Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn kumpaniji
SOMMARJU TA’:
Regolament (KE) Nru 139/2004 — il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet)
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Huwa jistipula r-regoli tal-UE fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet* meta żewġ kumpaniji jew aktar jingħaqdu permezz ta’ amalgamazzjoni jew akkwist.
- Dan ifisser li amalgamazzjoni waħda fl-UE m’għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata lil bosta awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE; hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà fejn amalgamazzjoni hija eżaminata mill-awtorità ġudizzjarja li tkun fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan.
PUNTI EWLENIN
Dan ir-regolament japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha b’dimensjoni tal-UE*.
Proċedura ta’ notifika
- Bħala regola ġenerali, il-parti jew partijiet li jiksbu kontroll wara l-konċentrazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-implimentazzjoni tagħha.
- Ir-regolament jippermetti wkoll notifika qabel il-konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti li tiffaċilita l-koordinazzjoni ma’ ġurisdizzjonijiet oħra fl-investigazzjonijiet ta’ amalgamazzjonijiet. Din il-proċedura, magħrufa bħala qabel in-notifika, tippermetti lid-ditti jew lill-persuni kkonċernati li jinfurmaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ sottomissjoni motivata, qabel ma jinnotifikaw konċentrazzjoni. B’dan il-mod, il-partijiet jistgħu juru lill-Kummissjoni li l-amalgamazzjoni proposta, filwaqt li tirriżulta f’konċentrazzjoni b’dimensjoni transfruntiera, taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq ta’ pajjiż wieħed tal-UE.
- Jekk il-pajjiż tal-UE in kwistjoni ma jaqbilx mal-applikazzjoni biex jirreferi l-każ fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievi s-sottomissjoni, il-Kummissjoni għandha 25 jum ta’ xogħol minn meta tirċievi s-sottomissjoni biex tirreferi l-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż tal-UE sabiex dak il-pajjiż ikun jista’ japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni.
- L-istess proċedura tapplika meta persuna jew ditta tkun tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-effetti transfruntiera li amalgamazzjoni mingħajr dimensjoni tal-UE jista’ jkollha fuq livell Ewropew.
Bidu tal-proċedimenti: il-Kummissjoni
Ladarba tirċievi notifika, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk:
- tibdix proċedimenti;
- twettaqx investigazzjonijiet; u
- timponix multi.
L-ewwel, tistabbilixxi permezz ta’ deċiżjoni jekk il-konċentrazzjoni:
- taqax taħt dan ir-regolament;
- hijiex kompatibbli mas-suq komuni;
- tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha.
Fit-teorija, konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE ma jistgħux jiġu implimentati qabel in-notifika jew għal tliet ġimgħat wara n-notifika. Jekk, madankollu, konċentrazzjoni diġà ġiet implimentata u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tordna lill-kumpaniji kkonċernati sabiex ixolju l-konċentrazzjoni jew ireġġgħu lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.
Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta miżuri interim jekk issib li konċentrazzjoni notifikata, għalkemm fl-ambitu ta’ dan ir-regolament, ma toħloqx dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni, jew teħtieġ biss bidla sempliċi biex tkun konformi mas-suq komuni.
Biex tinforza l-konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ timponi:
- multi ta’ mhux aktar minn 1 % mill-fatturat aggregat tad-ditta meta din tipprovdi informazzjoni mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa jew meta ma tipprovdix l-informazzjoni sal-limitu ta’ żmien miftiehem. Tista’ timponi multi meta s-siġilli mwaħħla waqt spezzjoni jkunu nkisru. Tista’ jimponi multi sa 10 % tal-fatturat aggregat tad-ditta kkonċernata fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza, din tonqos milli tinnotifika konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha, timplimenta konċentrazzjoni bi ksur tar-regolament jew tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni; jew
- ħlasijiet perjodiċi ta’ penali li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat aggregat medju ta’ kuljum tal-kumpanija għal kull jum ta xogħol ta’ dewmien, ikkalkulat mid-data stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi li teħtieġ informazzjoni, tordna spezzjonijiet, eċċ.
