Help Print this page 
Title and reference
Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli u Ċertifikat Ewropew fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli u Ċertifikat Ewropew fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni

Dan ir-Regolament jarmonizza r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli li tirregola l-kwistjonijiet ta' suċċessjoni fl-UE, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, u l-aċċettazzjoni u l-infurzar tal-istrumenti awtentiċi fi kwistjonijiet bħal dawn. Jintroduċi wkoll Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li għandu jintuża mill-werrieta, mil-legatarji u mill-eżekuturi tat-testmenti jew mill-amministraturi tal-patrimonju biex jinvokaw l-istejtus tagħhom jew biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'pajjiż ieħor tal-UE.

ATT

Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

SOMMARJU

Dan ir-regolament japplika għas-suċċessjoni tal-patrimonju tad-deċeduti. Mhuwiex applikabbli għal kwistjonijiet relatati mal-introjtu, id-dwana u kwistjonijiet amministrattivi.

Ġurisidizzjoni

Il-qorti tal-pajjiż tal-UE fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu meta dan miet għandu jkollha l-ġurisdizzjoni biex tieħu deċiżjoni dwar is-suċċessjoni kollha kemm hi. Meta r-residenza abitwali tad-deċedut, fil-ħin tal-mewt tiegħu, ma tkunx tinsab f'pajjiż tal-UE, il-qrati ta' pajjiż tal-UE fejn ikunu jinsabu l-assi tal-patrimonju għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, diment li d-deċedut kellu:

  • iċ-ċittadinanza ta' dak il-pajjiż tal-UE fil-ħin tal-mewt tiegħu; jew
  • ir-residenza abitwali preċedenti tiegħu f'dak il-pajjiż tal-UE, diment li, fiż-żmien meta l-kawża titressaq quddiem il-qorti, ma jkunux għaddew aktar minn 5 snin minn meta tkun inbidlet ir-residenza abitwali.

Meta d-deċedut ikun għamel għażla tal-liġi skont ir-Regolament u l-liġi magħżula mid-deċedut tkun ta' pajjiż tal-UE, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li l-qrati ta' dak il-pajjiż tal-UE jkollhom ġurisdizzjoni esklussiva biex jieħdu deċiżjoni dwar kwalunkwe kwistjoni tas-suċċessjoni.

Il-qrati tal-pajjiż tal-UE fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-ħin ta' mewtu jistgħu jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni għar-regolazzjoni tas-suċċessjoni jekk jikkunsidraw li l-qrati tal-pajjiż tal-UE tal-liġi magħżula jkunu jinsabu f'pożizzjoni aħjar biex jtieħdu deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi prattiċi tas-suċċessjoni, bħar-residenza abitwali tal-partijiet u fejn ikunu jinsabu l-assi.

Il-qrati tal-pajjiż tal-UE li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni jekk:

  • skont kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament, qorti li preċedentement tressqet kawża quddiemha tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni fl-istess każ;
  • il-partijiet fil-kawża jkunu qablu li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati ta' dak il-pajjiż tal-UE;
  • il-partijiet fil-kawża jkunu espressament aċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża.

Liġi applikabbli

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni in ġenerali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu meta dan imut.

Persuna tista' tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha, il-liġi tal-pajjiż li tiegħu dik il-persuna jkollha ċ-ċittadinanza meta din tkun għamlet l-għażla jew meta din tmut. Persuna b'aktar minn ċittadinanza waħda tista' tagħżel kwalunkwe waħda mil-liġijiet tal-pajjiżi li jkollha ċittadinanza tiegħu.

B'mod partikolari l-liġi tirregola:

  • il-kawżi, iż-żmien u l-post fejn tinfetaħ is-suċċessjoni;
  • id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tal-ishma rispettivi tagħhom u ta' kwalunkwe obbligu impost fuqhom mill-benefiċjarju, u d-determinazzjoni ta' drittijiet oħrajn tas-suċċessjoni;
  • il-kapaċità ta' persuna li tiret;
  • tneħħija minn eredi u skwalifika minħabba mġiba;
  • it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju;
  • is-setgħat tal-eredi, tal-eżekuturi tat-testmenti u amministraturi oħrajn tal-patrimonju, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi għall-ħatra u s-setgħat ta' amministratur tal-patrimonju f'ċerti sitwazzjonijiet;
  • ir-responsabbiltà għad-djun taħt is-suċċessjoni;
  • il-parti tal-patrimonju li persuna tista' tiddisponi minnha, l-ishma riżervati u restrizzjonijiet oħrajn fuq it-trasferiment mal-mewt, kif ukoll talbiet li persuni qrib tad-deċedut jista' jkollhom kontra l-patrimonju jew l-eredi;
  • kwalunkwe obbligu li jitraddu lura jew li jingħata rendikont ta’ xi rigali, avvanzi jew legati meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-benefiċjarji differenti;
  • il-kondiviżjoni tal-patrimonju.

Rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjonijiet

Id-deċiżjonijiet mogħtija f'pajjiż tal-UE għandhom jiġu rikonoxxuti madwar l-UE kollha mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali.

Id-deċiżjonijiet infurzabbli fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu ngħataw, għandhom ikunu infurzabbli f'pajjiż ieħor tal-UE meta, fuq l-applikazzjoni ta' parti interessata, dawn ikunu ġew iddikjarati infurzabbli hemmhekk mill-qorti lokali jew mill-awtorità kompetenti.

Aċċettazzjoni u infurzar ta' strumenti awtentiċi

L-istrumenti awtentiċi stabbiliti f'pajjiż ieħor tal-UE għandu jkollhom l-istess effetti evidenzjarji f'pajjiż ieħor tal-UE bħalma jkollhom fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu ġew stabbiliti, jew l-effetti l-aktar komparabbli, sakemm dan ma jkunx manifestament kontra l-ordni pubbliku fil-pajjiż tal-UE kkonċernat.

L-istrumenti awtentiċi infurzabbli fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu stabbiliti għandhom ikunu infurzabbli f'pajjiż ieħor tal-UE meta, fuq l-applikazzjoni ta' parti interessata, dawn ikunu ġew iddikjarati infurzabbli hemhekk mill-qorti lokali jew mill-awtorità kompetenti.

Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jista' jintuża mill-eredi, mil-legatarji li jkollhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni, u mill-eżekuturi tat-testmenti jew mill-amministraturi tal-patrimonju li, f'pajjiż ieħor tal-UE, iridu jinvokaw l-istejtus tagħhom jew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi tat-testmenti jew amministraturi tal-patrimonju. Ladarba jinħareġ, iċ-Ċertifikat huwa effettiv fil-pajjiżi kollha tal-UE mingħajr ebda proċedura speċjali.

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni tal-persuni li jmutu fi jew wara s-17 ta' Awwissu 2015. L-għażliet tal-liġi u d-dispożizzjonijiet ta' proprjetà mal-mewt li jsiru qabel dik id-data huma validi skont kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolament.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 650/2012

16.8.2012

-

ĠU L 201, 27.7.2012

L-aħħar aġġornament: 16.01.2013

Top