EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni — L-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 dwar kif inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna

X’INHU L-GĦAN TAL-ISTRATEĠIJA?

  • Din għandha l-għan li sal-2030 il-bijodiversità* tal-Ewropa terġa’ taqbad it-triq tal-irkupru għall-benefiċċju tan-natura, tan-nies u tal-klima.
  • Sabiex tikseb dan, l-istrateġija tistabbilixxi qafas komprensiv ta’ impenji u azzjonijiet biex tindirizza l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità:
    • il-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar;
    • l-isfruttar żejjed ta’ riżorsi bijoloġiċi;
    • it-tibdil fil-klima;
    • it-tniġġis; u
    • l-ispeċijiet aljeni invażivi
  • L-istrateġija tipprovdi wkoll pjan ta’ azzjoni għall-pożizzjoni tal-UE dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020, li għandu jiġi adottat fis-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità fl-2021.
  • L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 ġiet adottata flimkien mal-istrateġija mill-għalqa sal-platt tal-UE. Dawn huma mfassla biex isaħħu lil xulxin, filwaqt li jlaqqgħu flimkien lin-natura, lill-bdiewa, lin-negozji u lill-konsumaturi.
  • Din hija parti ċentrali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u se tmexxi l-isforzi lejn irkupru sostenibbli mill-kriżi tal-COVID-19.
  • Hija se tkompli tappoġġa l-isforzi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jissekwestraw u jaħżnu l-karbonju f’ekosistemi b’saħħithom u li jgħinu lin-natura u lis-soċjetà jadattaw għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima.

PUNTI EWLENIN

Sabiex il-bijodiversità terġa’ taqbad it-triq tal-irkupru, l-istrateġija tistabbilixxi għadd ta’ miri u impenji li għandhom jintlaħqu sa mhux aktar tard mill-2030, fl-erba’ oqsma ewlenin li ġejjin.

  • 1.

    Network koerenti ta’ żoni protetti

    In-network:

    • legalment jipproteġi mill-anqas 30 % taż-żona tal-art tal-UE u 30 % taż-żona tal-baħar tagħha, u jintegra l-kurituri ekoloġiċi bħala parti min-Network tan-Natura Trans-Ewropew;
    • jipproteġi b’mod strett mill-anqas 30 % taż-żoni protetti tal-UE, inklużi l-foresti primarji* u verġni* kollha;
    • jimmaniġġja b’mod effettiv iż-żoni protetti kollha, jiddefinixxi objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni ċari u jimmonitorjahom b’mod xieraq;

    Mal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi u taqbel dwar kriterji u gwida għal żoni protetti u strettament protetti addizzjonali sa tmiem l-2021.

    Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom sa tmiem l-2023 biex juru progress sinifikanti fid-deżinjazzjoni legali ta’ żoni protetti ġodda u fl-integrazzjoni ta’ kurituri ekoloġiċi.

    Sal-2024, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-UE tinsabx fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2030 jew jekk humiex meħtieġa azzjonijiet aktar b’saħħithom, inkluża l-leġiżlazzjoni tal-UE.

  • 2.

    Pjan ta’ restawr tan-natura tal-UE

    Il-pjan jinkludi l-impenji li ġejjin għall-2030:

