Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Orizzont 2020

Orizzont 2020 (H2020), il-programm pluriennali tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea, kellu baġit ta’ kważi €80 biljun disponibbli mill-baġit tal-UE u dam għall-perjodu 2014-2020. Dan il-qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tal-eċċellenza tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni attira wkoll investiment addizzjonali mis-setturi privati u pubbliċi.

Orizzont 2020 segwa s-seba’ programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, li dam għaddej għall-perjodu 2007-2013.

Orizzont 2020 ġie mfassal biex jimmassimizza l-valur miżjud u l-impatt tal-UE, billi jiffoka fuq l-objettivi u l-attivitajiet li ma jistgħux jinkisbu b’mod effiċjenti mill-pajjiżi tal-UE meta jaġixxu waħedhom. Dan appoġġa l-implimentazzjoni tal-unjoni ta’ innovazzjoni, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020, strateġija ta’ 10 snin proposta fl-2010. L-istrateġija kellha l-għan, fost affarijiet oħra, li jkun hemm tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE.

Orizzont 2020 ġie kkumplimentat minn miżuri biex jgħinu fl-iżvilupp taż-żona Ewropea tar-riċerka billi jneħħu l-ostakli għall-ħolqien ta’ suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Orizzont 2020 huwa segwit minn Orizzont Ewropa, id-disa’ programm pluriennali ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, li se jibqa’ għaddej għall-perjodu mill-2021 sal-2027.

ARA WKOLL

Top