EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Titjib fin-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) Nru 2021/1187 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tissimplifika l-miżuri biex ittejjeb it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T).
  • Għandha wkoll l-għan li tagħmel il-proċess proċedurali aktar ċar għall-promoturi tal-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ permessi u tal-akkwist pubbliku.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva hija magħrufa bħala “d-Direttiva TEN-T intelliġenti” u hija t-tielet parti mit-tielet Pakkett dwar il-Mobilità tal-UE — Ewropa Attiva.

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tkopri dan li ġej:

  • il-konnessjonijiet transfruntieri identifikati minn qabel u l-konnessjonijiet nieqsa tan-network ewlieni tat-TEN-T* kurituri, kif stabbiliti fl-Anness I;
  • proġetti fuq il-kurituri tan-network ewlieni li jaqbżu it-EUR 300 miljun.

Din ma tkoprix proġetti li huma esklużivament relatati ma’ applikazzjonijiet telematiċi, ma’ teknoloġija u innovazzjoni ġodda, kif definiti fil-linji gwida TEN-T — ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ara s-sommarju).

L-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħżlu li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex jinkludu l-proġetti kollha fuq in-network ewlieni jew saħansitra tan-network komprensiv. F’każ li Stat Membru jagħżel li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea.

Prijoritizzazzjoni

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali jagħtu prijorità lill-proġetti koperti mid-Direttiva fil-proċeduri tal-għoti.
  • Meta jkunu jeżistu proċeduri speċifiċi għall-għoti ta’ permessi għal proġetti prijoritarji skont id-dritt nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jintużaw għal proġetti koperti mid-Direttiva.

L-awtorità maħtura

Sal-10 ta’ Awwissu 2023, kull Stat Membru jrid jistabbilixxi awtorità maħtura li se tieħu r-responsabbiltà għall-proġetti. Ir-rwol tagħha se jkun jinkludi:

  • li sservi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett u għal awtoritajiet rilevanti oħra;
  • li tiddeskrivi l-applikazzjonijiet lill-promoturi tal-proġetti;
  • li tissorvelja l--perjodu ta’ żmien għall-proċedura għall-għoti ta’ permessi;
  • li tipprovdi gwida fejn meħtieġ dwar is-sottomissjoni ta’ dokumenti u informazzjoni;
  • li tieħu deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, jekk tingħata s-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru rispettiv.

Proċedura għall-għoti ta’ permessi

Id-direttiva tissimplifika r-regoli għall-proċedura għall-għoti ta’ permessi.

  • Għandhom jingħataw massimu ta’ 4 snin għall-awtorizzazzjoni, għalkemm dan jista’ jiġi estiż f’każijiet debitament ġustifikati.
  • L-Istati Membri jistgħu jinkorporaw stadji fil-proċess għall-għoti ta’ permessi skont il-liġi nazzjonali.

L-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fuq proċeduri transfruntiera, bl-assistenza u s-sorveljanza tal-koordinaturi tal-UE, bil-għan li jikkoordinaw l-iskedi ta’ żmien tagħhom u jaqblu dwar skeda konġunta li tikkonċerna l-proċedura għall-għoti ta’ permessi.

MINN META BDIET TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mid-9 ta’ Awwissu 2021 u għandha ssir liġi fl-Istati Membri sal-10 ta’ Ġunju 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Network ewlieni: jinkludi l-aktar konnessjonijiet importanti fuq in-network, filwaqt li jgħaqqad l-aktar nodi importanti, u għandu jitlesta sal-2030.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) (ĠU L 258, 20.7.2021, pp. 1–13)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, pp. 1-128)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 13.10.2021

Top