Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-għan tiegħu huwa li jagħti spinta lit-tkabbir u l-innovazzjoni tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea (UE), inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
  • Dan jintroduċi tikketta ta’ fond Ewropew ta’ kapital ta’ riskju, magħrufa wkoll bħala EuVECA, u miżuri li jippermettu lill-maniġers jistabbilixxu u jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom madwar l-UE permezz ta’ sett uniku ta’ regoli. Din il-ġabra unika ta’ regoli se tippermetti lill-investituri jkunu jafu eżattament x’jistgħu jistennew meta jinvestu fl-EuVECA.
  • Din se tippermetti wkoll li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju jkunu ppożizzjonati aħjar biex jattiraw aktar impenji kapitali u jespandu.

PUNTI EWLENIN

  • Id-daqs medju tal-fond ta’ kapital ta’ riskju tal-UE huwa ta’ madwar EUR 60 miljun, filwaqt li fond simili fl-Istati Uniti għandu aktar mid-doppju ta’ dak l-ammont. Billi dawn il-fondi tal-UE jkunu jistgħu jiżdiedu, għandu jkun possibbli li jittejbu l-kontribuzzjonijiet kapitali għal kumpaniji individwali u jissaħħaħ l-impatt tal-investiment tagħhom.
  • Ir-Regolament għandu l-għan li jagħti spinta lill-fondi sabiex dawn ikunu jistgħu jikbru, u li jadotta strateġija ta’ investiment aktar diversifikata, sabiex dawn ikunu jistgħu jispeċjalizzaw f’setturi bħall-IT, il-bijoteknoloġija u l-kura tas-saħħa. Dan għandu jwassal biex il-kumpaniji Ewropej isiru aktar kompetittivi madwar id-dinja.

Tikketta EuVECA

  • Sabiex jirreġistraw għat-tikketta EuVECA u jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom madwar l-UE, il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju jeħtiġilhom jistabbilixxu fond li:
    • jinvesti 70 % tal-kapital li jirċievi minn investituri f’appoġġ għal kumpaniji eliġibbli, bħal SMEs ġodda u innovattivi;
    • jipprovdi finanzi ta’ ekwità jew kważi-ekwità (jiġifieri “kapital frisk”) lil dawn il-kumpaniji;
    • ma jużax ingranaġġ (jiġifieri l-fond ma jkollux dejn, minħabba li ma jinvestix aktar kapital milli huwa marbut mill-investituri).
  • Ir-regolament jistabbilixxi kriterji ta’ kwalità uniformi għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jixtiequ jużaw it-tikketta EuVECA. Dawn il-ħtiġijiet ikopru kollox mill-mod kif jorganizzaw u jġibu ruħhom għall-mod kif jinfurmaw lill-investituri dwar il-politiki tal-attivitajiet u l-investiment tagħhom.
  • Dawn il-maniġers jeħtiġilhom ukoll jirreġistraw fil-pajjiż fejn huwa stabbilit il-fond u jipprovdu rapporti annwali. Il-pajjiż fejn jinsabu dawn il-fondi huwa obbligat li jiżgura li jiġu rispettati r-regoli kollha tar-Regolament.
  • Peress li l-investiment fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju jista’ jkun riskjuż, ir-Regolament jiddefinixxi dawk li jistgħu jinvestu fl-EuVECA: investituri professjonali u ċerti kategoriji oħrajn bħall-individwi b’valur nett għoli.

Kunflitti ta’ interess

  • Il-maniġers tal-EuVECA għandhom jidentifikaw u jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta’ interess possibbli li jirriżulta mill-pożizzjoni tagħhom u jadottaw il-miżuri organizzattivi meħtieġa f’dan ir-rigward. Ir-Regolament jelenka dan li ġej bħala kunflitti ta’ interess potenzjali:
    • bejn il-maniġer, il-persuni li effettivament jikkontrollawh jew l-impjegati tiegħu, u l-EuVECA;
    • bejn EuVECA jew l-investituri tiegħu, u EuVECA ieħor taħt l-istess maniġer jew l-investituri tiegħu;
    • bejn EuVECA jew l-investituri tiegħu u impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn taħt l-istess maniġer jew l-investituri tiegħu.
  • Jekk l-arranġamenti magħmula ma jkunux biżżejjed u ma jiżgurawx il-prevenzjoni ta’ riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri, il-kunflitti ta’ interess għandhom jiġu ddivulgati.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tapprova atti delegati biex tkompli tiżviluppa dawn ir-regoli u tkun aktar speċifika fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess u l-politiki għall-prevenzjoni tagħhom.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/820 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 345/2013 fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess li jistabbilixxi regoli li jirregolaw:
    • it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess;
    • il-ħtieġa li tiġi stabbilita politika bil-miktub ta’ kunflitti ta’ interess u l-proċeduri u l-miżuri li din il-politika għandha tinkludi bħala bażi minima;
    • il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess;
    • strateġiji biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot ħalli jiġu impediti kunflitti ta’ interess; u
    • id-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess.

