EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-konservazzjoni ta’ stokkijiet ta’ speċi li jpassu ħafna

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

L-għan tiegħu huwa li jipproteġi u jikkonserva ċerti stokkijiet ta’ speċi marini li jpassu ħafna (u qabdiet sekondarji) billi jistabbilixxi miżuri tekniċi biex jirregola l-qbid u l-ħatt tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Speċi li jpassu ħafna huma definiti bħala:

  • It-tonn:
    • Alonga
    • Tonn tal-pinen koħol
    • Tonn bigeye
    • Tonn skipjack
    • Plamtu bid-dahar irrigat
    • Tonn tal-ġewnaħ isfar
    • Tonn iswed
    • Tonn żgħir
    • Tonn tal-pinen koħol tan-nofsinhar
    • Tumbrell
  • Abramida tal-baħar (pixxi kastanja)
  • Marlini
  • Sailfish
  • Pixxispad
  • Sauries
  • Lampuka, lampuka kbira
  • Klieb il-baħar
  • Ċetaċew (balieni u foċeni).

L-Oċean Atlantiku

Ħut ta’ daqs inferjuri

Tonn tropikali u pixxispad iżgħar mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) għandhom jintefgħu lura l-baħar immedjatament. Ir-rilaxx għall-bejgħ jew il-kummerċalizzazzjoni ta’ ħut ta’ daqs inferjuri ta’ dawn l-ispeċi li joriġinaw f’pajjiżi mhux tal-UE u maqbuda fl-Atlantiku huwa pprojbit.

Bastiment tas-sajd u restrizzjonijiet tat-tagħmir

Is-sajd għat-tonn bigeye bit-tartaruni tal-borża jew b’bastimenti tat-tonn bil-qasab u x-xlief huwa pprojbit f’Novembru f’ċerti ibħra tropikali, definiti minn:

  • il-limitu fin-Nofsinhar: 0° tal-latitudni fin-Nofsinhar;
  • il-limitu fit-Tramuntana: 5° tal-latitudni fit-Tramuntana;
  • il-limitu fil-Punent: 20° tal-lonġitudni tal-Punent;
  • il-limitu fil-Lvant: 10° tal-lonġitudni tal-Punent.

Huwa wkoll ipprojbit li wieħed jistad għal, jew iżomm abbord, kwalunkwe kwantità ta’ tonn skipjack, bigeye jew tal-ġewnaħ isfar maqbud bit-tartaruni tal-borża* f’ċerti ibħra Portugiżi definiti.

Għadd ta’ bastimenti tas-sajd

Il-Kunsill jiddeċiedi l-għadd permess u l-kapaċità totali f’tunnellaġġ gross (GT) ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE itwal minn 24 metru li għandhom fil-mira it-tonn bigeye fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra tal-viċin (kif definit fl-Artiklu 1 tal-Konvenzjoni tal-ICCAT), huma bbażati fuq l-għadd medju matul il-perjodu 1991 sal-1992, u fuq ir-restrizzjoni fuq l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE li kienu qed jistadu għat-tonn bigeye fl-2005 notifikat lill-ICCAT fit-30 ta’ Ġunju 2005.

Il-Kunsill jiddeċiedi wkoll dwar l-għadd ta’ bastimenti li għandhom fil-mira it-tonn alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana, ibbażat fuq medja għall-perjodu 1993 sal-1995.

Qabel il-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, kull Stat Membru tal-UE jinforma lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-għadd (u t-tunnellaġġ fejn xieraq) tal-bastimenti kif imsemmi hawn fuq biex tgħaddihom lill-ICCAT.

Speċi mhux fil-mira

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu r-rilaxx ta’ fkieren tal-baħar ħajjin u klieb il-baħar ħajjin (b’mod partikolari ż-żgħar) maqbudin aċċidentalment, kif ukoll inaqqsu r-rimi ta’ klieb il-baħar billi jtejbu l-għażla tal-irkaptu tas-sajd.

