EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-regoli tal-UE dwar l-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji tas-saħħa u l-impatt ambjentali tat-tniġġis tal-arja permezz tal-istabbiliment ta’ impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet*.
  • Id-Direttiva tallinja wkoll l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-dritt tal-Unjoni mal-impenji internazzjonali (wara r-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg fl-2012).

Il-leġiżlazzjoni kienet ġiet proposta bħala parti mill-Pakkett ta’ Politika dwar l-Arja Nadifa tal-UE għall-2013, li kien jinkludi Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tkopri 5 sustanzi li jniġġsu fl-arja:

  • id-diossidu tal-kubrit;
  • l-ossidi tan-nitroġenu;
  • il-komposti volatili organiċi mhux metaniċi;
  • l-ammonijaka;
  • materja partikolata fina.

Impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

  • Id-Direttiva tistabbilixxi impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull sustanza niġġiesa għal kull pajjiż tal-UE li għandhom jintlaħqu bejn l-2020 u l-2030.
  • L-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull sustanza niġġiesa li se japplikaw għal kull sena mill-2020 sal-2029 huma l-istess bħal dawk li l-pajjiżi tal-UE diġà impenjaw ruħhom għalihom skont il-protokoll rivedut ta’ Gothenburg.
  • Intlaħaq qbil dwar tnaqqis ġdid aktar strett mill-2030 ’il quddiem.

Impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

  • Il-livelli ta’ emissjonijiet indikattivi għall-2025 se jiġu identifikati għal kull pajjiż tal-UE.
  • Dawn se jiġu kkalkulati abbażi ta’ trajettorja ta’ tnaqqis lineari, jiġifieri emissjonijiet imnaqqsa skont perċentwal kostanti kull sena, lejn l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030.
  • Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jsegwu trajettorja mhux lineari jekk din tkun aktar effiċjenti.

Jekk pajjiż tal-UE ma jibqax isegwi t-trajettorja ppjanata, dan irid jagħti r-raġunijiet u jispjega l-azzjonijiet li beħsiebu jieħu biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

Flessibbiltà

  • Id-Direttiva tippermetti ċerta flessibbiltà rigward il-konformità mal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont ċerti ċirkostanzi, pereżempju:
    • l-inventarji tal-emissjonijiet jistgħu jiġu aġġustati skont ċerti kundizzjonijiet sabiex jitqies il-progress fl-għarfien xjentifiku;
    • f’każ ta’ xitwa kiesħa ħafna jew sajf xott ħafna, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jikkonforma mad-Direttiva billi jipproduċi emissjonijiet annwali bbilanċjati meta mqabbla ma’ dawk tas-snin preċedenti u sussegwenti.

Programmi nazzjonali

  • Id-direttiva tirrikjedi li mill-1 ta’ April 2019 jiġu stabbiliti programmi ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja nazzjonali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jaġġornaw il-programmi tagħhom tal-anqas kull 4 snin, u jqisu l-miżuri applikabbli għas-setturi kollha rilevanti biex jiġu limitati l-emissjonijiet:
    • l-agrikoltura;
    • l-enerġija;
    • l-industrija;
    • it-trasport bit-triq;
    • it-tbaħħir intern;
    • it-tisħin domestiku;
    • l-użu ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq; u
    • s-solventi.

Il-Forum Ewropew dwar l-Arja Nadifa

  • Id-direttiva tirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi Forum Ewropew dwar l-Arja Nadifa sabiex tiġi skambjata l-esperjenza u l-prattiki tajba, inkluż dwar tnaqqis fl-emissjonijiet mit-tisħin domestiku u t-trasport bit-triq, li jista’ jinforma u jsaħħaħ il-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja u l-implimentazzjoni tagħhom.

Tħassir

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 ħassret id-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi mill-1 ta’ Lulju 2018. Madankollu, il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE xorta waħda se jibqgħu japplikaw sakemm l-impenji l-ġodda ta’ tnaqqis stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2016/2284 isiru applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2020.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-31 ta’ Diċembru 2016 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Lulju 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet: L-obbligi tal-pajjiżi tal-UE biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanza; l-impenji jispeċifikaw it-tnaqqis minimu fl-emissjonijiet li għandu jinkiseb fis-sena kalendarja fil-mira, bħala perċentwal tat-total tal-emissjonijiet rilaxxati matul is-sena bażi (2005).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, pp. 1-31)

DOKUMENT RELATAT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa (COM(2013) 918 final, 18.12.2013)

l-aħħar aġġornament 29.08.2019

Top