Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontrolli ta’ awtentiċità tal-Euro

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1210/2010 — l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-proċeduri u l-metodi għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.
  • Jikkumplimenta r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 — Sistema għall-protezzjoni kontra l-falsifikar tal-euro, li teħtieġ li l-banek u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ pagament jiżguraw li n-noti u l-muniti tal-euro li jirċievu u li jkunu biħsiebhom jerġgħu jiċċirkolaw jiġu ttestjati għall-awtentiċità sabiex tiġi identifikata l-falsifikazzjoni potenzjali.

PUNTI EWLENIN

Ittestjar

Ir-regolament jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jiżguraw li jawtentikaw il-muniti tal-euro permezz ta’ tagħmir xieraq għall-ipproċessar tal-muniti jew b’mod manwali minn persunal imħarreġ speċifikament għal dan il-għan. Kwalunkwe tagħmir għall-ipproċessar tal-muniti użat għandu jkun diġà għadda b’suċċess test ta’ detezzjoni mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti jew miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti f’kull pajjiż taż-żona tal-euro.

Kontrolli fuq il-post

Il-pajjiżi fiż-żona tal-euro għandhom iwettqu kontrolli annwali fuq il-post f’istituzzjonijiet biex jivverifikaw, permezz ta’ testijiet ta’ detezzjoni, li għadd rappreżentattiv ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti jkunu jiffunzjonaw b’mod korrett. L-għadd ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti li għandhom jiġu vverifikati kull sena f’kull pajjiż għandu jkun tali li l-volum ta’ muniti tal-euro pproċessati minn dawk il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-volum nett totali akkumulat ta’ muniti maħruġ minn dak il-pajjiż. Dan għandu jkun mid-data tal-introduzzjoni tal-muniti tal-euro sal-aħħar tas-sena preċedenti.

L-irtirar u r-rimborż tal-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jneħħu miċ-ċirkolazzjoni mhux biss il-muniti foloz iżda wkoll kull munita tal-euro ġenwina li ma tibqax tajba minħabba ċirkolazzjoni fit-tul, inċident jew xi raġuni oħra. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirrifjutaw ir-rimborż lil individwi ta’ muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni u li jkunu ġew mibdula deliberatament jew bi proċess li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkollu l-effett li jibdilhom.

Kull awtorità nazzjonali li timmaniġġja muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni tista’ timponi tariffa amministrattiva fuq persuni legali jew fiżiċi sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż relatati mal-proċess. It-tariffi amministrattivi m’għandhomx jiġu applikati f’każi ta’ sottomissjonijiet ta’ kwantitajiet żgħar ta’ muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-imballaġġ tal-muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni, li għandhom jiġu magħżula skont id-denominazzjoni* f’boroż jew f’kaxxi standardizzati.

Rappurtar u evalwazzjoni

Kull sena, il-pajjiżi tal-UE għandhom iressqu rapporti lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-esperjenza tagħhom fl-awtentifikazzjoni tal-muniti tal-euro.

Sabiex tiġi ssorveljata l-konformità tal-istituzzjonijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbuhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

  • it-tipi u l-għadd ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti użati;
  • il-post ta’ kull magna li tipproċessa l-muniti;
  • il-volum ta’ muniti pproċessati għal kull magna li tipproċessa l-muniti, għal kull sena u għal kull denominazzjoni, għal mill-inqas tlieta mill-ogħla denominazzjonijiet.

Kif stipulat fir-Regolament, fl-2017 il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-aħħar rapport dwar l-operazzjoni u l-effetti tar-Regolament.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2012, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu III tiegħu (trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni), li beda japplika mill-11 ta’ Jannar 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Denominazzjonijiet: il-muniti tal-euro jiġu ffabrikati f’denominazzjonijiet ta’ 1, 2, 5, 10, 20 u 50 ċenteżmu, u 1 u 2 euro.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, pp. 1-5)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (C(2017) 6734 final, 12.10.2017)

Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (ĠU L 201, 27.7.2012, pp. 135-137)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 tat-Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6-10)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss

l-aħħar aġġornament 06.12.2017

Top