L-Istati Membri għandhom jabolixxu l-użu ta’ xbieki rmunkati, xbieki tad-tidwir, tartarun tal-borża, gangmi, għeżula, pariti, u konzijiet għas-sajd tat-tonn u speċi relatati fil-Mediterranan għall-isport u r-rikrejazzjoni, u jiżguraw li l-ħut li jinqabad b’dan il-mod ma’ jinbiegħx fis-suq.

Għandu jsir rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

L-Oċean Indjan

L-għadd ta’ bastimenti tas-sajd

Il-Kunsill jiddeċiedi l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE itwal minn 24 metru awtorizzati biex jistadu fl-Oċean Indjan, ibbażat fuq iċ-ċifri tal-2003.

Speċi mhux fil-mira

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu r-rilaxx ta’ fkieren tal-baħar ħajjin u klieb il-baħar ħajjin (b’mod partikolari ż-żgħar) maqbudin aċċidentalment, kif ukoll inaqqsu r-rimi ta’ klieb il-baħar.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-għalmu tagħhom biex inaqqsu l-impatt tas-sajd fuq il-popolazzjoni tal-fkieren tal-baħar, inklużi:

  • restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tartaruni tal-borża, b’mod partikolari, biex jevitaw li l-fkieren tal-baħar jiġu mdawra;
  • ir-rilaxx fil-pront, permezz ta’ tagħmir speċjalizzat, ta’ kwalunkwe fekruna tal-baħar maqbuda aċċidentalment;
  • l-iżvilupp ta’ tagħmir xieraq biex jimminimizza qabdiet sekondarji ta’ fkieren tal-baħar;
  • monitoraġġ tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut* li fih jinqabdu l-fkieren tal-baħar;
  • kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ konzijiet biex jillimitaw qabdiet sekondarji u l-mortalità tal-fkieren tal-baħar.

l-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punen

Skart

L-Istati Membri għandhom jimminimizzaw l-iskart, ir-rimi, qbid b’irkaptu mitluf jew abbandunat, tniġġis minn basimenti tas-sajd, qbid ta’ speċi ta’ ħut u annimali mhux fil-mira, u kwalunkwe effetti fuq speċi relatati jew dipendenti, b’mod partikolari speċi mhedda minn estinzjoni.

Mammiferi marini

Huwa pprojbit li ġlejjeb jew gruppi ta’ mammiferi marini jiġu mdawra bi xbieki tartarun.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2007.

SFOND

L-UE hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (ara s-sommarju).

TERMINI EWLENIN

Tartaruni tal-borża: kwalunkwe xibka tat-tidwir li l-parti ta’ taħt tagħha tingħaqad permezz ta’ ħabel tal-borża li jkun fil-qiegħ nett tax-xibka, li li jgħaddi minn serje ta’ anelli mqabbda mal-ħabel ta’ taħt, li jippermetti x-xibka tinġabar f’borża u tingħalaq.
Irkaptu biex jinġema’ l-ħut (FAD): ankrat, miexi, oġġetti jżommu fil-wiċċ jew mgħaddsa użati jew segwiti minn bastimenti, inkluż permezz tal-użu ta’ bagi tar-radju jew satellita, għall-finijiet tal-ġbir ta’ speċi ta’ tonn fil-mira għal operazzjonijet tas-sajd b’tartaruni tal-borża.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2011 (ĠU L 123, 12.5.2007, pp. 3-13)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 520/2007 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta’ April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE tat-18 ta’ Settembru 1995 dwar l-adeżjoni tal-Komunità fil-Ftehim għall-ħolqien tal-Kummissjoni dwar it-Tonn ta’ l-Oċean Indjan (ĠU L 236, 5.10.1995, p. 24)

Ftehim għall-ħolqien tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (ĠU L 236, 5.10.1995, pp. 25-33)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ĠU L 162, 18.6.1986, pp. 34-38)

Il-Protokoll biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ĠU L 313, 4.12.2019, pp. 3-13)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE fid-9 ta’ Ġunju 1986 dwar l-adeżjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta’ l-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż ma’ l-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari ta’ l-Istati li jifformaw Parti mill-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33)

l-aħħar aġġornament 29.04.2021

Top