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta Kumitat Konsultattiv magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kompatibilità, l-inkompatibbiltà jew l-impożizzjoni ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tabolixxi, tnaqqas jew iżżid kwalunkwe multa jew ħlas ta’ penali perjodiku imposti.
Proċedura ta’ referenza: il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE
Filwaqt li qabel, il-valur tal-bejgħ u l-kriterji “3+” kienu applikati mal-identifikazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet b’effett transfruntier (jiġifieri kompetenza esklussiva tal-UE fejn mill-inqas tliet pajjiżi tal-UE jitolbu referenza), ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 jintroduċi t-tielet kriterju għall-referenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE.
- Pajjiż tal-UE jista’, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mid-data li jirċievi kopja tan-notifika, jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, u jiddikjara li konċentrazzjoni taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq domestiku tiegħu. Is-suq tal-prodott jew tas-servizz għandu jippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint mingħajr, madankollu, ma jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni.
- Il-Kummissjoni għandha 65 jum ta’ xogħol wara n-notifika tal-konċentrazzjoni biex tiddeċiedi jekk tittrattax il-każ innifsu skont dan ir-regolament jew jekk tirreferix il-każ kollu jew parti minnu lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE; jekk il-Kummissjoni tonqos milli tadotta deċiżjoni, il-każ jitqies li ġie riferut lill-pajjiż tal-UE inkwistjoni.
- Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jitolbu lill-Kummissjoni tinvestiga jekk konċentrazzjoni, għalkemm mingħajr dimensjoni tal-UE, tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u jekk hijiex se jkollha effett sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fit-territorju/i tagħhom. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE u lid-ditti kkonċernati, billi tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ 15-il jum ta’ xogħol, li fih, kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE jista’ jissieħeb fit-talba inizjali. Jekk, fi żmien għaxart (10) ijiem ta’ xogħol, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni jekk tirreferix jew le il-każ, din titqies li tkun adottat deċiżjoni skont it-talba.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Konċentrazzjoni: jitqies li hemm “konċentrazzjoni” meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:
- l-amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpaniji jew aktar li qabel kienu indipendenti;
- l-akkwist, minn persuna waħda jew minn aktar minn persuna waħda (li diġà tikkontrolla jew li diġà jikkontrollaw mill-anqas kumpanija waħda), jew minn kumpanija jew minn aktar minn kumpanija waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ kumpanija jew ta’ aktar minn kumpanija waħda.
Konċentrazzjoni b’dimensjoni tal-UE: konċentrazzjoni jkollha “dimensjoni tal-UE” meta:
- il-fatturat dinji aggregat ikkombinat tal-kumpaniji kollha kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 5 biljun; u
- il-fatturat aggregat fl-UE ta’ mill-anqas tnejn mill-kumpaniji kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 250 miljun, sakemm kull waħda mill-kumpaniji kkonċernati ma tiġġenerax aktar minn żewġ terzi mill-fatturat aggregat tagħha madwar l-UE f’pajjiż wieħed tal-UE.
- il-fatturat dinji aggregat ikkombinat tal-kumpaniji kollha kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 2.5 biljun;
- f’kull wieħed minn tal-anqas tliet pajjiżi tal-UE, il-fatturat aggregat ikkombinat tal-kumpaniji kollha kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun;
- f’kull wieħed ta’ minn tal-anqas tliet pajjiżi tal-UE, il-fatturat aggregat ta’ kull waħda minn tal-anqas tnejn mill-kumpaniji kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 25 miljun;
- il-fatturat aggregat madwar l-UE kollha ta’ mill-anqas tnejn mill-kumpaniji kkonċernati huwa ta’ aktar minn EUR 100 miljun, sakemm kull waħda mill-kumpaniji kkonċernati ma tiġġenerax aktar minn żewġ terzi mill-fatturat aggregat tagħha madwar l-UE kollha f’pajjiż wieħed tal-UE.
DOKUMENT EWLIENI
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn kumpaniji (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1-22)
DOKUMENTI RELATATI
Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5-9)
Rettifika dwar l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 11, 15.1.2014, p. 6)
l-aħħar aġġornament 08.01.2019