This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-ġerarkija ta’ NUTS
Għal kull Stat Membru, hemm ġerarkija ta’ tliet livelli ta’ suddiviżjonijiet reġjonali li huma bbażati fuq limiti tal-popolazzjoni minimi u massimi, kif muri hawn taħt.
It-tielet livell huwa suddiviżjoni tat-tieni livell, it-tieni livell huwa suddiviżjoni tal-ewwel livell u l-ewwel livell huwa suddiviżjoni tal-Istat Membru. NUTS ma tkoprix il-livell lokali (muniċipalità). Meta l-popolazzjoni ta’ Stat Membru inġenerali tkun taħt il-limitu minimu għal livell NUTS partikolari, l-Istat Membru nnifsu jikkostitwixxi unità territorjali NUTS ta’ dak il-livell.
Kriterji ta’ klassifikazzjoni
L-unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri jeħtieġ li jitqiesu fin-NUTS. Il-livell ta’ NUTS ta’ livell amministrattiv eżistenti huwa ddeterminat mid-daqs tal-popolazzjoni medja tal-unitajiet amministrattivi tagħha, kif muri hawn taħt.
Livell |
Popolazzjoni minima |
Popolazzjoni massima |
NUTS 1 |
3 miljuni |
7 miljuni |
NUTS 2 |
800,000 |
3 miljuni |
NUTS 3 |
150,000 |
800,000 |
Jekk ma jkun hemm ebda livell amministrattiv eżistenti ta’ daqs adegwat fi Stat Membru għal livell partikolari fil-klassifikazzjoni, dak il-livell isir billi jiġi aggregat għadd adegwat ta’ unitajiet amministrattivi ġirien iżgħar. L-unitajiet aggregati li jirriżultaw jiffurmaw “livell mhux amministrattiv”, li fih kull unità mhux amministrattiva għandha tirrispetta l-limiti tal-popolazzjoni murija hawn fuq. Eċċezzjonijiet iseħħu f’ċirkostanzi ġeografiċi, soċjoekonomiċi, storiċi, kulturali jew ambjentali partikolari, speċjalment fi gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi.
Timoloġiji territorjali (Tercet)
Ir-Regolament emendatorju (UE) 2017/2391 jistabbilixxi rikonoxximent legali tat-tipoloġiji territorjali għall-fini tal-istatistika tal-UE. Dan jagħmilha possibbli għar-regolamenti dwar l-istatistika tematika u l-inizjattivi ta’ politika li jirreferu għal dawn it-tipoloġiji għall-finijiet tal-ġbir tal-istatistika tal-UE u/jew għall-mira ta’ territorji speċifiċi fil-politiki, bħall-bliet, jew iż-żoni u r-reġjuni urbani, rurali jew kostali.
Ir-regolament ikopri tipoloġiji territorjali eżistenti abbażi tal-livell 3 tan-NUTS (eż. tipoloġija urbana-rurali, reġjuni metropolitani) jew l-unitajiet amministrattivi lokali (eż. il-grad ta’ urbanizzazzjoni, bliet, żoni kostali). Ir-regolament ikopri wkoll il-livell ta’ grilja ta’ 1 km2 meħtieġ biex jiġu kkalkolati t-tipoloġiji, li huma bbażati fuq id-distribuzzjoni u d-densità tal-popolazzjoni fiċ-ċelluli tal-grilja. Dan jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ atti delegati mill-Kummissjoni Ewropea, fejn xieraq.
Il-klassifikazzjoni NUTS attwali, valida mill-1 ta’ Jannar 2021, telenka 92 reġjun fil-livell NUTS 1, 242 reġjun fil-livell NUTS 2 u 1,166 reġjun fil-livell NUTS 3.
Skont l-att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 11/2008, meta ssir emenda għall-klassifikazzjoni NUTS, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni s-serje kronoloġika għall-klassifikazzjoni reġjonali l-ġdida biex tissostitwixxi d-data preċedentia.
Ilu japplika mill-11 ta’ Lulju 2003.
Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, pp. 1–41).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/674 tas-26 ta’ Diċembru 2022 li jemenda l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 87, 24.3.2023, pp. 1–53).
Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, pp. 1–47).
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1130 tal-5 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-lista tar-reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus u tal-Istati Membri eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 (notifikat skont id-dokument C(2021) 4894) (ĠU L 244, 9.7.2021, pp. 10–20).
l-aħħar aġġornament 05.04.2023