Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija tal-bijodiversità għall-2020

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat strateġija sabiex tipproteġi u ttejjeb l-istat tal-bijodiversità fl-Ewropa matul id-deċennju li ġej. Din l-istrateġija tiddefinixxi sitt għanijiet li jkopru l-fatturi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità u li jippermettu li jitnaqqsu l-pressjonijiet l-iktar qawwijin li jiġu eżerċitati fuq in-natura.

SOMMARJU

Din l-istrateġija hija mmirata sabiex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità u tad-deterjorazzjoni tal-ekosistemi fl-Unjoni Ewropea (UE) minn issa sal-2020, billi tiddefinixxi sitt objettivi prijoritarji. Din l-istrateġija hija parti mill-istrateġija Ewropa 2020, u b’mod partikolari mill-inizjattiva ewlenija intitolata “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza”.

Objettiv 1: konservazzjoni u riġenerazzjoni tan-natura

L-UE għandha tiżgura applikazzjoni aħjar tad-Direttivi dwar l-“Għasafar” u l-“Ħabitat”. Dawn iż-żewġ Direttivi huma l-kolonna vertebrali tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità. Sa issa, huma ppermettew suċċessi sbieħ, bħall-ħolqien ta’ Natura 2000, l-ikbar netwerk mondjali ta’ żoni protetti li jkopri iktar minn 750 000 km2. Madankollu, il-progress m’huwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni ta’ importanza Ewropea favur il-ħabitat u l-ispeċi. Sabiex jintlaħaq l-ewwel għan ta’ din l-istrateġija, il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw aħjar il-leġiżlazzjoni eżistenti. B’mod partikolari għandhom jiżguraw li jmexxu u jintegraw mill-ġdid is-siti ta' Natura 2000 billi jinvestu fihom ir-riżorsi neċessarji. Dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u jippermettu l-irkupru tagħha minn issa sal-2020.

Objettiv 2: tippreżerva u ttejjeb l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom

Fl-UE, bosta ekosistemi u s-servizzi tagħhom ġew degradati, prinċipalment minħabba l-frammentazzjoni tal-art. L-objettiv 2 huwa mmirat lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-ekosistemi u lejn ir-restawr tal-ekosistemi degradati (mill-inqas 15 % sal-2020), billi jintegra infrastruttura ambjentali fl-ippjanar tal-użu tal-art.

Fis-6 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni fuq l-infrastruttura ambjentali, li tiddeskrivi, b'mod partikolari, l-elementi ewlenin tal-istrateġija futura tal-UE f'dan il-qasam, inkluż:

il-promozzjoni ta' infrastruttura ambjentali fl-oqsma politiċi relevanti (politika ta' koeżjoni, tibdil fil-klima u l-ambjent, affarijiet tas-saħħa u tal-konsumatur, il-PAK -il-Politika Agrikola Komuni, eċċ.);

it-titjib tal-informazzjoni, għarfien u innovazzjoni sabiex jitħeġġeġ l-użu ta' infrastruttura ambjentali;

it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal proġetti ta' infrastuttura ambjentali;

studju tal-fattibilità ta' proġetti ta' infrastruttura ambjentali mifrixin madwar l-UE.

Sal-2015, il-Kummissjoni sejra tipproponi wkoll inizjattiva immirata lejn il-prevenzjoni ta' kwalunkwe telf nett ta' ekosistemi u tas-servizzi tagħhom.

Objettiv 3: l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-agrikoltura u tal-forestrija

L-istrumenti skont il-PAK għandhom jikkontribwixxu sabiex jestendu ż-żoni użati fil-mergħat, f’art li tista' tinħarat, fl-għelejjel permanenti koperti minn miżuri ta’ bijodiversità minn issa sal-2020.

Il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti jew l-istrumenti ekwivalenti sejrin jiġu implimentati għall-foresti pubbliċi u għas-setturi tal-foresti li jaqbżu ċertu erja minn issa sal-2020. Iridu jiggarantixxu amministrazzjoni tal-foresti għal tul ta’ żmien sabiex jibbenefikaw minn finanzjament bħala parti mill-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Il-miżuri adottati sabiex jiżguraw mod ta’ amministrazzjoni fit-tul f’dawn iż-żewġ setturi għandhom jikkontribwixu wkoll għar-realizzazzjoni tal-objettivi 1 u 2 tal-istrateġija.

Objettiv 4: garanzija tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd

Il-miżuri adottati fi ħdan il-qafas tar-riforma tal-politika komuni dwar is-sajd għandhom jippermettu li jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli minn issa sal-2015. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li ssir analiżi tal-popolazzjoni skont l-età u d-daqs u li din tindika stat tajjeb tal-istokk. Grazzi għal ġestjoni tas-sajd mingħajr effetti negattivi sinfikanti fuq stokks, speċi u ekosistemi oħrajn, sejjer ikun possibbli li jintlaħaq stat ekoloġiku tajjeb minn issa sal-2020, b'mod konformi mad-Direttiva Kwadru “Strateġija Marina”.

Objettiv 5: il-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi

Bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' speċi aljeni jew mhux tal-post fl-akkwakultura, ma teżistix politika globali stabbilita mill-UE għall-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi. Għaldaqstant, dawn l-ispeċi jikkostitwixxu theddida serja għall-bijodiversità Ewropea. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn jiġu identifikati, iżolati jew meqrudin, u li l-introduzzjoni tagħhom tiġi kkontrollata sabiex tiġi evitata l-feġġa ta' speċi ġodda. Sabiex isir dan, il-Kummissjoni sejra timla l-vojt politiku fil-ġlieda kontra speċi aljeni invażivi permezz ta' strument leġiżlattiv ad hoc.

Objettiv 6: ġestjoni tal-kriżi tal-bijodiversità fuq livell dinji

L-UE teħtieġ li tintensifika l-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji billi żżomm mal-impenji li ttieħdu fl-10 konferenza tal-partijiet (CdP10) fil-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-diversità bioloġika, li saret f'Nagoya fl-2010. Matul din il-konferenza, l-UE impenjat ruħha li:

tilħaq l-għanijiet stabbiliti mill-Pjan Strateġiku Dinji għall-Bijodiversità 2011-2020;

timplimenta l-protokoll ta' Nagoya dwar Aaċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (protokoll APA); u

timmobilizza riżorsi ta' finanzjament supplimentari għall-isfida tal-protezzjoni tal-bijodiversità fuq livell dinji.

Kuntest

L-istrateġija twieġeb għal żewġ impenji maġġuri li ttieħdu mill-mexxejja tal-UE f'Marzu 2010, il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità fi ħdan l-UE minn issa sal-2020 u li tiġi protetta, evalwata u ristabbilita l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fi ħdan l-UE minn issa sal-2050.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011) 244 finali tat-3 ta' Mejju 2011)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) - Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (COM(2013) 249 final tas-6 ta' Mejju 2013)

l-aħħar aġġornament 21.09.2015

Top