Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ċerti aspetti tad-dritt tal-kumpaniji dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 — kodifikazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-kumpaniji dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġbor f’daqqa parti kbira tar-regoli tal-liġi dwar il-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea (UE) f’direttiva waħda. Din tkopri temi bħar-rekwiżiti tal-formazzjoni, tal-kapital kif ukoll tad-divulgazzjoni tagħhom u tal-operazzjonijiet (bħal merġers u diviżjonijiet) tal-kumpaniji.

Oriġinarjament, hija kkodifikat sitt direttivi preċedenti tal-liġi tal-kumpaniji tal-UE(id-Direttivi 82/891/KEE, 89/666/KEE, 2005/56/KE, 2009/101/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE).

Minn dak iż-żmien ’l hawn, din id-direttiva ġiet emendata mid-Direttiva 2019/1151 dwar l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji u mid-Direttiva 2019/2121fir-rigward ta’ konverżjonijiet, diviżjonijiet u merġers transkonfinali. Ġiet emendata speċifikament ukoll mid-Direttiva (UE) 2019/1023, sabiex tħalli l-Istati Membri jagħmlu eċċezzjonijiet minn ċerti artikoli tad-Direttiva (UE) 2017/1132, meta dan ikun meħtieġ biex jiġu stabbiliti oqsfa ta’ ristrutturar preventiv.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġbor flimikien ir-regoli dwar it-temi li ġejjin:

  • l-istabbiliment ta’ kumpaniji b’responsabbilità pubblika limitata*, tiddetermina l-validità tal-obbligazzjonijiet u n-nullitajiet tagħhom, u ż-żamma u l-modifika tal-kapital tagħhom;
  • il-formazzjoni ta’ kumpaniji u fergħat online u l-iffajljar ta’ informazzjoni tal-kumpanija ma’ reġistri tan-negozju li huma kompletament online, jiġifieri mingħajr ma jkollok tidher personalment quddiem l-awtoritajiet kompetenti, inkluż is-salvagwardji (eż. l-possibilità li teħtieġ preżenza fiżika f’każijiet eċċezzjonali);
  • rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal kumpaniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata b’mod ġenerali u għall-fergħat miftuħin fi Stat Membru minn kumpaniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata mmexxija mil-liġi ta’ Stat Membru jew minn kumpaniji mhux tal-UE ekwivalenti;
  • regoli dwar is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tan-negozju li tgħaqqad reġistri nazzjonali tan-negozju u tagħmel informazzjoni dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata* disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ punt ta’ aċċess waħdieni, il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u jipprovdi mezz ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri tan-negozju (eż. dwar fergħat, operazzjonijiet transkonfinali, diretturi diskwalifikati);
  • merġers u diviżjonijiet ta’ kumpaniji pubblika b’responsabbiltà limitata fi ħdan Stat Membru wieħed (passi ta’ proċedura għal merġer/diviżjoni meta merġer/diviżjoni jidħlu fis-seħħ u l-konsegwenzi tagħhom, salvagwardji għal partijiet terzi bħal kredituri, azzjonisti u impjegati);
  • konverżjonijiet, merġers u diviżjonijiet ta’ kumpaniji privati u pubbliċi b’responsabbiltà limitata bbażati fi Stati Membri differenti (kundizzjonijiet applikabbli, passi għall-proċedura ta’ operazzjoni transkonfinali, inkluż miżuri kontra l-abbuż sabiex jiġi assigurat li l-ebda operazzjonijiet ma jiġu awtorizzati jekk jitwettqu minħabba għanijiet abbużivi, qarrieqa jew kriminali, dokumenti meħtieġa għal operazzjoni transkonfinali, salvagwardji għal azzjonisti fil-minorità , kredituri, u impjegati meta operazzjoni transkonfinali tidħol fis-seħħ u l-konsegwenzi tagħha).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva (UE) 2017/1132 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2017. Minħabba li tikkodifika leġiżlazzjoni eżistenti, l-ebda transpożizzjoni addizzjonali għal liġi nazzjonali mill-Istati Membri ma hija meħtieġa. Il-limiti taż-żmien sa meta d-direttivi revokati kellhom jiġu inkorporati fil-liġi nazzjonali huma stabbiliti fl-Anness III.
  • Emendi introdotti mid-Direttiva (UE)2019/1023 li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2019.
  • Emendi introdotti mid-Direttiva (UE) 2019/1151 daħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2019. L-Istati Membri kellhom jinkorporaw din id-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom sa Awwissu 2021 (bi skadenza iktar tard għal xi provvedimenti speċifiċi). Għadd ta’ Stati Membri ħadu vantaġġ mill-possibiltà pprovduta mid-direttiva biex jestendu t-traspożizzjoni b’sena, jiġifieri sa Awwissu 2022.
  • L-emendi introdotti mid-Direttiva (UE)2019/2121 daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020. L-Istati Membri jeħtieġ idaħħlu din id-direttiva sa Jannar 2023.

SFOND

Il-kodifikazzjoni huwa l-proċess li permezz tiegħu jinġiebu flimkien att legali – jew żewġ atti relatati jew aktar – u l-emendi kollha relatati f’att ġdid uniku mingħajr l-introduzzjoni ta’ bidliet reali. Fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji, fejn ir-regoli rilevanti huma mifruxa f’ħafna atti legali differenti— bl-ewwel direttivi jmorru lura għas-sittinijiet u s-sebgħinijiet, u b’ħafna emendi jsiru minn dak iż-żmien ’l hawn — ma kienx faċli għall-utenti biex dawn ikollhom stampa ċara tal-liġi Ewropea f’dan il-qasam ta’ politika. Id-direttiva (UE) 2017/1132 tiġbor flimkien ir-regoli stabbiliti mid-direttivi revokati, mingħajr ma tibdel il-kontenut tagħhom jew iżżid regoli ġodda.

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Kumpanija b’responsabililtà pubblika limitata. Kumpanija b’responsabbiltà limitata li offriet ishma lill-pubbliku ġenerali.
Kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Kumpanija b’kapital azzjonarju u b’personalità ġuridika li tħaddan assi separati li weħidhom iservu biex ikopru d-dejn tagħha.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (EU) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, pp. 46–127).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2017/1132 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — it-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu IV — Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital — Kapitolu 2 — Id-dritt ta’ stabbiliment — Artikolu 50 (ex Artikolu 44 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 68).

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1–88).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva — qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli (COM(2012) 740 final, 12.12.2012).

l-aħħar aġġornament 02.02.2022

Top