Leġiżlazzjoni emendatorja

  • Ir-Regolament (UE) 2017/1991 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u r-regolment parallel miegħu (Regolament (UE) Nru 346/2013) dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ara s- sommarju), l-estensjoni tal-użu tad-denominazzjonijiet “EuVECA” u “tal-fondi ta’ interprenditorija soċjali Ewropej” għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv* awtorizzati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE (ara s-sommarju). Dan jespandi wkoll il-firxa ta’ kumpaniji eliġibbli, u jnaqqas l-ispejjeż assoċjati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi madwar l-UE.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/1156 jintroduċi r-regoli u r-rekwiżiti li ġejjin.
    • Regoli dwar il-publikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni għal impriżi ta’ investiment kollettiv u dwar il-komunikazzjonijiet relatati mal-kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri.
    • Regoli dwar il-pre-kummerċjalizzazzjoni* identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE (ara s-sommarju) huma introdotti fir-Regolament (UE) Nru 345/2013. Dawn għandhom jippermettu lill-maniġers, irreġistrati f’konformità mar-Regolament, jimmiraw lill-investituri billi jittestjaw l-interess tagħhom f’opportunitajiet jew strateġiji ta’ investiment li ġejjin permezz ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.
    • Rekwiżit għall-maniġers tal-EuVECA biex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet relatati mal-kummerċjalizzazzjoni, li jkunu jinkludu stedina għal xiri ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIF), li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar AIF, ma jikkontradixxux l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata lill-investituri f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013.
    • Rekwiżit għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq biex sat-2 ta’ Frar 2022, tippubblika fuq is-sit web tagħha bażi ta’ data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-AIF, li telenka l-AIFs kollha li huma kkummerċjalizzati fi Stat Membru tal-UE għajr dak tad-domiċilju tagħhom, il-maniġer tal-EuVECA tagħhom, u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9(5), li jikkonċerna l-kunflitti ta’ interess, li ilu japplika mill-15 ta’ Mejju 2013.

SFOND

It-tkabbir ekonomiku tal-UE jiddependi ħafna fuq it-23 miljun SME tagħha, li f’dawn l-aħħar snin ipprovdew ukoll 80 % tal-impjiegi ġodda kollha. Hekk kif l-aċċess għal self tradizzjonali mill-banek qed isir dejjem aktar diffiċli, ħafna SMEs issa qed jirrikorru għall-kapitalisti ta’ riskju sabiex jiffinanzjaw ir-riċerka tagħhom, l-iżvilupp tal-prodotti jew jidħlu fi swieq ġodda. Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Impriżi ta’ investiment kollettiv. Strumenti ta’ investiment li jiġbru flimkien il-kapital tal-investituri u jinvestu dak il-kapital b’mod kollettiv permezz ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji bħal stokks, bonds u titoli oħrajn.
Pre-kummerċjalizzazzjoni. Informazzjoni jew komunikazzjoni, diretta jew indiretta, dwar strateġiji ta’ investiment jew ideat ta’ investiment minn maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, jew f’ismu, lill-investituri potenzjali ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-UE sabiex jittestjaw l-interess tagħhom f’fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li għadu ma huwiex stabbilit, jew f’fond ta’ kapital ta’ riskju li huwa stabbilit, iżda għadu ma ġiex innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, f’dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali huma domiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, u li f’kull każ ma jammontax għal offerta jew tqegħid lill-investitur potenzjali biex jinvesti fl-unitajiet jew fl-ishma ta’ dak il-fond ta’ kapital ta’ riskju.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, pp. 1–17).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 345/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/820 tal-4 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 134, 22.5.2019, pp. 8–11).

Ir-Regolament (KE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, pp. 18–38).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, pp. 1–73).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 09.11.2021

Top