EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni tal-UE u l-politika komuni dwar il-viża: Fond għas-Sigurtà Interna

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 515/2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-politika dwar il-viża

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament, li huwa magħruf bħala r-regolament dwar il-Fruntieri tal-FSI u l-Viża, joħloq strument ta’ finanzjament u jistipula l-għanijiet, il-baġit u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020.

L-għan ġenerali tal-istrument huwa li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-UE waqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu billi jiżgura l-ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-UE u l-ipproċessar effettiv ta’ viżi għaż-żona Schengen (żona mingħajr fruntieri li fiha 22 pajjiż tal-UE u l-erba’ pajjiżi assoċjati — l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).

PUNTI EWLENIN

Il-Fond FSI-Fruntieri għandu l-għan li jappoġġja:

  • Il-politika komuni dwar il-viża sabiex tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu billi tiżgura servizz ta’ kwalità għolja għall-applikanti tal-viża u trattament ugwali taċ-ċittadini minn barra ż-żona Schengen, kif ukoll biex titratta l-migrazzjoni illegali;
  • Il-ġestjoni tal-fruntieri integrata, inkluż l-użu ta’ standards komuni u skambju ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi ta’Schengen u mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (ġeneralment magħrufa bħala Frontex) sabiex tiżgura;
    • livell għoli ta’ kontroll u protezzjoni tal-fruntieri esterni;
    • qsim bla xkiel tal-fruntieri esterni f’konformità mal-acquis ta’ Schengen; u
    • garanzija ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali għal dawk li jkunu jeħtiġuha.

L-istrument jiffinanzja azzjonijiet sabiex:

  • jissaħħu l-verifiki mal-fruntieri esterni sabiex jiġi mmonitorjat il-qsim tal-fruntieri esterni;
  • tiġi stabbilita b’mod gradwali sistema ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, permezz ta’, pereżempju:
    • sistemi ta’ sorveljanza tal-fruntieri esterni; u
    • kooperazzjoni (inkluż fiż-żona tal-fruntiera tal-baħar) bejn awtoritajiet tal-gwardjani tal-fruntieri, id-dwana, tal-migrazzjoni, tal-asil u tal-infurzar tal-liġi;
  • tiġi promossa l-politika komuni dwar il-viżi u permessi oħra ta’ residenza għal żmien qasir u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni konsulari:
  • jiġu stabbiliti sistemi tal-IT li jappoġġjaw il-politika komuni dwar il-viża u l-verifiki fil-fruntieri, u jtejjeb l-għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni;
  • jipprevjeni u jiġġieled l-immigrazzjoni illegali f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux fl-UE.

Eżempji ta’ azzjonijiet eliġibbli jinkludu:

  • infrastrutturi, sistemi u tagħmir operattiv tal-IT, inkluż mezzi tat-trasport, għall-kontroll tal-fruntieri u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża;
  • studji, taħriġ u proġetti pilota fuq standards operattivi u l-aħjar prattiki fil-qasam;
  • azzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni operattiva bejn pajjiżi tal-UE u dawk mhux fl-UE;

L-implimentazzjoni tal-fond hija fdata prinċipalment lis-26 pajjiż parteċipant tal-UE (il-pajjiżi kollha tal-UE, minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit) u l-erba’ pajjiżi Assoċjati ta’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera). Il-programmi nazzjonali jiddefinixxu l-prijoritajiet billi jindirizzaw l-għanijiet tal-fond.

L-allokazzjoni tar-riżorsi kienet ibbażata fuq għadd ta’ kriterji relatati mat-tip ta’ fruntieri esterni (marittimi, tal-art u ajruporti internazzjonali), b’kunsiderazzjoni tal-flussi tal-ivvjaġġar u l-livelli tar-riskji u tat-theddid. L-allokazzjoni ta’ fondi għal għanijiet speċifiċi skont il-programmi nazzjonali hija marbuta mal-isfidi u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi parteċipanti tal-UE.

Tabella li tiddeskrivi l-ammonti li jikkostitwixxu l-bażi għall-programmi nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti hija inkluża fl-anness I tar-regolament. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, tali ammonti żdiedu wara l-allokazzjoni ta’ fondi addizzjonali għal programm nazzjonali fil-qafas tar-reviżjoni f’nofs it-terminu mwettqa fl-2018, u speċifikament għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi.

Parti mill-fond hija ġestita ċentralment mill-Kummissjoni f’forma ta’ azzjonijiet tal-Unjoni li jinkludu assistenza sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza (assistenza ta’ emerġenza).

Il-fond huwa kkumplimentat mill-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżijiet (Fond tal-FSI-Pulizija), stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 513/2014.

Baġit

L-allokazzjoni inizjali totali għall-FSI-Fruntieri u Viża (2014-2020) kienet ta’ EUR 2.76 biljun (fi prezzijiet kurrenti).

Implimentazzjoni

’L hekk imsejjaħ “Regolament Orizzontali” (Regolament (UE) Nru 514/2014 — ara is-sommarju rilevanti) fih ir-regoli u l-proċeduri ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument.

Estensjoni tal-fond lill-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen

Ġew innegozjati ftehimiet bejn l-UE u l-erba’ pajjiżi assoċjati ta’ Schengen li jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Fond FSI-Fruntieri u Viża.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 143-167)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 515/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 93-111)

Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, pp. 112-142)

Il-Konfederazzjoni Żvizzera

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/929 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 165, 2.7.2018, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/404 tat- 13 ta’ Marzu 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 74, 16.3.2018, pp. 1-2)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplimentari b’rabta mal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 165, 2.7.2018, pp. 3-11)

L-Iżlanda

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/948 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 167, 4.7.2018, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/398 tat- 12 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 72, 15.3.2018, pp. 1-2)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar regoli supplimentari b’rabta mal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 72, 15.3.2018, pp. 3-11)

Ir-Renju tan-Norveġja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1249 tas-16 ta’ Ġunju 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 179, 12.7.2017, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/479 tat-8 ta’ Diċembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 75, 21.3.2017, pp. 1-2)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplimentari b’rabta mal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 75, 21.3.2017, pp. 3-11)

Informazzjoni marbuta mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar ir-regoli supplimentari b’rabta mal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 68, 12.3.2018, p. 1)

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/657 tat-3 ta’ April 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sal-2020 (ĠU L 94, 7.4.2017, pp. 1-2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/47 tat-8 ta’ Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 7, 12.1.2017, pp. 2-3)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar regoli supplimentari b’rabta mal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 7, 12.1.2017, pp. 4-13)

l-aħħar aġġornament 26.06.2019

Top