Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Importazzjoni ta’ beni kulturali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/880 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ beni kulturali, u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-importazzjoni ta’ beni kulturali, sabiex jiġi ssalvagwardjat il-wirt kulturali tal-umanità u jiġi evitat il-kummerċ illeċitu ta’ beni kulturali, b’mod partikolari meta dan il-kummerċ jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament tat-terroriżmu.
  • Jipprovdi sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni għall-beni kulturali l-aktar fil-periklu u dikjarazzjonijiet ta’ importaturi għal kategoriji oħra ta’ beni kulturali. Ma japplikax għal beni kulturali li nħolqu jew ġew skoperti fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea (UE) u li huma koperti mid-Direttiva 2014/60/UE (ara s-sommarju).  

PUNTI EWLENIN

Beni kulturali huma definiti bħala kwalunkwe oġġett li huwa ta’ importanza għall-arkeoloġija, il-preistorja, l-istorja, il-letteratura, l-arti jew ix-xjenza u li jappartjeni għall-kategoriji elenkati fl-Anness tar-Regolament, Parti A.

Beni pprojbiti

Ir-regolament jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-UE ta’ beni kulturali elenkati fil-Parti A tal-Anness, jekk dawn ikunu tneħħew illeċitament mill-pajjiżi fejn inħolqu jew ġew skoperti (ir-regola ġenerali tal-projbizzjoni).

Liċenzji ta’ importazzjoni u dikjarazzjonijiet tal-importatur

  • Għall-importazzjoni ta’ beni kulturali (jiġifieri r-rilaxx tagħhom għal ċirkolazzjoni ħielsa fis-suq intern jew it-tqegħid tagħhom taħt proċeduri doganali speċjali minbarra t-tranżitu) imsemmija fil-Parti B tal-Anness, jiġifieri oġġetti arkeoloġiċi jew partijiet ta’ monumenti li għandhom mill-inqas 250 sena, se jkunu jeħtieġu liċenzji għall-importazzjoni maħruġa mill-Istat Membru rilevanti tal-UE. Hija meħtieġa liċenzja ta’ importazzjoni irrispettivament mill-valur ta’ dawn l-oġġetti.
  • Għal beni kulturali elenkati fil-Parti C tal-Anness (bħal kollezzjonijiet żooloġiċi jew botaniċi, muniti, oġġetti etnografiċi, pitturi, skulturi, manuskritti u kotba) li għandhom aktar minn 200 sena u għandhom valur ’il fuq minn EUR 18,000, importatur għandu jissottometti dikjarazzjoni tal-importatur lid-dwana. Tali dikjarazzjoni tal-importatur tikkonsisti f’dikjarazzjoni li l-beni kienu legalment esportati mill-pajjiż mhux tal-UE u dokument standardizzat li jiddeskrivi l-beni kulturali rilevanti.
  • Is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-operaturi lill-awtoritajiet kompetenti biex jiksbu liċenzja ta’ importazzjoni u s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-importatur lid-dwana għandhom isiru permezz ta’ sistema elettronika ċentralizzata, jiġifieri l-formalitajiet jistgħu jsiru online qabel ma jaslu l-beni b’mod fiżiku.
  • Il-liċenzja ta’ importazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-importatur għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali fil-mument tas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni doganali. Fil-każ li l-beni kulturali jitqiegħdu taħt ir-reġim taż-żona ħielsa, id-detentur tal-beni għandu jipprovdi l-liċenzja ta’ importazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-importatur fil-mument tal-preżentazzjoni tal-beni.

Eżenzjonijiet

Ir-regolament jipprevedi l-eżenzjonijiet li ġejjin mir-rekwiżit li tinkiseb liċenzja ta’ importazzjoni jew li tintbagħat dikjarazzjoni tal-importatur:

  • beni kulturali importati temporanjament minn istituzzjonijiet edukattivi, xjentifiċi jew ta’ riċerka jew minn mużewijiet għall-iskop ta’ konservazzjoni u/jew esibizzjoni;
  • beni kulturali li ma nħolqux jew li ġew skoperti fit-territorju doganali tal-UE, iżda li ġew esportati bħala beni tal-UE, jekk huma beni li ntbagħtu lura skont id-definizzjoni tal-Artikolu 203 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni);
  • beni kulturali b’riskju imminenti li jinqerdu u li jintbagħtu minn awtorità pubblika barranija lill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru biex jinżammu f’post sigur;
  • beni kulturali li jiġu importati temporanjament biex jiġu offruti għall-bejgħ f’fieri kummerċjali tal-arti, li għalihom normalment tkun meħtieġa liċenzja ta’ importazzjoni, jistgħu minflok jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ammissjoni temporanja biss b’dikjarazzjoni tal-importatur. Madankollu, jekk dawn il-beni kulturali jinbiegħu u se jibqgħu fl-UE wara l-fiera tal-arti, se jkun hemm bżonn li tinkiseb liċenzja ta’ importazzjoni.

Responsabilitajiet tal-Kummissjoni Ewropea

  • Il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, b’mod partikolari rigward liċenzji ta’ importazzjoni u dikjarazzjonijiet tal-importatur, titwettaq permezz ta’ sistema elettronika ċentralizzata, stabbilita u ġestita mill-Kummissjoni.
  • Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tista’ wkoll torganizza attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċitajiet immirati lejn pajjiżi mhux tal-UE.

Penali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-regolament huwa implimentat kif suppost u għandhom jadottaw u japplikaw pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur.

Implimentazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1079 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/880 u b’mod partikolari, għall-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti dokumentarji pprovduti għal dan fl-artikolu 3; għall-format, il-mudell, dokumenti ta’ appoġġ, regoli proċedurali u l-użu tal-liċenzji tal-importazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-importatur; l-arranġamenti għall-iskjerar, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema elettronika (is-“sistema tal-ICG system”) u regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni, l-ipproċessar, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz ta’ dik is-sistema.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ilu japplika mis-27 ta’ Ġunju 2019. Ir-regola ta’ projbizzjoni ġenerali ilha tapplika mit-28 ta’ Diċembru 2020. L-obbligu li tinkiseb liċenzja ta’ importazzjoni jew li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tal-importatur isir applikabbli meta s-sistema elettronika ċentralizzata għall-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-UE tibda topera, jew mhux aktar tard mit-28 ta’ Ġunju 2025.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali (ĠU L 151, 7.6.2019, pp. 1–14)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, pp. 6–21)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 39, 10.2.2009, pp. 1–7)

l-aħħar aġġornament 23.09.2021

Top