EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Atti kriminali u l-penali applikabbli — it-traffikar tad-droga

 

SOMMARJU TA’:

id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI — regoli minimi fir-rigward ta’ reati u penali tat-traffikar tad-droga

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

L-għan tagħha huwa li tiġġieled it-traffikar tad-droga sabiex tillimita l-provvista u l-konsum tad-drogi (definit f’“Punti ewlenin” hawn taħt).

Hija tistabbilixxi regoli minimi li għandhom jiġu osservati u penali minimi li għandhom jiġu applikati mill-pajjiżi tal-UE.

Hija telenka atti punibbli fir-rigward tat-traffikar tad-droga u tobbliga lill-pajjiżi tal-UE biex jieħdu miżuri kontra dawk involuti f’tali traffikar.

Id-Deċiżjoni Kwadra ġiet emendata mid-Direttiva (UE) 2017/2103 bil-għan li titnaqqas id-disponibbiltà ta’ sustanzi psikoattivi ġodda* billi tintroduċi l-mezzi sabiex tittieħed azzjoni aktar effettiva fil-livell tal-UE. L-emenda ssir effettiva kompletament mit-23 ta’ Novembru 2018.

PUNTI EWLENIN

Reati

Id-deċiżjoni kwadra titlob lil kull pajjiż tal-UE biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jippenalizza l-atti intenzjonali kollha fir-rigward tat-traffikar ta’ droga u ta’ prekursuri*.

Id-deċiżjoni tiddefinixxi “droga” bħala sustanza koperta mill-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew mill-Konvenzjoni tan-NU dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. Ladarba l-emenda tad-Deċiżjoni Kwadra ssir effettiva f’Novembru 2018, id-definizzjoni tad-drogi se tinkludi wkoll kwalunkwe sustanza elenkata fl-anness tad-deċiżjoni emendata.

Atti relatati mat-traffikar tad-droga jinkludu l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-bejgħ, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Il-pussess u x-xiri għal involviment f’attivitajiet elenkati fit-traffikar tad-droga jitqiesu wkoll, hekk kif jitqiesu l-manifattura, it-trasport u d-distribuzzjoni ta’ prekursuri. L-inċitament għat-traffikar tad-droga, l-għajnuna u t-tħajjir ta’ tali attività, u t-tentattivi ta’ traffikar ta’ droga huma wkoll meqjusa bħala reati.

Madanakollu, din id-deċiżjoni kwadra ma tkoprix l-attivitajiet fir-rigward tat-traffikar tad-drogi għall-konsum personali.

L-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” (applikabbli mit-23 ta’ Novembru 2018).

Id-Direttiva (UE) 2017/2103 tintroduċi proċedura għall-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”. Il-Kummissjoni Ewropea hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati biex iżżid sustanzi psikoattivi ġodda mal-lista fl-anness. Dan se jissostitwixxi l-prattika attwali ta’ skedar ta’ sustanzi psikoattivi ġodda permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI.

Meta tqis jekk iżżidx sustanza ġdida mal-lista, il-Kummissjoni jeħtiġilha tqis jekk:

  • il-firxa jew il-mudelli tal-użu tagħha u d-disponibbiltà u l-potenzjal għad-diffużjoni tagħha fl-UE humiex sinifikanti; u
  • iekk il-ħsara għas-saħħa li l-konsum tagħha jista’ jikkawża huwiex ta’ theddida għas-saħħa minħabba
    • t-tossiċità akuta jew kronika tagħha u
    • t-tendenza li tiġi abbużata jew il-potenzjal li tikkawża dipendenza.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta jekk il-ħsara soċjali kkawżata mis-sustanza psikoattiva l-ġdida lill-individwi u lis-soċjetà hix gravi u jekk l-attivitajiet kriminali, inkluż il-kriminalità organizzata, assoċjati mas-sustanza psikoattiva l-ġdida humiex sistematiċi, jinvolvux profitti illeċiti sinifikanti jew jinvolvux spejjeż ekonomiċi sinifikanti.

