EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-politika komuni tas-sajd (PKS)

Il-politika komuni tas-sajd (PKS) hija sett ta’ regoli għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-immaniġġjar u l-kontroll tas-sajd Ewropew ġewwa u barra l-ilmijiet tal-UE. L-għan tal-PKS huwa li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jikkontribwixxu għal sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul. Dan jinkludi l-iżgurar tat-traċċabilità, is-sigurtà u l-kwalità tal-prodotti mqiegħda fis-suq fl-UE; il-kontribuzzjoni għal żieda fil-produttività, għal standard tal-għajxien ġust għas-settur tas-sajd, inkluż sajd fuq skala żgħira, u għal swieq stabbli; u l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-PKS jinkludi l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-immaniġġjar tas-sajd li jisfruttahom. Fejn jidħlu miżuri tas-suq u miżuri finanzjarji, il-PKS tkopri wkoll riżorsi bijoloġiċi tal-ilma ħelu u attivitajiet tal-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

L-iktar riforma reċenti tal-PKS tmur lura għall-2013 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014. Il-PKS attwali hija bbażata fuq erba’ pilastri ewlenin:

  • 1.

    il-ġestjoni tas-sajd

  • 2.

    il-politika internazzjonali

  • 3.

    il-politika tas-swieq u kummerċjali,

  • 4.

    il-finanzjament tal-politika.

Ir-raba’ element tal-PKS huwa l-Fond Ewropew Marittimu, tas-Sajd u tal-Akkwakultura (2021–2027), li jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS permezz tal-finanzjament ta’ azzjonijiet eliġibbli.

Il-PKS tistipula li għandhom jiġu stabbiliti limiti tal-qbid li huma sostenibbli u jżommu l-istokkijiet tal-ħut fit-tul. Il-PKS tadotta approċċ kawt li jirrikonoxxi l-impatt tal-attività tal-bniedem fuq il-komponenti kollha tal-ekosistema. Hija tfittex li tagħmel il-flotot tas-sajd iktar selettivi f’dak li jaqbdu, u li tneħħi gradwalment il-prattika tar-rimi billi tevita u tnaqqas — kemm jista’ jkun — il-qabdiet mhux mixtieqa, billi tiżgura li l-qabdiet jinħattu l-art. Il-PKS biddlet il-mod li bih huma mmaniġġjati l-politiki tas-sajd, u tat kontroll akbar lill-gruppi reġjonali ta’ Stati Membri permezz tal-introduzzjoni tal-hekk imsejħa reġjonalizzazzjoni.

Il-PKS hija minquxa fl-Artikoli 38–43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Artikolu 3 tat-TFUE, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt il-PKS hija “kompetenza esklużiva” tal-UE, li tfisser li l-UE waħedha hija kapaċi tilleġisla u tadotta atti vinkolanti. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-UE biex jimplimentaw atti bħal dawn. Skont l-Artikolu 4 TFUE, dawk il-partijiet tal-PKS li jittrattaw aspetti oħra għajr il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jaqgħu taħt “kompetenza kondiviża”, li jfisser li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma kapaċi jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti u l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom stess fejn l-UE ma teżerċitax, jew iddeċidiet li ma teżerċitax, il-kompetenza tagħha stess.

ARA WKOLL

Top