EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Qafas komuni għall-imposti tal-ajruporti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/12/KE dwar l-imposti tal-ajruporti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din id-Direttiva għandha l-għan li toħloq sistema komuni għar-regolamentazzjoni tal-imposti tal-ajruporti* fl-ajruporti tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Applikazzjoni

  • Ir-regoli japplikaw għal kwalunkwe ajruport:
    • li jinsab f’territorju soġġett għat-Trattati tal-UE li t-traffiku kummerċjali annwali tagħhom huwa aktar minn ħames miljun moviment ta’ passiġġieri;
    • bl-ogħla numru ta’ passiġġieri f’pajjiż tal-UE.
  • Dawn ma japplikawx għall-imposti:
    • miġbura għar-remunerazzjoni ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru tul it-titjira* u fit-terminals skont ir-Regolament (UE) 2019/317;
    • miġbura għar-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ groundhandling imsemmija fl-Anness tad-Direttiva 96/67/KE (ara s-sommarju);
    • mitluba għall-finanzjament ta’ assistenza lil passiġġieri b’diżabbiltà u passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa msemmija fir-Regolament 1107/2006/KE (ara s-sommarju).

Nondiskriminazzjoni

L-imposti tal-ajruporti m’għandhomx jiddiskriminaw bejn utenti tal-ajruport*. Madankollu, l-imposti jistgħu jiġu modulati għal kwistjonijiet ta’:

  • interess ġenerali u pubbliku;
  • interess ambjentali.

Netwerk ta’ ajruporti

Korp ta’ tmexxija tal-ajruport* ta’ network tal-ajruporti jista’ jiddeċiedi li jintroduċi sistema ta’ imposti biex jiġi kopert in-network kollu b’mod trasparenti.

Sistemi ta’ imposti komuni

Korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jkun awtorizzat li japplika sistema ta’ imposti komuni u trasparenti għal ajruporti li jaqdu l-istess komunità jew konurbazzjoni urbana.

Konsultazzjoni u rimedju

  • L-utenti tal-ajruport jew ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-utenti għandhom jiġu kkonsultati regolarment fir-rigward ta’:
    • it-tħaddim tas-sistema tal-imposti tal-ajruporti;
    • il-livell tal-imposti tal-ajruporti u, kif xieraq;
    • il-kwalità tas-servizz ipprovdut.
  • Il-konsultazzjoni għandha sseħħ mill-inqas darba fis-sena, ħlief:
    • jekk jiġi miftiehem mod ieħor fl-aħħar konsultazzjoni;
    • ftehim bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport jiddikjara mod ieħor;
    • il-pajjiż tal-UE jiddeċiedi li jitlob konsultazzjonijiet aktar frekwenti.

Rekwiżiti ta’ trasparenza

  • L-utenti tal-ajruport jew ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ajruport għandhom jinżammu infurmati dwar il-komponenti li jservu bħala bażi għad-determinazzjoni tal-livell tal-imposti. Dan it-tagħrif jinkludi:
    • il-bosta servizzi u infrastruttura pprovduti b’kumpens għall-imposta tal-ajruport applikata;
    • il-metodoloġija użata sabiex jiġu stabbiliti l-imposti tal-ajruporti;
    • id-dħul mill-imposti differenti;
    • kwalunkwe finanzjament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom ikunu relatati l-imposti tal-ajruport;
    • previżjonijiet tas-sitwazzjoni fl-ajruport fir-rigward tal-imposti.
  • L-utenti tal-ajruport għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja lill-korp ta’ tmexxija tal-ajruporti qabel kull konsultazzjoni:
    • previżjonijiet dwar it-traffiku u l-użu tal-flotta tagħhom;
    • il-proġetti ta’ żvilupp tagħhom u r-rekwiżiti tagħhom fl-ajruport ikkonċernat.

Infrastruttura ġdida

Il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom jikkonsultaw mal-utenti tal-ajruport qabel ma jiġu ffinalizzati pjanijiet għal proġetti infrastrutturali ġodda.

Differenzjazzjoni ta’ servizzi

Id-differenza fil-kwalità u fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi deċiżi minn korp ta’ tmexxija tal-ajruporti tista’ tirriżulta f’varjazzjoni fl-imposti tal-ajruporti.

Awtorità ta’ superviżjoni indipendenti

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.
  • Din l-awtorità għandha tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod korrett. Hija tista’ tiddelega kompiti lil awtoritajiet superviżorji indipendenti oħra.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-15 ta’ Marzu 2009 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-15 ta’ Marzu 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Imposta tal-ajruport: levy miġbura għall-benefiċċju tal-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u mħallsa mill-utenti tal-ajruport għall-użu ta’ faċiltajiet u servizzi, li jiġu pprovduti esklussivament mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruporti u li jkunu relatati mal-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta’ inġenji tal-ajru, u l-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija.
Is-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru tul it-titjira: il-parti tat-titjira mit-tmiem tat-tlugħ u l-fażi inizjali tat-tlugħ sal-bidu tal-fażi tal-avviċinament u l-fażi tal-inżul.
Utenti tal-ajruport: kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport ikkonċernat.
Korp ta’ tmexxija tal-ajruport: korp li, flimkien ma’ attivitajiet oħrajn, jew mingħajr dawn l-attivitajiet, skont kif ikun il-każ, ikollu bħala l-objettiv tiegħu, skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew tan-network ta’ ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitjiet tal-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network tal-ajruporti kkonċernati.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, pp. 11-16)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, pp. 1-67)

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, pp. 1-9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, pp. 36-45)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 11.05.2020

Top