Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Direttiva li timplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2017/1564 dwar użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-użu ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor* f’kopji f’formati aċċessibbli* mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, għall-ġid tal-persuni għomja, b’vista batuta jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat skont it-Trattat ta’ Marrakexx.

PUNTI EWLENIN

It-Trattat ta’ Marrakexx

It-Trattat ta’ Marrakexx jirrikjedi li l-pajjiżi li jiffirmawh jadottaw liġijiet nazzjonali li jinkoraġġixxu li l-kotba jiġu prodotti f’formati aċċessibbli bħal braille, test elettroniku, awdjo jew tipa kbira, immirati lejn nies li huma għomja, b’vista batuta jew inkella għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Il-liġijiet għandhom ukoll jagħmluha eħfef biex dawn l-oġġetti jinqasmu bejn il-fruntieri nazzjonali mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. It-trattat ġie ffirmat fl-2013 u ġie ratifikat mill-UE fl-1 ta’ Ottubru 2018. L-UE saret parti mit-trattat fl-1 ta’ Jannar 2019.

Din id-direttiva tippermetti:

  • persuna benefiċjarja*, jew persuna li taġixxi f’isimhom, biex tagħmel kopja f’format aċċessibbli ta’ xogħol jew materjal ieħor (eż. bil-braille) li għaliha l-persuna benefiċjarja għandha aċċess legali, għall-użu tal-persuna benefiċjarja; u
  • entità awtorizzata* biex jagħmlu kopja f’format aċċessibbli ta’ xogħol jew materjal ieħor li għalih ikollhom aċċess legali, jew biex jikkomunikaw, jagħmlu disponibbli, iqassmu jew isellfu kopja f’format aċċessibbli lil:
    • persuna benefiċjarja; jew
    • entità awtorizzata oħra, fuq bażi mhux għall-profitt, għall-użu esklussiv ta’ persuna benefiċjarja.

Entità awtorizzata trid:

  • tiskoraġġixxi riproduzzjoni u distribuzzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku ta’ kopji b’ format aċċessibbli;
  • iżżomm rekords tal-immaniġġjar tax-xogħlijiet tagħha u kopji f’format aċċessibbli;
  • tippubblika informazzjoni dwar kif tikkonforma ma’ dawn l-obbligi;
  • issegwi r-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali ta’ persuni benefiċjarji;
  • tipprovdi l-informazzjoni li ġejja b’mod aċċessibbli, fuq talba, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet tal-awtur
    • il-lista ta’ xogħlijiet li għalihom għandha kopji ta’ format aċċessibbli u l-formati disponibbli u
    • dettalji tal-kuntatt tal-entitajiet awtorizzati involuti fl-iskambju ta’ kopji b’format aċċessibbli.

Ir-Regolament (UE) 2017/1563, ir- Regolament li jimplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fl-UE, adottat fl-istess ħin bħal din id-direttiva, jistipula r-regoli dwar kif tali xogħlijiet jew materjal ieħor huma kondiviżi bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE li huma parti mit-trattat mingħajr il-ħtieġa ta’ permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-10 ta’ Ottubru 2017 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-11 ta’ Ottubru 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Xogħol jew materjal ieħor: ktieb, ġurnal, gazzetta, rivista jew tip ieħor ta’ kitba, notazzjoni, inkluż il-partitura, u illustrazzjonijiet relatati, fi kwalunkwe midja, inkluż f’forma ta’ awdjo bħalma huma l-kotba tal-awdjo u f’format diġitali, li huwa protett minn drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati u li huwa ppubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku.
Kopja f’format aċċessibbli: kopja ta’ xogħol f’forma li tagħti lil persuna benefiċjarja aċċess bl-aktar mod fattibbli u komdu bħala persuna mingħajr l-ebda indeboliment jew diżabilità koperta minn din id-direttiva.
Persuna benefiċjarja: persuna li hija għamja, għandha vista batuata li ma tistax tittejjeb, għandha diżabilità perċettiva jew tal-qari u, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sostanzjalment fl-istess grad bħal persuna mingħajr indeboliment bħal dan, jew inkella ma tkunx kapaċi, minħabba diżabilità fiżika, li żżomm jew timmanipula ktieb jew li tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha sal-punt li normalment ikun aċċettabbli għall-qari.
Entità awtorizzata: entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta minn pajjiż tal-UE biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ istruttiv, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lil persuni benefiċjarji fuq bażi bla skop ta’ profitt.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta’ ċerti xogħlijiet u suġġetti protetti oħra bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6-13)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/254 tal-15 ta’ Frar 2018 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista, jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 1-2)

It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiffaċilita l-aċċess għal Xogħlijiet ippubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 48, 21.2.2018, p. 3-11)

Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta’ kopji b’format aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1-5)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, pp. 1-2)

l-aħħar aġġornament 21.03.2019

Top