Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Kummerċ fil-prodotti tal-annimali bejn il-pajjiżi tal-UE — spezzjonijiet veterinarji

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Kummerċ fil-prodotti tal-annimali bejn il-pajjiżi tal-UE — spezzjonijiet veterinarji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 89/662/KEE — spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-UE

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar spezzjonijiet veterinarji fuq prodotti tal-annimali importati lejn l-UE u nnegozjati bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • L-għan aħħari huwa li spezzjonijiet bħal dawn iseħħu biss fil-pajjiż tad-dispaċċ milli fil-fruntieri interni tal-UE jew fid-destinazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li prodotti tal-annimali intenzjonati għall-bejgħ ikunu ġew ivverifikati u ttikkettjati skont ir-regoli tal-UE għad-destinazzjoni inkwistjoni u jkunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa xieraq.

Fejn il-prodotti huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-UE, l-operazzjoni tat-trasport għandha tibqa' taħt is-sorveljanza tad-dwana sal-punt tat-tluq mit-territorju tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li matul il-verifiki fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE fil-portijiet, l-ajruporti u l-postijiet ta' fruntieri, iridu jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

  • kontroll tad-dokumenti fuq l-oriġini tal-prodotti;
  • il-prodotti jintbagħtu taħt is-sorveljanza tad-dwana lill-post tal-ispezzjoni għal kontrolli veterinarji.

Kontrolli fl-oriġini

Il-pajjiżi tad-dispaċċ tal-UE għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu konformi ma' rekwiżiti veterinarji fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ħażna, bejgħ u trasport tal-prodotti.

Barra minn hekk, il-pajjiż ta' oriġini tal-UE sejjer jippenalizza kwalunwke ksur, b'mod partikolari meta jinstab li d-dokumenti ma jikkorrispondux mal-istat attwali tal-prodotti jew li l-prodotti mhumiex konformi mar-regoli tas-saħħa.

Kontrolli mal-wasla fid-destinazzjoni

  • Il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE għandu jwettaq:
    • kontrolli fuq il-post jew jieħu kampjuni biex jivverifika li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti veterinarji;
    • spezzjonijiet matul it-tranżitu jew fit-territorju ta' destinazzjoni fejn ikun hemm suspett ta' ksur.
  • Il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE jista' jeħtieġ li l-bejjiegħ fil-pajjiż ta' oriġini japplika r-regoli nazzjonali tal-pajjiż tad-destinazzjoni. Ir-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-bejjiegħa huma stabbiliti, billi huma għandhom jivverifikaw il-proċeduri fil-punti ta' dħul fl-UE ta' prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE. Il-proċeduri li għandhom jiġu applikati meta spezzjoni tiżvela irregolarità jew theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem huma stabbiliti wkoll.
  • Flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE, din id-Direttiva tkopri l-miżuri li jridu jittieħdu jekk isseħħ xi marda li tista' tiġi trażmessa lill-bnedmin mill-annimali jew kwistjonijiet oħrajn li jistgħu jippreżentaw theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem. Fil-kummerċ intra-UE, il-pajjiż ta' oriġini tal-UE huwa primarjament responsabbli għal dawk il-miżuri.
  • Fir-rigward tal-prodotti tal-annimali minn pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tista', bħala prekawzjoni meta jkun hemm riskju serju għas-saħħa tal-annimali u tal-pubbliku, tipprojbixxi l-importazzjonijiet jew timponi kundizzjonijiet speċjali.
  • Id-Direttiva 91/496/KEE temenda wkoll il-proċeduri fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera. Din teħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tintroduċi sistema kompjuterizzata li tipproċessa d-dejta li tgħaqqad is-servizzi ta' spezzjoni fuq il-fruntiera mal-awtoritajiet veterinarji tagħha stess.
  • Id-Direttiva tal-Kunsill 92/67/KEE temenda r-regoli dwar il-kummerċ intra-UE bil-għan tat-tisħiħ tas-suq intern.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-22 ta' Diċembru 1989. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta' Lulju 1992, ħlief għall-Greċja, li kellha tagħmel dan sal-31 ta' Diċembru 1992.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 395, 30.12.1989, pp. 13-22)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/662/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 12.09.2016

Top