EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli komuni dwar il-fondi tal-UE (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Politika tal-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Magħruf bħala r-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni, huwa jistabbilixxi sett ta’ regoli finanzjari komuni li japplikaw għas-sorsi li ġejjin ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea (UE), kif ukoll dispożizzjonijiet komuni għall-fondi mmarkati b’asterisk (*):

PUNTI EWLENIN

Ħames għanijiet tal-politika

Il-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u FEMSA jappoġġaw l-għanijiet tal-politika li ġejjin:

  • Ewropa aktar kompetittiva u intelliġenti, li tippromwovi:
    • trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti,
    • konnettività reġjonali tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;
  • ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, aktar ekoloġika, bi tranżizzjoni lejn nett żero ta’ karbonju, li tippromwovi:
    • tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u ġusta,
    • investiment ekoloġiku (relatat mal-konservazzjoni ta’ riżorsi naturali),
    • investiment blu (relatat mal-oċeani, l-ibħra u l-kosti),
    • l-ekonomija ċirkolari,
    • il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l- adattament,
    • prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju,
    • mobilità sostenibbli urbana;
  • Ewropa aktar konnessa, permezz tat-titjib tal-mobilità;
  • Ewropa aktar soċjali u inklużiva, li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; u
  • Ewropa aktar viċin iċ-ċittadini, li tinkiseb permezz tal-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta’ territorji u inizjattivi lokali.

Miri tal-klima

Il-fondi għandhom jikkontribwixxu għar-razzjonalizzazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba ta’ mira ġenerali ta’ 30% tal-ispiża tal-baġit tal-UE li tappoġġa l-għanijiet klimatiċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri tal-UE għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif jappoġġjaw l-għanijiet tal-ambjent u l-klima, bil-kontribuzzjoni tagħhom għall-mira ġenerali espressa bħala perċentwal tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed progress biex jintlaħqu dawn il-miri, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu fuq miżuri ta’ rimedju fil-laqgħa annwali ta’ reviżjoni.

Prinċipji ewlenin

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jimplimentaw l-allokazzjonijiet tal-baġit skont il-prinċipji li ġejjin.

  • Ġestjoni konġunta, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-azzjonijiet huma ppjanati b’mod konġunt. L-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u r-rimbors tal-ispejjeż lill-benefiċjarji, filwaqt li l-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni, tirrimborsa l-Istati Membri u hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-baġit.
  • Sħubija u governanza fuq diversi livelli. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jimplimentaw sħubija komprensiva li tinkludi mill-inqas dawn l-imsieħba li ġejjin:
    • awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u pubbliċi oħrajn;
    • imsieħba soċjali u ekonomiċi;
    • korpi rilevanti li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, bħall-imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u n-non-diskriminazzjoni;
    • organizzazzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet.
  • Prinċipji orizzontali, li jiżguraw:
    • rispett għad-drittijiet Fundamentali u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
    • li jitqiesu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-mainstreaming u l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru, u l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilitajiet;
    • li jittieħdu l-passi adattati biex jiġi evitat kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali waqt il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-programmi.

Ftehim ta’ sħubija

Kull Stat Membru jipprepara ftehim ta’ sħubija li jistabbilixxi kif beħsiebhom jagħmlu użu effettiv u effiċjenti tal-FEŻR, tal-FSE+, tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-JTF u tal-FEMSA għall-perjodu 2021–2027.

Programmazzjoni

F’kooperazzjoni mal-imsieħba, l-Istati Membri jippreparaw programmi ta’ finanzjament għall-2021-2027 biex jiġu sottomessi mhux aktar tard minn 3 xhur wara s-sottomissjoni tal-ftehim ta’ sħubija. Ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar l-aspetti tal-programmazzjoni li ġejjin:

  • kontenut;
  • approvazzjoni;
  • emenda;
  • appoġġ konġunt mill-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-JTF;
  • it-trasferiment tar-riżorsi, inklużi regoli speċjali għal trasferimenti mill-FEŻR u l-FSE+ lill-JTF.

