Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-dominju tal-ogħla livell .eu

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/517 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell .eu

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament jaġġorna r-regoli dwar id-dominju tal-ogħla livell .eu (TLD), bħala parti mill-istrateġija l-ġdida għal suq uniku diġitali tal-Unjoni Ewropea (UE). Huwa għandu l-għan li jirrinforza l-identità online tal-UE u jħeġġeġ attivitajiet transfruntiera online.
  • Minħabba l-evoluzzjoni rapida tas-suq TLD (pereżempju ġew introdotti estensjonijiet ġodda tal-ismijiet tad-dominji bħal .com u .org) u l-volatilità tal-firxa diġitali, ġie introdott ambjent regolatorju modernizzat, aktar flessibbli u sostenibbli għat-TLD .eu mir-regolament, li jissostitwixxi l-qafas legali l-qadim bi strument legali bbażat fuq prinċipji eħfef, aktar effiċjenti u li jibqa’ validu fil-futur.
  • Ir-regolament joħloq struttura ġdida ta’ governanza, li tinvolvi korp separat magħmul minn diversi partijiet ikkonċernati, bil-għan li jissaħħaħ u jitwessa’ l-kontribut rigward il-prestazzjoni tat-TLD .eu.
  • Dan jintroduċi kriterji ġodda ta’ eliġibbiltà li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE/taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jirreġistraw dominju .eu, irrispettivament minn fejn jgħixu.

PUNTI EWLENIN

Nippromwovu u nissalvagwardjaw il-valuri tal-UE

L-għan tad-dominju .eu, bħala tikketta ċara u li tintgħaraf faċilment, huwa li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-profil tal-UE u li jippromwovi online l-valuri tagħha, bħall-multilingwiżmu, ir-rispett għall-privatezza u s-sigurtà tal-utent, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

L-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju

Dominju .eu jista’ jintalab minn:

  • ċittadini tal-UE u taż-ŻEE, irrispettivament minn fejn jgħixu;
  • ċittadini mhux tal-UE residenti fi Stat Membru tal-UE;
  • negozji stabbiliti fl-UE; u
  • organizzazzjonijiet oħra stabbiliti fl-UE, jekk dan ikun permess skont il-liġi nazzjonali.

Regoli dwar it-tħassir (ir-revoka) tar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju

Ir-Reġistru* jista’ jirrevoka isem ta’ dominju fuq inizjattiva tiegħu stess, għar-raġunijiet li ġejjin:

  • ikun hemm dejn pendenti mhux imħallas dovut lir-Reġistru;
  • id-detentur tal-isem tad-dominju jkun ineliġibbli;
  • id-detentur ta’ isem ta’ dominju jikser ir-rekwiżiti għat-talbiet ta’ reġistrazzjoni għar-raġunijiet li ġejjin:
    • isem ta’ dominju meqjus defamatorju, razzist jew li jmur kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika għandu jiġi mblukkat skont deċiżjoni tal-qorti,
    • isem ta’ dominju li jkun identiku jew simili b’mod li jista’ jiġi mfixkel ma’ isem li għalih ikun ġie stabbilit dritt mil-liġi nazzjonali jew tal-UE u li jkun ġie rreġistrat mingħajr drittijiet jew mingħajr interess leġittimu fl-isem, fil-prinċipju, għandu jiġi revokat u meta jkun xieraq jiġi ttrasferit lid-detentur leġittimu,
    • meta tali isem ta’ dominju jintuża in mala fede, għandu dejjem jiġi rrevokat.

Reġistru

Ir-Reġistru magħżul huwa organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li kapaċi timponi tariffi għall-ispejjeż imġarrba, u se:

  • jippromwovi lit-TLD .eu fi ħdan l-UE u mad-dinja kollha;
  • jikkonforma mar-regoli, mal-politiki u mal-proċeduri f’dan ir-regolament u l-kuntratt tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea, u b’mod partikolari mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE;
  • jorganizza, jamministra u jiġġestixxi t-TLD .eu fl-interess ġenerali u jiżgura livell għoli ta’ kwalità, trasparenza, sigurtà, stabbiltà, prevedibbiltà, affidabbiltà, aċċessibbiltà, effiċjenza, nondiskriminazzjoni, kundizzjonijiet ekwi u protezzjoni tal-konsumatur;
  • jiżgura li reġistrazzjonijiet għal ismijiet ta’ dominji abbużivi jiġu identifikati malajr;
  • jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti u ma’ korpi pubbliċi oħra responsabbli miċ-ċibersigurtà u mis-sigurtà tal-informazzjoni, bħal skwadri nazzjonali ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/857 jistabbilixxi l-punti li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu. Dawn jinkludu:

