Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija — refriġeraturi domestiċi

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019 jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn* għall-bejgħ jew it-tqegħid fis-servizz ta’ apparat refriġeranti* li jitħaddem bl-elettriku mill-mejns* b’kapaċità ta’ bejn 10 litri u 1 500 litru.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2016 jistabbilixxi regoli dwar it-tikkettar ta’, u l-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-prodott dwar dawn l-apparati refriġeranti.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019:

  • jistabbilixxi fl-Anness II id-dati meta r-rekwiżiti tal-ekodisinn se jidħlu fis-seħħ — l-1 ta’ Marzu 2021 fil-prim istanza u miżuri aktar stretti mill-1 ta’ Marzu 2024. Dawn ikopru
    • l-effiċjenza enerġetika,
    • l-aspetti funzjonali,
    • l-effiċjenza fir-riżorsi,
    • informazzjoni għall-installaturi u għall-utenti aħħarin;
  • jistipula l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, u fl-Anness III il-metodi ta’ kejl u ta’ kalkoli, li jridu jiġu segwiti.

L-awtoritajiet nazzjonali: għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ verifika stipulata fl-Anness IV meta jwettqu kontrolli tas-sorveljanza tas-suq.

Il-manifatturi, l-importaturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom ma għandhomx joffru għall-bejgħ prodotti li jkunu kapaċi jindunaw li qed jiġu ttestjati u jbiddlu l-prestazzjoni tagħhom skont dan.

L-Anness V jistabbilixxi parametri referenzjarji indikattivi bbażati fuq il-prodotti u t-teknoloġiji bl-aqwa rendiment disponibbli għall-apparat refriġeranti f’termini tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tagħhom u l-emissjonijiet ta’ storbju.

Ir-regolament jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 643/2009 mill-1 ta’ Marzu 2021.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2016 jistabbilixxi obbligi dwar:

  • il-fornituri biex jiżguraw li:
    • kull apparat refriġeranti jkollu miegħu tikketta stampata fil-format stabbilit fl-Anness III
    • il-paramatri tal-iskeda tal-informazzjoni dwar il-prodott, stabbiliti fl-Anness V, u l-kontenut tal-dokumentazzjoni teknika (Anness VI) jiddaħħlu fil-bażi tad-data tal-prodott
    • reklamar viżiv għal mudell speċifiku jkollu l-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa tal-klassijiet disponibbli f’konformità mal-Annessi VII u VIII
    • materjal promozzjonali tekniku, inkluż fuq l-Internet, għal mudell speċifiku li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, inkluż il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-apparat u l-firxa tal-klassijiet disponibbli f’konformità mal-Anness VII
    • in-negozjanti jirċievu għal kull apparat refriġeranti tikketta elettronika fil-format tal-Anness III u skeda elettronika tal-informazzjoni dwar il-prodott kif stabbilit fl-Anness V;
  • in-negozjanti biex jiżguraw li:
    • kull apparat refriġeranti fil-punt tal-bejgħ, inkluż fil-fieri kummerċjali, ikollu tikketta mogħtija mill-fornituri viżibbli b’mod ċar f’konformità mal-Anness III
    • fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, it-tikketta u l-iskeda tal-informazzjoni dwar il-prodott ikunu konformi mal-Annessi VII u VIII
    • reklamar viżiv, inkluż fuq l-Internet, għal mudell speċifiku jkollu l-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa tal-klassijiet f’konformità mal-Anness VII
    • materjal promozzjonali tekniku, inkluż fuq l-Internet, għal mudell speċifiku li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, inkluż il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-apparat u l-firxa tal-klassijiet disponibbli f’konformità mal-Anness VII;
  • il-pjattaformi ta’ hosting tal-Internet biex jiżguraw li:
    • it-tikketta elettronika u l-iskeda elettronika tal-informazzjoni dwar il-prodott mogħtija min-negozjant huma murija b’mod ċar, skont l-Anness VIII, fuq l-apparati kollha ta’ refriġerazzjoni mibjugħa direttament permezz tas-sit.

L-awtoritajiet nazzjonali: japplikaw il-proċedura ta’ verifika stipulata fl-Anness IX meta jwettqu kontrolli tas-sorveljanza tas-suq.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika hija bbażata fuq indiċi stabbilit fl-Anness II.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sitt (6) snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Hija għandha tikkunsidra wkoll l-indirizzar ta’ aspetti tal-ekonomija ċirkolari u jekk għandhiex tintroduċi ikoni għall-kompartimenti li jistgħu jnaqqsu l-ħela tal-ikel u għall-konsum annwali tal-enerġija.

Ir-regolament iħassar Regolament (UE) Nru 1060/2020 mill-1 ta’ Marzu 2021.

L-ebda Regolament ma japplika għal:

  • armarji tal-ħżin refriġeranti professjonali u armarji ta’ refriġerazzjoni rapida, bl-eċċezzjoni ta’ chest freezers professjonali;
  • apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett;
  • apparat refriġeranti mobbli;
  • apparat li l-funzjoni primarja tiegħu ma tkunx il-ħżin ta’ oġġetti tal-ikel permezz tar-refriġerazzjoni.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

It-tnejn japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2021.

SFOND

Id-Direttiva 2009/125/KE tistabbilixxi qafas biex jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija. Hija tinkariga lill-Kummissjoni biex tistabbilixxihom għall-prodotti li jinbiegħu u jiġu kkummerċjalizzati b’mod wiesa’ fl-UE u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti. Ir-Regolament (UE) 2017/1369 jistabbilixxi qafas li jistipula rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għal prodotti relatati mal-enerġija biex jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu prodotti aktar effiċjenti biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ekodisinn: politika għat-titjib, permezz ta’ disinn aħjar, tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza enerġetika tagħhom.
Apparat refriġeranti: armarju iżolat b’kompartiment wieħed jew aktar b’temperatura speċifika kkontrollata, imkessħa b’konvezzjoni naturali jew sfurzata.
Mejns tal-elettriku: provvista tal-elettriku mill-grid ta’ 230 Volt.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 187-208)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2016 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1060/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 102-133)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (OJ L 198, 28.7.2017, pp. 1-23)

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10-35)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/125/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 31.10.2019

Top