Żvilupp territorjali

L-approċċ integrat tal-iżvilupp territorjali huwa msaħħaħ u jista’ jkun appoġġat fi kwalunkwe mod li ġej:

  • investiment territorjali integrat li jippermetti lill-Istati Membri jikkombinaw il-finanzjament minn fondi, programmi jew prijoritajiet differenti mill-istess programm biex jiżguraw strateġija integrata għal territorju speċifiku;
  • żvilupp lokali mmexxi mill-komunità, għodda użata fil-livell subreġjonali, li jikkomplementa appoġġ fuq livell lokali biex jimmobilizza u jinvolvi komunitajiet u organizzazzjonijiet lokali, li jiffoka fuq:
    • il-bini ta’ kapaċitajiet
    • l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet, u
    • il-ġestjoni tal-istrateġija, il-monitoriaġġ u l-valutazzjoni, inkluż il-komunikazzjoni bejn il-partijiet interessati;
  • għodod territorjali oħra ddisinjati mill-Istat Membru.

Assistenza teknika

Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, il-fondi jistgħu jappoġġaw għajnuna preparatorja, ta’ monitoraġġ, kontroll, verifika, valutazzjoni, komunikazzjoni, viżibilità, assistenza amministrattiva u teknika biex jimplimentaw ir-regolament u, fejn xieraq, ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE.

Fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru, il-fondi jistgħu jappoġġaw azzjonijiet għall-amministrazzjoni effettiva u l-użu tal-fondi, inklużi l-bini tal-kapaċità tal-imsieħba u l-preparazzjoni, it-taħriġ, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni, il-viżibilità u l-komunikazzjoni.

Prestazzjoni

L-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tippermettilhom jissorveljaw, jirrappurtaw fuq u jivvalutaw il-prestazzjoni, li tikkonsisti minn:

  • indikaturi tal-output u r-riżultati marbuta mal-objettivi speċifiċi;
  • għanijiet li għandhom jinkisbu sal-aħħar tal-2024 għall-indikaturi tal-output; u
  • miri li għandhom jinkisbu sal-aħħar tal-2029 għall-indikaturi tal-output u r-riżultati.

Monitoraġġ

  • Kull Stat Membru jistabbilixxi kumitat ta’ sorveljanza fi żmien tliet xhur wara li programm jiġi approvat. Il-kumitati jiltaqgħu mill-anqas darba fis-sena biex jirrevedu l-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tal-programm. L-Istat Membru jiddetermina l-kompożizzjoni tal-kumitat u għandu jiżgura rappreżentazzjoni bilanċjata tal-korpi rilevanti u rappreżentanti tal-imsieħeb.
  • Kull membru tal-kumitat ta’ sorveljanza għandu jkollu vot. Ir-regoli ta’ proċedura jirregolaw id-drittijiet tal-votazzjoni u d-dettalji dwar il-proċedura fil-kumitat ta’ sorveljanza.
  • Rappreżentanti tal-Kummissjoni jipparteċipaw f’kapaċità ta’ sorveljanza u konsultattiva.
  • Laqgħat annwali ta’ reviżjoni bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru huma organizzati biex jeżaminaw il-prestazzjoni ta’ kull programm.

Valutazzjoni

L-Istati Membri jew l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom jevalwaw il-programmi, permezz ta’ esperti li huma funzjonalment indipendenti, bil-għan li jtejbu l-kwalità u l-implimentazzjoni tal-programm.

Il-Kummissjoni twettaq il-valutazzjoni tagħha ta’ nofs it-terminu ta’ kull fond sal-aħħar tal-2024 u valutazzjoni retrospettiva sal-31 ta’ Diċembru 2031. Il-valutazzjonijiet huma bbażati fuq il-kriterji li ġejjin:

  • effettività
  • effiċjenza
  • rilevanza
  • koerenza
  • benefiċċju għall-UE.

Valutazzjonijiet li jistgħu jqisu l-inklużività, in-nondiskriminazzjoni u l-viżibilità.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni għal kull programm biex jevalwaw l-impatt tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2029.