  • il-prinċipji ta’ governanza tajba u ġestjoni tajba;
  • aspetti ta’ sigurtà u protezzjoni tal-konsumatur;
  • il-promozzjoni tal-objettivi tal-UE fil-governanza tal-internet;
  • li jkun hemm politiki u proċeduri stabbiliti biex jiġġieldu b’mod attiv ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi ta’ ismijiet tad-dominji fit-TLD .eu.

il-bażi ta’ data WHOIS*

Ir-Reġistru huwa responsabbli mill-istabbiliment u mill-ġestjoni ta’ faċilità tal-bażi ta’ data WHOIS li tipprovdi informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni preċiża u aġġornata dwar l-ismijiet tad-dominji inkluża informazzjoni dwar punt amministrattiv ta’ kuntatt u d-detenturi tal-ismijiet tad-dominji.

Grupp ta’ Konsulenza tal-Partijiet Ikkonċernati Multipli .eu

  • Dan il-grupp huwa responsabbli milli jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar:
    • l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament;
    • kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-ġestjoni, mal-organizzazzjoni u mal-amministrazzjoni tat-TLD .eu, inklużi ċ-ċiberprotezzjoni u l-protezzjoni tad-data;
    • prassi tajba dwar il-ġlieda kontra r-reġistrazzjoni abbużiva tal-ismijiet tad-dominji.
  • Il-Grupp Konsultattiv huwa kompost minn rappreżentanti ta’ partijiet ikkonċernati bbażati fl-UE u rappreżentant tal-partijiet ikkonċernati minn barra l-UE, u mmexxi minn rappreżentant tal-Kummissjoni jew persuna magħżula mill-Kummissjoni.

Evalwazzjoni u analiżi

  • Sat-13 ta’ Ottubru 2027, u mbagħad kull 3 snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni ser tevalwa l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu.
  • F’Diċembru 2020, ġie ppubblikat ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport jivvaluta l-kooperazzjoni tal-operatur tar-Reġistru .eu mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u aġenziji oħra tal-UE bil-għan li jiġu miġġielda r-reġistrazzjonijiet abbużivi u spekulattivi tal-ismijiet tad-dominji.
  • Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni ħadet aktar passi biex tikkonkludi l-implimentazzjoni tal-qafas legali .eu, inkluż it-tnedija tal-proċedura tal-għażla għar-Reġistru next .eu li kien komplut bl-għażla tal-EURid u l-adozzjoni tal-atti legali li ġejjin:
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2020/857 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu;
    • Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE)2020/1083 tal-14 ta’ Mejju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/517 billi jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għażla kif ukoll il-proċedura għan-nomina tar-Reġistru tal-isem TLD .eu;
    • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1862 tal-4 ta’ Ottubru 2022 li jistabbilixxi l-listi ta’ ismijiet tad-dominji rriżervati u mblukkati skont id-dominju tal-ogħla livell .eu skont ir-Regolament (UE) 2019/517.

Revoka

Ir-Regolament jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 733/2002 u (KE) Nru 874/2004 mit-12 Ottubru 2022.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilha tapplika mid-13 ta’ Ottubru 2022. Il-kriterju ta’ eliġibbiltà tal-isem tad-dominju rivedut ilu japplika mid-19 ta’ Ottubru 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Reġistru. Il-korp li jorganizza, jamministra u jiġġestixxi t-TLD .eu, inkluż iż-żamma ta’ bażijiet ta’ data u s-servizzi ta’ mistoqsijiet pubbliċi assoċjati, ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju, l-operazzjoni tar-Reġistru tal-ismijiet tad-dominji, u l-operazzjoni tas-servers tal-ismijiet tat-TLD tar-Reġistru.
il-bażi ta’ data WHOIS. Il-ġabra ta’ data li fiha informazzjoni dwar l-aspetti tekniċi u amministrattivi tar-reġistrazzjonijiet tat-TLD .eu.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE)2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell .eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (ĠU L 91, 29.3.2019, pp. 25-35).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2020/857 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Reġistru tad-dominju tal-ogħla livell .eu skont ir-Regolament (UE) 2019/517 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, 19.6.2020, pp. 52-56).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jistabbilixxi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, 30.4.2004, pp. 40-50).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 874/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2002 dwar l-implimentazzjoni tad-Domen talOgħla Livell .eu (ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1-5).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.10.2022

Top