Sabiex jappoġġja t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) se jħejji rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju li se jindirizza dawn l-elementi kollha.

B’mod parallel mal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2103, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2017/2101 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 rigward l-iskambju ta’ informazzjoni u dwar sistema ta’ twissija bikrija u proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju għal sustanzi psikoattivi ġodda. Ir-regolament se jsir kompletament effettiv fit-23 ta’ Novembru 2018.

Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li persuni ġuridiċi (pereżempju, negozji) jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reati marbuta mat-traffikar ta’ drogi u prekursuri, kif ukoll għall-għajnuna u għat-tħajjir, għall-inċitar jew għal tentattivi biex issir tali attività. Il-kunċett ta’ persuni ġuridiċi kif użat hawn ma jinkludix stati u korpi pubbliċi fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom jew organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Organizzazzjoni tkun responsabbli jekk ir-reat ikun twettaq minn individwu li jkollu pożizzjoni ta’ tmexxija f’dik l-organizzazzjoni. Hija tinżamm responsabbli wkoll għal nuqqasijiet fis-superviżjoni jew fil-kontroll. Madanakollu, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi ma teskludix proċedimenti kriminali kontra individwi (persuni fiżiċi).

Sanzjonijiet

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li reati jkunu soġġetti għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Jekk reat jitwettaq b’mod sħiħ jew parzjali f’territorju ta’ pajjiż tal-UE, dak il-pajjiż jeħtieġlu jieħu miżuri, diment li l-awtur tar-reat ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu.

Il-penali massimi għal reati ta’ traffikar tad-droga jridu jkunu tal-anqas bejn sena u 3 snin priġunerija.

Madanakollu, il-penali massimi jridu jiżdiedu għal tal-anqas 5 u 10 snin priġunerija f’każijiet fejn ir-reat ikun:

  • jinvolvi kwantitajiet kbar ta’ drogi;
  • jinvolvi drogi li huma l-aktar ta’ ħsara għas-saħħa;
  • twettaq f’organizzazzjoni kriminali.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonfiskaw sustanzi li huma l-għan tar-reati.

Madanakollu, il-penali jistgħu jitnaqqsu jekk l-awtur tar-reat jirrinunzja għall-attivitajiet illegali tiegħu u jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet amministrattivi jew legali li jkunu se jgħinu fl-identifikazzjoni tal-awturi tar-reati.

Is-sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi jridu jinkludu multi għal reati kriminali jew mhux kriminali. Jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet oħrajn, inkluż it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja tal-istabbiliment jew l-għeluq tiegħu b’mod temporanju jew permanenti.

META TIBDA TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-12 ta’ Novembru 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sustanza psikoattiva ġdida: sustanza f’forma pura jew fi preparazzjoni li mhix koperta mill-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 iżda li tista’ toħloq riskji għas-saħħa u soċjali simili għal dawk li joħolqu s-sustanzi koperti minn dawk il-Konvenzjonijiet.
Prekursur: kwalunkwe sustanza elenkata fil-leġiżlazzjoni tal-UE li taffettwa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-20 ta’ Diċembru 1988.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, pp. 8-11)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva Kwadru 2004/757/ĠAI ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 tal-15 ta’ Novembru 2017 li tissoġġetta lill-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll (ĠU L 306, 22.11.2017, pp. 19-20)

Id-Direttiva 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta’ “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI (ĠU L 305, 21.11.2017, pp. 12-18)

Ir-Regolament (UE) 2017/2101 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 rigward l-iskambju ta’ informazzjoni dwar, u sistema ta’ twissija bikrija u proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju għal, sustanzi psikoattivi ġodda (ĠU L 305, 21.11.2017, pp. 1-7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 1-13)

l-aħħar aġġornament 20.02.2018

Top