Viżibilità

Kull Stat Membru għandu jiżgura kemm il-viżibiltà tal-appoġġ fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-operazzjonijiet appoġġati mill-fondi, kif ukoll il-komunikazzjoni maċ-ċittadini tal-UE tar-rwol u l-kisbiet tal-fondi permezz ta’ portal ta’ sit web uniku li jipprovdi aċċess għall-programmi kollha li jinvolvu lil dak l-Istat Membru.

B’mod partikolari, il-benefiċjarji u l-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji għandhom jirrikonoxxu l-appoġġ mill-fondi skont ir-regoli stabbiliti mir-regolament; jekk ma jagħmlux dan, l-awtorità ta’ ġestjoni tkun intitolata tapplika miżuri u tikkanċella sa 3 % tal-appoġġ mill-fondi lill-operazzjoni kkonċernata.

Appoġġ finanzjarju

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE tista’ tieħu kwalunkwe waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

  • iffinanzjar mhux marbut mal-ispejjeż, ibbażat fuq is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet jew il-kisba tar-riżultati;
  • ir-rimbors ta’ għotjiet ipprovduti mill-Istati Membri lill-benefiċjarji;
  • ir-rimbors ta’ kontribuzzjonijiet ta’ programmi mill-awtorjitajiet ta’ ġestjoni lill-istrumenti finanzjarji;
  • nefqa eliġibbli tal-unità;
  • somom f’daqqa identifikati b’mod ċar bil-quddiem;
  • finanzjament b’rata fissa identifikat b’mod ċar bil-quddiem;
  • kombinazzjoni ta’ dawn ta’ hawn fuq.

L-Istati Membri jużaw il-fondi biex jipprovdu appoġġ lill-benefiċjarji fil-forma ta’ għotjiet, strumenti finanzjarji jew premjijiet (jew kombinazzjoni tagħhom).

Eliġibbiltà

L-eliġibilità tal-ispejjeż hija determinata mir-regoli nazzjonali, għajr fejn hemm regoli speċifiċi f’dan ir-regolament jew regolamenti speċifiċi għal fond.

l-ispejjeż li ġejjin mhumiex eleġibbli għal kontribuzzjoni mill-fondi:

  • interess fuq id-dejn, b’eċċezzjonijiet żgħar;
  • Xiri ta’ art li jaqbeż 10 % tal-ispiża totali eliġibbli, jew 15 % għal siti abbandunati u siti li qabel kienu industrijali li jinkludu binjiet (mhux applikabbli jekk il-proġett jinvolvi konservazzjoni ambjentali);
  • taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għajr:
    • operazzjonijiet li huma inqas minn EUR 5,000,000 (inkluż il-VAT),
    • operazzjonijiet ’il fuq minn EUR 5,000,000 (inkluż il-VAT) fejn il-VAT mhijiex irrekuperabbli taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew għal
    • xi fondi ta’ proġetti żgħar u investimenti taħt l-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg).

Regolamenti speċifiċi għal fond jistgħu jidentifikaw spejjeż addizzjonali li mhumiex eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-fond partikolari.

Ġestjoni u kontroll

L-Istati Membri għandhom ikollhom sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jiffunzjonaw b’mod effettiv għall-programmi tagħhom u huma responsabbli, fost affarijiet oħra, għal:

  • l-iżgurar li l-programmi jiffunzjonaw skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda u rekwiżiti ewlenin dettaljati;
  • l-iżgurar tal-legalità tal-ispejjeż fil-kontijiet sottomessi lill-Kummissjoni;
  • il-prevenzjoni, is-sejbien, it-tiswija u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi;
  • l-iżgurar tal-kwalità, il-preċiżjoni u l-affidabilità tas-sistema ta’ sorveljanza u tad-data dwar l-indikaturi;
  • l-iżgurar li l-iskambji kollha tal-informazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet tal-programm jitwettqu permezz ta’ sistemi ta’ skambju ta’ data elettronika;
  • l-iżgurar tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni;
  • sistemi u proċeduri li jiżguraw li d-dokumenti kollha meħtieġa għat-traċċa tal-verifika jinżammu.

