Żieda fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi
Id-Direttiva (UE) 2014/67/UE dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi
Id-Direttiva (UE) 2020/1057 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?
- Id-Direttiva 96/71/KE tfassal lista ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li l-ħaddiema li jiġu stazzjonati b’mod temporanju barra mill-pajjiż mill-impjegatur tagħhom jeħtiġilhom jingħataw fil-pajjiż fejn jiġu stazzjonati (pajjiż ospitanti). L-għan tagħha huwa li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema kif ukoll li tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri tas-servizzi.
- Id-Direttiva 2014/67/UE għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE. Din tindirizza kwistjonijiet bħall-abbuż u l-evażjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar, ir-responsabbiltà konġunta fil-katini ta’ sottokuntrattar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.
- Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957 taġġorna u temenda d-Direttiva 96/71/KE. Din tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema stazzjonati, u tfittex li tiżgura pagi ġusti u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji li jistazzjonaw u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti, filwaqt li żżomm il-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi.
- Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-istazzjonar ta’ xufiera professjonali fis-settur tat-trasport kummerċjali bit-triq u għall-infurzar effettiv ta’ dawn ir-regoli. Id-Direttiva tipprovdi r-regoli li huma adattati aħjar għan-natura mobbli ħafna tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq. Din għandha l-għan li tneħħi d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi tal-UE fl-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar l-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq. Hija mfassla biex tagħmel is-settur tat-trasport bit-triq ġust, effiċjenti u soċjalment responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin toffri ċertezza legali akbar, tnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi tat-trasport u tipprevjeni distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.
PUNTI EWLENIN
Direttiva 96/71/KE
- Id-Direttiva 96/71/KE tapplika għal impriżi li, fil-kuntest tal-forniment transnazzjonali tas-servizzi, jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE, dejjem jekk ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonar u l-ħaddiem waqt il-perjodu tal-istazzjonar. “Ħaddiem stazzjonat” huwa ħaddiem li, għal perjodu limitat, jaħdem fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE għajr dak li normalment jaħdem fih.
- Sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati meta l-kumpaniji jużaw il-libertà li jipprovdu servizzi u li jiffaċilitaw l-eżerċitar ta’ dik il-libertà, id-Direttiva 96/71/KE fiha kundizzjonijiet bażiċi għall-impjieg li jridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati fil-pajjiżi ospitanti, bħal:
- perjodi massimi ta’ xogħol u perjodi minimi ta’ mistrieħ;
- btajjel annwali minimi bi ħlas;
- rati minimi applikabbli ta’ paga, inklużi rati ta’ sahra;
- saħħa, sigurtà u iġjene fuq il-post tax-xogħol.
Id-Direttiva 2014/67/UE
Prevenzjoni, monitoraġġ u sanzjonar aħjar ta’ kwalunkwe abbuż tar-regoli applikabbli
- Biex tgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż u ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli (pereżempju, permezz ta’ kumpaniji fantażma*), id-Direttiva 2014/67/UE fiha lista ta’ elementi fattwali li jgħinu biex jiġi vvalutat jekk sitwazzjoni speċifika tikkwalifkax bħala stazzjonar ġenwin.
- Għal ċertezza legali akbar, id-Direttiva 2014/67/UE tistipula lista ta’ miżuri ta’ kontroll nazzjonali li huma kkunsidrati ġġustifikati u proporzjonati u li jistgħu jiġu applikati sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mad-Direttiva 96/71/KE u d-direttiva dwar l-Infurzar (Direttiva 2014/67/UE) innifisha.
- Sabiex iżidu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-ktajjen ta’ sottokuntrattar, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li l-ħaddiema stazzjonati fis-settur tal-kostruzzjoni jistgħu jżommu lill-kuntrattur f’relazzjoni diretta ta’ sottokuntrattur bħala responsabbli għal kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti li tikkorrispondi għar-rati minimi ta’ ħlas, flimkien ma’ jew minflok l-impjegatur. Minflok dawn ir-regoli ta’ responsabbilità, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ infurzar xierqa oħrajn.
Aċċess imtejjeb għall-informazzjoni
- Sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza, il-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jagħmlu disponibbli u bla ħlas kwalunkwe informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u dwar ftehimiet kollettivi applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati permezz ta’ sit web nazzjonali uffiċjali uniku. L-informazzjoni trid issir pubblika bil-lingwa(i) uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u bil-lingwi l-aktar rilevanti, filwaqt li titqies id-domanda fis-suq tax-xogħol tiegħu.
