EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dazju tas-sisa fuq tabakk immanifatturat

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE — struttura u rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din tistipula l- prinċipji ġenerali u r- rati minimi tad-dazju tas-sisa fuq tabakk manifatturat (jiġifieri sigaretti, sigarri u sigarri żgħar, tabakk imqatta’ fin għas-sigaretti tal-brim u tabakk ieħor għat-tipjip) fl-UE kollha.

PUNTI EWLENIN

Regoli applikabbli għas-sigaretti

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw dazji tas-sisa minimi għas-sigaretti kemm jekk ikunu manifatturati fl-UE kif ukoll jekk ikunu importati. Din it-taxxa tinkludi:
    • ad valorem* dazju tas-sisa kkalkulat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, inklużi d- dazji doganali (il-pajjiżi tal-UE jistgħu, madankollu, jeskludu d-dazji doganali mill-kalkolu tad-dazju tas-sisa ad valorem fuq is-sigaretti) u t- taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq il- prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut*;
    • dazju tas-sisa speċifiku kkalkulat għal kull unità tal-prodott.
  • Ir- rata tad-dazju tas-sisa ad valorem u l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku għandhom ikunu identiċi għas-sigaretti kollha.
  • Mill-1 ta’ Jannar 2014:
    • il- komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa għandu jkun bejn 7.5 % u 76.5 %.
    • id- dazju tas-sisa globali fuq is-sigaretti għandu jikkostitwixxi mill-inqas 60 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum. Dan id-dazju tas-sisa m’għandux ikun inqas minn EUR 90 għal kull 1 000 sigarett, irrispettivament mill-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut. Il-pajjiżi tal-UE li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 115 għal kull 1 000 sigarett mhumiex meħtieġa jikkonformaw mal-kondizzjoni tas-60 %. Ċerti pajjiżi (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Kroazja) ngħataw perjodu tranżitorju sal- 31 ta’ Diċembru 2017 biex jadattaw għal dawn il-kundizzjonijiet.
  • Meta pajjiż tal-UE jżid ir-rata tal-VAT fuq is-sigaretti, jista’ jnaqqas id-dazju tas-sisa globali sa ammont li, espress bħala perċentwal tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut, ikun ugwali għaż-żieda fir-rata tal-VAT. Madankollu, il-pajjiż tal-UE inkwistjoni għandu jerġa’ jżid id-dazju tas-sisa sabiex jilħaq mill-inqas il-livell oriġinali sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena li fiha jkun sar it-tnaqqis.

Regoli li japplikaw għal tabakk manifatturat minbarra s-sigaretti

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat minbarra s-sigaretti, li jista’ jkun:
    • dazju ad valorem ikkalkulat abbażi tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ kull prodott;
    • dazju speċifiku espress bħala ammont għal kull kilogramma jew għal kull 1 000 biċċa;
    • taħlita ta’ element ad valorem u element speċifiku.
  • Id-dazju tas-sisa globali għandu jkun mill-inqas ekwivalenti għar-rati jew għall-ammonti minimi stabbiliti għal dawn li ġejjin:
    • sigarri jew sigarri żgħar: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 12 għal kull 1 000 oġġett jew għal kull kilogramm;
    • tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti: 46 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 54 għal kull kilogramm; dawn ir-rati minimi ser jżidu b’mod gradwali, sal-2020, għal 50 % jew EUR 60;
    • tabakk ieħor tat-tipjip:: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut jew EUR 22 għal kull kilogramma.

Prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut

Il-manifatturi, ir-rappreżentanti tagħhom jew l-aġenti awtorizzati fil-pajjiżi tal-UE u importaturi ta’ tabakk minn pajjiżi mhux tal-UE għandhom dritt jiddeterminaw il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom għal kull pajjiż tal-UE li fih il-prodotti inkwistjoni jkunu ser jiġu rilaxxati għall-konsum. Dan madankollu ma jaffettwax l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-prezzijiet jew l-osservanza tal-prezzijiet imposti, dejjem sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din bdiet tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2011. Id-Direttiva 2011/64/UE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE (u l-emendi sussegwenti tagħhom).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ad valorem: dazju li jkun marbut mal-valur tal-prodott inkwistjoni.
Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut: ikkalkulat skont il-valur totali tas-sigaretti kollha rilaxxati għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali tas-sigaretti rilaxxati għall-konsum.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 176, 5.7.2011, pp. 24-36)

l-aħħar aġġornament 14.11.2017

Top