Il-Kummissjoni għandha, fost affarijiet oħra:

  • tkun sodisfatta li l-Istati Membri jkollhom sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll effettivi, effiċjenti u konformi;
  • twettaq verifiki sa 3 snin wara l-aċċettazzjoni tal-kontijiet għajr fejn ikun hemm suspett ta’ frodi.

L-awtoritajiet ta’ ġestjoni huma responsabbli, fost affarijiet oħra, għal:

  • l-għażla tal-operazzjonijiet;
  • it-twettiq tal-ġestjoni tal-programm;
  • l-appoġġ tax-xogħol tal-kumitat ta’ sorveljanza;
  • is-superviżjoni ta’ korpi intermedjarji;
  • ir-reġistrar sigur tad-data fuq kull operazzjoni għas-sorveljanza, il-valutazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, verifiki u awditjar.

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-awditjar li jitwettaq minn awtoritajiet nazzjonali ta’ verifika, inkluż:

  • verifika ta’ operazzjonijiet;
  • arranġamenti ta’ verifika unika;
  • dipendenza fuq sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni permezz ta’ arranġamenti proporzjonati mtejba.

Ġestjoni finanzjarja

Ir-regolament jistabbilixxi regoli dettaljati, inklużi għal:

  • impenji baġitarji;
  • ħlas lura;
  • regoli għal pagamenti lill-Istati Membri;
  • tipi ta’ pagamenti u regoli komuni applikabbli;
  • Kontribuzzjoni tal-UE bbażata fuq spejjeż għal kull unità, somom f’daqqa u rati fissi, u fuq finazjament mhux marbut mal-ispejjeż;
  • interruzzjonijiet u sospensjonijiet;
  • kontenut, sottomissjoni u eżami tal-kontijiet;
  • kalkolu tal-bilanċ;
  • korrezzjonijiet finanzjarji;
  • il-prinċipji, ir-regoli, il-proċeduri u l-eċċezzjoni ta’ rilaxx (irtirar).

Qafas finanzjarju

Il-FEŻR, l-FES+ u l-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġaw l-għan allokat għall-investimenti għall-impjiegi u t-tkabbir kollha fir-reġjunijiet ta’ livell 2 tan-NUTS stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1059/2003, kif emendat mir-Regolament (UE) 2016/2066 (ara s-sommarju).

B’mod partikolari, ir-riżorsi mill-FEŻR u mill-FSE+ huma allokati għat-tliet kategoriji ta’ reġjuni li ġejjin:

  • reġjuni inqas żviluppati, li l-prodott gross domestiku (PGD) tagħhom għal kull persuna huwa inqas minn 75 % tal-medja tal-UE-27 (is-27 Stat Membru kollha);
  • reġjuni ta’ tranżizzjoni, fejn il-PGD tagħhom għal kull persuna huwa bejn 75% u 100% tal-medja tal-UE-27;
  • reġjuni aktar żviluppati, li l-PGD tagħhom għal kull persuna huwa ogħla minn 100% tal-medja tal-UE-27.

Il-Fond ta’ Koeżjoni jappoġġa lil dawk l-Istati Membri li d-dħul nazzjonali gross għal kull persuna, imkejjel skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkulat fuq il-bażi tal-figuri tal-UE għall-perjodu 2015-2017, huwa inqas minn 90% tal-introjtu nazzjonali gross medju għal kull persuna tal-UE-27 għall-istess perjodu ta’ referenza.

Ir-regolament jelenka wkoll dan li ġej:

  • ir-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;
  • ir-riżorsi għall-investiment fl-impjiegi u l-għan għat-tkabbir u għall-Interreg;
  • it-trasferabilità tar-riżorsi; u
  • id-determinazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament.

Rieżami

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jirrevedu r-regolament sal-31 Diċembru 2027.

