Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni 87/369/KEE — il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti tal-Protokoll li Jemendaha
Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti
Protokoll ta’ Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI, TAL-KONVENZJONI U TAL-PROTOKOLL?
Id-deċiżjoni tikkonferma li l-UE se tapplika l-konvenzjoni internazzjonali u l-protokoll ta’ emenda mill-1 ta’ Jannar 1988.
Il-konvenzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi tal-istatistika dwar il-kummerċ permezz u ta’ klassifikazzjonijiet miftiehma.
Il-protokoll ta’ emenda jiddikjara li l-konvenzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar f’sena partikolari ladarba mill-inqas 17-il pajjiż, unjonijiet doganali jew ekonomiċi jkunu ffirmawha, iżda mhux qabel l-1 ta’ Jannar 1988.
PUNTI EWLENIN
Il-konvenzjoni:
- tikkonferma li l-firmatarji kollha:
- jiggarantixxu li t-tariffi doganali u l-intestaturi statistiċi tagħhom ikunu konformi mas-sistema armonizzata (SA) ladarba l-konvenzjoni tidħol fis-seħħ,
- japplikaw ir-regoli ġenerali tal-konvenzjoni,
- jagħmlu pubblikament disponibbli l-istatistika tagħhom dwar il-kummerċ tal-importazzjoni u l-esportazzjoni skont il-kodiċijiet b’sitt ċifri tas-SA,
- jistgħu japplikaw suddiviżjonijiet biex jikklassifikaw oġġetti taħt il-livell tas-SA;
- tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw:
- idewmu l-użu ta’ xi wħud mis-subintestaturi tas-SA jew kollha kemm huma, iżda tħeġġiġhom jadottaw is-sistema fi żmien 5 snin;
- tinnota li l-pajjiżi żviluppati, jekk jintalbu, se jipprovdu assistenza teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jgħinuhom japplikaw is-SA;
- tistabbilixxi kumitat għal sistema armonizzata, li:
- ikollu rappreżentant wieħed minn kull firmatarju,
- jiltaqa’ b’mod normali, mill-anqas darbtejn fis-sena,
- jipproponi emendi lill-konvenzjoni,
- iħejji noti ta’ spjegazzjoni, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li s-SA tiġi applikata b’mod uniformi,
- jiġbor u jiċċirkola informazzjoni dwar is-SA;
- jiddikjara li l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) (li qabel kienet il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali) teżamina l-emendi proposti għall-konvenzjoni u tirrakkomandhom lill-firmatarji;
- tirrikjedi li kull tilwima bejn il-firmatarji dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-konvenzjoni tiġi solvuta permezz ta’ negozjati — fin-nuqqas ta’ dan, il-kwistjoni tiġi riferuta lill-kumitat tas-sistema armonizzata tad-WCO;
- tistabbilixxi li dawn li ġejjin jistgħu jaderixxu mal-konvenzjoni:
- pajjiżi membri tad-WCO,
- unjonijiet doganali jew ekonomiċi bis-setgħa li jiffirmaw trattati,
- pajjiżi mistiedna biex jagħmlu dan;
- tagħti d-dritt lill-firmatarji li jiddeċiedu jekk il-konvenzjoni tgħoddx għal xi wieħed mit-territorji dipendenti tagħhom;
- huwa ta’ tul illimitat.
Il-konvenzjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni dwar in-Nomenklatura ffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.
SFOND
- Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti ġiet żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Din tintuża minn 211-il ekonomija, li 160 minnhom huma firmatarji għall-konvenzjoni, għat-tariffi doganali tagħhom u għall-ġbir ta’ statistika dwar il-kummerċ internazzjonali.
- Fiha madwar 5,000 grupp ta’ prodotti bażiċi, kull wieħed minnhom identifikat b’kodiċi b’sitt ċifri, u tikklassifika aktar minn 98% tal-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija.
- Il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-settur privat jużaw is-sistema armonizzata għal ħafna skopijiet oħra, inklużi t-taxxi interni, il-politiki kummerċjali, il-monitoraġġ tal-merkanzija kkontrollata u r-rati tan-nol. Dan jagħmilha lingwa ekonomika universali u kodiċi għall-merkanzija.
- Il-konvenzjoni tiġi aġġornata kull 5 snin. L-aħħar verżjoni, li fiha 351 emenda, se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022 (u tissostitwixxi l-verżjoni attwali mill-2017).
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 1-2)
Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 3-10)
Protokoll ta’ Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (ĠU L 198, 20.7.1987, pp. 11-409)
l-aħħar aġġornament 17.09.2020