EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Opinjonijiet tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLU 288 TAT-TFUE?

L-Artikolu 288 tat-TFUE jelenka l-ħames tipi differenti ta’ atti legali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jadottaw.

PUNTI EWLENIN

Opinjoni hija waħda mill-ħames tipi ta’ atti legali li l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE. L-erba’ tipi l-oħra ta’ atti legali msemmija fl-artikolu huma r-regolamenti, id-direttivi, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

L-ewwel tlieta huma vinkolanti, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet mhumiex vinkolanti.

Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-UE joħorġu opinjonijiet.

  • Il-Kummissjoni Ewropea toħroġ opinjonijiet fis-sitwazzjonijiet deskritti hawn taħt.
    • Meta pajjiż jissottometti applikazzjoni biex jissieħeb fl-UE, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-adeżjoni proposta ta’ dak il-pajjiż. Eżempju ta’ tali opinjoni huwa relatat mal-applikazzjoni tal-Kroazja biex issir Stat Membru.tal-UE.
    • Meta l-Istati Membri jfittxu l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ aspetti speċifiċi tal-atti legali li jadottaw jew ifittxu gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Pereżempju, fl-2014, l-awtoritajiet Netherlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ digriet li jemenda d-Digriet dwar l-Apparati Mediċi, skont l-Artikolu 14b tad-Direttiva 93/42/KEE (id-Direttiva preċedenti dwar l-apparati mediċi, sussegwentement sostitwita bir-Regolament (UE) 2017/745). Dawn kienu qed ifittxu li jipprojbixxu l-użu ta’ mili dermali permanenti minħabba li qiesu li r-riskji ta’ sfigurament sever li jista’ jirriżulta mill-użu tagħhom ma kinux megħluba mill-benefiċċji estetiċi tagħhom biss. Wara konsultazzjonijiet ma’ esperti u ma’ Stati Membri oħra, il-Kummissjoni ħarġet l-opinjoni tagħha fejn iddikjarat li appoġġat l-intenzjoni tal-awtoritajiet Netherlandiżi li jipprojbixxu il-mili inkwistjoni.
  • Il-Kunsill joħroġ opinjonijiet dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika tal-Istati Membri fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ara s-sommarju). Eżempju huwa l-opinjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar il-Programm ta’ Sħubija Ekonomika tan-Netherlands.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn — Taqsima 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 171–72).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, pp. 1–175).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/745 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu VI — Dispożizzjonijiet finali — Artikolu 49 (ex Artikolu 49 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 43).

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2015dwar il-miżura adottata min-Netherlands li tipprojbixxi l-użu ta’ materjali għall-mili dermali permanenti għal skopijiet estetiċi (ĠU L 241, 23.7.2015, pp. 1–2).

Opinjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Programm tas-Sħubija Ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU L 371, 18.12.2013, pp. 4–5).

Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, pp. 11–23).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010) 670 final, 9.11.2010)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, pp. 1–22).

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi: Ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (ĠU C 81E, 31.3.2004, pp. 94–104).

Is-Sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ Ottubru 1980: SA Roquette Frères vs il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej. — Iżuglukożju — kwoti ta’ produzzjoni — Kawża 138/79.

l-aħħar aġġornament 11.10.2021

Top