Flessibilità addizzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna

L-emenda FAST-CARE (ir-Regolament (UE) 2022/2039) jemenda r-regolamenti ta’ dispożizzjonijiet komuni dwar l-użu tal-fondi tal-UE li jkopru żewġ perjodi baġitarji — il-perjodu 2014-2020 (ir-Regolament (UE) Nru1303/2013 — ara s-sommarju) u l-perjodu 2021-2027 (ir-Regolament (UE) 2021/1060).

Fir-rigward tar-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni 2021-2027, l-emenda FAST-CARE tfittex li tiffaċilita l-piż fuq il-baġits tal-Istati Membri u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-aggressjoni tar-Russja.

Ir-regolament emendatorju jinkludi dan li ġej.

  • Dan iżid ir-rata ta’ prefinanzjament għal programmi mill-FEŻR, mill-FSE+ u mill- Fond ta’ Koeżjoni taħt l-għan ta’ investiment għall-impjiegi u t-tkabbir b’0.5% fl-2022 u 0.5% fl-2023 tal-appoġġ totali mill-fondi stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprova l-programm fl-Istati Membri kollha.
  • Dan jippermetti rata ta’ kofinanzjament tal-UE sa 100% sat-30 ta’ Ġunju 2024 għal prijoritajiet separati, stabbilita fi ħdan programmi, li jappoġġjaw operazzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini mhux tal-UE. Mill-inqas 30% tal-appoġġ fi ħdan il-prijorità għandha tingħata lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-komunitajiet lokali. L-ammont totali programmat taħt tali prijoritajiet fi Stat Membru ma jistax jaqbeż il-5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ dak l-Istat Membru minn FEŻR u FSE+ flimkien. Ir-rata ta’ kofinanzjament sa 100% se tiġi riveduta sat-30 ta’ Ġunju 2024.
  • Artikolu ġdid (Artikolu 118a) jagħti eliġibbiltà għal appoġġ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 lil operazzjonijiet b’ispiża totali li jaqbżu l-EUR 1 miljun li intgħażlu għal appoġġ skont ir-Regolament (UE) 1303/2013 u bdew qabel id-29 ta’ Ġunju 2022, u jippermetti l-għoti dirett tal-appoġġ mill-awtorità ta’ ġestjoni, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet importanti.
  • Jaġġorna wkoll it-Tabella I fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1060 biex tkopri l-operazzjonijiet maqsuma li altrimenti ma kinux eliġibbli għal appoġġ fil-perjodu 2021–2027.

Appoġġ għal enerġija affordabbli (SAFE)

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2023/435 huwa parti minn bidla ikbar fil-politika biex tiġi indirizzata d-dipendenza tal-enerġija tal-UE fuq ir-Russja.

Huwa jemenda, fost atti oħrajn, ir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni tal-2014-2020 għall-użu tal-fondi tal-UE (Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013) biex jindirizza l-konsegwenzi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Istati Membri kollha bħala riżultat tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Huwa jemenda wkoll ir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni 2021-2027, li jippermetti lill-Istati Membri jużaw sa 7.5% tal-allokazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 biex jikkontribwixxu għall-objettivi REPowerEU. Dawn il-miżuri għandhom jibqgħu f’konformità mar-regoli speċifiċi għall-fondi, inkluż il-prinċipju li “ma jagħmlux ħsara sinifikanti”.

Ir-Regolament (UE) 2023/435 ibiddel ukoll l-atti li ġejjin:

  • il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, speċifikament billi jiġi introdott kapitolu dwar ir-REPowerEU fil- pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza (Ir-Regolament (UE) 2021/241);
  • ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ir-Regolament (UE) 2021/1755);
  • id-direttiva li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (Id-Direttiva 2003/87/KE).

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

SFOND

Ara wkoll il-leġiżlazzjoni assoċjata:

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Politika tal-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159–706).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/1060 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1–49).

Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal-Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 1–20).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2021/1057tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 21–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2021/1058tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 60–93).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) 2021/1059tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 94–158).

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320–469).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 30.03.2023

Top