Kummerċ intra-UE ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva 2009/158/KE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi mhux tal-UE
X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?
Hija tistabbilixxi rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal tajr ħaj u l-bajd għat-tfaqqis tagħhom meta dawn ikunu kkumerċjalizzati bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew importati minn pajjiż mhux tal-UE lejn l-UE biex jiġi evitat id-dħul u t-tixrid tal-infezzjoni tat-tajr.
PUNTI EWLENIN
-
Id-direttiva tapplika għal:
-
tajr ta’ aktar minn 72 siegħa (inklużi flieles, dundjani, fargħuni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċi u ngħam) li jinżammu għat-tgħammir jew il-produzzjoni tal-laħam u l-bajd jew sabiex jiżdiedu l-provvisti tal-għasafar għall-għanijiet tal-kaċċa;
-
flieles ta’ ġurnata, definiti bħala tajr ta’ età ta’ anqas minn 72 siegħa, u li għadhom ma ġewx mitmugħa; għalkemm il-papri muscovy jistgħu jkunu mitmugħa bħala eċċezzjoni;
-
bajd għat-tfaqqis għall-inkubazzjoni.
-
Id-direttiva ma tkoprix għasafar maħsuba għall-esibizzjonijiet, wirjiet jew kompetizzjonijiet.
-
It-tajr ħaj u l-bajd għat-tfaqqis jistgħu jkunu kkumerċjalizzati fl-UE, meta jiġu minn stabbilimenti li:
-
jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-iġjene stretti stabbiliti fid-direttiva;
-
japplikaw programm ta’ sorveljanza approvat, inkluż spezzjonijiet veterinarji u r-rappurtar ta’ mard suspettat;
-
iżommu rekord tal-qatgħa sa sentejn.
-
It-trobbija għandha ssegwi kemm jista’ jkun il-prinċipju “kollha ġewwa/kollha barra”, u jsir tindif u diżinfettar wara t-tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ kull qatgħa u ż-żieda b'tajr ġdid.
-
Il-bajd għandu jinġabar mill-inqas darba kuljum u malajr kemm jista’ jkun wara li jinbied, jitnaddaf u jiġi diżinfettat, u jitqiegħed f’materjal tal-ippakkjar ġdid jew nadif u diżinfettat. Il-postijiet tat-tfaqqis għandhom ikunu separati mill-faċilitajiet tat-trobbija.
-
Il-bajd għat-tfaqqis għandu jiġi minn qatgħat li kienu miżmuma għal aktar minn sitt ġimgħat fi stabbilimenti approvati u għandu jiġi diżinfettat.
-
Flieles ta’ ġurnata għandhom ikunu faqqsu minn bajd għat-tfaqqis li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq, bl-ebda suspett ta’ mard.
-
It-tajr għat-tgħammir għandu jkun inżamm minn mindu faqqas jew għal aktar minn sitt ġimgħat fi stabbilimenti approvati, għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tilqim u għandu jkun suġġett għal eżami veterinarju matul it-48 siegħa li jippreċedu l-kunsinna (jiġifieri qabel issir l-għażla għad-dispaċċ).
-
It-tajr tal-qatla u tajr maħsub sabiex iżid il-provvisti tal-għasafar tal-kaċċa għandhom jiġu minn razzett fejn ikunu ġew miżmuma minn mindu faqqsu jew għal aktar minn 21 ġurnata u li ma jkunx suġġett għal restrizzjoni ta’ saħħa. Il-qatgħa għandha tkun soġġetta għal eżami veterinarju matul il-ħamest ijiem (48 siegħa għal-għasafar tal-kaċċa) qabel id-dispaċċ.
-
Japplikaw rekwiżiti inqas stretti għal kunsinni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis ta’ inqas minn 20 unità.
-
Il-ġarr tat-tjur u l-bajd għat-tfaqqis għandu jikkonforma ma’ kundizzjonijiet speċifiċi relatati mal-kontenituri u l-vetturi użati. Il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat veterinarju ffirmat minn veterinarju uffiċjali.
-
It-tjur u l-bajd għat-tfaqqis jistgħu jiġu importati fl-UE biss minn pajjiżi approvati li għandhom kundizzjonijiet tas-saħħa li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk fl-UE, bħal notifika obbligatorja tal-influwenza avjarja u l-marda Newcastle.
-
Biex ikun żgurat li d-Direttiva tiġi applikata kif suppost, jitwettqu verifiki fuq il-post minn esperti veterinarji mill-pajjiżi tal-UE u mill-Kummissjoni Ewropea.
-
Fil-ġestjoni tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-kummerċ u l-importazzjoni tat-tajr u bajd għat-tfaqqis stabbiliti f’din id-direttiva, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.
-
Id-Direttiva se tiġi revokata u sostitwita mir-Regolament (UE) 2016/429 b’effett mill-20 ta’ April 2021.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010. Hija kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-UE, u l-importazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE ta’, tajr u bajd għat-tfaqqis.
SFOND
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19)
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd tat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 74-113)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE ġew inkorporati fi-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għall skopijiet ta’ referenza biss.
DOKUMENTI RELATATI
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, pp. 1-94)
Ara l-verżjoni konsolidata
Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, pp. 1-208)
l-aħħar aġġornament 04.05.2020