    • il-proposta ta’ miri legalment vinkolanti tal-UE għar-restawr tan-natura fl-2021, soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt;
    • ir-restawr ta’ żoni sinifikanti ta’ ekosistemi degradati u rikki fil-karbonju;
    • l-iżgurar li l-ħabitats u l-ispeċijiet ma jurux deterjorament, u li mill-anqas 30 % ta’ dawk li għandhom status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli jilħqu status favorevoli, jew tal-anqas juru xejra pożittiva;
    • it-treġġigħ lura tat-tnaqqis fid-dakkara;
    • it-tnaqqis fir-riskju u l-użu tal-pestiċidi kimiċi b’50 % u t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi perikolużi b’50 %;
    • l-immaniġġjar ta’ mill-anqas 25 % tal-art agrikola taħt biedja organika u ż-żieda b’mod sinifikanti fl-użu ta’ prattiki agroekoloġiċi;
    • ir-rimedju ta’ żoni sinifikanti ta’ siti b’ħamrija kkontaminata;
    • it-tħawwil ta’ 3 biljun siġra għall-bijodiversità, skont il-prinċipji ekoloġiċi;
    • ir-restawr ta’ mill-anqas 25,000 km ta’ xmajjar ġierja;
    • it-tnaqqis b’50% fl-għadd ta’ speċijiet tal-“lista ħamra” mhedda minn speċijiet aljeni invażivi;
    • it-tnaqqis fit-telf ta’ nutrijenti mill-fertilizzanti b’50 %, li jirriżulta fi tnaqqis fl-użu tal-fertilizzanti b’mill-anqas 20 %;
    • l-appoġġ lil bliet b’aktar minn 20,000 abitant biex sal-aħħar tal-2021 jiġu stabbiliti pjanijiet ambizzjużi għal ekoloġizzazzjoni urbana;
    • l-eliminazzjoni jew il-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd u tal-estrazzjoni fuq speċijiet u ħabitats sensittivi;
    • l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis fil-qabdiet inċidentali* tal-ispeċijiet tal-baħar sa livell li jippermetti l-irkupru u l-konservazzjoni tagħhom.
  • 3.

    L-iffaċilitar ta’ bidla trasformattiva

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-impenji u tiġi mħeġġa bidla trasformattiva, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE se jagħmlu dan li ġej.

    • Jistabbilixxu qafas ġdid ta’ governanza tal-bijodiversità tal-UE b’obbligi ta’ implimentazzjoni u stadji importanti biex jiġu żgurati r-responsabbiltà u l-koresponsabbiltà mill-atturi kollha biex jintlaħqu l-impenji tal-bijodiversità. Il-qafas se jsaħħaħ ukoll l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-governanza trasparenti u parteċipattiva. Dan se jinkludi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u reviżjoni b’sett ċar ta’ indikaturi miftiehma biex jippermetti valutazzjoni regolari tal-progress u jistabbilixxi azzjoni korrettiva jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-approċċ fl-2023, u tqis jekk huwiex meħtieġ li jkun hemm governanza legalment vinkolanti.
    • Iżidu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.
    • Jibnu fuq approċċ komprensiv għas-soċjetà għall-protezzjoni tal-bijodiversità, li jinvolvi n-negozju, jimmobilizza l-finanzjament privat u pubbliku fil-livell nazzjonali u tal-UE, jiggwida l-investimenti lejn irkupru ekoloġiku u l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u jsaħħaħ l-għarfien, l-edukazzjoni u l-ħiliet għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità.
  • 4.

    Aġenda dinjija ambizzjuża dwar il-bijodiversità

    L-UE se tikkontribwixxi għal din l-aġenda billi timpenja ruħha li:

    • taħdem ma’ sħab li jaħsbuha bħalha f’koalizzjoni ta’ livell għoli għall-bijodiversità u tmexxi bl-eżempju għal qafas ambizzjuż dinji tal-bijodiversità għal wara l-2020;
    • tuża l-azzjoni esterna biex tippromwovi l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, b’mod partikolari fir-rigward tal-governanza internazzjonali tal-oċeani, il-kummerċ, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-politika tal-viċinat u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi.

    Sal-2024, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress u tivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ azzjoni ulterjuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Bijodiversità: il-varjetà ta’ ħajja fid-Dinja inklużi l-ġeni, l-ispeċijiet u l-ekosistemi.
Foresta primarja: foresta li qatt ma sarilha qtugħ ta’ siġar għall-injam u li żviluppat wara disturbi naturali u taħt proċessi naturali, irrispettivament mill-età tagħha.
Foresta verġni sezzjoni ta’ foresta li żviluppat strutturi u speċijiet normalment assoċjati ma’ foresta primarja ta’ dak it-tip.
Qabda inċidentali: ħut u speċijiet tal-baħar mhux mixtieqa li jinqabdu bla intenzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –– Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020) 380 final, 20.5.2020)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni –– Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020) 381 final, 20.5.2020)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011) 244 final, 3.5.2011)

l-aħħar aġġornament 14.09.2020

Top