juża dawk l-assi.”


Top