Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-ekodisinn u t-tikkettar enerġetiku — apparati refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/2024 dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparati refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) 2019/2024 jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn* għat-tqegħid fis-suq jew għat-tqegħid fis-servizz ta’ apparati refriġeranti* mħaddma bil-mejn li għandhom funzjoni ta’ bejgħ dirett, inklużi apparati mibjugħa għar-refriġerazzjoni ta’ oġġetti mhux tal-ikel.
  • Ir-Regolament Delegat Delegat (UE) 2019/2018 jistabbilixxi regoli dwar it-tikkettar u l-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-prodotti, fuq l-istess apparati refriġeranti.

PUNTI EWLENIN

L-apparati koperti mir-regolamenti (apparati refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett) jinkludu kabinetti tas-supermarkets (refriġeraturi u friżers), magni tal-bejgħ awtomatiċi refriġerati, kulers tax-xorb, friżers tal-ġelati u kabinetti tal-ġelati.

Ir-regolamenti ma jkoprux:

  • apparati li ma jaħdmux bl-elettriku;
  • apparati li ma jużawx refriġerazzjoni tal-kompressjoni bil-fwar;
  • komponenti remoti, bħal unitajiet jew kompressuri tal-kondensazzjoni;
  • apparati tal-ipproċessar tal-ikel;
  • apparati speċifikament għall-mediċini jew għall-kampjuni xjentifiċi;
  • apparati għal ikel ħaj, bħal ħut u frott tal-baħar bil-qoxra ħaj;
  • saladettes (eż. unitajiet li jitqiegħed fihom l-ikel b’aċċess faċli għall-kondimenti tal-pizza jew ingredjenti tal-insalata);
  • bankijiet orizzontali li jisserva l-ikel minnhom iddisinjati biex jaħdmu f’temperaturi operattivi mkessħa;
  • apparati li ma għandhom l-ebda sistema integrata għall-produzzjoni tal-kesħa u li jiffunzjonaw permezz tal-kanalizzazzjoni tal-arja mkessħa;
  • magni tal-bejgħ iddisinjati biex jaħdmu f’temperaturi operattivi ffriżati;
  • bankijiet li jisserva l-ħut minnhom b’silġ imfarrak;
  • kabinetti għall-ħżin refriġerat professjonali, kabinetti ta’ refriġerazzjoni rapida, unitajiet ta’ kondensazzjoni u kulers tal-proċess;
  • apparati u minibars għall-ħżin tal-inbid.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni:

  • fl-Anness II jistipula d-dati (inizjalment l-1 ta’ Marzu 2021, b’rekwiżiti ulterjuri jiġu introdotti mill-1 ta’ Settembru 2023) meta jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti tal-ekodisinn. Dawn ikopru:
    • l-effiċjenza enerġetika
    • l-effiċjenza fir-riżorsi
    • informazzjoni għall-installaturi u għall-utenti aħħarija;
  • jistipula l-proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità, u fl-Anness III l-metodi ta’ kejl u l-kalkoli li jridu jiġu segwiti.

L-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom japplikaw il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Anness IV meta jwettqu kontrolli tas-sorveljanza tas-suq.

Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom jeħtiġilhom ma jqegħdux fis-suq prodotti b’kapaċità ta’ detezzjoni meta jkunu qed jiġu ttestjati u jibdlu l-prestazzjoni tagħhom skont dan biex jiksbu riżultat aħjar għal kwalunkwe parametru li jkun qed jiġi ttestjat.

L-Anness V jistabbilixxi parametraġġi referenzjarji indikattivi bbażati fuq il-prodotti u t-teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni disponibbli għall-apparati refriġeranti f’termini tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika tagħhom.

Il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tivvaluta għadd ta’ aspetti 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

B’dan ir-Regolament, l-apparati refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ewwel darba.

Ir-regolament delegat jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-tikkettar tal-enerġija u jistabbilixxi regoli għall-fornituri, għan-negozjanti u għall-pjattaformi tal-hosting tal-internet.

  • Il-fornituri jeħtiġilhom jiżguraw li:
    • kull apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett ikollu fuqu tikketta stampata fil-format stabbilit fl-Anness III;
    • l-informazzjoni fuq il-formola ta’ informazzjoni dwar il-prodott, stabbilita fl-Anness V, u l-kontenut tad-dokumentazzjoni teknika (Anness VI) jittellgħu fil-bażi ta’ data tal-prodotti;
    • ir-reklami viżivi għal mudell partikolari jkollhom il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa tal-klassijiet disponibbli, f’konformità mal-Annessi VII u VIII;
    • il-materjal promozzjonali tekniku, inkluż fuq l-Internet, għal mudell partikolari li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, inkluża l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-apparat u l-firxa tal-klassijiet disponibbli f’konformità mal-Anness VII;
    • għal kull apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett in-negozjanti jirċievu tikketta elettronika fil-format tal-Anness III u formola ta’ informazzjoni elettronika dwar il-prodott kif stabbilit fl-Anness V.
  • In-negozjanti jeħtiġilhom jiżguraw li:
    • kull apparat refriġeranti b’funzjoni tal-bejgħ dirett fil-punt tal-bejgħ, inkluż fil-fieri kummerċjali, ikollu tikketta mogħtija mill-fornituri viżibbli b’mod ċar f’konformità mal-Anness III;
    • fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, it-tikketta u l-formola ta’ informazzjoni dwar il-prodott ikunu konformi mal-Annessi VII u VIII;
    • ir-reklami viżivi, inkluż fuq l-Internet, għal mudell speċifiku jkollhom l-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-firxa tal-klassijiet f’konformità mal-Anness VII;
    • il-materjal promozzjonali tekniku, inkluż fuq l-Internet, għal mudell speċifiku li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, jinkludi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-apparat u l-firxa tal-klassijiet disponibbli f’konformità mal-Annessi VII u VIII.
  • Il-Pjattaformi tal-hosting tal-Internet iridu jiżguraw li:
    • it-tikketta elettronika u l-formola ta’ informazzjoni elettronika dwar il-prodott mogħtija min-negozjant ikunu murija b’mod ċar, skont l-Anness VIII, fuq l-apparati refriġeranti kollha mibjugħa direttament minn fuq is-sit.

L-awtoritajiet nazzjonali japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbiliti fl-Anness IX meta jwettqu l-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika hija bbażata fuq indiċi stabbilit fl-Anness II.

Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha teżamina r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

It-tnejn li huma jibdew japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2021.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Ekodisinn: Politika għat-titjib, permezz ta’ disinn aħjar, tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza enerġetika tagħhom.
Apparat refriġeranti: kabinett iżolat b’kompartiment wieħed jew aktar b’temperatura speċifika kkontrollata, imkessħa b’konvezzjoni naturali jew furzata.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2024 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 313–334).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2018 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett (ĠU L 315, 5.12.2019, pp. 155–186).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (GU L 198, 28.7.2017, pp. 1–23).

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195–230).

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, pp. 38–71).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/19/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10–35).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.01.2020

Top