Kooperazzjoni amministrattiva msaħħa
- Id-Direttiva 2014/67/UE tinkludi wkoll regoli aktar ċari għat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità, inklużi l-limiti taż-żmien għall-għoti ta’ informazzjoni. Ir-regolament dwar l-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għandu rwol hawnhekk. Is-sistema tal-IMI hija għodda elettronika multilingwi li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkomunikaw malajr u b’mod faċli mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja dwar il-liġi tas-suq intern tal-UE.
- Id-Direttiva tiżgura wkoll illi l-penali u l-multi amministrattivi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi talli jkunu naqsu milli jirrispettaw ir-regoli applikabbli f’pajjiż tal-UE jistgħu jiġu infurzati u rkuprati f’ieħor.
Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957
Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957 tintroduċi għadd ta’ regoli ġodda:
- l-istess regoli dwar ir-remunerazzjoni japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati bħall-ħaddiema lokali fil-pajjiż ospitanti;
- ħaddiem se jitqies bħala stazzjonat fit-tul wara 12-il xahar (bil-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ 6 xhur soġġetta għal notifika motivata mill-fornitur tas-servizz), u wara dan il-ħaddiem stazzjonat se jkun soġġett għal kważi l-aspetti kollha tal-liġi tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti;
- in-numru ta’ ftehimiet kollettivi potenzjali li jistgħu japplikaw fil-pajjiżi tal-UE li għandhom sistema għad-dikjarazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ta’ applikazzjoni universali jista’ jiżdied;
- l-aġenziji tax-xogħol temporanju jeħtiġilhom jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati l-istess termini u kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji impjegati fil-pajjiż fejn jitwettaq ix-xogħol;
- kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-abbuż u ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli fil-kuntest tal-istazzjonar.
Id-Direttiva (UE) 2020/1057
Fost il-bidliet introdotti bid-Direttiva (UE) 2020/1057 hemm:
- eċċezzjoni mir-regoli ġenerali dwar l-istazzjonar li japplikaw għall-kabotaġġ u operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ tranżitu, “operazzjonijiet ta’ trasport bilaterali” (kemm fit-trasport tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri) u operazzjonijiet bilaterali b’2 waqfiet addizzjonali relatati mat-trasport — din l-eċċezzjoni hija ristretta għal każijiet fejn jeżisti kuntratt ta’ servizz bejn l-impjegatur li jibgħat lix-xufier u parti li topera fil-pajjiż ospitanti tal-UE;
- regoli amministrattivi dwar l-istazzjonar tax-xufiera, il-kontroll u l-infurzar — it-trasportaturi jeħtiġilhom jużaw is-sistema tal-IMI biex jibagħtu dikjarazzjonijiet ta’ stazzjonar u kwalunkwe informazzjoni mitluba;
- penali fil-każ ta’ ksur;
- “infurzar intelliġenti”, li jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jintegraw il-kontroll tar-regoli tal-istazzjonar fi strateġija ta’ kontroll ġenerali;
- ir-regoli li jiżguraw li t-tisħiħ tar-regoli tal-istazzjonar għas-sewwieqa tal-UE ma jirriżultax f’vantaġġ kompetittiv għall-operaturi mhux tal-UE li jkollhom aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq tal-UE.
MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?
- Id-Direttiva 96/71/KEE ilha tapplika mill-10 ta’ Frar 1997 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-16 ta’ Diċembru 1999.
- Id-Direttiva 2014/67/UE ilha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2014 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-18 ta’ Ġunju 2016.
- Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957 kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Lulju 2020. Madanakollu, din se tapplika biss għas-settur tat-trasport bit-triq mid-data ta’ applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv li ġie adottat biex jiġu emendati d-Direttivi 2006/22/KE u 2014/67/UE dwar l-istazzjonar ta’ xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq. Din hija d-Direttiva (UE) 2020/1057, li se tapplika mit-2 ta’ Frar 2022.
- Id-Direttiva (UE) 2020/1057 għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-2 ta’ Frar 2022.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Kumpaniji fantażma: kumpaniji li jkunu ġew stabbiliti bil-għan li jibbenefikaw minn lakuni leġiżlattivi filwaqt li huma stess ma jipprovdu l-ebda servizz lill-klijenti, iżda minflok jipprovdu faċċata għas-servizzi pprovduti mis-sidien tagħhom (il-Kummissjoni Ewropea f’
COM(2013) 122 final).
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, pp. 1-6)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 96/71/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, pp. 11-31)
Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, pp. 49-65)
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq (ĠU L 249, 31.7.2020, pp. 17-32)
Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 1-11)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, pp. 35-44)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 13.10.2020